Firenze
Firenze ([fiˈrɛntse][1]) hija belt fl-Italja Ċentrali u l-belt kapitali tar-reġjun ta' Toskana. Firenze għandha l-ikbar popolazzjoni fit-Toskana, bi 360,930 abitant, u b'iktar minn 1,520,000 abitant fiż-żona metropolitana kollha.[2]
Firenze kienet ċentru kummerċjali u finanzjarju Medjevali Ewropew u kienet waħda mill-iktar bliet għonja ta' dak iż-żmien.[3] Ħafna akkademiċi jqisuha bħala n-nieqa tar-Rinaxximent, u ġiet imsejħa wkoll "l-Ateni tal-Medjuevu".[4] Matul l-istorja politika turbolenti tagħha, b'diversi rivoluzzjonijiet reliġjużi u repubblikani, tiddomina l-governanza tal-familja potenti Medici.[5] Mill-1865 sal-1871 Firenze kienet il-belt kapitali tar-Renju tal-Italja (stabbilit fl-1861). Id-djalett ta' Firenze pprovda s-sisien tat-Taljan standard u sar il-lingwa tal-kultura fl-Italja kollha minħabba l-kapulavuri prestiġjużi ta' Dante Alighieri, Petrarka, Giovanni Boccaccio, Niccolò Machiavelli u Leonardo da Vinci.[6]
Il-belt tattira miljuni ta' turisti kull sena, u l-UNESCO ddikjarat iċ-Ċentru Storiku ta' Firenze bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-1982 għar-rikkezza kulturali u Rinaxximentali tal-arkitettura u tal-monumenti tagħha.[7] Firenze fiha wkoll għadd ta' mużewijiet u galleriji tal-arti, bħall-Uffizi u Palazzo Pitti, u għadha influwenti ħafna fil-oqsma tal-arti, il-kultura u l-politika. Fid-dawl tal-wirt artistiku u arkitettoniku tal-belt, Forbes ikklassifikat lil Firenze bħala waħda mill-isbaħ bliet fid-dinja.[8]
Firenze taqdi rwol importanti fil-moda Taljana u hija kklassifikata bħala waħda mill-iktar 15-il belt tal-moda ewlenin fid-dinja mill-Global Language Monitor.[9][10] Barra minn hekk, il-belt hija ċentru ekonomiku nazzjonali ewlieni, kif ukoll ċentru turistiku u industrijali. Fl-2008, il-belt kellha s-17-il ogħla introjti medji fl-Italja.[11]
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Territorju
[immodifika | immodifika s-sors]Firenze tinsab f'pożizzjoni xenofrafika, fin-nofs ta' pajsaġġ imdawwar bl-għoljiet u l-muntanji tal-Appennini. Ix-xmara Arno tgħaddi mill-pjanura li fiha tinsab il-belt ta' Firenze. Barra minn hekk, hemm ukoll nixxigħat żgħar bħal Mugnone, Terzolle e x-xmara Greve.
Il-Kunsill Reġjonali ta' Toskana stabbilixxa ż-żona metropolitana tat-tliet provinċji ta' Firenze, Prato u Pistoia fid-29 ta' Marzu 2000, b'popolazzjoni ta' madwar 1,520,000 abitant. Iż-żoni metropolitani tal-pjanura għandhom ambjent antropizzat bil-preżenza ta' żoni industrijali u kummerċjali kbar bi ftit spazji naturali. Fiż-żoni bl-għoljiet hemm interdipendenza qawwija bejn l-abitanti u l-agrikoltura, b'irqajja' żgħar ta' boskijiet antiki, speċjalment lejn in-Nofsinhar u l-Lvant tal-belt. Fil-pjanura hemm żoni umdużi mhux urbani lejn il-Punent tal-belt tul ix-xmara Arno.
It-territorju ġie kklassifikat fuq livell nazzjonali li għandu sismiċità tal-livell 2 jiġifieri pjuttost għolja.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-panorama meteoroloġiku dinji, il-belt ta' Firenze kienet waħda minn tal-bidu li feġġet storikament, bis-saħħa tal-istazzjon meteoroloġiku ta' Firenze Monastero degli Angeli li bejn l-1654 u l-1670 kienet twettaq osservazzjonijiet meteoroloġiċi u reġistrazzjonijiet tad-data termometriku għan-network meteoroloġiku Grandukali, li ġie stabbilit minn Ferdinandu II tal-Medici.[12] Minkejja li għandha klima iktar kiesħa mill-bliet Spanjoli u Franċiżi b'latitudni u b'altitudni simili, il-belt ta' Firenze għandha klima iktar temperata minn Toronto, pereżempju.[13] Minkejja li tinsab għaxar gradi iktar fin-Nofsinhar, Atlanta (Georgia, l-Istati Uniti) għandha klima simili ħafna bħala temperatura, anke jekk il-preċipitazzjonijiet huma iktar subtropikali.[14]
Mill-puntdivista klimatiku, Firenze jkollha sjuf sħan ħafna b'waqtiet ta' sħana eċċessiva u xtiewi pjuttost kesħin u umdużi; fil-fatt skont il-klassifikazzjoni tal-klimi ta' Köppen, il-klima ta' Firenze titqies bħala klima temperata umduża.
Xi kultant fix-xitwa, u xi kultant anke bejn Novembru u Diċembru kif ukoll bejn Frar u Marzu, it-temperatura jaf tinżel ftit gradi taħt iż-żero. Fis-sajf ikun hemm ħafna jiem b'35-36 °C u xi drabi anke jiem li jlaħħqu jew saħansitra jisbqu l-40 °C. Ir-rekords tat-temperaturi massimi u minimi li qatt ġew irreġistrati fl-istazzjon meteoroloġiku tal-ajruport ta' Peretola fil-periferija lejn il-Majjistral tal-belt laħħqu t-42.6 °C fis-26 ta' Lulju 1983 u saħansitra −23.2 °C fit-12 ta' Jannar 1985.
Ix-xita tinżel l-iktar fir-rebbiegħa u fil-ħarifa, kemm-il darba b'xita qliel. L-iktar sena li kienet niżlet xita f'Firenze kienet l-1937 b'total ta' 1,269.9 mm, filwaqt li fl-1894 kienet l-inqas sena li kienet niżlet xita b'total ta' 433.7 mm. Kważi kull sena tinżel il-borra anke jekk mhux wisq. Fix-xhur tas-sajf spiss ikun hemm perjodi ta' riħ isfel u sħana kbira.[15]
Firenze Peretola | Xhur | Staġjuni | Sena | ||||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Jan | Frar | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Xitwa | Reb. | Sajf | Ħarifa | ||
T. mass. medja (°C) | 10,1 | 12,0 | 15,0 | 18,8 | 23,4 | 27,3 | 31,1 | 30,6 | 26,6 | 21,1 | 14,9 | 10,4 | 10,8 | 19,1 | 29,7 | 20,9 | 20,1 |
T. min. medja (°C) | 1,4 | 2,8 | 4,9 | 7,7 | 11,3 | 14,7 | 17,2 | 17,0 | 14,2 | 10,0 | 5,5 | 2,4 | 2,2 | 8,0 | 16,3 | 9,9 | 9,1 |
T. mass. assoluta (°C) | 19,0
(1985) |
23,4
(1991) |
25,8
(1989) |
31,2
(2012) |
35,0
(2009) |
40,0
(1990) |
42,6
(1983) |
41,1
(2003) |
36,7
(1949) |
31,6
(2011) |
27,0
(2004) |
20,4
(1989) |
23,4 | 35,0 | 42,6 | 36,7 | 42,6 |
T. min. assoluta (°C) | −23,2
(1985) |
−11,4
(1956) |
−11,6
(1949) |
−3,2
(2003) |
1,0
(1957) |
5,6
(1975) |
8,0
(1954) |
9,2
(1963) |
3,6
(1977) |
−2,6
(1970) |
−6,0
(1981) |
−10,2
(2005) |
−23,2 | −11,6 | 5,6 | −6,0 | −23,2 |
Jiem ta' ġlata (Tmin ≤ 0 °C) | 12 | 9 | 4 | 1 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 5 | 10 | 31 | 5 | 0 | 5 | 41 |
Livell ta' sħab (okta kuljum) | 4,9 | 4,7 | 4,7 | 4,9 | 4,4 | 3,8 | 2,7 | 2,8 | 3,3 | 3,8 | 4,9 | 5,1 | 4,9 | 4,7 | 3,1 | 4,0 | 4,2 |
Preċipitazzjonijiet (mm) | 73,1 | 69,2 | 80,1 | 77,5 | 72,6 | 54,7 | 39,6 | 76,1 | 77,5 | 87,8 | 111,2 | 91,3 | 233,6 | 230,2 | 170,4 | 276,5 | 910,7 |
Jiem ta' xita | 9 | 8 | 9 | 9 | 9 | 6 | 4 | 6 | 6 | 7 | 10 | 9 | 26 | 27 | 16 | 23 | 92 |
Umdità relattiva medja (%) | 76 | 70 | 66 | 68 | 68 | 68 | 65 | 66 | 69 | 73 | 76 | 78 | 74,7 | 67,3 | 66,3 | 72,7 | 70,3 |
Pressjoni f'0 metri (hPa) | 1 017 | 1 015 | 1 015 | 1 013 | 1 015 | 1 015 | 1 015 | 1 014 | 1 017 | 1 018 | 1 015 | 1 014 | 1 015,3 | 1 014,3 | 1 014,7 | 1 016,7 | 1 015,3 |
Riħ(direzzjoni-m/s) | N
4,2 |
N
4,3 |
NE
4,3 |
N
4,1 |
SW
3,8 |
W
3,8 |
W
3,8 |
W
3,6 |
NE
3,8 |
NE
4,3 |
N
4,2 |
N
4,2 |
4,2 | 4,1 | 3,7 | 4,1 | 4,0 |
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Storja antika
[immodifika | immodifika s-sors]Il-pjanura ta' Firenze u l-għoljiet tal-madwar ilhom abitati minn żminijiet preistoriċi, kif jistgħu jixhdu diversi fdalijiet arkeoloġiċi li nstabu fl-akkwati.
L-ewwel insedjament stabbli kien villaġġ mibni fuq il-puntali, li ġie stabbilit għall-ħabta tad-disa' seklu Q.K. mill-Etruski, qrib xatt bl-ilma baxx tax-xmara Arno. Dan il-villaġġ inbena apposta fin-nofs tal-pjanura għammiela. Lejn il-150 Q.K., l-Etruski tar-raħal viċin ta' Visul (illum il-ġurnata Fiesole), fil-quċċata taż-żona bl-għoljiet, stabbilew belt oħra qrib l-Arno, sabiex jisfruttaw il-preżenza tal-mogħdijiet tal-ilma, u bnew pont tal-injam.
Fi żmien l-Etruski, Firenze kienet imsejħa Florentia, bil-Latin, li kien lingwa li bdiet issib saqajha u tintuża fil-wied minn diversi nies li kienu jittranżitaw minn dawn l-inħawi.
Florentia kien isem li jawgura tajjeb u li jfisser: "j'Alla tiffjorixxi" jew "belt li tiffjorixxi". Din l-istess tradizzjoni fit-tismija tal-bliet insibuha fl-ismijiet ta' bliet oħra fil-qrib bħal Potentia, Piacentia, Valentia, Pollentia anke f'reġjuni oħra tal-Imperu. Pereżempju, Granada fi Spanja kienet imsejħa Florentia Illiberitana. L-oriġini ta' isem il-belt ta' Firenze mill-kelma Florentia ġiet ikkonfermata wkoll mill-Accademia della Crusca.[16]
Wara l-gwerer bejn Silla u Mario, ir-raħal Visul tal-Etruski sar Ruman, u ngħata l-isem bil-Latin ta' Fæsule u, fid-59 Q.K., bis-saħħa tal-Liġi Ġulja, anke Florentia saret castrum għar-Rumani veterani. Florentia ġiet imdawra bi swar, bi pjanta rettangolari tipika, bi pjazza ċentrali li minnha kienu jgħaddu t-toroq prinċipali.
Fil-bidu tar-raba' seklu, il-belt kienet sede ta' djoċesi u ġiet definita Municipium splendidissimum. Minn żmien l-imperatur Adrijanu, il-belt kienet ikkollegata ma' Ruma permezz tat-triq ta' Cassia. Taħt it-tmexxija ta' Djoklezjanu saret Corrector Italiae (belt kapitali tal-Etrurja u tal-Umbria) u mbagħad għaddiet minn taħt idejn il-Biżantini, l-Ostrogoti, il-Longobardi u l-Franki. Matul dawn il-ħakmiet, il-popolazzjoni naqset għal ftit eluf ta' persuni.
Storja tal-Medjuevu
[immodifika | immodifika s-sors]Mis-seklu X il-belt ta' Firenze bdiet tiżviluppa u fl-1115 saret Komun awtonomu. Fis-seklu XIII faqqgħet ġlieda interna bejn il-Gibellini, li kienu jappoġġaw l-imperatur tal-Imperu Ruman Sagru, u l-Gwelfi, li kienu favur il-Papat Ruman. Wara ħafna tilwim, il-Gwelfi rebħu l-hekk imsejħa battalja tal-għolja fis-17 ta' Ġunju 1269, iżda mbagħad inqasmu internament fl-hekk imsejħa Gwelfi Bojod u Gwelfi Suwed (Dante Alighieri stess ġie skjerat fil-fazzjoni tal-Gwelfi Bojod).
Il-kunflitt politiku intern ma xekkilx lill-belt milli tiżviluppa, tant li saret waħda mill-iktar bliet b'saħħithom u fejn l-iktar tkattar il-ġid fl-Ewropa. Dan seħħ bl-għajnuna tal-munita tad-deheb tal-belt ta' Firenze stess, il-fjorin (li beda jintuża fl-1252), bis-saħħa tad-dekadenza tal-belt rivali tagħha Pisa (li tilfet kontra Genova fl-1284 u nxtrat minn Firenze fl-1406), kif ukoll permezz tal-qawwa kummerċjali tagħha frott il-kostituzzjoni kontra l-aristokrazija magħrufa bħala "Ordinamenti tal-ġustizzja" ta' Giano della Bella (1293). L-espansjoni territorjali kienet tirrigwarda wkoll ir-Romagna u fil-bidu tas-seklu XV waslet sa Forlì, li dak iż-żmien kienet taħt id-dominju tal-Ordelaffi, u l-akkwist ta' Castrocaro (1403).[17] B'hekk twieldet l-hekk imsejħa Romagna Toskana.
Mill-istima tal-popolazzjoni li qabel il-pesta s-sewda tal-1348 kienet ta' 80,000 persuna (eżatt wara dik tal-Venezja, u qabel dik ta' Milan u Bolonja), 25,000 persuna kienu jaħdu fl-industrija tas-suf. Fl-1345, f'Firenze seħħ strajk min-naħa taċ-Ciompi, li fl-1378 organizzaw rewwixta qasira kontra d-dominju oligarkiku tal-belt. Wara r-repressjoni, il-belt ta' Firenze spiċċat taħt id-dominju tal-familja Albizi (1382-1434), għedewwa kbar u prekursuri tal-familja Medici.
Kien proprju taħt id-dominju, anzi s-Signoria, ta' din il-familja tal-aħħar li Firenze esperjenzat x'aktarx l-aqwa żmien tagħha. Mill-bidu tal-1437 u għal diversi sekli, il-familja Medici biex juru l-qawwa tagħhom, iżda anke bħala ġest ta' mħabba lejn iċ-ċittadini u l-belt tagħhom, impjegaw l-aqwa artisti, litterati, umanisti u filosofi ta' dak iż-żmien biex isebbħu l-belt ta' Firenze. Fosthom kien hemm Michelangelo Buonarroti, Pico della Mirandola, Sandro Botticelli, Galileo Galilei, Filippo Brunelleschi u Leonardo da Vinci.
Storja Rinaxximentali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt ta' Firenze hija magħrufa bħala n-nieqa tar-Rinaxximent. Kull fejn wieħed iħares, x'aktarx jilmaħ xi binja, monument, mużew, statwa, pjazza jew knisja frott l-iżvilupp letterarju, artistiku u xjentifiku straordinarju ta' bejn is-sekli XIV-XVI. Permezz tal-artisti, l-għorrief, il-filosofi, u x-xjenzati ta' fama dinjija tagħha (biżżejjed wieħed isemmi lil Leonardo da Vinci, li hawnhekk ħoloq il-kapulavuri tiegħu bħall-Mona Lisa, Michelangelo, Raffaello, Sandro Botticelli, Niccolò Machiavelli, Filippo Brunelleschi, Galileo fost ħafna oħrajn), Firenze gawdiet materjalment u spiritwalment minn din il-bidla soċjali kbira u saret wieħed mill-postijiet li xprunaw dan il-moviment Rinaxximentali u wieħed miċ-ċentri l-iktar importanti tat-twelid mill-ġdid tal-kultura fid-dinja.
Storja moderna
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel perjodu ta' dominju tal-familja Medici ntemm bir-ritorn ta' gvern repubblikan, bl-influwenza mit-tagħlim tal-pirjol radikali Domenicano Girolamo Savonarola (li ġie ġustizzjat fl-1498 u li qabel miet ħalla trattat fuq il-gvern ta' Firenze). Fis-sekli ta' wara, kliem il-pirjol spiss qanqal kontroversji reliġjużi. L-avvenimenti ta' dak iż-żmien wasslu għal modifika tas-sistema lajka tal-belt li kienet ibbażata fuq gvernijiet immexxija minn xi konslu jew podestà (qisu sindku ta' dak iż-żmien). Figura importanti oħra kien Niccolò Machiavelli. L-indikazzjonijiet li kien ta għall-gvern ta' Firenze biex titmexxa minn xi ħadd b'poter qawwi, sikwit jiġu interpretati bħala leġittimazzjoni le cui indicazioni per il governo di Firenze da parte di una figura forte sono spesso lette come una legittimazione tal-qerq jew anke tal-abbużi tal-poter min-naħa tal-politiċi. Fis-16 ta' Mejju 1527, iċ-ċittadini ta' Firenze reġgħu keċċew il-familja Medici – li kienet reġgħet kisbet il-poter permezz tal-Ispanjoli fl-1521 – u mill-ġdid reġgħu stabbilew repubblika.
Madankollu, fl-1530, bl-appoġġ kemm tal-Imperatur kif ukoll tal-Papa, il-familja Medici kisbu l-poter għal darb'oħra. Fl-1532 saru duki ereditarji ta' Firenze u fl-1555, permezz ta' eżerċtu msawwar flimkien mal-alleati Spanjoli u Ġermaniżi, rebħu kontra Siena fil-Battalja ta' Scannagallo. Bis-saħħa tad-digriet tal-paċi ta' Cateau-Cambrésis, kisbu t-territorju kollu tar-Repubblika ta' Siena, għajr il-kosta ta' Maremma li saret parti mill-Istat tal-Presidi taħt il-kontroll tal-Ispanjoli permezz tal-Viċire ta' Napli. Cosimo (tal-familja Medici) kellu f'idejh il-gvern ta' żewġ Stati: l-Istat "Qadim" ta' Firenze u l-Istat il-"Ġdid" ta' Siena. Iż-żewġ stati kienu Dukati awtonomi separati fil-livell tal-istrutturi politiċi kif ukoll fil-livell tal-istrutturi istituzzjonali, iżda mbagħad kienu magħqudin taħt Sovran uniku. Din il-qagħda ambigwa ġiet solvuta fis-27 ta' Awwissu 1569, meta kiseb it-titlu ta' Gran Duka ta' Toskana mill-Papa Piju V, u dan indika li kellu poter kemm fuq id-Dukat ta' Siena kif ukoll fuq dak ta' Firenze.
Fis-seklu XVII, il-belt ta' Firenze laħqet il-quċċata tagħha fil-qasam tax-xjenza. Bejn l-1654 u l-1670, Firenze kienet waħda mill-ewwel bliet fid-dinja fil-qasam tal-meteoroloġija, bis-saħħa tal-istazzjon tal-meteoroloġija ta' Firenze Monastero degli Angeli, qrib il-monasteru bl-istess isem tal-istazzjon. Dan l-istazzjon kien jagħmel osservazzjonijiet tat-temp u jirreġistra d-data dwar it-temperaturi skont skala ta' Firenze ta' 50º skont in-network tal-meteoroloġija tal-Gran Dukat li kien ġie stabbilit dak iż-żmien minn Ferdinandu II tal-Medici li kienu jagħmlu parti minnu stazzjonijiet oħra tat-Toskana bħal dawk ta' Vallombrosa, Pisa u Cutigliano, stazzjonijiet oħra tal-Italja bħal dawk ta' Bolonja, Parma u Milan, kif ukoll stazzjonijiet oħra tal-Ewropa bħal dawk ta' Innsbruck, Varsavja u Pariġi. Fl-istess żmien, f'Firenze twaqqfet l-Accademia del Cimento (Akkademja tal-Esperiment), li kompliet tħeġġeġ l-esperimenti fil-qasam tax-xjenza.
Matul is-sekli Firenze rnexxielha tirrenja fuq it-Toskana kollha, ħlief ir-Repubblika ta' Lucca, li baqgħet indipendenti u sovrana sas-seklu 18 (sal-wasla ta' Napuljun Bonaparte fl-Italja, li qatta' seba' snin minn ħajtu hemmhekk), u d-Dukat ta' Massa u l-Prinċipat ta' Carrara, li baqgħu indipendenti sal-1829, meta ġew assorbiti mid-Dukat ta' Modena. Il-Gran Dukat l-ewwel sar ir-Renju tal-Etrurja u mbagħad ġie assorbit direttament bħala parti mit-territorju Franċiż. F'dan il-perjodu seħħ serq kbir mill-monumenti tat-Toskana. It-tmiem tad-dinastija tal-familja Medici u t-tlugħ fil-poter ta' Francesco Stefano fl-1737, id-duka ta' Lorraine u r-raġel ta' Marija Tereża tal-Awstrija, wasslu biex it-Toskana tiġi inkluża fit-territorji li kellhom influwenza fuqhom l-Asburġiċi. Il-Gran Duka Pietru Leopoldu, fit-30 ta' Novembru 1786, ippromulga kodiċi kriminali ġdid u bis-saħħa tiegħu, għall-ewwel darba fl-istorja tal-istati moderni, ġew aboliti l-piena tal-mewt u t-tortura.
Storja kontemporanja
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-renju tad-dinastija Awstrijaka spiċċa l-ewwel f'idejn Franza u mbagħad ġie anness mar-Renju ta' Sardenja fl-1859 qabel ma sar ir-Renju tal-Italja fl-1861.
Firenze ħadet post Torino bħala l-belt kapitali tal-Italja fl-1865, fuq talba ta' Napuljun III abbażi tal-Konvenzjoni ta' Settembru, u fl-1871 Ruma ħadet post Firenze bħala l-belt kapitali meta ġiet annessa mar-Renju.
Fit-18 ta' Mejju 1895, seħħ l-ikbar terremot li qatt ġie rreġistrat fil-belt, u Firenze ġarrbet ħsarat kbar anke f'binjiet monumentali.
Matul is-seklu XIX, il-popolazzjoni ta' Firenze rdoppjat, u mbagħad ittriplikat matul is-seklu XX bit-tkabbir permezz tat-turiżmu, il-kummerċ, is-servizzi finanzjarji u l-industrija.
Waqt it-Tieni Gwerra Dinjija l-belt ġiet okkupata għal sena mill-Ġermaniżi (1943-1944).
Fl-aħħar ta' Lulju u l-bidu ta' Awwissu 1944, it-truppi tal-eżerċtu tat-tieni diviżjoni ta' New Zealand waslu fl-għoljiet ta' Pian dei Cerri, u wara ħafna jiem ta' ġlied aħrax mal-Ġermaniżi, rebħulhom.
Il-belt ta' Firenze inħelset mill-eżerċtu ta' New Zealand fl-4 ta' Awwissu 1944 u mill-ġlied tal-brigati partiġjani tal-Kumitat tat-Toskana għall-Ħelsien Nazzjonali fil-11 ta' Awwissu 1944, wara li ġarrbet ħsarat kbar, bħat-tiġrif ta' pontijiet (ħlief Ponte Vecchio, grazzi għall-inizjattiva tal-konslu Ġermaniż Gerhard Wolf) u binjiet residenzjali minħabba l-mini tal-art li ħallew warajhom il-Ġermaniżi qabel ħarbu.[18] Firenze hija waħda mill-iktar bliet li ngħatat onorifiċenzi għall-Qlubija Militari fil-Gwerra tal-Ħelsien peress li ngħatat il-Medalja tad-Deheb għall-Qlubija Militari għas-sagrifiċċji tal-popolazzjoni tagħha u għall-attivitajiet tagħha fil-ġlied bejn il-partiġjani waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.
L-4 ta' Novembru 1966 huwa jum li daħal fl-istorja ta' Firenze minħabba għargħar kbir li seħħ. Il-biċċa l-kbira taċ-ċentru tal-belt ġie mgħerreq bl-ilma mix-xmara Arno. Dan l-għargħar ġab miegħu devastazzjoni kbira qalb il-knejjes, il-binjiet storiċi u l-mużewijiet, kif ukoll għexieren ta' nies mejta. Barra minn hekk, qered l-arkivji, l-opri tal-arti, u ħafna volumi prezzjużi ta' kotba fil-Biblijoteka Nazzjonali Ċentrali. Biex tkompli tgħaxxaq, iċ-ċisterni tal-karburant infaqgħu u dan malajr niġġes l-ilma tax-xmara u wassal għal iktar ħsara. Il-Kurċifiss prezzjuż ta' Cimabue tal-Knisja tal-Kurċifiss Imqaddes imtela tajn u sar simbolu tad-devastazzjoni tal-għargħar. Din it-traġedja qanqlet solidarjetà kbira mid-dinja kollha u fuq livell nazzjonali twieled spontanjament grupp ta' volontarjat magħruf bħala l-anġli tat-tajn, magħmul minn żgħażagħ mill-Italja kollha li marru jagħtu daqqa t'id biex ineħħu t-tajn u l-ilma bit-tama li jiġu rkuprati ħafna mit-teżori artistiċi danneġġati.
Simboli
[immodifika | immodifika s-sors]Is-simbolu fuq l-istemma ta' Firenze huwa l-fleur-de-lis jew il-ġilju, u ilu s-simbolu tal-belt mis-seklu XI. Illum il-ġurnata l-ġilju huwa aħmar fuq sfond abjad, għalkemm fl-imgħoddi l-kuluri kienu bil-kontra b'referenza għall-kulur tal-Iris florentina. Il-kuluri attwali jmorru lura għall-1251 meta l-Gibellini, eżiljati minn Firenze, baqgħu jħaddnu s-simbolu tal-belt bħallikieku tagħhom. Għalhekk, il-Gwelfi, li kellhom lil Firenze taħt il-kontroll tagħhom, għamlu l-kuluri bil-maqlub biex jiddistingwu ruħhom mill-għadu u s-simbolu baqa' hekk sa żminijietna. Fl-1809, Napuljun Bonaparte pprova jimponi simbolu ġdid permezz ta' digriet: il-pjanta tal-ġilju bl-inwar fuq ħaxix aħdar u sfond fiddien bi strixxa ħamra u tliet naħliet kulur id-deheb (li huwa simbolu li kien jingħata lill-bliet il-kbar tal-imperu ta' Napuljun). Madankollu, id-digriet qatt ma ġie implimentat u s-simbolu tradizzjonali ta' Firenze baqa' dak tal-Gwelfi sal-lum.
Fit-tradizzjoni tal-commedia dell'arte, il-maskra li hija simbolu tal-belt ta' Firenze tissejjaħ Stenterello.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt ta' Firenze hija magħrufa bħala waħda mill-isbaħ bliet mhux biss fl-Italja imma anke fid-dinja. Fl-1982, Firenze tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO abbażi ta' saħansitra ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem", il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ", il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet", il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem", u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[7]
Il-belt ta' Firenze nbiet fuq sit ta' insedjament tal-Etruski u tinkorpora 600 sena ta' attività artistika ta' valur universali straordinarju. Minkejja dan, il-belt hija s-simbolu tar-Rinaxximent, meta Firenze laħqet il-quċċata tagħha taħt id-dominju ekonomiku u kulturali tal-familja Medici fis-sekli 15 u 16.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Luciano Canepari, Firenze, in Il DiPI – Dizionario di pronuncia italiana, Zanichelli, 2009, ISBN 978-88-08-10511-0.
- ^ ""Bilancio demografico anno 2013, dati ISTAT"". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt:
|koawturi=
u|aċċess=
(għajnuna) - ^ ""Economy of Renaissance Florence, Richard A. Goldthwaite, Book – Barnes & Noble". Search.barnesandnoble.com. Arkivjat 04-04-2010". Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-04-04. Miġbur 2021-02-07. Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt:
|aċċess=
u|koawturi=
(għajnuna)Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link) - ^ ""Firenze-del-rinascimento: Documenti, foto e citazioni nell'Enciclopedia Treccani"". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt:
|koawturi=
u|aċċess=
(għajnuna) - ^ Brucker, Gene A. (1969). Renaissance Florence. New York: Wiley. p. 23. ISBN 978-0520046955.
- ^ ""Storia della lingua in 'Enciclopedia dell'Italiano'". Treccani.it". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt:
|koawturi=
u|aċċess=
(għajnuna) - ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Florence". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-06.
- ^ "Tim Kiladze (22 January 2010). "World's Most Beautiful Cities". Forbes". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt:
|koawturi=
u|aċċess=
(għajnuna) - ^ ""FASHION: Italy's Renaissance". TIME". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-08-27. Miġbur 2021-02-07. Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt:
|aċċess=
u|koawturi=
(għajnuna) - ^ ""Paris Towers Over World of Fashion as Top Global Fashion Capital for 2015". Languagemonitor.com". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-08-18. Miġbur 2021-02-07. Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt:
|aċċess=
u|koawturi=
(għajnuna) - ^ ""La classifica dei redditi nei comuni capoluogo di provincia". Il Sole 24 ORE". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-05-12. Miġbur 2021-02-07. Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt:
|aċċess=
u|koawturi=
(għajnuna) - ^ ""Visita IMSS"". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt:
|koawturi=
u|aċċess=
(għajnuna) - ^ ""The Typical Weather Anywhere on Earth - Weather Spark, weatherspark.com."". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt:
|koawturi=
u|aċċess=
(għajnuna) - ^ ""Interactive Equivalent Latitude Map | Chris Polis, ByteMuse.com, www.bytemuse.com."". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt:
|koawturi=
u|aċċess=
(għajnuna) - ^ "Valuri medji klimatiċi annwali qrib Firenze Peretola". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt:
|koawturi=
u|aċċess=
(għajnuna) - ^ ""Perché Firenze si chiama così: la Crusca risponde" - La Nazione". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt:
|koawturi=
u|aċċess=
(għajnuna) - ^ Francesco Guicciardini, Storie fiorentine, cap. I.
- ^ ""Hubert Howard, Entrata a Firenze"". Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt:
|koawturi=
u|aċċess=
(għajnuna)