Aqbeż għall-kontentut

Borża ta' Malta

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Borża ta' Malta f'Pjazza Kastilja, il-Belt Valletta.

Il-Borża ta' Malta, magħrufa oriġinarjament bħala Casino della Borsa,[1] hija l-Borża tal-Gżejjer Maltin. Minn mindu ġiet stabbilita fl-1992, il-Borża kienet strumentali għaż-żieda tal-kapital għas-settur privat permezz tal-ħruġ tal-bonds korporattivi u l-ekwità, filwaqt li prattikament id-dejn nazzjonali kollu tal-Gvern ta' Malta nħareġ fil-forma ta' bonds tal-Gvern ta' Malta u kambjali tat-teżor elenkati u kkummerċjalizzati fis-suq sekondarju.

Il-bażi tal-investituri tikkonsisti minn iktar minn 75,000 investitur individwali, li huwa għadd sinifikanti meta wieħed iqis id-daqs ekonomiku ta' Malta (PDG ta' €8,796 miljun fl-2015) u tal-popolazzjoni (434,403 ruħ fl-2016). L-għan tal-Borża ta' Malta hu li tkompli tiżviluppa u tappoġġa s-suq domestiku filwaqt li tattira lil kumpaniji internazzjonali biex jiġu elenkati fil-Borża, u jgawdu l-benefiċċji li jiġi minn dan l-elenkar fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, investiet ferm ukoll fl-użu tat-teknoloġija u tuża l-pjattaforma Xetra għall-kummerċjalizzazzjoni.

Il-President jew Chairman tal-Bord tal-Borża ta' Malta huwa Joseph Portelli, u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv huwa Simon Zammit.

Emblema tal-Borża ta' Malta.

Il-Borża ta' Malta ġiet stabbilita bil-promulgazzjoni tal-Att dwar il-Borża ta' Malta fl-1990, u bdiet l-operazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tagħha fit-8 ta' Jannar 1992.[2] Oriġinarjament il-Bank Ċentrali ta' Malta kien jinħatar bħala s-superviżur tal-Borża[3] u issa taqa' taħt is-superviżjoni tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (bl-Ingliż: Malta Financial Services Authority (MFSA).

Fl-1999, il-Borża ġiet ittrasferita lejn il-binja li qabel kienet tintuża bħala l-Kappella tal-Gwarniġjon f'Pjazza Kastilja, il-Belt Valletta. Din il-binja ikonika nbniet fl-1857 skont id-disinni ta' T. M. Ellis, u ntużat bħala post ta' qima minn diversi denominazzjonijiet sal-1950. L-eks knisja mbagħad intużat għal skopijiet ta' divertiment, bħala uffiċċju postali u bħala skola navali, qabel ma ttieħdet u ġiet rinnovata b'mod estensiv mill-Borża ta' Malta. Minn dak iż-żmien 'l hawn saret magħrufa bħala l-Binja tal-Borża jew Il-Borża.[4] Il-Borża ta' Malta tinsab qrib l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ta' Malta fil-Berġa ta' Kastilja u qrib il-Ġonna tal-Barrakka ta' Fuq.[5][6]

Fl-2013, il-Borża kisbet l-istatus ta' Suq Iddeżinjat għat-Titoli Offshore mill-Kummissjoni tal-Istati Uniti għat-Titoli u l-Borża, li jikkomplementa r-rikonoxximent tal-HM Revenue and Customs li kien ingħata mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fl-2005.

Veduta min-naħa ta' wara tal-eks Knisja tal-Gwarniġjon, issa l-Borża ta' Malta.

Il-Borża ta' Malta toffri dawn is-servizzi li ġejjin:

  • L-ammissjoni għall-elenkar fuq il-lista prinċipali tal-Borża ta' Malta jew il-Lista tal-Kumpaniji Alternattivi, soġġett għall-approvazzjoni mir-Regolatur Malti, l-MFSA. L-istrumenti elenkati jkollhom il-benefiċċji u d-drittijiet sħaħ tad-detenturi tal-passaporti tal-UE. Il-kumpaniji elenkati jistgħu jikkummerċjalizzaw l-istrumenti tagħhom fil-borża nazzjonali tagħhom stess, fi ħdan l-UE, jew fil-Borża ta' Malta.
  • Il-kummerċjalizzazzjoni fis-suq sekondarju: is-suq sekondarju huwa fil-biċċa l-kbira domestiku, b'14-il Membru Malti u Membru Internazzjonali li jikkummerċjalizzaw fuq il-pjattaforma Xetra tal-Borża ta' Malta. Din il-pjattaforma titħaddem b'mod remot mid-Deutsche Börse (il-Borża tal-Ġermanja), fi Frankfurt, u tippermetti konnettività mal-Borża ta' Malta minn kwalunkwe wieħed mill-4,500+ kummerċjant li jaqbdu wkoll mal-pjattaform Xetra madwar id-dinja.
  • Is-servizzi tad-Depożitorju Ċentrali tat-Titoli (CSD): is-servizzi tad-depożitorju huma l-iktar l-amministrazzjoni tar-reġistu tal-azzjonisti u tad-detenturi tal-bonds, għall-kumpaniji pubbliċi kif ukoll privati, l-ikklerjar u l-ipproċessar tas-saldu b'rabta mal-pjattaforma tal-kummerċjalizzazzjoni, u s-servizzi ta' kustodja. Is-CSD joffri wkoll servizzi ta' reġistrar fir-rigward tal-IPOs.
  • Il-Prospetti, suq kapitali orjentat lejn l-SMEs (l-Impriżi Żgħar u ta' Daqs Medju): dan is-suq, li huwa faċilità tal-kummerċjalizzazzjoni multilaterali (MTF) irregolata mill-Borża ta' Malta, jippermetti lill-SMEs f'Malta u barra mill-pajjiż iżidu l-kapital permezz tal-ħruġ tal-ekwità jew tal-bonds b'mod kosteffettiv u fil-pront f'qafas regolatorju inqas skabruż. Primarjament, fil-mira jkollu l-ħruġ ta' taħt il-€5 miljun.
  • Is-Suq tat-Titoli Finanzjarji Istituzzjonali (IFSM), l-ewwel suq Malti tat-titoli bl-imnut awtorizzat skont ir-regoli tal-elenkar tas-swieq bl-imnut mill-Awtorità tal-Elenkar. L-IFSM jieħu ħsieb l-ammissjoni ta' titoli ggarantiti bl-assi, it-titoli ta' dejn, in-noti marbuta ma' assigurazzjoni, it-titoli ta' dejn konvertibbli u t-titoli ta' derivattivi. L-istruttura tariffarja hija kosteffettiva ħafna u l-IFSM joffri iktar flessibbiltà biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-emittenti u tal-investituri istituzzjonali.

Il-Borża ta' Malta hija l-aġenzija nazzjonali tan-numerazzjoni f'Malta, u toħroġ ISINs fir-rigward tat-titoli kollha maħruġa f'Malta.

Il-Borża ta' Malta hija membru:

  • tal-Federazzjoni Dinjija tal-Boroż (WFE);
  • tal-Federazzjoni tal-Boroż Ewropej tat-Titoli (FESE);
  • tal-Assoċjazzjoni Ewropea tad-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (ECSDA);
  • tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO);
  • tal-Assoċjazzjoni tal-Aġenziji Nazzjonali tan-Numerazzjoni (ANNA).
  • The Upper Barracca Gardens and the Garrison Chapel. Valletta: Malta Stock Exchange. 2002. ISBN 9789993201878. OCLC 54458185.
  • Spatial Planning and Urban Development in the New EU Member States[7]
  • Dwar il-Borża ta' Malta[8]
  1. ^ Denaro, Victor F. (1961). "More houses in Valletta. Melita Historica. 3 (2): 3" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-03-23. Miġbur 2023-08-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ "About the MSE". web.archive.org. 2014-09-24. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-09-24. Miġbur 2023-08-12.
  3. ^ "History & Functions - The Central Bank of Malta". web.archive.org. 2014-07-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-07-12. Miġbur 2023-08-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ Mahoney, Leonardo (1996). 5,000 years of Architecture in Malta. Malta: Valletta Publishing. Format. p. 284. ISBN 9990958157. ISBN 9789990958157.
  5. ^ "The Malta Stock Exchange Garrison Chapel Building". web.archive.org. 2014-08-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-08-26. Miġbur 2023-08-12.
  6. ^ "Malta Service Schools History". www.talhandaqnostalgia.org. Miġbur 2023-08-12.
  7. ^ Altrock, Uwe (2006). Spatial Planning and Urban Development in the New EU Member States: From Adjustment to Reinvention (bl-Ingliż). Ashgate Publishing, Ltd. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  8. ^ Matthew (2021-11-23). "Borża ta' Malta - Fittex" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-12.