Pjazza

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Piazza della Signoria, f’Firenze, l-Italja, eżempju storiku ta’ pjazza pubblika tradizzjonali

Pjazza (jew misraħ jew pjazza tar-raħal jew pjazza tal-belt) hija spazju pubbliku fil-beraħ[1] li normalment jinsab fil-qalba ta’ belt jew raħal tradizzjonali użata u li tintuża f’okkażjonijiet fejn tinġabar il-komunità kollha ta’ belt jew ta’ raħal. Kunċetti relatati huma ċ-ċentru ċiviku, il-pjazza tas-suq u l-ispazju aħdar ta’ villaġġ.

Tħabbir tal-istabbiliment tal-Istat tas-Sloveni, tal-Kroati u tas-Serbi fil-Pjazza tal-Kungress fl-1918, f’Ljubljana, is-Slovenja

Il-biċċa l-kbira tal-pjazez huma postijiet adattati għas-suq, għall-kunċerti, għal kampanji politiċi, u għal avvenimenti oħra li jirrikjedu art stabbli fil-beraħ. Peress li spiss ikunu jinsabu f’post ċentrali, il-pjazez ġeneralment ikunu mdawra bi ħwienet żgħar bħal tal-ħami, tal-laħam, tal-ġobon u ħwienet tal-ħwejjeġ. Fiċ-ċentru tagħhom spiss ikun hemm xi bir, monument, statwa jew karatteristika oħra. Il-pjazez li jkollhom xi funtani kultant jissejħu pjazez bil-funtani.

Skont il-pajjiż[immodifika | immodifika s-sors]

Malta[immodifika | immodifika s-sors]

Misraħ ir-Repubblika, il-Belt Valletta

Misraħ ir-Repubblika jew Pjazza Repubblika hija waħda mill-iktar pjazez magħrufa fil-Belt Valletta u f’Malta. Il-pjazza oriġinarjament kienet imsejħa Piazza Tesoreria jew Piazza dei Cavallieri, peress li l-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann stabbilew it-Teżor tagħhom fil-pjazza. Wara li tpoġġiet statwa tar-Reġina Victoria fis-seklu 19, il-pjazza saret magħrufa bħala Pjazza Reġina u għalkemm l-isem uffiċjali tal-pjazza huwa Misraħ ir-Repubblika, kollokjalment ħafna għadhom isejħulha Pjazza Reġina.

Minħabba ċ-ċokon ta’ Malta, il-pjazez Maltin u Għawdxin jifilħu l-iktar għal ġemgħat lokali, pereżempju fl-okkażjoni ta’ xi festa tal-parroċċa lokali, iżda għal avvenimenti nazzjonali kbar bħal kampanji politiċi jew kunċerti, spiss jintużaw it-toroq prinċipali jew xi spazji fil-beraħ bħal dak tal-fosos tal-Furjana.

Awstralja[immodifika | immodifika s-sors]

Iċ-ċentru tal-belt ta’ Adelaide u s-subborg biswit tat-Tramuntana ta’ Adelaide, fin- Nofsinhar tal-Awstralja, ġew ippjanati mill-Kurunell William Light fl-1837. It-toroq tal-belt kienu mqassma qishom grilja, biċ-ċentru tal-belt li kien jinkludi pjazza pubblika ċentrali msejħa Pjazza Victoria, u erba’ pjazez pubbliċi fiċ-ċentru ta’ kull kwartier tal-belt. It-Tramuntana ta’ Adelaide għandha żewġ pjazez pubbliċi. Il-belt kienet iddisinjata wkoll b’tali mod li tkun imdawra minn parks, u dawn il-karatteristiċi kollha għadhom jeżistu sa llum, bil-pjazez miżmuma l-iktar bħala spazji ħodor.[2][3]

Ċina[immodifika | immodifika s-sors]

Funtana fil-Pjazza tal-Poplu f’Shanghai, iċ-Ċina

Fiċ-Ċina Kontinentali, il-Pjazza tal-Poplu hija isem komuni li ngħata lill-biċċa l-kbira tal-pjazez ċentrali tal-bliet Ċiniżi moderni, li ġew stabbiliti bħala parti mill-modernizzazzjoni urbana li saret f’dawn l-aħħar ftit deċennji. F’dawn il-pjazez is-soltu jkun hemm il-binjiet tal-gvern, mużewijiet u binjiet pubbliċi oħra. L-iktar pjazza magħrufa u l-ikbar pjazza fiċ-Ċina hija Pjazza Tiananmen f’Beijing.

Ġermanja u l-Awstrija[immodifika | immodifika s-sors]

Schlossplatz (il-Pjazza tal-Kastell/Palazz) fi Stuttgart, il-Ġermanja

Il-kelma Ġermaniża għal pjazza hi Platz, li tfisser ukoll “post”, u hija terminu

komuni għall-pjazez ċentrali fil-pajjiżi fejn in-nies jitkellmu bil-Ġermaniż. Il-pjazez kienu punti ewlenin tal-ħajja pubblika fil-bliet u fl-irħul mill-Medju Evu sa llum. Il-pjazez li jkunu faċċata ta’ palazz jew kastell (bil-Ġermaniż: Schloss) spiss jissejħu Schlossplatz. Fost il-pjazez prominenti fil-pajjiżi fejn in-nies jitkellmu l-Ġermaniż insibu: l- Alexanderplatz, il-Pariser Platz u l-Potsdamer Platz f’Berlin, il-Königsplatz f’Munich, il-Ġermanja, u l-Heldenplatz fi Vjenna, l-Awstrija.

Italja, Etjopja u l-Kosta tad-Dalmazji[immodifika | immodifika s-sors]

Piazza Navona u l-Fontana (funtana) del Moro fiċ-ċentru ta’ Ruma, l-Italja. Il-funtana fl-isfond hija l-Fontana dei Quattro Fiumi

Piazza (bil-pronunzja Taljana simili għal dik bil-Malti: [ˈPjattsa]) hija l-kelma li tintuża għal pjazza fl-Italja, tul il-kosta tad-Dalmazji u fir-reġjuni tal-madwar. X’aktarx li waħda mill-iktar pjazez magħrufa fid-dinja hija Piazza San Marco f’Venezja. It-terminu huwa bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għal plaza bl-Ispanjol. Fl-Etjopja, fejn kien hemm l-influwenza tat-Taljani, it-terminu kien jintuża biex jirreferi għal parti minn belt.

Meta l-Earl ta’ Bedford żviluppa Covent Garden – l-ewwel pjazza pubblika magħmula mill-privat f’Londra – l-arkitett tiegħu Inigo Jones ħa ħsieb li tkun imdawra bl-arkati skont l-istil Taljan. Meta kienet issir referenza għall- piazza f’Londra, moħħ iċ-ċittadini tal-belt kien imur għall-arkati iktar milli għall-pjazza.

Pjazza normalment tinsab fejn jiltaqgħu żewġ toroq jew iktar. Il-biċċa l-kbira tal-bliet Taljani għandhom diversi pjazez b’toroq ħerġin miċ-ċentru. Il-pjazez huma post ideali għan-negozju u spiss jiftħu ħwienet u negozji żgħar fil-pjazez stess jew fil-qrib. Ħafna stazzjonijiet tat-tramm ta’ taħt l-art u waqfiet tal-karozzi tal-linja jkunu jinsabu fil-pjazez jew fil-qrib peress li huma punt ewlieni f’belt jew f’raħal.

Fir-Renju Unit, piazza ġeneralment tirreferi għal spazju pedonali pavimentat fil-beraħ, mingħajr ħaxix jew tħawwil, ħafna drabi quddiem binjiet sinifikanti jew ħwienet. L-istazzjon ta’ King's Cross f’Londra se jkollu piazza bħala parti mill-iżvilupp mill-ġdid tiegħu. Il-piazza se tissostitwixxi t-“tinda” eżistenti tas-snin sebgħin tas-seklu 20 u b’hekk tkun tista’ terġa’ tidher il-faċċata oriġinali tas-snin 50 tas-seklu 19. Hemm eżempju tajjeb ta’ pjazza wkoll fi Scotswood fil-Kulleġġ ta’ Newcastle.

Fl-Istati Uniti, fil-bidu tas-seklu 19, piazza saret tirreferi għal isem zuntier tal-knisja li jkollu saqaf mirfud bil-kolonni. It-terminu piazza kien jintuża minn xi wħud, speċjalment fiż-żona ta’ Boston[4], biex tirreferi għal veranda, terrazzin jew parapett żgħir quddiem dar jew appartament.[5]

Pjazza ċentrali ftit ’il bogħod mit-Triq Prinċipali ta’ Ġibiltà, bejn il-Bini tal-Parlament u l-Muniċipju, imsejħa uffiċjalment Pjazza John Mackintosh tissejjaħ kollokjalment bħala The Piazza.

Indoneżja[immodifika | immodifika s-sors]

Pjazza kbira fil-beraħ fil-villaġġi, fl-irħula, u fil-ibliet tal-Indoneżja hija magħrufa bħala alun-alun. Dan huwa terminu Ġavaniż li fl-Indoneżja moderna jirreferi għaż-żewġ pjazez kbar fil-beraħ ta’ kraton (palazz). Tipikament tkun tinsab ħdejn moskea jew palazz. Fiha jsiru spettakli pubbliċi, ċelebrazzjonijiet irjali u ġenerali u avvenimenti tad-divertiment.

Pjazza Azadi f’Tehran, l-Iran

Iran[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-arkitettura Persjana tradizzjonali, il-pjazez tal-bliet huma magħrufa bħala maydan jew meydan. Maydan hija

meqjusa bħala waħda mill-karatteristiċi essenzjali fl-ippjanar urban u ħafna drabi tkun maġenb bażaar, moskea kbira u binjiet pubbliċi oħra. Il-Pjazza Naqsh-e Jahan f’Isfahan hija eżempju ta’ pjazza storika filwaqt li l-Pjazza Azadi f’Tehran hija eżempju ta’ pjazza moderna fl-Iran.

Netherlands u l-Belġju[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Grand Place fi Brussell, il-Belġju

Il-pjazez spiss jissejħu “suq” minħabba li spiss jintużaw bħala postijiet fejn jintrama s-suq. Kważi kull belt jew raħal fil-Belġju u fin-Nofsinhar tan-Netherlands għandha Grote Markt bl-Olandiż jew Grand Place bil-Franċiż (pereżempju l-Grand Place fi Brussell). Il-Grote Markt ħafna drabi jkun il-post fejn jinsab il-muniċipju u b’hekk ikun fiċ-ċentru tal-belt. Bl-Olandiż il-kelma plein tirreferi wkoll għal pjazza, pereżempju Het Plein f’Den Haag.

Ismijiet simili jistgħu jinstabu wkoll fir-reġjuni tal-madwar bħal pereżempju f’Köln, il-Ġermanja, li għandha diversi pjazez ċentrali msejħa “-markt” jew Markt (Heumarkt, Neumarkt, Alter Markt).

Russja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Pjazza l-Ħamra f’Moska, ir-Russja, veduta mill-Majjistral, fejn jidhru l-Katidral storiku ta’ San Bażilju u t-Torri ta’ Spasskaya tal-Kremlin

Fir-Russja, pjazza jew pjazza ċentrali (bir-Russu: центра́льная пло́щадь; b’ittri Rumani: tsentráĺnaya plóshchad́)

huwa terminu komuni li jirreferi għal żona miftuħa jew fil-beraħ fil-qalba ta’ belt jew raħal. F’għadd ta’ bliet, il-pjazza ma jkollhiex isem individwali u tkun uffiċjalment imsejħa Pjazza Ċentrali, pereżempju l-Pjazza Ċentrali (Tolyatti).

Pajjiżi li fihom in-nies jitkellmu bl-Ispanjol[immodifika | immodifika s-sors]

It-terminu bl-Ispanjol għal pjazza pubblika huwa plaza, u dan it-terminu jintuża fi Spanja, fil-biċċa l-kbira tal-Amerka t’Isfel, fil-Lbiċ tal-Istati Uniti, u fil-Filippini. Minbarra l-pjazez iż-żgħar, il-Plaza Mayor (fil-kolonji Spanjoli xi kultant imsejħa Plaza de Armas, “Pjazza tal-Armamenti”, fejn it-truppi setgħu jinġabru) ta’ kull ċentru amministrattiv kien ikun fih tliet istituzzjonijiet relatati mill-qrib ma’ xulxin: il- katidral, il-cantabile jew iċ-ċentru amministrattiv, li seta’ jkun inkorporat ma’ parti mill-palazz tal-gvernatur, u l-udjenza jew il-qorti. Il-pjazza setgħet tkun kbira biżżejjed biex isservi bħala post fejn isiru l-parati militari. Fi żminijiet ta’ kriżi jew ta’ festa, dan kien ikun il-post fejn setgħet tinġabar folla kbira.

Bħall-piazza Taljana u l-praça Portugiża, il-plaza hija ċ-ċentru tal-ħajja tal-komunità ta’ belt jew ta’ raħal li jħaqqaqha magħha biss is-suq. Plaza de toros hija arena fejn issir il-ġlieda tradizzjonali mal-barri jew mat-toru. Il-kumplessi l-kbar tal-ħwienet ġieli jinkorporaw il-kelma plaza f’isimhom, u plaza commercial tintuża f’xi pajjiżi bħala sinonimu għal centro comercial jiġifieri “kumpless kummerċjali jew kumpless kbir tal-ħwienet”.[6]

L-oriġini tal-kelma pjazza fil-biċċa l-kbira tal-lingwi Rumanzi ġejja mil-Latin platea jew mill-Grieg πλατεῖα (ὁδός) plateia (hodos), li tfisser “triq jew mogħdija wiesgħa”.[7]

Renju Unit[immodifika | immodifika s-sors]

Trafalgar Square, Londra

Fir-Renju Unit, u speċjalment f’Londra u f’Edinburgu, square għandha tifsira usa’. Hemm pjazez pubbliċi bħal dawk deskritti hawn fuq, iżda t-terminu jintuża wkoll għal spazji miftuħa formali mdawra minn djar b’ġonna privati fiċ-ċentru, xi kultant magħrufa wkoll bħala pjazez bil-ġonna. Ħafna minn dawn inbnew fis-sekli 18 u 19. F’xi każijiet, il-ġonna issa nfetħu għall-pubbliku.

Barra minn hekk, inħolqu ħafna pjazez pubbliċi fil-bliet u fl-irħula madwar ir-Renju Unit bħala parti mill-iżvilupp urban wara l-Blitz. Il-pjazez jistgħu jkunu wkoll pjuttost żgħar u jkunu jixbħu l-btieħi, speċjalment fil-Belt ta’ Londra. F’Londra, l-iktar eżempju impressjonanti ta’ pjazza li ma tinkorporax il-ġonna u li hija mdawra b’binjiet storiċi hija probabbilment Trafalgar Square. F’Halifax, il-Piece Hall li ġiet irrestawrata dan l-aħħar ġiet deskritta bħala piazza li tikkompeti ma’ ħafna oħrajn fl-Ewropa.

Stati Uniti[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Pjazza msejħa Los Angeles Music Center

F’xi bliet, speċjalment fi New England, it-terminu square (bħall-ekwivalenti bl-Ispanjol plaza) jintuża biex jirreferi għal żona kummerċjali (bħal Central Square f’Cambridge, Massachusetts), li ġeneralment tkun iffurmata madwar l-intersezzjoni ta’ tliet toroq jew iktar, u li oriġinarjament kienet tikkonsisti minn xi żona miftuħa (li ħafna minnhom imtlew bi strutturi tat-traffiku). Ħafna minn dawn l-intersezzjonijiet ikunu irregolari u mhux kwadri.[8]

Bl-Ingliż Amerikan, plaza tista’ tfisser waħda minn bosta affarijiet:[9]

  • pjazza ta’ belt jew ta’ raħal, bħall-Ispanjol
  • kwalunkwe żona miftuħa li ġeneralment tkun tinsab ħdejn bini urban u ħafna drabi jkollha mogħdijiet, siġar u arbuxelli, postijiet fejn toqgħod bilqiegħda, u xi drabi ħwienet
  • ċentru kummerċjali bil-ħwienet ta’ kull daqs
  • struttura tal-ħlas tan-nollijiet, fejn it-traffiku jkollu jieqaf temporanjament biex jitħallsu n-nollijiet
  • żona maġenb awtostrada li jkollha faċilitajiet tas-servizzi (bħal ristoranti, pompa tal-petrol, u tojlits

Il-pajsaġġi metropolitani moderni ħafna drabi jinkorporaw il-pjazza bħala element tad-disinn, jew bħala eżitu tar-regolamenti dwar it-tqassim f’żoni, tad-diffikultajiet baġitarji fil-kostruzzjoni, eċċ. Is-soċjologu William H. Whyte wettaq studju estensiv tal-pjazez fi New York: l-istudju tiegħu umanizza l-mod kif il-pjazez urbani moderni jiġu kunċettwalizzati, u għen biex jibdew isiru bidliet sinifikanti fid-disinn tal-pjazez li jistgħu jintużaw biex jinfetħu spazji għal kwartieri b’introjtu baxx, filwaqt li jsebbħu l-estetika kumplessiva tal-madwar biex jagħtu spinta lill-vitalità ekonomika, lill-mobbiltà tal-persuni bil-mixi u lis-sikurezza tal-persuni bil-mixi. Il-biċċa l-kbira tal-pjazez jinħolqu minn kollaborazzjoni bejn applikanti lokali mingħajr skop ta’ qligħ u uffiċjali tal-belt li tkun teħtieġ approvazzjoni mill-belt.[10]

Fl-Amerika ta’ Fuq kollha, kliem bħal place, square, jew plaza spiss jidhru fl-ismijiet ta’ stabbilimenti kummerċjali bħal kumplessi kbar tal-ħwienet u lukandi.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Watch this Space: Designing, Defending, and Sharing Public Space, Hadley Dyer u Marc Ngui, Kids Can Press (2010), pp. 8-3 u 78, ISBN 9781554532933
  2. ^ ""The Adelaide park lands and city layout" (PDF). Australian Heritage Database: Places for Decision: Class: Historic" (PDF).
  3. ^ "Light's Plan of Adelaide 1837 | Adelaidia". adelaidia.history.sa.gov.au. Miġbur 2021-04-30.
  4. ^ "The Wicked Good Guide to Boston English". www.bu.edu. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-11-30. Miġbur 2021-04-30.
  5. ^ "Piazza fl-Oxford American Dictionary (2001)".
  6. ^ "plaza comercial - English translation – Linguee". Linguee.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-30.
  7. ^ "Definition of plaza | Dictionary.com". www.dictionary.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-30.
  8. ^ Andy Woodruff on 16 June 2010. "Boston squared | Andy Woodruff". Miġbur 2021-04-30.
  9. ^ "Definition of PLAZA". www.merriam-webster.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-30.
  10. ^ "Silver Lake gets an unusual new park space". Los Angeles Times (bl-Ingliż). 2012-03-11. Miġbur 2021-04-30.