Mario De Marco
Mario de Marco (18 t'Ottubru 1965) huwa Membru Parlamentari f'isem il-Partit Nazzjonalista. Huwa serva f'bosta irwoli fosthom bħala Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament.
Bin l-eks-President u eks Viċi Prim Ministru Guido de Marco u Violet, huwa beda l-istudji tiegħu fil-Kulleġġ San Alwiġi.
Liġi[immodifika | immodifika s-sors]
Huwa ggradwa fil-liġi mill-Università ta' Malta fl-1998. Hu kompla l-istudji tiegħu meta għamel Masters fil-liġi kummerċjali mal-Università ta' Cambridge fejn kien ġie nominat bħala Commonwealth Scholar for Academic Achievement.
Minbarra dan huwa speċjalizza fl-istudji dwar id-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Huwa wkoll lecturer tal-liġi kummerċjali b'enfasi speċjali fuq il-liġi internazzjonali tan-negozju fl-Università ta' Malta. Hu wkoll lecturer f'Università f'Ruma l-Italja.
Mario de Marco ħadem bħala konsulent legali b'mod partikolari fuq liġi li tikkonċerna il-kummerċ internazzjonali.
Politika[immodifika | immodifika s-sors]
Huwa daħal fil-politika bħala President tal-Kumitat Sezzjonali tal-Ħamrun, u kien rappreżentant tal-ewwel distrett fuq il-Kumitat Eżekuttiv tal-PN. Ikkontesta l-elezzjoni għall-ewwel darba b'suċċess fl-2003, u kien elett mill-ġdid fl-elezzjonijiet tal-2008 u l-2013.
Bħala deputat Nazzjonalista, fl-ewwel leġislatura tiegħu fil-Parlament kien appuntant bħala Viċi Chairman tal-Kumitat Parlamentari tax-Xogħol tal-Kamra u serva wkoll fuq il-Kumitat parlamentari tal-affarijiet barranin u Ewropej u l-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi.
Wara l-elezzjoni ġenerali tal-2008 Lawrence Gonzi ħatar lil Mario de Marco Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u fl-2012 de Marco sar Ministru responsabbli mit-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent.
Viċi Kap tal-Partit[immodifika | immodifika s-sors]
Wara l-Elezzjonijiet Ġenerali 2013, huwa sar il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija, l-Investiment u n-Negożji ż-Żgħar. Nhar it-8 ta' Mejju huwa kkontesta l-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista iżda ma kienx elett għalkemm kien it-tieni l-aktar li ġab voti mill-kunsilliera tal-Partit, 38.5% wara Simon Busuttil li ġab 50.3%.
Nhar il-25 ta' Mejju huwa kien ikkonfermat Viċi Kap tal-Affarijiet tal-Parlament. Hu ma kienx ikkontestat u kiseb 96% tal-voti tal-kunsilliera (840).
Disfatta kbira elettorali u Riżenja minn Viċi Kap tal-Partit[immodifika | immodifika s-sors]
Nhar it-3 ta' Ġunju 2017, il-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjonijiet Ġenerali għat-tieni darba konsekuttiva b'55% tal-voti, 35,280 vot iktar mill-Partit Nazzjonalista, li ġab 43.7% tal-voti.
Nhar il-5 ta' Ġunju 2017, il-Kap Simon Busuttil ħabbar ir-riżenja tiegħu minn Kap tal-Partit Nazzjonalista flimkien ma' Mario De Marco u Beppe Fenech Adami li rriżenjaw minn Viċi-Kapijiet.
Ħajja Personali[immodifika | immodifika s-sors]
Mario de Marco hu miżżewweġ lil Sharon u flimkien għandhom żewġ subien, Andrea De Marco u Luca De Marco.