Simon Busuttil

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
Simon Busuttil
EPP Malta Congress 2017 ; 29 March (33676407246).jpg
Kariga: Kap tal-Partit Nazzjonalista
Perjodu fil-Kariga: 2013-2017
Data tat-Twelid: 20 ta' Marzu, 1969
Partit Politiku: Partit Nazzjonalista (Malta)
alma_mater: Universita ta' Malta


Simon Busuttil (twieled 20 ta' Marzu 1969) huwa politiku u kien deputat fil-Parlament Ewropew minn 2004 sa 2013.[1] Kif ukoll Kap tal-Partit Nazzjonalista (Malta) minn 2013 sa 2017.[2]

Studji[immodifika | immodifika s-sors]

Simon Busuttil iggradwa mill-Università ta' Malta bħala avukat fl-1993 u għandu Masters fl-Istudji Ewropej mill-Università ta' Sussex, u Magister Juris fid-Dritt Internazzjonali mill-Università ta' Malta.

Fi żmien l-Università, Simon Busuttil kien attiv f'numru ta' għaqdiet studenteski, fosthom bħala President tal-Istudenti Demokristjani Maltin, u anke bħala rappreżentant tal-istudenti fis-Senat tal-Università ta' Malta. Kien ukoll Segretarju Internazzjonali tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

Ftit tas-snin wara, Simon Busuttil kellu sehem ewlieni biex pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Hu kien imexxi ċ-Ċentru ta' Informazzjoni dwar Malta u l-Unjoni Ewropea, l-MIC, u kien ukoll membru tal-grupp li nnegozja s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. [3]

Politika[immodifika | immodifika s-sors]

Żgur li dan ir-rwol kien pjattaforma importanti għal Simon Busuttil biex fl-2004, ġie elett fil-Parlament Ewropew bi kważi 60,000 vot. Voti li kollha żammhom u żied magħhom ħames snin wara, fl-2009, meta reġa' ġie kkonfermat b'70,000 vot.

Fl-10 snin li serva bħala deputat fil-Parlament Ewropew, Busuttil mexxa numru ta' kumitati fosthom dwar il-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern.

Fi tmiem l-2012, Simon Busuttil inħatar mill-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista bħala Viċi Kap tal-partit, ftit ġimgħat biss qabel l-elezzjoni ġenerali, minn fejn ġie elett minn żewġ distretti b'total ta' 14,000 vot.

Kap tal-Partit[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar it-8 ta' Mejju 2013, Busuttil kien elett Kap bi 93% tal-voti wara li l-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalita vvutaw fit-tieni ċiklu tal-elezzjoni għal Kap tal-Partit u b'hekk ġie fi tmiemu Kunsill Ġenerali Straordinarju li fetaħ ħamest ijiem qabel. Dakinhar, f'kontestazzjoni bejn 4 kandidati, Simon Busuttil ġab 50.3% tal-voti u wara li ġie eliminat il-kandidat li ġab l-inqas ammont ta' voti, iż-żewġ kandidati li kien għad fadal ħabbru li kienu se jirtiraw mit-tellieqa. Kif jesiġi l-istatut tal-PN, il-kunsillieri reġgħu konvokati biex jivvutaw minkejja li kien għad fadal kandidat wieħed biss, biex il-Kap il-ġdid ikun approvat b'żewġ terzi tal-voti.

Fit-tieni ċiklu tal-elezzjoni kienu eliġibbli biex jivvutaw disa' mitt kunsillier u wieħed li ġabru d-dokument tal-vot tagħhom minn total ta' 913-il kunsillier li għandu l-PN. Minn dawn ivvutaw 881 - jew 98%. Il-kwota ta' żewġ terzi tal-voti mitfugħa meħtieġa biex Simon Busuttil jiġi elett kienet ta' 588. Mit-total ta' voti mitfugħa, kien hemm 863 vot validu, u 18-il vot invalidu. Simon Busuttil ġab 802 voti iva waqt li kien hemm 61 vot le.

Nhar l-24 ta' Mejju 2014, Busuttil iffaċċja l-ewwel elezzjoni tiegħu bħala Kap tal-Partit, sena wara l-ħatra tiegħu. Il-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjonijiet Ewropej għat-tielet darba b'53.3% tal-voti, 33,675 vot iktar mill-Partit Nazzjonalista, li ġab 40% tal-voti. Il-Partit Laburista ġab 1.5% inqas minn kemm kien ġab fl-2009. Għall-ewwel darba l-Partit Nazzjonalista tella' tliet deputati (minn sitta) fil-Parlament Ewropew.

Disfatta kbira elettorali u Riżenja minn Kap tal-Partit[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar it-3 ta' Ġunju 2017, Busuttil iffaċċja l-ewwel Elezzjonijiet Ġenerali tiegħu bħala Kap tal-Partit, 4 snin wara l-ħatra tiegħu. Il-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjonijiet Ġenerali għat-tieni darba konsekuttiva b'55% tal-voti, 35,280 vot iktar mill-Partit Nazzjonalista, li ġab 43.7% tal-voti.

Nhar il-5 ta' Ġunju 2017, Busuttil ħabbar ir-riżenja tiegħu minn Kap tal-Partit Nazzjonalista imma qal li se jibqa' fit-tmun sakemm jinħatar kap ġdid. Nhar is-17 ta' Settembru 2017, Adrian Delia kien elett Kap tal-PN, u fis-6 ta' Ottubru sar Kap tal-Oppożizzjoni.

Membru ta' Kumitat Ewropew[4][immodifika | immodifika s-sors]

Busuttil baqa' Membru tal-Parlament Malti u fit-12 ta' Settembru 2017 inħatar ukoll membru ta' kumitat ta’ esperti li jagħti l-pariri dwar l-Imħallfin qabel dawn jibdew jiffurmaw parti mill-Qrati tal-Ġustizzja Ewropej. Il-Parlament Ewropew approva n-nomina ta’ Busuttil f’vot fil-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, fejn Busuttil kiseb l-appoġġ ta’ 556 MEP minn total ta’ 673.[5]

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]

Predeċessur
Lawrence Gonzi
Kap tal-Partit Nazzjonalista
2013–2017

Suċċessur
Adrian Delia

Predeċessur
Tonio Borg
Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista
2012–2013

Suċċessur
Mario De Marco u Beppe Fenech Adami

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ http://www.europarl.europa.eu/meps/en/28120/SIMON_BUSUTTIL/history/7
  2. ^ https://netnews.com.mt/2016/03/20/riceviment-fgheluq-snin-il-kap-tal-partit-nazzjonalista-simon-busuttil/
  3. ^ https://www.timesofmalta.com/articles/view/20030429/local/mic-head-to-return-to-legal-practice.151280
  4. ^ http://www.europarl.europa.eu/meps/en/28120/SIMON_BUSUTTIL/history/7
  5. ^ https://www.timesofmalta.com/articles/view/20040722/local/simon-busuttil-is-first-maltese-nbsp-mep-to-address-euro-parliament.117168