Malta
Repubblika ta' Malta |
||||||
---|---|---|---|---|---|---|
|
||||||
Innu nazzjonali: L-Innu Malti
|
||||||
Lokazzjoni ta' Malta (aħdar skur)
– fi ħdan l-Unjoni Ewropea (aħdar ċar) fil-kontinent Ewropew (griż skur) |
||||||
Belt kapitali | Valletta (de facto) 35°53′N 14°30′E / 35.883°N 14.5°E | |||||
L-ikbar belt | Birkirkara | |||||
Lingwi uffiċjali | Il-Malti, l-Ingliż | |||||
Gruppi etniċi | Maltin | |||||
Gvern | Repubblika parlamentari | |||||
- | President | George Vella | ||||
- | Prim Ministru | Robert Abela | ||||
Indipendenza | ||||||
- | mir-Renju Unit | 21 ta' Settembru, 1964 | ||||
- | Repubblika | 13 ta' Diċembru, 1974 | ||||
- | Ħelsien | 31 ta' Marzu, 1979 | ||||
Sħubija fl-UE | 1 ta' Mejju, 2004 | |||||
Erja | ||||||
- | Total | 316 km2 (200) 121 mil kwadru |
||||
- | Ilma (%) | 0.001 | ||||
Popolazzjoni | ||||||
- | stima tal-2019 | 514,564 (173) | ||||
- | ċensiment tal-2011 | 404,9621 | ||||
- | Densità | 1,633/km2 (4) 4,229.5/mili kwadri |
||||
PGD (PSX) | stima tal-2019 | |||||
- | Total | $11.260 biljun[1] (125) | ||||
- | Per capita | $27,022[1] (32) | ||||
PGD (nominali) | stima tal-2019 | |||||
- | Total | $16,476 biljun[1] (125) | ||||
- | Per capita | $32,021[1] (32) | ||||
IŻU (2019) | ▲0.895[2] (għoli ħafna) (28) | |||||
Valuta | Ewro (€)2Banek (EUR ) |
|||||
Żona tal-ħin | CET (UTC+1) | |||||
Kodiċi telefoniku | 356 | |||||
TLD tal-internet | .mt3 | |||||
1 Il-popolazzjoni totali tinkludi wkoll lir-residenti barranin. Il-popolazzjoni ta' residenti Maltin fl-2004 kien ta' madwar 389,764. Kull data uffiċjali ta' popolazzjoni hi pprovduta mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).[3] 2Qabel l-2008: Lira Maltija 3 Ukoll .eu, li hi maqsuma flimkien mal-istati membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea. |
Malta, magħrufa uffiċjalment bħala r-Repubblika ta' Malta, hija repubblika konstituzzjonali żviluppata fl-Unjoni Ewropea.[4][5][6] Il-pajjiż jikkonsisti minn arċipelagu ta' seba' gżejjer li jinsabu fil-Baħar Mediterran, fl-Ewropa t'Isfel, 93 km mill-kosta ta' Sqallija (l-Italja), 288 km fil-Lvant tat-Tuneżija u 300 km fit-Tramuntana tal-Libja. Dawn il-gżejjer igawdu minn klima Mediterranja.[7][8]
Matul l-istorja, il-pożizzjoni ta' Malta fil-Baħar Mediterran kellha importanza strateġika.[9] Minħabba dan il-fattur, numru ta' qawwiet fosthom il-Feniċi, ir-Rumani, l-Għarab, l-Isqallin, il-Kavallieri ta' San Ġwann u l-Ingliżi lkoll ħakmu lil Malta. Malta kisbet l-indipendenza mir-Renju Unit fl-1964 u għaxar snin wara, fl-1974, saret Repubblika però xorta baqgħet membru tal-Commonwealth tan-Nazzjonijiet. Attwalment hi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, wara s-sħubija fl-2004, u wkoll tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Malti huwa l-unika lingwa Semitika li hija lingwa formali tal-Unjoni Ewropea.
Malta hi magħrufa għas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO,[10] bl-aktar prominenti huma t-tempji megalitiċi li huma fost l-aktar siti qodma li għadhom weqfin fid-Dinja, kif ukoll il-Fortifikazzjonijiet tal-Ordni ta' San Ġwann u dawk Brittaniċi.[11][12][13] Skont il-ktieb mill-Bibbja tal-Atti tal-Appostli, San Pawl innawfraga fuq din il-gżira. Komunità storika Lhudija għadha tinsab f'Malta minn żmien l-Imperu Ruman.
Il-belt kapitali ta' Malta hi l-Belt Valletta. Il-lingwi uffiċjali tal-pajjiż huma l-Malti u l-Ingiż, fejn dan tal-aħħar ħa post it-Taljan fl-1935. Malta għandha konnessjoni qawwija mal-Kattoliċiżmu Ruman, li għadha r-reliġjon uffiċjali u l-aktar waħda prattikata f'Malta.
Etimoloġija[immodifika | immodifika s-sors]
Id-definizzjoni tal-kelma 'Etimoloġija' tista' tiġi deskritta bħala l-istudju tal-oriġini preċiża tal-kliem Semantiku (tifsir) preżenti f'lingwa.
L-oriġini tat-terminu "Malta" hu inċert u l-varjazzjoni moderna hi derivata mil-lingwa Maltija. L-aktar etimoloġija komuni hi li ġejja mill-kelma Griega μέλι (meli) ('għasel'). Il-Griegi kienu jsejħu lill-gżira Μελίτη (Melite) li tfisser "għasel" jew "għasel ħelu" possibilment minħabba l-produzzjoni unika ta' għasel f'Malta; speċi endemika ta' naħal tgħix f'din il-gżira, fejn minħabba f'hekk li ngħatat il-laqam ta' "l-art tal-għasel".[14] Mhux biss li l-influwenza Griega fuq il-gżira kienet sas-sena 600 QK,[15] imma aktar tard il-gżira waqgħet f'idejn l-Imperu Biżantin bejn is-sena 395 u s-sena 870,[15] imperu li kien iħaddan l-istess ilsien Grieg. Etimoloġija oħra hi l-kelma Feniċa Maleth, l-isem tal-Feniċi għal dawn il-gżejjer, li tfisser "marsa" bħala referenza għall-plajjiet u l-qaliet ta' Malta.[16]
Storja[immodifika | immodifika s-sors]
- Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Storja ta' Malta.
Għall-ħabta tas-sena 5200 Q.K., fuq il-gżira kienet tiddomina ċiviltà preistorika, li tiftaħar bl-eqdem strutturi kkostruwiti mill-bniedem Neolitiku. Il-Feniċi għamlu minn Malta kolonja qrib it-8 seklu Q.K. u kienu proprju huma li sejħu lill-gżira prinċipali Malat peress li Malat tfisser kenn sikur, mhux ta' b'xejn allura li Malta għandha ħafna portijiet tajbin.
Għall-ħabta tas-sena 400 Q.K. il-gżejjer spiċċaw taħt il-kmand tal-Kartaġiniżi, li jistgħu jitqiesu bħala l-eredi tal-Feniċi; mhuwiex veru li l-Kartaġiniżi ġew Malta għall-ħabta tas-seklu 6 Q.K., jekk mhux ftit qabel; u fil-fatt kienu tal-istess razza etnika tal-Feniċi jew inkella tal-Kananej, kif kienu magħrufa. Wara l-Gwerer Puniċi, il-gżejjer spiċċaw f'idejn l-Imperu Ruman li għamlu lil Malta u lil Għawdex muniċipalitajiet, bl-obbligu li joħorġu l-flus għalihom. F'dan iż-żmien skont l-Atti tal-Appostli, San Pawl ġie Malta u beda t-tagħlim tal-Kristjaneżmu fis-sena 60 W.K.
Meta l-Imperu Ruman inqasam fi tnejn, Malta spiċċat f'idejn il-Biżantini, l-hekk imsejħa Rumani tal-Lvant. Is-snin ta' wara l-waqgħa tal-Imperu Ruman tal-Punent kienet mqallba ħafna: teżisti ftit xiehda konkreta ta' x'ġara effettivament, għalkemm xi storiċi jemmnu li Malta setgħet spiċċat taħt il-Vandali, li wara tkeċċew mill-Ġeneral Biżantin Beliżarju. Dawn tal-aħħar ġew megħluba minn forza Għarbija fis-sena 870. Il-ġens Għarbi rnexxielu jinfluwenza l-lingwa tal-poplu Malti u għalhekk l-Għarbi jista' jitqies bħala l-pedament tal-Malti minkejja l-influwenzi Ewropej li ġew wara dan iż-żmien, ilsien il-poplu baqa' ta' nisel Semitiku. L-Għarab xerrdu t-twemmin Iżlamiku fost il-Maltin u daħħlu wkoll metodi ġodda fl-agrikoltura, però t-tagħlim Nisrani ta' San Pawl ma ntesiex.
Fl-1091, in-Normanni taħt il-Konti Ruġġieru, attribwew l-gżejjer Maltin taħt it-tmexxija tagħhom u għalhekk minkejja li bosta Għarab kienu għadhom fuq il-gżejjer, nistgħu ngħidu li kulma jmur Malta bdiet issir iktar Ewropea. Kien proprju f'dan iż-żmien li nbena l-ewwel Katidral fl-Imdina, għax dan kien waqa' b'terremot fl-1693 u għalhekk reġgħet twaqqfet ir-reliġjon Nisranija mill-ġdid.
F'dawn iż-żminijiet, Malta kienet tinbiegħ b'fewdu lil xi sinjuri mill-ħakkiema tal-gżejjer, sakemm fl-1474, wara ħafna intriċċi fil-familji rjali tal-Ewropa, il-gżejjer Maltin saru parti mill-Imperu Spanjol. F'dawn iż-żminijiet Malta kien ikollha ħafna attakki mill-furbani Musulmani, li mhux l-ewwel darba li attakkaw sabiex jipprovaw jerġgħu jieħdu l-kmand tal-pajjiż.
Fl-1530, il-Gżejjer ingħataw lill-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann mill-Imperatur Karlu V. Dawn il-Kavallieri ta' demm nobbli kienu qed ifittxu art ġdida wara li kienu tilfu t-Tieni Assedju ta' Rodi fl-1522. F'dan l-Assedju, però, tant kienu wrew kuraġġ li tħallew jitilqu mill-gżira b'kull unur militari mill-mexxej tal-Ottomani.
Meta l-Kavallieri waslu f'Malta, sabu art niexfa, b'poplu mifrux sew madwar il-gżejjer ċentrali u b'żewġ imkejjen biss li kellhom ħjiel ċkejken ta' difiża: l-Imdina, bis-swar tagħha u l-Birgu bil-Castrum Maris, illum il-Fortizza ta' Sant'Anġlu. Il-Kavallieri għażlu li joqogħdu l-Birgu, peress li din il-lokalità kienet fejn il-baħar u kellha port eċċezzjonali; żewġ assi importanti għall-Kavallieri li kienu ilhom imdorrijin għall-ħajja ta' kursara kattoliċi. Wara dan, l-Ordni bdiet issaħħaħ il-Birgu bi swar u kien ġie deċiz li kellhom jittellgħu swar fuq l-Isla, bil-Fortizza ta' San Mikiel, kif ukoll fortizza biex tiddefendi d-daħla tal-Port il-Kbir, il-Fortizza ta' Sant'Iermu.
Tkun illużjoni, iżda, jekk wieħed jaħseb li mad-daħla tal-Ordni Malta tbiddlet f'fortizza setgħana: l-attakki tal-furbani Musulmani żdiedu u fl-1551, taħt il-kmand ta' Dragut, attakkaw lil Għawdex u kaxkru l-Għawdxin kollha ħlief ix-xjuħ u l-morda. Wieħed irid jinnota iżda li l-għan ta' dan l-attakk kien li jidħlu fil-Birgu, għan li falla minħabba l-potenza tal-Ordni.
Din is-saħħa tpoġġiet taħt sforz kbir fl-Ewwel Assedju ta' Malta, msejjaħ l-Assedju l-Kbir, li beda fit-18 ta' Mejju tal-1565, fejn Malta spiċċat tiġġieled mas-saħħa kbira tal-Imperu Ottoman. Fit-8 ta' Settembru 1565, ġurnata li sal-lum għadha titfakkar b'festa nazzjonali, l-Ottomani, wara iktar minn tliet xhur ta' taqbid, indunaw li kienet waslet għajnuna minn Sqallija, li wasslithom għat-telfa tagħhom, f'Jum il-Vitorja.
Din ir-rebħa waħħdet l-Ordni ma' Malta u dawn baqgħu magħrufin bħala "il-Kavallieri ta' Malta". Wara din il-vittorja huma bnew iktar fortifikazzjonijiet speċjalment madwar il-Port il-Kbir, bnew ukoll il-belt kapitali Valletta u elevaw il-livell ta' għajxien tal-poplu inġenerali. Il-ħakma tagħhom waslet fit-tmiem tagħha meta Napuljun akkwista il-gżejjer fl-1798. Il-Maltin qamu għall-Franċiżi u bdew Imblokk, grazzi għall-għajnuna tar-Renju taż-Żewġ Sqallijiet u tal-Gran Brittanja. Il-Brittaniċi ħadu l-gżejjer bħala protettorat fl-1800 u ħatru lil Sir Alexander John Ball bħala gvernatur, bl-għan li l-gżejjer jerġgħu jaqgħu f'idejn l-Ordni wara l-Gwerer Napoleoniċi.
Dan it-tir ma tantx dam: fl-1814, bħala parti mit-Trattat ta' Pariġi, Malta ufficjalment saret parti mill-Imperu Brittaniku u bdiet tigi uzata bħala stazzjon, bażi navali kif ukoll bħala s-sede uffiċċjali tal-Flotta Navali Mediterranja Ingliża, sakemm din ittieħdet f'Lixandra fl-Eġittu minħabba l-fatt li Malta kienet qrib wisq l-Italja belliġerenti.
Malta kellha rwol importanti ħafna fit-Tieni Gwerra Dinjija, minħabba li kienet f'nofs ir-rotot navali tal-Forzi tal-Assi, u mhux eżaġerazzjoni li wieħed jgħid li Malta sofriet it-Tieni Assedju tagħha meta giet iddefinita bħala waħda mill-iktar postijiet ibbumbardjati fid-dinja, fil-'Blitz' tal-forzi tal-ajru Ġermaniżi u, sa ċertu punt, Taljani.
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, Malta ngħatat l-Indipendenza tagħha fil-21 ta' Settembru 1964. Malta baqgħet membru tal-Commonwealth u saret Repubblika fl-1974. F'referendum f'April 2003, il-votanti wrew ir-rieda tagħhom li Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea, biex b'hekk Malta saret membru sħiħ fl-1 ta' Mejju 2004.
Politika[immodifika | immodifika s-sors]
- Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Politika ta' Malta.
Malta hija repubblika parlamentari b’kap tal-gvern - il-Prim Ministru - u kap tal-istat - il-Prim Ministru - li jaħtar lill-President - li r-rwol tiegħu huwa l-aktar ċerimonjali. Il-pajjiż huwa maqsum f’ħames reġjuni. Kull wieħed għandu l-kumitat reġjonali tiegħu, li jservi bħala intermedjarju bejn il-gvern lokali u nazzjonali.[17]
Malta hi Repubblika,[18] li s-sistema parlamentari u l-amministrazzjoni pubblika hi mmudellata fuq is-sistema Westminster. Mill-1960 sal-1995, skont l-istatistika li nġabret fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, Malta kellha t-tieni l-ogħla rata fid-dinja ta' nies li kienu eleġibbli li jivvutaw u li ħarġu jivvutaw (u l-ogħla waħda minn nazzjonijiet mingħajr votazzjoni obbligatorja).[19] Il-Kamra tad-Deputati tiġi eletta kull ħames snin u hi magħmula minn ħamsa u sittin membru parlamentari. Madanakollu, meta partit jikseb il-maġġoranza tal-voti imma mhux tas-siġġijiet, il-partit jingħata aktar siġġijiet biex jiġi assigurat maġġoranza parlamentari. Il-Kostituzzjoni ta' Malta tgħid li l-President għandu jaħtar bħala Prim Ministru dak il-membru tal-Kamra li hu l-aktar kapaċi li jmexxi l-maġġoranza fil-Kabinett. L-istess President normalment jaħtar, fuq rakkomandazzjoni tal-Prim Ministru, il-ministri li għandhom imexxu kull dipartiment tal-gvern.[20] Kandidati għal xi postijiet vakanti jiġu determinati bil-maġġoranza tal-voti li jkunu ġabu fl-elezzjoni preċedenti.
Il-President tar-Repubblika jiġi elett kull ħames snin mill-Kamra tad-Deputati. Il-President bħala l-kap tal-istat huwa meqjus bħala l-figura simbolika tar-Repubblika ta' Malta. Il-partiti politiċi prinċipali huma l-Partit Nazzjonalista, li hu partit Demokratiku Kristjan, u l-Partit Laburista, li hu partit Soċjal-Demokratiku. Il-Partit Laburista jinsab attwalment fil-gvern, bil-Prim Ministru Robert Abela. Il-Partit Nazzjonalista jinsab fl-oppożizzjoni. Apparti dawn iż-żewġ partiti, wieħed jista' jsib il-partiti msejħa żgħar. Minħabba n-nuqqas ta' appoġġ li dawn għandhom mill-pubbliku, attwalment dawn il-partiti m'għandhomx rappreżentazzjoni parlamentari ħlief il-Partit Demokratiku li tela' fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista, u għandu żewġ siġġijiet.
Sat-Tieni Gwerra Dinjija, il-politika Maltija kienet iddominata bil-Kwistjoni tal-Lingwa li kienet immexxiha mill-partiti pro-Taljani u pro-Brittaniċi,[21] li aktar tard iffurmaw fil-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista rispettivament. Il-politika wara l-gwerra dawret ħarsitha fuq kwistjonijiet kostituzzjonali rigward ir-relazzjonijiet mar-Renju Unit (l-ewwel bl-Integrazzjoni u wara l-Indipendenza), u eventwalment, ir-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea.
Diviżjonijiet amministrattivi[immodifika | immodifika s-sors]
- Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Kunsilli lokali ta' Malta.
Mill-1993 Malta ġiet maqsuma fi 68 kunsill lokali, b'kull kunsill responsabbli għall-amministrazzjoni tal-belt jew raħal tiegħu. Ir-responsabbiltà amministrattiva hi distribwita bejn il-kunsilli lokali u l-gvern ċentrali. M'hemm l-ebda livell intermedjarju bejn il-gvern lokali u dak nazzjonali, u l-livelli tas-sitt distretti (ħamsa fuq il-gżira ta' Malta) u tat-tliet reġjuni (tnejn fuq il-gżira ta' Malta) iservu primarjament għall-bażi ta' statistika. L-Att tal-Kunsilli Lokali, 1993 (Att XV tal-1993) ġie ppublikat fit-30 ta' Ġunju, 1993, fejn qasam lill-gżejjer Maltin f'54 kunsill lokali f'Malta u 14 f'Għawdex. L-abitanti li huma eleġibbli għall-votazzjoni jeleġġu l-Kunsill kull tliet snin. Is-sindku hu l-kap tal-Kunsill Lokali u r-rappreżentant tal-Kunsill b'kull effett taħt l-Att. Is-Segretarju Eżekuttiv, li jiġi appuntat mill-Kunsill, hu l-kap eżekuttiv, amministrattiv u finanzjarju tal-Kunsill. Il-kunsilliera l-oħra eletti mill-elezzjoni tal-kunsill jieħdu d-deċiżjonijiet flimkien mas-sindku. Il-kunsilli lokali huma responsabbli għall-ħarsien u tisbiħ tal-lokalità, allokazzjoni tal-gwardjani lokali u ġbir ta' skart; huma wkoll jesegwixxu doveri amministrattivi għall-gvern ċentrali bħal ġbir ta' fondi u kirjiet tal-gvern u jirrispondu għall-ilmenti tal-pubbliku.
Ġeografija[immodifika | immodifika s-sors]
- Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Ġeografija ta' Malta.
Il-gżejjer Maltin huma arċipelagu li jinsabu f'nofs il-Baħar Mediterran (fil-baċir tal-Lvant), madwar 93 km fin-Nofsinhar tal-gżira Taljana ta' Sqallija. It-tliet l-ikbar gżejjer, Malta, Għawdex u Kemmuna, huma l-uniċi li huma abitati. Il-gżejjer iż-żgħar, bħal Filfla, Kemmunett u l-Gżejjer ta' San Pawl huma inabitati. Numru ta' bajjiet iżewqu l-kosti tal-gżejjer li jipprovdu wkoll portijiet tajbin. Il-gżejjer tal-arċipelagu ġew iffurmati mill-ogħla uċuħ tal-pont li kien hemm bejn Sqallija u t-Tramuntana tal-Afrika u dawn saru iżolati meta l-livell tal-ilma tela' wara l-aħħar Era tas-Silġ.[22] L-arċipelagu jinsab f'tarf il-plakka tettonika Afrikana, bil-konfini tiegħu jmissu mal-plakka Ewroasjatika.[23]
Il-pajsaġġ tal-lum il-ġurnata huwa kkaraterizzat minn għoljiet baxxi b'għelieqi mtarrġin. L-ogħla punt hu Ta' Dmejrek fil-gżira amministerjali ta' Malta, li jinsab 253 metru 'l fuq, qrib Ħad-Dingli. Minkejja li meta jkun hemm preċipitazzjoni għolja jinħolqu xi xmajjar żgħar, f'Malta m'hemm l-ebda xmara jew lag permanenti. Madanakollu, xi passaġġi tal-ilma jinstabu madwar il-gżira li jkollhom ilma ħelu kull sena. Postijiet bħal dawn huma l-Baħrija, l-Imtaħleb u San Martin, waqt li f'Għawdex nistgħu nsibu l-Wied tal-Lunzjata.
In-Nofsinhar ta' Malta mhuwiex il-punt l-iktar estrem fin-Nofsinhar tal-Ewropa, li fil-fatt hi l-gżira Griega ta' Gavdos li għandha din id-distinzjoni. Fitoġeografikament, Malta tappartjeni għall-provinċja Ligura-Tirrenika tar-Reġjun Meditteranju fir-Renju Boreali.
Fil-21 ta' Diċembru 2007, Malta implimentat it-Trattat ta' Schengen.[24] Il-kontrolli fil-fruntieri baqgħu jsiru fl-ajruporti sa Marzu tal-2008.
Gżejjer[immodifika | immodifika s-sors]
Il-gżejjer prinċipali, abitati min-nies tal-pajjiż huma Malta, Kemmuna u Għawdex. Gżejjer oħra li jiffurmaw parti mill-arċipelagu jinkludu lil Kemmunett (inabitata), Filfla (riżerva naturali inabitata), il-Ġebla tal-Ġeneral (inabitata), il-Gżira Manwel (li hi magħquda mar-raħal tal-Gżira permezz ta' pont), u l-Gżejjer ta' San Pawl (inabitati). Iċ-ċentru tal-gvern, il-kummerċ u ċ-ċentru primarju għall-kultura hi l-belt kapitali ta' Valletta li tinsab fuq il-kosta tal-Lvant ta' Malta.
Il-gżejjer Maltin huma dawn is-segwenti:
|
|
Klima[immodifika | immodifika s-sors]
Il-klima hi waħda Mediterranja, bi xtiewi moderati u umdużi, u sjuf sħan u xotti. M'hemm l-ebda staġun sħun fejn il-pjanti jorqdu, minkejja li l-iżvilupp tal-pjanti jista' jiġi osservat xi ftit f'xitwa b'kesħa li ma tkunx normali, u s-sħana u l-aridità tas-sajf jistgħu jwasslu biex il-veġetazzjoni tkun dgħajfa. Huma żewġ staġuni partikolari li fihom it-turisti jiġu attratti lejn dawn il-gżejjer, speċjalment matul ix-xhur umdi. Madankollu, irjieħ qawwija jistgħu jdawwru ż-żmien tar-rebbiegħa għal wieħed kiesaħ.
Il-provista tal-ilma toffri sfida għal Malta, peress li fiż-żmien sħun tas-sajf il-preċipitazzjoni tkun waħda minima waqt li dan ikun ukoll iż-żmien fejn l-ilma jkun l-aktar użat. Din il-problema tinħass ukoll matul ix-xitwa minħabba x-xita qawwija li tagħmel, li ħafna drabi tkompli nieżla fil-baħar minflok tippenetra fl-art. Malta tiddependi fuq ir-riżervi ta' taħt l-art tal-ilma ħelu, li jinġieb minn sistema ta' mini tal-ilma msejħin bħala l-galleriji Ta' Kandja, b'fond ta' madwar 97 metru. Aktar minn nofs l-ilma tax-xorb ta' Malta huwa prodott permezz tad-desalinazzjoni, li twassal għal aktar użu ta' kombustibbli fossili u tniġġis.[25]
L-inqas temperatura qatt irreġistrata kienet fid-19 ta' Frar 1895, fil-Belt Valletta, meta t-temperatura niżlet għal 1.2 °C, waqt li l-ogħla waħda laħqet it-43.8 °C f'Awwissu tal-1999 fl-Ajruport Internazzjonali ta' Ħal Luqa.[26] L-inqas temperatura mhux uffiċjali hi dik ta' 1.7 °C taħt iż-żero, li seħħet fl-1 ta' Frar 1962, fil-kamp tal-avjazzjoni ta' Ta' Qali b'evidenza ta' silġ mal-art.
Kienu ftit l-okkażżjonijiet fejn ġiet reġistrata xi preċipitazzjoni ta' borra, u dawn kienu fi Frar 1895, f'Jannar 1905 u fil-31 ta' Jannar 1962. Fl-aħħar ġurnata tal-1962 xi silġ għatta xi partijiet tal-gżira, u l-lejl segwenti ġiet reġistrata l-unika ġlata fl-istorja ta' Malta li seħħet f'Ta' Qali. Il-bidla fil-klima wasslet biex id-differenza li hemm bejn l-ogħla u l-inqas temperaturi tiżdied, u dan ħafna drabi jwassal għal staġuni b'temp instabbli. Dawn l-aħħar snin kienu reġistrati wkoll każi aktar frekwenti ta' borra u silġ li laqqtu lill-gżejjer.[27]
![]() ![]() | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | |
Medja tal-ogħla temperatura °C (°F) | 15 (59) |
15 (59) |
16 (61) |
18 (64) |
22 (72) |
26 (79) |
30 (86) |
30 (86) |
27 (81) |
23 (73) |
19 (66) |
16 (61) | |
Temperatura medja ta' kuljum °C (°F) | 12 (54) |
12 (54) |
13 (55) |
15 (59) |
18 (64) |
22 (72) |
26 (79) |
26 (79) |
24 (75) |
21 (70) |
16 (61) |
13 (55) | |
Medja tal-inqas temperatura °C (°F) | 9 (48) |
9 (48) |
10 (50) |
12 (54) |
15 (59) |
18 (64) |
21 (70) |
22 (72) |
20 (68) |
17 (63) |
13 (55) |
11 (52) | |
Preċipitazzjoni ċm (pulzier) | 8 (3.1) |
5 (2) |
4 (1.6) |
2 (0.8) |
1 (0.4) |
0 (0) |
0 (0) |
0 (0) |
3 (1.2) |
7 (2.8) |
9 (3.5) |
10 (3.9) | |
Sors #1: {{{sors1}}} |
Ekonomija[immodifika | immodifika s-sors]
- Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Ekonomija ta' Malta.
L-uniku riżors naturali ta' Malta hija l-ġebla; però f'Malta teżisti popolazzjoni produttiva ħafna li rnexxielha tgħolli l-istandard tal-għajxien tal-Maltin grazzi għal ħafna sforzi li jixhdu kemm il-Maltin huma kapaċi. Malta tipproduċi biss 20 % tal-ikel li għandha bżonn, waqt li r-riżorsi tal-ilma naturali huma ferm limitati. Għalhekk dawn huma mejgħuna minn sorsi ta' ilma magħmulin mill-bniedem, fejn l-ilma tal-baħar jiġi desalinizzat biex jiġi tajjeb għax-xorb. F'Malta m' hemm l-ebda sors ta' enerġija domestika.
L-ekonomija tiddependi ħafna fuq il-kummerċ u l-investiment barrani bl-użu tal-gżejjer bħala port, il-manifattura (speċjalment elettronika u tessuti) u fuq kollox it-turiżmu.
Riċentement, ġew privatizzati xi korporazzjonijiet li kienu kkontrollati mill-istat, u ġew ukoll illiberalizzati s-swieq, bit-tneħħija ta' ħafna taxxi li kienu jipproteġġu l-manifattura Maltija. Dan seħħ biex Malta tkun ippreparata għal sħubija sħiħa mal-Unjoni Ewropea, li seħħet fl-1 ta' Mejju 2004.
L-aktar setturi importanti tal-ekonomija ta’ Malta fl-2018 kienu l-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, it-trasport, l-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel (21.0 %), l-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta’ xogħol soċjali (16.8 %) u l-arti, id-divertiment u r-rikreazzjoni; attivitajiet ta' servizzi oħrajn; attivitajiet domestiċi u ta’ organizzazzjonijiet u korpi extraterritorjali (15.0 %).[17]
Il-kummerċ fl-UE jammonta għal 57 % tal-esportazzjonijiet ta’ Malta (il-Ġermanja 16 %, l-Italja 12 % u Franza 11 %), filwaqt li barra mill-UE 6% jmorru kemm f’Singapore kif ukoll fil-Ġappun.[17]
F’termini ta’ importazzjonijiet, 72 % jiġu minn Stati Membri tal-UE (l-Italja 25 % u l-Ġermanja 8%), filwaqt li barra mill-UE 4 % jiġu miċ-Ċina u 3 % mill-Indja.[17]
Storja tal-ekonomija[immodifika | immodifika s-sors]
Qabel l-1800, Malta kellha vera ftit industriji, apparti dik tal-qoton, it-tabakk, u tat-tarzna. It-tarzna kienet iżjed tard użata mill-Brittaniċi għal skopijiet militari. Fi żmien tal-gwerer, l-ekonomija ta' Malta marret tajjeb, minħabba il-pożizzjoni strateġika ta' dawn il-gżejjer.
Waqt il-Gwerer Napoleoniċi (1800-1815), l-ekonomija ta' Malta marret tajjeb, u saret iċ-ċentru ta' bejgħ u xiri. Fl-1808 żewġ terzi tat-tagħbija konsenjata minn Malta marret lejn il-Lvant u l-Eġittu. Iktar tard, nofs it-tagħbija kienet ġeneralment destinata lejn Trieste. It-tagħbija kienet tikkonsisti minn prodotti manufatturati r-Renju Unit jew fil-Kolonji. L-Ekonomija ta' Malta gawdiet minn dan in-negozju u ħafna nies tas-sengħa bħan-nissieġa sabu xogħol fil-portijiet.
Fl-1820, waqt il-Battalja ta' Navarino, li kienet fil-Greċja, l-armata Brittanika kien ibbażata f'Malta. Fl-1839, il-kumpaniji ġganteski Pacific and Orient (P & O) u l-East India Company kienu jużaw il-port Malti waqt il-vjaġġi lejn l-Eġittu u l-Lvant.
Fl-1869, Malta gawdiet mill-ftuħ tal-Kanal tas-Suez u kien hemm żieda massiva fil-vapuri li kienu jidħlu Malta. L-ekonomija Maltija kienet daħlet f'fażi speċjali. Il-Mediterran ġie deskritt bħala "Highway" tan-negozju tad-dinja, u numru ta' vapuri kienu jidħlu Malta għal faħam u munizjon ieħor qabel ikomplu bil-vjaġġi tagħhom lejn l-Oċean Indjan u l-Orjent.
Bejn l-1871 u l-1881, 8,000 ħaddiem sabu xogħol fit-tarzni u numru ta' banek fetħu f'Malta. Sal-1882, Malta kienet laħqet il-quċċata, f'dak li jirrigwarda il-qasam ekonomiku.
Però l-ekonomija Maltija ma tantx damet fil-quċċata. Ftit qabel it-tmiem tas-seklu 19, l-ekonomija bdiet tmur għall-agħar u fl-erbgħinijiet kienet fi kriżi serja. Din kienet primarjament minħabba l-invenzjoni tal-vapuri kbar li kienu jaħdmu biż-żejt, allura ma kellhomx għalfejn jidhlu fil-Port il-Kbir biex jerġgħu jimlew il-fjuwil. Il-gvern Brittaniku kellu jestendi t-tarzna.
Minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, l-importanza tal-pożizzjoni strateġika ta' Malta kienet laħqet livell verament baxx. It-teknoloġija tal-ajruplani tal-gwerra, u l-invenzjoni tal-bomba atomika, biddlu l-importanza ta' din il-bażi militari. Il-Brittaniċi tilfu l-kontroll tal-Kanal tas-Suez, u ma baqgħux fit-tarzna navali. Minflok saret tarzna kummerciali għall-bini u t-tiswija tal-vapuri.
Demografija[immodifika | immodifika s-sors]
- Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Demografija ta' Malta.
B'madwar 1,250 abitant għal kull kilometru kwadru, Malta tista' titqies bħala wieħed mill-iktar pajjiżi b'densità tal-popolazzjoni fid-dinja. Parti kbira mill-popolazzjoni hija ta' dixxendenza Taljana, (partikolarment Sqallija), Franċiża, Spanjola u Brittanika.
Il-Kattoliċiżmu Ruman huwa ddikjarat it-twemmin uffiċjali tal-Gżejjer Maltin. Huwa stmat li madwar 90 % tal-popolazzjoni huma Kattoliċi għalkemm madwar 60 % biss huma prattikanti. Malta għandha żewġ lingwi uffiċjali: il-Malti u l-Ingliż, għalkemm it-Taljan huwa wkoll mifhum sewwa u hu mitkellem minn ħafna, l-aktar minħabba l-influwenza tal-media Taljana u r-rabtiet storiċi bejn iż-żewġ pajjiżi fil-passat.
Malta fl-UE[immodifika | immodifika s-sors]
Hemm sitt membri fil-Parlament Ewropew minn Malta. [17]
Fil-Kunsill tal-UE, il-ministri nazzjonali jiltaqgħu b'mod regolari biex jadottaw il-liġijiet tal-UE u jikkoordinaw il-politiki. Il-laqgħat tal-Kunsill jattendu għalihom regolarment rappreżentanti mill-gvern ta' Malta, skont il-qasam ta' politika li jkun qed jiġi indirizzat.[17]
Il-Kunsill tal-UE m’għandux persuna waħda permanenti bħala President (bħal per eżempju l-Kummissjoni jew il-Parlament). Minflok, ix-xogħol jitmexxa mill-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, li jinbidel kull sitt xhur.[17]
Matul dawn is-sitt xhur, il-ministri mill-gvern ta’ dak il-pajjiż jippresiedu u jgħinu jiddeterminaw l-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill f’kull qasam ta’ politika, u jiffaċilitaw id-djalogu ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE. Dati tal-Presidenza Maltija: Jan-Ġun 2017[17]
Il-Kummissarju nominat minn Malta għall-Kummissjoni Ewropea hi Helena Dalli, li hi responsabbli għall-Ugwaljanza.[17]
Il-Kummissjoni hija rrappreżentata f’kull pajjiż tal-UE minn uffiċċju lokali, imsejjaħ “rappreżentanza”.[17]
Malta għandha ħames rappreżentanti fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan il-korp konsultattiv – li jirrappreżenta lil dawk li jħaddmu, il-ħaddiema u gruppi oħra ta’ interess – huwa kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex ikun hemm idea aħjar tal-bidliet possibbli tas-sitwazzjonijiet soċjali u tax-xogħol fil-pajjiżi membri.[17]
Malta għandha rappreżentant wieħed fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali. Dan il-korp konsultattiv jiġi kkonsultat dwar il-liġijiet proposti, biex jiżgura li dawn il-liġijiet iqisu l-perspettiva minn kull reġjun tal-UE.[17]
Malta tikkomunika wkoll mal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tar-rappreżentanza permanenti tagħha fi Brussell. Bħala l-“ambaxxata għall-UE” ta' Malta, il-kompitu ewlieni tagħha hu li tiżgura li l-interessi u l-politiki tal-pajjiż huma segwiti b’mod effettiv kemm jista’ jkun fl-UE.[17]
L-ammont li jħallas kull pajjiż tal-UE fil-baġit tal-UE huwa kkalkulat b’mod ġust, skont il-mezzi. Aktar ma tkun kbira l-ekonomija tal-pajjiż, aktar iħallas – u viċi versa. L-għan tal-baġit tal-UE mhuwiex li jipprova jqassam mill-ġdid il-ġid, iżda pjuttost jiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-Ewropej b’mod ġenerali. [17]
Ċifri tal-2018 għal Malta: [17]
- Nefqa totali tal-UE f’Malta – € 0.156 biljun (ekwivalenti għal 1.38 % tal-ekonomija ta’ Malta)
- Kontribuzzjoni totali għall-baġit tal-UE – € 0.102 biljun (ekwivalenti għal 0.91 % tal-ekonomija ta’ Malta)
Il-flus imħallsa fil-baġit tal-UE minn Malta jgħinu biex jiġu ffinanzjati programmi u proġetti fil-pajjiżi kollha tal-UE – bħall-bini ta’ toroq, is-sussidjar ta’ riċerkaturi u l-ħarsien tal-ambjent.[17]
Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]
- ^ a b c d "Malta". International Monetary Fund (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-03-24. Miġbur 2013-04-17.
- ^ Human Development Report 2013 - The Rise of the South: Human Progress in a Diverse World (PDF) (Rapport) (bl-Ingliż). United Nations Development Programme. 2013. ISBN 978-92-1-126340-4. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2013-03-19.
- ^ National Statistics Office (2006). Census of Population and Housing 2005: Preliminary Report (Rapport) (bl-Ingliż). ISBN 978-99909-73-38-9. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-03-11.
- ^ "European Microstates". TravelTips24.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-03-23.
- ^ Sultana, Ronald G. (1998). "Career guidance in Malta: A Mediterranean microstate in transition". International Journal for the Advancement of Counselling (bl-Ingliż). 20: 3–15. doi:10.1023/A:1005386004103.
- ^ "The Microstate Environmental World Cup: Malta vs. San Marino". EnvironmentalGraffiti.com (bl-Ingliż). 2007-12-15.
- ^ "Malta: Geography" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-30.
- ^ "Il-Gżejjer Maltin". gov.mt (bil-Malti).
- ^ "A History of Malta - Introduction". A History of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2008-02-06.
- ^ "Megalithic Temples of Malta". UNESCO (bl-Ingliż). Miġbur 2009-09-28.
- ^ "The Prehistoric Archaeology of the Temples of Malta". BradshawFoundation.com (bl-Ingliż). Miġbur 2009-04-28.
- ^ "OTSF in Malta". The OTS Foundation for Neolithic Studies (bl-Ingliż). Miġbur 2009-04-28.
- ^ Cilia, Daniel, ed. (2004). Malta Before History: The World's Oldest Free-Standing Stone Architecture (bl-Ingliż). Miranda Publishers. ISBN 9789990985085.
- ^ Manduca, Julian (2003-06-29). "Controversy over unique Maltese bee population" (bl-Ingliż). Malta Today. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2003-08-23.
- ^ a b "Notable Dates in Malta's History". Department of Information - Malta (bl-Ingliż). 2004-03-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2004-03-08. Miġbur 2008-02-06.
- ^ Pickles, Tim (1998). Malta 1565: Last Battle of the Crusades (bl-Ingliż). Osprey Publishing. ISBN 978-1855326033.
- ^ a b c d e f g h i j k l m n o p "Malta". europa.eu (bil-Malti).
- ^ "Kostituzzjoni ta' Malta". Leġiżlazzjoni Malta (bil-Malti). Miġbur 2021-03-30.
- ^ Franklin, Mark N. (2001). "Electoral Participation". F' Niemi, Richard; Weisberg, Herbert (ed.). Controversies in Voting Behavior (bl-Ingliż) (4ba ed.). CQ Press. ISBN 978-1568023342.
- ^ Segratarjat tal-Prim Ministru, Uffiċċju tal-Prim Ministru
- ^ L-Indipendenza, Maltavoyager.com
- ^ Mannion, A. M.; Vogiatzakis, I. N. (2007). "Island Landscape Dynamics: Examples from the Mediterranean" (PDF). Geographical Paper (bl-Ingliż) (183).
- ^ Geodynamic Map of the Mediterranean (Mappa) (1el ed.). 1:13,000,000. Commission for the Geological Map of the World. Arkivjat minn l-oriġinal (JPG) fl-2010-02-14. Miġbur 2009-04-29.
- ^ "L-Ewropa u int fl-2007, Estiż l-ivvjaġġar mingħajr passaport". Kummissjoni Ewropea (bil-Malti). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-03-23. Miġbur 2009-04-29.
- ^ McGrath, Matt (2007-04-04). "Briney future for vulnerable Malta" (bl-Ingliż). BBC News.
- ^ "Highest Maximum Temperature (Celsius)". MaltaWeather.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-03-30.
- ^ Fenech, Ingrid (2009-01-01). "It-Temp fl-2008" (bil-Malti). MaltaRightNow.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-01-09. Miġbur 2009-04-03.
Ara wkoll[immodifika | immodifika s-sors]
- Irħula ta' Malta
- Parroċċi ta' Malta
- Lista tal-għasafar ta' Malta
- Flora ta' Malta
- Fortifikazzjonijet ta' Żmien l-Ingliżi f'Malta
- Fortifikazzjonijiet ta' Żmien il-Kavallieri f'Malta
- Muniti tal-ewro ta' Malta
- Nies prominenti Maltin
- Kolonja ta' Malta
- Stat ta' Malta
ĦoGvern[immodifika | immodifika s-sors]
- Sit uffiċjali tal-gvern Malti
- Kap tal-Istat u l-Membri tal-Kabinett
- Sit uffiċjali tal-Forzi Armati ta' Malta
- L-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar
- Liġijiet ta' Malta – Taqsira ta' liġijiet prinċipali u glossarju ta' xi termini
- Aħbarijiet
- Vjaġġar
- Sit uffiċjali tal-Awtorità tat-Turiżmu
- Gwida għall-ivjaġġar għal Malta fuq Wikivjaġġar
- (en) Malta Travel Guide patronized by Malta Tourism Authority
- Oħrajn