Storja ta' Malta
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Malta ilha abitata minn madwar 5200 QK u din iċ-ċiviltà preistorika baqgħet teżisti fil-gżejjer. Fiż-żminijiet bikrin, f'Malta kienu jgħixu diversi komunitajiet. Dan iż-żmien hu msejjaħ preistoriku minħabba li ma kien nkiteb xejn fih u għalhekk m'għandna l-ebda prova miktuba ta' dan il-perjodu. Hawnhekk naraw kif fl-iżvilupp tal-lingwa, it-taħdit jiġi qabel il-kitba, kif jiġi fil-ħajja ta' kull bniedem.
Meta ġew il-Feniċi semmew lill-gżira prinċipali Malat, li jfisser irmiġġ sikur. L-alfabett tal-Feniċi xtered malajr u n-nies bdew jitkellmu bil-Feniċju u iktar tard bil-Puniku. Il-Gżejjer Maltin wara waqgħu taħt il-kontroll tal-Kartaġiniżi fl-400 QK u wara l-Gżejjer saru parti mill-Imperu Ruman, 218 QK.
Meta l-Imperu Ruman inqasam fi tnejn, Malta waqgħet f'idejn il-Biżantini, l-hekk imsejħa Rumani tal-Lvant. Ir-Rumani kienu jużaw il-Latin u l-Grieg biex jikkomunikaw filwaqt li n-nies Maltin kienu jużaw il-Puniku u għalhekk il-Maltin kienu msejħa 'barbari', jigifieri nies li ma jitkellmux bil-Grieg.
Dawn tal-aħħar ġew megħluba minn forza ta' Għarab fis-sena 870. L-Għarab influwenżaw il-lingwa tal-pajjiż, il-Malti, u dan l-element semitiku għadu ħaj sal-ġurnata tal-lum fl-ilsien tal-poplu. L-Għarab xerrdu it-twemmin Islamiku fost il-Maltin u daħħlu wkoll metodi ġodda fl-agrikoltura. L-Għarab għexu u tħalltu mal-Maltin għal mitejn sena, mill-1049 sal-1249. F'dan iż-żmien kien hawn Maltin li żżewġu lill-Għarab u anke qelbu r-reliġjon.
Fl-1091, in-Normanni ħadu l-Gżejjer Maltin taħt it-tmexxija tagħhom, u anki jekk l-influwenza Għarbija baqgħet f'Malta sa ma dawn tkeċċew għal kollox, nistgħu ngħidu li Malta bdiet issir iktar u iktar Ewropea u reġgħet twaqqfet mill-ġdid ir-reliġjon Kattolika fil-Gżejjer. Dawn kienu jitkellmu bil-Latin jew bl-Isqalli. Kien f'dan iż-żmien li l-Malti beda jinqata' mill-Għarbi Klassiku u jitħallat mal-Isqalli. F'dawn iż-żminijiet, nistgħu ngħidu li hawnhekk twieled l-ilsien Malti, jew il-Malti Bikri. Wara xi żminijiet il-Maltin saru parti mill-Imperu Spanjol.
Fl-1530, il-Gżejjer ingħataw lill-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann. L-Ordni kien jitkellmu bit-Taljan. Dawn in-nies tħalltu mal-Maltin fil-postijiet tax-xogħol u anke biż-żwiġijiet. B'hekk l-ilsien Malti għadda minn fażi oħra għax beda jitħallat mat-Taljan. Mela l-element Rumanz wassal għall-formazzjoni tal-Malti Nofsani.
Qabel mal-Kavallieri aċċettaw, dawn waqqfu kummissjoni biex jaraw l-istat tal-pajjiż. Sabu art niexfa, b'poplu mferrex madwar il-gżejjer kollha u b'żewġ imkejjen biss li kellhom ħjiel ċkejken ta' difiża: l-Imdina, bis-swar tagħha, u l-Birgu bil-Castrum Maris illum il-Fortizza ta' Sant'Anġlu. Il-Kavallieri għażlu jaċċettaw il-proposta tal-Imperatur Karlu V, u ddeċidew li joqogħdu fil-Birgu, peress li din il-lokalità kienet mal-baħar u kellha wkoll port eċċezzjonali; żewġ assi importanti għall-Kavallieri li kienu ilhom imdorrijin għal ħajja ta' kursara Kattoliċi. Wara dan, l-Ordni beda jsaħħaħ il-Birgu bi swar, u ġie deċiz li jittellgħu swar fuq l-Isla, bil-Fortizza ta' San Mikiel, kif ukoll fortizza biex tiddefendi d-daħla tal-Port il-Kbir, il-Fortizza ta' Sant'Iermu.
Tkun illużjoni, imma, jekk wieħed jaħseb li mad-daħla tal-Ordni Malta tbiddlet f'fortizza felħana: l-attakki tal-furbani misilmin żdiedu, u sa waslu biex fl-1551, taħt il-kmand ta' Dragut, ħabtu għal Għawdex u kaxkru l-Għawdxin kollha ħlief ix-xjuħ u l-morda. Wieħed irid jinnota iżda li l-għan ta' dan l-attakk kien li jidħlu fil-Birgu, għad li falla minħabba s-saħħa li bdiet tiżdiet tal-Ordni.
Din is-saħħa tpoġġiet taħt sforz kbir fl-Ewwel Assedju ta' Malta, msejjaħ L-Assedju L-Kbir, li beda fit-18 ta' Mejju tal-1565, fejn Malta spiċċat tiġġieled mal-forza kbira tal-Imperu Ottoman. Fit-8 ta' Settembru 1565, ġurnata li sal-lum għadha titfakkar b'festa nazzjonali, l-Ottomani, wara iktar minn tliet xhur ta' taqbid, indunaw li kienet waslet għajnuna minn Sqallija, l-hekk imsejjaħ Gran Soccorso, li waslithom għat-telfa tagħhom, fil-jum li baqa' mfakkar mal-Maltin bħala Jum il-Vitorja
Din ir-rebħa waħħdet l-Ordni ma' Malta, u dawn baqgħu sal-lum jissejħu "Kavallieri ta' Malta". Wara din ir-rebħa bnew iktar fortifikazzjonijiet speċjalment madwar il-Port il-Kbir, bnew kapitali ġdida, il-Belt Valletta u għollew l-istandard tal-għajxien tal-poplu inġenerali. Il-ħakma tagħhom waslet fit-tmiem tagħha meta Napuljun rebaħ il-Gżejjer fl-1798. Il-Maltin qamu għall-Franċiżi u bdew l-Imblokk, grazzi għal għajnuna tar-Renju taż-Żewġ Sqallijiet u tal-Gran Brittanja. L-Ingliżi ħadu l-Gżejjer bħala protettorat fl-1800 u ħatru lil Sir Alexander John Ball bħala gvernatur, bl-għan li l-gżejjer jerġgħu jaqgħu f'idejn l-Ordni wara l-Gwerer Napoleoniċi.
Dan it-tir ma tantx dam: fl-1814, bħala parti mit-Trattat ta' Pariġi, Malta uffiċjalment saret parti mill-Imperu Britanniku u kienet tintuża bħala stazzjon, bażi navali u s-sede uffiċjali tal-Flotta Navali Mediterranja Ingliża, sakemm din ittieħdet f'Lixandra fl-Eġittu minħabba l-fatt li Malta kienet qrib wisq l-Italja belliġerenti.
Malta żvolġiet rwol importanti ħafna fit-Tieni Gwerra Dinjija, minħabba li kienet qrib ħafna r-rotot navali tal-Forzi tal-Assi, u mhux eżaġerazzjoni li wieħed jgħid li Malta sofriet it-Tieni Assedju tagħha meta din saret wiehed mill-iktar postijiet bumbardati tad-dinja, fil-'Blitz' tal-forzi tal-ajru Ġermaniżi u, sa ċertu punt, Taljani.
Wara din il-Gwerra, Malta ngħatat l-Indipendenza tagħha fil-21 ta' Settembru, 1964. Malta baqgħet membru tal-'Commonwealth' bil-Kap tal-Istat tibqa' r-Reġina Eliżabetta II bħala Reġina ta' Malta, u wara saret repubblika fl-1974 bi President. F'referendum li sar f'April 2003, il-votanti wrew ir-rieda tagħhom biex Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea, biex b'hekk Malta saret membru sħiħ fl-1 Mejju, 2004.
Ġeoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Malta tinsab fuq altipjan sommers li jestendi mill-Afrika ta' Fuq sa Sqallija. Miljuni ta' snin ilu, il-gżira sħiħa kienet sommersa, kif inhu indikat fil-fossili marini li jinsabu fil-ġebla Maltija fl-ogħla nħawi tal-Gżejjer. Hekk kif dan l-altipjan ogħla, u l-istrett ta' Ġibiltà ngħalaq minħabba attività tettonika, il-livell tal-ilma tbaxxa, u Malta dehret fuq speċi ta' 'pont' ta' art niexfa li kien jgħaqqad iż-żewġ kontinenti, imdawra b'għadajjar kbar. Xi għerien f'Malta wrew fdalijiet t'iljunfanti, ippopotami u annimali oħra kbar mill-kontinent Afrikan, waqt li oħrajn jixhdu annimali Ewropej.
Il-Preistorja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-bniedem wasal f'Malta madwar l-5200 QK. L-ewwel komunitajiet ta' nies Neolitiċi probabbilment waslu minn Sqallija (madwar 60 mil fit-Tramuntana), u kienu fil-maġġoranza tagħhom komunitajiet ta' bdiewa u sajjieda, bi provi ta' attivitajiet ta' kaċċa. Milli jidher, dawn kienu jgħixu f'għerien u 'djar miftuħa'. Matul is-sekli li segwew, hemm evidenza ta' iktar kuntatti ma' ċiviltajiet oħra, li ħalliet effett kbir fuq dawn l-ewwel Maltin, hekk kif jixhdu id-disinji fil-fuħħar u l-kuluri li kienu jintużaw.
Wieħed mill-iktar żminijiet li jispikkaw fl-istorja ta' Malta hu ż-żmien tal-bini tat-tempji li jibda madwar l-3600 QK. Dan ifisser li f'Malta hawn l-eqdem binjiet fid-dinja. Ħafna mit-tempji għandhom forma ta' ħames kmamar semiċirkolari (f'nofs tond) magħqudin fiċ-ċentru. Ġie maħsub li dawn jistgħu jirrappreżentaw ir-ras, idejn u s-saqajn ta' alla falz, minħabba li waħda mill-iktar statwi komuni li jinstabu f'dawn it-tempji huma statwi ta' mara ħoxna; simbolu ta' fertilità. Il-Perjodu tat-Tempji baqa' għaddej sa, madwar, 2500 QK, meta iċ-ċiviltà li ħolqot dawn it-tempji għebet. Teżisti ħafna spekulazzjoni dwar x'seta' ġara, u jekk dawn kinux maqtula kollha jew jekk in-numri tagħhom ma waqgħux tant li ma fadal l-ebda traċċa tagħhom.
Wara dawn il-perjodi tat-tempji wasal Żmien il-Bronzi jimxu f'linja dritta. L-użu preċiż tagħhom mhuwiex magħruf. Skont ċerti studjużi dawn setgħu jintużaw meta xi annimali tal-irmonk kienu jiġbdu ċerti piżijiet, u b'hekk dawn il-kanali kienu jiggwidaw lill-annimali f'ċerti rotot mingħajr ma jitilfu t-triq.
L-Era Klassika
[immodifika | immodifika s-sors]Malta waqgħet taħt l-influwenza tal-Feniċi probabbilment madwar it-8 seklu QK, meta l-Feniċi kienu jiddominaw ir-rotot kummerċjali fil-Mediterran. Numru ta' tempji ta' dawn iż-żminijiet juru li huma ddedikati lill-alla femminili Astarte. Il-Feniċi kienu jsejħu lil gżira "Malat", li tfisser irmiġġ sikur. Żewġ kandelabri tal-ġebel li nstabu f'Malta kellhom imnaqqax fuqhom dedikazzjoni kemm bil-Feniċju oriġinali kif ukoll bil-Grieg, dawn il-kandelabri fetħu l-bibien biex isseħħ id-deċifrazzjoni tal-lingwa Feniċja.
Malta kienet ċentru tal-kulti importanti ħafna għall-kult tal-alla mara tal-fertilità; il-qima lejn din id-divinità kienet ilha hawn sa mir-4 millenju QK. Stħarriġ arkeoloġiku wera li f'Malta kien hemm ċentru reliġjuż ħafna qabel dawk f'Sumer u fl-Eġittu. L-istorja miktuba ta' Malta bdiet ħafna qabel il-wasla tal-Kristjaneżmu. Oriġinarjament il-Feniċi, u iktar tard il-Kartaġiniżi, waqqfu portijiet u żoni kummerċjali fil-Gżejjer. Matul it-Tieni Gwerra Punika, Malta waqgħet f'idejn ir-Rumani, u ġiet inkorporata fir-Repubblika Rumana fl-218 QK. Ir-Rumani kienu jirreferu għall-gżira prinċipali bħala 'Melita', probabbilment korruzzjoni tat-terminu Feniċju 'Malat'. Jeżistu diversi fdalijiet Rumani f'Malta bħal mużajċi ta' domus fil-belt ta' Melita (illum l-Imdina u parti mir-Rabat), kif ukoll banjijiet u vilel kbar.
Kien matul dan iż-żmien li San Pawl, wieħed mill-figuri prominenti tal-Kristjaneżmu, wasal fuq il-Gżira meta l-ġifen li kien fuqu inkalja f'Malta meta kien fi triqtu lejn Ruma biex jiġi pproċessat. Dan l-avveniment hu deskritt fil-Bibbja, fl-Atti 28:1-11. It-tradizzjoni tgħid li San Pawl ikkonverta il-Gżejjer għall-Kristjaneżmu, u li Publiju, li kien il-gvenatur, sar l-ewwel isqof, imma m'hemm l-ebda fatti li jikkonfermaw din il-konverżjoni tal-massa.
L-ewwel prova ta' Kristjaneżmu fuq il-Gżira hu fir-4 seklu WK. Inħawi li huma marbuta maż-żmien li San Pawl qatta' Malta baqgħu frekwentati mill-pellegrini sal-lum.
Il-miġja tal-Għarab
[immodifika | immodifika s-sors]Wara l-waqgħa tal-Imperu Ruman, Malta waqgħet għal ftit żmien f'idejn il-Vandali u f'idejn il-Biżantini, sakemm wara waqgħet f'idejn Għarab Sqallin fl-870 WK. Dan il-perjodu ħalla effett qawwi fuq iċ-ċiviltà tal-inħawi. L-Għarab daħħlu diversi tekniki ta' irrigazzjoni, xi wħud minnhom għadhom jintużaw sal-lum. Ħafna nħawi ta' Malta huma wkoll marbuta ma' dan il-perjodu. L-Imdina, li ġiet modifikata estensivament f'dan iż-żmien, tixbah ħafna lil diversi bliet fl-Afrika ta' Fuq.
Għerq l-ilsien Malti hu miġbud minn dan iż-żmien: il-Malti, lingwa semitika u wara ġie influwenzat b'mod estensiv mit-Taljan u l-lingwi Rumanzi. Reċentement, beda jinħass ukoll l-influss tal-Ingliż. Anki jekk issa l-Malti jinkiteb fl-alfabett Latin, fil-fatt huwa l-unika lingwa Semitika li tinkiteb b'dan l-alfabett, din hi biss żieda reċenti għax matul l-istorja kien jinkiteb fl-alfabett tal-pajjiż ħakkiem.
Medjuevu
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1091 il-Konti Ruġġieru I ta' Sqallija, pprova jwaqqaf il-ħakma Normanna f'Malta, u fl-1127 ibnu Ruġġieru II ta' Sqallija irnexxielu. Minn hawn beda t-tmiem tal-influwenza Għarbija u l-Gżejjer baqgħu fl-isfera Ewropea.
Sas-seklu 13, f'Malta xorta baqa' element mdaqqas ta' Misilmin. Malta kienet appendaġġ ta' Sqallija għal 440 sena. Matul dan il-perjodu, Malta kienet mibjugħa lil diversi sidien fewdali u baruni, u kienet dominata suċċessivament mill-ħakkiema ta' bosta territorji Ewropej: Svevja, Akwitanja, Aragona, Kastilja u Spanja. Fl-aħħar Aragona - li kienet qed taħkem il-Gżejjer- ingħaqdet ma' Kastilja fl-1479, u Malta saret parti mill-Imperu Spanjol.
L-amministrazzjoni tal-Gżejjer b'hekk waqgħet f'idejn in-nobiltà Maltija, ħafna minna b'oriġini Sqallija jew Spanjola, li kienu jiffurmaw l-Università.
Il-Kavallieri ta' San Ġwann
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-bidu tas-seklu 16, l-Imperu Ottoman beda jixtered fir-reġjun tal-Mediterran, sakemm wasal fix-Xlokk tal-Ewropa. Ir-re ta' Spanja, u Imperatur tal-Imperu Ruman Qaddis, Karlu V, beda jibża' li jekk Ruma taqa' f'idejn it-Torok, l-Ewropa Kristjana kienet tispiċċa. Fl-1522, l-Imperatur Ottoman Sulejman II keċċa lill-Kavallieri Ospitallieri ta' San Ġwann il-Battista minn Rodi. Dawn tferrxu fil-kommanderiji tagħhom fl-Ewropa. Biex jipproteġi lil Ruma minn invażjoni min-Nofsinhar, fl-1530 Karlu V ta l-Gżejjer lil dawn il-Kavallieri.
Għall-275 sena li jmiss, dawn il-famużi "Kavallieri ta' Malta" għamlu lill-Gżejjer id-dar tagħhom. Bnew bliet u rħula, palazzi, knejjes, ġonna, u fortifikazzjonijiet; huma sebbħu lill-Gżejjer b'diversi opri tal-arti, arkitettura, u żiedu l-wirt storiku ta' Malta.
L-Assedju l-Kbir (1565)
[immodifika | immodifika s-sors]- Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Assedju ta' Malta (1565).
Wara ħafna rtirati u bosta telfiet, inkluża Rodi li kienet fuq l-għatba tat-Turkija, l-Ordni ngħata l-Gżejjer Maltin. Minn hawnhekk komplew jattakkaw ir-rotot kummerċjali tat-Torok, u wara ftit, l-Imperatur Ottoman Sulejman II ordna li jsir l-aħħar attakk fuq l-Ordni. S'issa il-Kavallieri kienu okkupaw il-Birgu, fejn kien hemm portijiet perfetti biex jiġu bbażati l-flotot tal-Ordni. Ukoll il-Birgu, kien wieħed miż-żewġ inħawi urbani ffortifikati fil-gżira ta' Malta, l-post l-ieħor hu l-Imdina fejn kienet toqgħod in-nobiltà Maltija.
Id-difiżi tal-Birgu żdiedu, u nbnew fortifikazzjonijiet fuq l-ilsien ieħor ta' art fil-qrib, l-Isla jew Senglea. Inbena forti żgħir fuq l-Għolja Xebb ir-Ras, fejn illum hemm il-Belt Valletta, li ssemma Forti Sant'Iermu.
Fit-18 ta' Mejju, 1565 il-logutenenti ta' Sulejman II, bdew l-Assedju ta' Malta. Sakemm waslet il-flotta tal-Ottomani, il-Kavallieri kienu diġà lestew dak kollu li seta' jitlesta. L-ewwel l-Ottomani attakkaw il-forti l-ġdid ta' Sant'Iermu, u wara xahar sħiħ ta' attakki il-forti kien imfarrak, imma s-suldati baqgħu jitqabdu sal-aħħar. Wara dan bdew jattakkaw il-Birgu u l-fortifikazzjonijiet fl-Isla, imma kien kollu għal xejn.
Wara assedju twil, fit-8 ta' Settembru tal-istess sena waslet l-għajnuna mistennija minn Sqallija; l-Ottomani ntebħu bit-telfa, u telqu minn Malta qabel mat-tempesti tax-Xitwa ma jħalluhomx jaħarbu. L-Ottomani kienu qed jistennew li ħa jirbħu fi ftit ġimgħat. Kellhom madwar 30,000 suldat kontra l-Kavallieri u l-Maltin, li kienu jammontaw għal 9,000. L-Ottomani ftit li xejn avvanzaw iktar fin-Nofsinhar tal-Ewropa u Sulejman miet ftit snin wara.
Sena wara, l-Ordni beda l-bini ta' fortifikazzjonijiet u belt ġdida: semmewha Valletta, għal Gran Mastru li kien rebbaħ l-Assedju - Jean Parisot de Valette. Minħabba l-fatt li l-Ottomani qatt ma ppruvaw jerġgħu jattakkaw, il-fortifikazzjonijiet tista' tgħid baqgħu sħaħ, u għadhom f'kundizzjoni tajba s'issa.
Però, għax ir-raġuni tal-eżistenza tagħhom għebet, is-snin glorjużi tal-Ordni bdew jgħaddu u jintesew, sakemm il-Kavallieri waqgħu f'deklin, kemm militari kif ukoll ekonomiku.
Fil-fatt, tant kien deklin qawwi li meta Napuljun wasal f'Malta fl-1798, ħa l-Ordni ta l-Gżejjer mingħajr l-ebda oppożizzjoni. Minħabba l-fatt li l-Ordni ma tantx kien qed jinħabb mal-Maltin, dawn bdew iħarsu lejn il-Franċiżi bħala liberaturi. Din l-illużjoni ma tantx damet. Fi ftit żmien il-Franċiżi bdew jagħlqu l-kunventi u jisirqu teżori tal-knisja. Il-Maltin irvellaw u l-Franċiżi taħt il-kmand tal-Ġeneral Claude-Henri Belgrand de Vaubois rtiraw fil-Belt Valletta. Wara ħafna fallimenti, il-Maltin iddeċiedew li jitolbu għal assistenza barranija, dik Sqallija (Borbonika) u Ingliża; l-Ammirall Horatio Nelson iddeċieda li kien hemm bżonn imblokk totali, navali u fuq l-art ukoll.
Malta taħt l-imperu Ingliż
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1814, Malta saret parti mill-Imperu Ingliż. Fil-bidu Malta ma tantx ingħatat importanza, iżda l-portijiet eċċellenti tagħha saru assi vitali għall-Ingliżi, speċjalment wara l-ftuħ tal-Kanal ta' Suez. Malta saret fortizza navali u militari, il-kwartieri navali prinċipali tal-Flotta Ingliża tal-Mediterran. Il-Maltin, però ma tantx kellhom kostituzzjoni liberali u ħafna kienu jbatu l-faqar. Fl-1919 saru rvellijiet minħabba din is-sitwazzjoni prekarja. Dan wasal għall-amministrazzjoni awtonoma tal-Gżejjer. Malta ngħatat sistema b'parlament bikameral, b'Senat (li tneħħa fl-1949), u b'Assemblea Leġiżlattiva eletta, anki jekk il-kostituzzjoni kienet frekwentement tiġi sospiża.
Kwistjoni tal-lingwa
[immodifika | immodifika s-sors]- Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Kwistjoni tal-Lingwa f'Malta.
Qabel il-wasla tal-Ingliżi, il-lingwa tal-Maltin ta' livell għoli kienet il-Lingwa Taljana, imma din bdiet tiġi maqbuża mil-Lingwa Ingliża. Fl-1934 l-Ingliż u l-Lingwa Maltija ġew dikjarati l-uniċi żewġ lingwi uffiċjali f'Malta billi l-Ingliżi kienu jassoċjaw it-Taljan ma' Mussolini, u r-reġim Faxxista tiegħu fl-Italja, li kien jirreklama t-territorjalità ta' dawn il-Gżejjer.
It-Tieni Gwerra Dinjija
[immodifika | immodifika s-sors]Qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Belt Valletta kienet il-kwartieri navali tal-Flotta Ingliża tal-Mediterran. Però dan ittieħed f'Lixandra, fl-Eġittu, fis-snin tletin. Meta l-Italja ddikjarat gwerra fl-(10 ta' Ġunju, 1940), Malta kienet difiża minn 4,000 suldat, b'ħames ġimgħat ikel għal popolazzjoni ta' 300,000 ruħ. Terġa' Malta kienet difiża mill-ajru permezz ta' 42 'anti-aircraft gun', 34 kanun tqil u 8 ħfief, u 4 ajruplani 'Gloster Gladiator', bi 3 piloti.
Peress li Malta kienet kolonja Ingliża viċin Sqallija u r-rotot tal-għadu, Malta kienet bumbardata mill-forzi tal-ajru Ġermaniżi u Taljani. Malta kienet tintuża bħala bażi għal attakki kontra l-flotta Taljana u kellha bażi tas-sottomarini. Kienet tintuża wkoll bħala stazzjon biex jiġu interċettati messaġġi tal-għadu.
Wara rifornimenti ta' ajruplani, Malta kienet tista' tiddefendi ruħha. Fil-15 ta' April 1942, ir-Re Ġorġ VI offra lill-'George Cross' lil Malta, bil-kliem: "Lill-gżira fortizza ta' Malta -- niesha u min jiddefendiha." Il-President Amerikan Franklin Roosevelt, sejjaħ lil Malta "fjamma żgħira tixgħel fid-dlam."
L-Indipendenza u kisbiet oħra kostituzzjonali
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-21 ta' Settembru 1964, Malta saret stat indipendenti. Din hi ċċelebrata kull sena bħala Jum l-Indipendenza. Malta, minkejja li kienet issa indipendenti, baqgħet parti mill-Commonwealth u kienet tagħraf lir-Reġina tal-Ingilterra bħala l-mexxeja tal-istat - ir-Reġina ta' Malta. L-Ingliżi żammew taħt il-kontroll tagħhom ċerti setturi u partijiet ta' Malta. Il-lira Maltija (Lm) temmet l-irbit li kellha mal-lira sterlina fis-snin sebgħin.
Dom Mintoff reġa' ġie elett bħala Prim Ministru fl-1971, u beda jħoll l-irbit li kien hemm mal-Ingilterra u jmexxi politika ta' non-alinjament, billi ġie stabbilit kuntatt mal-Libja. Malta saret Repubblika fit-13 ta' Diċembru 1974, bl-aħħar Gvernatur-Ġeneral, Sir Anthony Mamo, jinħatar bħala l-ewwel President. Fl-1979 l-aħħar suldati Ingliżi telqu l-Gżejjer, f'dak li jissejjaħ Jum il-Ħelsien.
Il-Gvernijiet ta' Mintoff
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-snin sebgħin, il-Gvernijiet immexxija minn Dom Mintoff taw id-dritt tal-vot liż-żgħażagħ li jagħlqu t-18 il-sena, bdew iċ-ċentri tal-Kindergarten, skejjel tas-snajja’ u l-Junior Lyceums, daħħlu l-Paga Minima Nazzjonali, id-dekriminalizzazzjoni tal-omosesswalità, it-tneħħija tal-Piena tal-Mewt, iċ-Children’s Allowance, Leave bi ħlas ta’ 13 il-ġimgħa, bonus darbtejn fis-sena, għajnuna finanzjarja lir-romol, morda u persuni b’diżabilità, ħafna mpjiegi minn investiment kbir mill-Ġermanja, Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, mitjar ġdid, baċir ġdid, diversi Housing Estates, is-Sea Malta, l-Enemalta, it-Telemalta, l-Air Malta, il-Mid-Med Bank, u l-Bank of Valletta.
L-elezzjoni ġenerali kontroversjali tal-1981 rat lill-PN jġib maġġoranza assoluta ta' voti, anke jekk il-Partit Laburista rebaħ il-maġġoranza tas-siġġijiet fil-Parlament. Mintoff baqa' Prim Ministru, u l-Partit Nazzjonalista, immexxi minn Eddie Fenech Adami, nieda kampanja għat-tibdil fil-kostituzzjoni biex tirrifletti l-maġġoranza demokratika. Mintoff irriżenja minn Prim Ministru fl-1984, meta Karmenu Mifsud Bonnici ħa postu.
Sħubija fl-Unjoni Ewropea
[immodifika | immodifika s-sors]Għal darb'oħra, il-PN kiseb il-maġġoranza fl-elezzjoni tal-1987, u minħabba t-tibdil li kien sar fil-kostituzzjoni biex is-sitwazzjoni tal-1981 ma terġax tiġri, il-Partit Nazzjonalista ħa postu fil-gvern. Il-gvern il-ġdid kellu fil-mira li jtejjeb ir-relazzjonijiet ta' Malta mal-Ewropa tal-Punent u l-Istati Uniti.
Il-Partit Nazzjonalista, immexxi minn Eddie Fenech Adami, flimkien mal-Viċi Prim Ministru Guido de Marco, ħadmu għal sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Din saret kwistjoni taħraq fil-pajjiż, bil-Partit Laburista jopponi din l-għażla. L-MLP rebaħ l-elezzjoni ġenerali tal-1996, u Alfred Sant, li kien qed iservi għall-ewwel darba bħala Prim Ministru ta' Malta, iffriża l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-UE. Madankollu, fl-1998 il-gvern Laburista sejjaħ elezzjoni bikrija, wara kontroversja interna li qamet mal-PM preċedenti u Mexxej tal-Partit Laburista, Dom Mintoff. Il-PN rebaħ din l-elezzjoni u reġa' attiva l-applikazzjoni għall-isħubija tal-UE.
Fl-2003 sar referendum biex il-poplu Malti jivvota jekk Malta għandhiex issir membru tal-Komunità Ewropea. B'maġġoranza ta' aktar minn 19,000 vot favur is-sħubija mill-91% ta' dawk li kellhom id-dritt li jivvutaw, Malta kienet fi triqitha lejn l-UE. Il-Partit Laburista stqarr li huma mhux se jkun fidili lejn ir-riżultat ladarba jerġgħu jitilgħu fil-poter fl-elezzjoni ġenerali ta' dik is-sena. Madankollu, il-PN rebaħ b'maġġoranza assoluta, u Malta ngħaqdet mal-UE f'Mejju 2004 bit-Trattat ta' Ateni. Il-progress ta' Malta qalb il-Komunità Ewropea deher mal-ewwel hekk kif f'erba' snin mis-sħubija rnexxielu jilħaq il-kriterji biex ikun jista' jadotta l-ewro. Dan seħħ f'Jannar tal-2008. Sussegwentement, il-PN rebaħ għat-tielet darba konsekuttiva l-elezzjoni tal-2008 b'distakk minimu storiku ta' madwar 1,500 vot.
Id-Dħul tad-Divorzju u tad-Drittijiet Ċivili
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2013 u fl-2017, il-Partit Laburista mmexxi minn Joseph Muscat għamel żewġ rebħiet elettorali storiċi b'differenza ta' 35,000 vot mill-Partit Nazzjonalista kull darba. Fiż-żewġ każijiet, il-kapijiet tal-PN, Lawrence Gonzi u Simon Busuttil irriżenjaw mill-kariga.
Bl-insistenza tal-Oppożizzjoni Laburista u ta' żewġ deputati dissidenti tal-Gvern Nazzjonalista, il-poplu vvota għad-dħul tad-divorzju f'Malta. Wara l-elezzjoni tal-2013, Gvern Laburista daħħal l-Unjoni Ċivili bejn persuni tal-istess sess u l-possibbiltà li dawn jaddottaw it-tfal. Għamilha iktar faċli li jsir l-IVF b'xejn fl-isptar pubbliku.
Fost l-oħrajn, il-Gvern Laburista ta' Muscat daħħal il-Liġi tal-Whistleblower, il-Liġi dwar il-finanzjament ta’ partiti politiċi u l-liġi li neħħiet il-preskrizzjoni tal-politiċi f’każijiet ta’ abbuż u korruzzjoni.