Elezzjonijiet Ġenerali 2013 (Malta)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

L-Elezzjonijiet Ġenerali saru nhar is-Sibt 9 ta’ Marzu 2013. 326,296 kienu eliġibbli li jivvutaw biex jagħżlu l-Partit politiku li jmexxi lil Malti u r-rappreżentanti fil-Parlament għat-12-il Leġislatura mill-Indipendenza 'l hawn. Dan wara waħda mill-itwal kampanji elettorali fl-istorja ta' Malta, uffiċjalment disa' ġimgħat.

Il-Partit Laburista kiseb 167,533 vot, 35,107 aktar mill-Partit Nazzjonalista li kiseb 132,426 vot f’dik li tista’ tiġi meqjusa bħala l-ikbar differenza għal diversi snin tant li bħala persentaġġi l-PL ġab kważi 55% u l-PN 43%.

B’dawn il-persentaġġi kien ifisser li l-Partit Laburista kien se jkollu 37 siġġu filwaqt li l-Partit Nazzjonalista se jkollu 28 siġġu. Madankollu, meta l-voti bdew jiġu trasferiti, irriżulta li bħala siġġijiet il-Partit Laburista kiseb 39 siġġu u l-Partit Nazzjonalista 26 siġġu u għaldaqstant id-differenza telgħet għal 13-il siġġu. Madankollu bl-emenda kostituzzjonali li saret fl-2007, ebda partit ma jista jkollu aktar minn disa’ siġġijiet fuq l-ieħor, u għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jingħata erba’ siġġijiet aktar. Hekk il-Partit Laburista fil-Gvern se jkollu 39 deputat filwaqt li l-Partit Nazzjonalista se jkollu 30 deputat għax jiżdidulu erba’ siġġijiet. Għaldaqstant, f’din l-elezzjoni ġenerali l-Partit Laburista rebaħ disa’ distretti – mill-Ewwel Distrett sat-Tmien Distrett u t-Tlettax-il Distrett – waqt li l-Partit Nazzjonalista rebaħ erba’ distretti, mid-Disa’ Distrett sat-Tnax-il Distrett.

Il-Gvern jaqa' u Elezzjoni bikrija[editja | immodifika s-sors]

Nhar l-10 ta' Diċembru 2012, id-deputat Nazzjonalista Franco Debono flimkien mal-Oppożizzjoni Laburista vvutaw fil-Parlament kontra l- Baġit imressaq ġimagħtejn qabel u allura dan m’għaddiex b’35 vot kontra l-34 favur, u l-Gvern waqa’. Dan ġiegħel lill-Priministru Gonzi jmur l-għada għand il-President tar-Repubblika Dr George Abela fil-Palazz il-Belt biex jissuġġerilu li l-Parlament jiġi xolt u tissejjaħ elezzjoni ġenerali bil-Parlament ixolji fis-7 ta’ Jannar, 2013, waqt li l-elezzjoni ġenerali ssir fl-istess jum mal-elezzjoni tal- kunsilli lokali, jiġifieri s-Sibt 9 ta’ Marzu 2013.

Voti mhux miġbura[editja | immodifika s-sors]

Kien 6,523 persuna li ma ġabrux il-vot tagħhom. L-iktar li ma nġabrux voti kien mid-Disa' Distrett (620 vot - 2.5%) - il-Għargħur, l-Imsida, parti mis-Swatar, San Ġwann, il-Kappara, l-Ibraġġ, is-Swieqi, il-Madliena u Ta' Xbiex; mill-Għaxar Distrett (900 vot - 3.6%) - Gżira, Pembroke, San Ġiljan, Paceville u Tas-Sliema; mit-Tnax-il Distrett (1,167 vot - 4.5%) - il-Mellieħa, l-Manikata, in-Naxxar, Baħar iċ-Ċagħaq, San Pawl il-Baħar u Burmarrad; u mit-Tlettax il-Distrett ta' Għawdex (776 vot jew 2.8%).

Dawn iġibu 1,257 iktar minn kemm ma nġabrux fl-Elezzjonijiet Ġnerali tal-2008.

Eletturi[editja | immodifika s-sors]

29,000 elettur huma eletturi ġodda li kienu għadhom ma għalqux 18-il sena fl-Elezzjonijiet Ġenerali tal-2008. 2,000 minnhom mhumiex imniżżla fuq ir-Reġistru Elettorali li sar f'Ottubru 2012 għax kien għadhom ma għalqux 18-il sena.

Kandidati[editja | immodifika s-sors]

Għall-Elezzjoni Ġenerali 2013, b’kollox ikkontestaw 167 kandidat. It-tliet partiti - il-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista u l-Alternattiva Demokratika - kellhom kandidati fuq id-distretti kollha li jammontaw għal tlettax-il distrett elettorali.

Il-Partit Laburista ippreżenta 85 kandidat, waqt li l-Partit Nazzjonalista ippreżenta 70 kandidat u l-Alternattiva Demokratika ippreżentat 9 kandidati. Minbarra dawn kien hemm ukoll kandidat wieħed mill-Alleanza Liberali, kandidat tal-Partit Ajkla u kandidat Indipendenti.

Kien hemm 102 kandidati li kkontestaw fuq żewġ distretti elettorali, fosthom il-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi, li kkontestaw ukoll flimkien fuq it-Tieni Distrett minkejja li t-tnejn mhumiex minn xi waħda mil-lokalitajiet li jifformaw dan id-distrett.

Din kienet l-ewwel darba li Joseph Muscat ikkontesta l-elezzjoni ġenerali, wara li f’Ġunju tal-2008, kien inħatar Mexxej tal-Partit Laburista. Minbarra fuq it-Tieni Distrett, huwa kkontesta wkoll fuq ir-Raba’ Distrett, waqt li d-Deputat Mexxej Laburista Louis Grech li għalih din ukoll kienet l-ewwel elezzjoni ġenerali ikkontesta fuq l-Ewwel u l-Ħdax-il Distrett.

Lawrence Gonzi ikkontesta wkoll fuq is-Seba’ Distrett. Din kienet ukoll l-ewwel elezzjoni ġenerali għall-Viċi Kap Nazzjonalista Simon Busuttil li kkontesta fuq id-Disa’ u l-Ħdax-il Distrett.

Min-naħa tiegħu, iċ-Ċerpersin tal-Alaternattiva Demokratika Michael Briguglio ikkontesta t-Tmien u l-Għaxar Distrett, waqt li d-Deputat Ċerpersin Carmel Cacopardo ikkontesta fuq it-Tielet u l-Ħdax-il Distrett.

Min-naħa tal-Partit Laburista, kien hemm kważi nofs il-kandidati, 48%, li kkontestaw għall-ewwel darba. Barra minn hekk, kien hemm 17% tal-kandidati li kellhom inqas minn 35 sena, waqt li 14% kienu nisa. Il-Partit Nazzjonalista kellu 30% tal-kandidati ġodda u 19% tal-kandidati nisa, b’24 kandidat mit-total għandhom inqas minn 35 sena.

Stħarriġ tal-Opinjoni Pubblika qabel l-Elezzjoni[editja | immodifika s-sors]

Stħarriġ tal-Maltatoday ippubblikat jumejn qabel l-elezzjoni ġenerali juri li l-Partit Laburista kellu vantaġġ ta’ kważi 12 fil-mija fuq il-Partit Nazzjonalista.

Riżultat elettorali[editja | immodifika s-sors]

Il-Partit Laburista kiseb 167,533 vot, 35,107 aktar mill-Partit Nazzjonalista li kiseb 132,426 vot f’dik li tista’ tiġi meqjusa bħala l-ikbar differenza għal diversi snin tant li bħala persentaġġi l-PL ġab kważi 55% u l-PN 43%, kif kien ħabbar kull stħarriġ li sar qabel l-elezzjoni.

Il-Partit Laburista (PL) żied il-voti fuq kull distrett waqt li l-Partit Nazzjonalista (PN) naq­qas tiegħu f’kull distrett.

B’mod totali, f’din l-elezzjoni l-PL kiseb 167,533 vot meta ħames snin qabel kien ġab 141,888 vot, jiġifieri żied fil-voti b’25,645. Dan kien ifisser li bħala persentaġġ l-PL żied b’6.04% wara li minn 48.79% fl-2008 tela' għal 54.83%.

Min-naħa tiegħu, il-PN kiseb 132,426 vot meta fl-elezzjoni ġenerali ta’ ħames snin ilu kien ġab 143,468. Dan ifisser tnaqqis ta’ 11,042 vot. Bħala persentaġġ, il-PN naqqas b’6%, minn 49.34% fl-2008 għal 43.34% fl-2013.

Fil-każ tal-Alternattiva Demokratika (AD), din rat il-voti tagħha jiżdiedu b’1,696, minn 3,810 fl-2008 għal 5,506 fl-2013. Dan ifisser li bħala persentaġġ l-AD żiedet b’0.49%, minn 1.31% fl-2008 għal 1.8% fl-2013.

L-Ewwel Distrett

Fl-elezzjoni tal-2008, il-PL kien ġab 10,688 vot waqt li l-PN kiseb 10,586 vot biex bħala persentaġġi l-PL kien kiseb 49.7% u l-PN 49.3%. Fl-2013, il-PL kiseb 12,462 vot u l-PN 9,957 vot biex bħa­la persentaġġi ġabu 54.9% u 43.9% rispettivament. Dan ifisser li waqt li l-PL żied 1,774 vot u tella l-persentaġġ b’5.2%, il-PN naqqas il-voti b’629 vot u l-persentaġġ b’5.4%.

It-Tieni Distrett

L-elezzjoni tal-2008 rat lill-PL jikseb 14,847 vot waqt li l-PN kiseb 7,110 vot biex bħala persentaġġi l-PL kien ġab 66.7% u l-PN 31.9%. Fl-aħħar elezzjoni, il-PL kiseb 16,312 vot u l-PN 6,373 vot biex bħala persentaġġi ġabu 71% u 27.8% rispettivament. Dan juri li waqt li l-PL żied 1,465 vot u tella l-persentaġġ b’4.3%, il-PN naqqas il-voti b’737 vot u l-persentaġġ b’4.1%.

It-Tielet Distrett

Ħames snin qabel il-PL kien kiseb 14,237 vot u l-PN 8,135 vot biex bħala persentaġġi l-PL kien ġab 62.5% u l-PN 35.7%. Fl-aħħar elezzjoni, il-PL kiseb 16,050 vot u l-PN 7,025 vot biex bħala persentaġġi ġabu 68.5% u 30% rispettivament. B’hekk, waqt li l-PL żied 1,813 vot u tella l-persentaġġ b’6%, il-PN naqqas il-voti b’1,110 vot u l-persentaġġ b’5.7%.

Ir-Raba’ Distrett

L-elezzjoni tal-2008 rat lill-PL jikseb 13,507 vot u l-PN 8,183 vot biex bħala persentaġġ il-PL kien ġab 61.5% u l-PN 37.3%. F’din l-elezzjoni, il-PL kiseb 15,323 vot u l-PN 7,354 vot biex ġabu, bħala persentaġġi, 66.8% u 32.1% rispettivament. Dan kien ifisser li waqt li l-PL żied il-voti b’1,816 vot u tella l-persentaġġ b’5.3%, il-PN naqqas il-voti b’829 vot u l-persentaġġ b’5.2%.

Il-Ħames Distrett

Waqt li fl-elezzjoni tal-2008 il-PL kiseb 13,571 vot u persentaġġ ta’ 60.3% fuq dan id-distrett, il-PN ġab 8,617 vot u persentaġġ ta’ 38.3%. Fl-aħħar elezzjoni, il-PL kiseb 16,201 vot u l-PN 7,689 vot biex il-persentaġġi tagħ­hom kienu rispettivament 66.9% u 31.8% rispettivament. B’hekk, waqt li l-PL żied il-voti b’2,630 vot u l-persentaġġ b’6.6%, il-PN naqqas il-voti b’928 vot u l-persentaġġ b’6.5%.

Is-Sitt Distrett

Il-PL kien kiseb 12,090 vot u persentaġġ ta’ 53.6% mentri l-PN kien ġab 10,215 vot għal persentaġġ ta’ 45.3%. F’din l-elezzjoni, il-PL kiseb 13,934 vot u l-PN 9,330 vot biex il-persentaġġi tagħhom kienu ta’ 59.3% u 39.7% rispettivament. Dan ir-riżultat ifisser li waqt li l-PL żied il-voti b’1,844 vot u l-persentaġġ b’5.7%, il-PN naqqas il-voti bi 885 vot u l-persentaġġ b’5.6%.

Is-Seba’ Distrett

Fl-elezzjoni ġenerali tal-2008, il-PL kien ġab 11,529 vot u persentaġġ ta’ 49.5% mentri l-PN ġab 10,887 vot għal persentaġġ ta’ 48.9%. F’din l-elezzjoni l-PL kiseb 13,805 vot u l-PN 10,269 vot biex il-persentaġġi tagħhom kienu ta’ 56.5% u 42% rispettivament. Dan ifisser li fuq perjodu ta’ ħames snin, il-PL żied il-voti b’2,276 vot u l-persentaġġ b’7%, il-PN naqqas il-voti bi 618 vot u l-persentaġġ b’6.9%.

It-Tmien Distrett

Ħames snin qabel il-PL kien ġab 9,309 vot u persentaġġ ta’ 41.4% mentri l-PN kien ġab 12,714 vot għal persentaġġ ta’ 56.5%. Fl-aħħar elezzjoni l-PL kiseb 11,350 vot u l-PN 11,378 vot biex il-persentaġġi tagħhom kienu ta’ 47.9% u 49.6% rispettivament. B’hekk, il-PL żied il-voti b’2,041 vot u l-persentaġġ b’6.5% waqt li l-PN naqqas il-voti b’1,336 vot u l-persentaġġ b’6.9%.

Id-Disa' Distrett

Fl-2008, il-PL ġab 7,928 vot u persentaġġ ta’ 36.2% mentri l-PN kien ġab 13,388 vot għal persentaġġ ta’ 61.1%. F’din t’issa, il-PL kiseb 9,854 vot u l-PN 12,409 vot biex il-persentaġġi kienu ta’ 42.8% u 53.9% rispettivament. Dan ifisser li l-PL żied il-voti b’1,926 vot u l-persentaġġ b’6.6% waqt li l-PN naqqas il-voti b’979 vot u l-persentaġġ b’7.2%.

L-Għaxar Distrett

Fl-elezzjoni ġenerali tal-2008, il-PL ġab 7,390 vot u persentaġġ ta’ 33.9% bil-PN iġib 13,773 vot għal persentaġġ ta’ 63.2%. Issa l-PL kiseb 8,665 vot waqt li l-PN ġab 12,662 vot biex il-persentaġġi kienu ta’ 39.3% u 57.4% rispettivament. Id-differenza tfisser li l-PL żied il-voti b’1,275 vot u l-persentaġġ b’5.4% waqt li l-PN naqqas il-voti b’1,111 vot u l-persentaġġ b’5.8%.

Il-Ħdax-il Distrett

Ħames snin qabel il-PL kiseb 8,209 vot u persentaġġ ta’ 35.7% mentri l-PN kiseb 14,090 vot u persentaġġ ta’ 61.3%. F’din l-elezzjoni, il-PL kiseb 10,404 vot waqt li l-PN ġab 13,459 vot biex il-persentaġġi kienu ta’ 42.3% u 54.8% rispettivament. B’dan il-mod il-PL żied il-voti b’2,195 vot u l-persentaġġ b’6.6% waqt li l-PN naqqas il-voti b’631 vot u l-persentaġġ b’6.5%.

It-Tnax-il Distrett

Waqt li fl-elezzjoni tal-2008, il-PL kiseb 8,418 vot u persentaġġ ta’ 39.1% mentri l-PN kiseb 12,629 vot u persentaġġ ta’ 58.6%. F’din l-elezzjoni, il-PL kiseb 10,862 vot waqt li l-PN ġab 11,610 vot biex il-persentaġġi kienu ta’ 47.2% u 50.5% rispettivament. B’dan il-mod il-PL żied il-voti b’2,444 vot u l-persentaġġ b’8.1% waqt li l-PN naqqas il-voti b’1,019 vot u l-persentaġġ b’8.1%.

It-Tlettax-il Distrett

Fl-elezzjoni ġenerali ta’ ħames snin qabel, il-PL irnexxielu jikseb 10,185 vot u persentaġġ ta’ 42.9% mentri l-PN ġab 13,141 vot u persentaġġ ta’ 55.3%. F’din l-elezzjoni, il-PL kiseb 12,311 vot waqt li l-PN ġab 12,551 vot biex il-persentaġġi kienu ta’ 47.2% u 50.5% rispettivament. B’hekk il-PL żied il-voti b’2,126 vot u l-persentaġġ b’4.3% waqt li l-PN naqqas il-voti b’590 vot u l-persentaġġ b’4.8%.

Joseph Muscat[editja | immodifika s-sors]

Joseph Muscat, li nħatar Priministru fil-11 ta' Marzu 2013, kiseb 26,170 vot bħala l-ewwel preferenza miż-żewġ distretti li kkontesta fuqhom, 13,968 vot mit-Tieni Distrett u 12,202 vot mir-Raba’ Distrett, ifisser li Muscat kiseb aktar voti personali milli qatt kisbu żewġ persuni meqjusin kbar fix-xena politika lokali, Dom Mintoff u Eddie Fenech Adami.

Ħoloq Oħra[editja | immodifika s-sors]

Kabinett tal-Gvern Laburista Malti 2013