Mona Lisa
Mona Lisa (Taljan: La Gioconda, Franċiż: La Joconde) |
Leonardo da Vinci, c. 1503–1506 |
Pittura biż-żejt |
77 × 53 ċm |
Musée du Louvre, Pariġi |
Il-Mona Lisa (magħrufa wkoll bħala La Gioconda) hija pittura tas-seklu 16, imwettqa biż-żejt fuq panew tal-luq minn Leonardo da Vinci fi żmien ir-Rinaxximent Taljan. Dan ix-xogħol huwa propjetà tal-Gvern ta' Franza u jinsab espost ġewwa l-Louvre f'Pariġi (Franza) bit-titlu Xbieha ta' Lisa Gherardini, mart Francesco del Giocondo.[1]
Il-pittura turi nofs xbieha ta' mara b'espressjoni sikwit deskritta bħala enigmatika.[2][3] L-ambigwità espressiva tas-suġġett, il-qagħda monumentali tal-figura u l-immudellar delikat tal-forom u l-illużjoniżmu atmosferiku kienu kwalitajiet innovattivi li taw sehemhom fis-seħer li l-pittura dejjem kellha matul iż-żmien.[1] Ftit xogħlijiet oħra ta' pittura kienu suġġetti għal daqstant eżaminazzjoni, studju, mitoloġija u parodija.[4]
Il-Kuntest Storiku tal-Pittura
[immodifika | immodifika s-sors]Leonardo da Vinci beda jaħdem fuq il-Mona Lisa fl-1503 fi żmien ir-Rinaxximent Taljan u, skont Giorgio Vasari, "wara li dam iġebbed erba' snin, ma lestihiex..."[5] Huwa maħsub li Leonardo ssokkta jaħdem fuqha għal tliet snin wara li mar joqgħod Franza u li lestiha ftit qabel miet fl-1519.[6] Leonardo ġarr il-pittura mill-Italja għal Franza fl-1516, meta r-Re François I stieden lill-pittur biex jaħdem fil-Clos Lucé, qrib il-kastell tar-re f'Amboise. X'aktarx ir-re xtara l-pittura mingħand il-werrieta ta' Salai[7], l-assistent ta' Leonardo, b'4,000 skud u żammha f'Château Fontainebleau. Din baqgħet hemm sakemm ingħatat lil Luiġi XI, li wara ħa l-pittura fil-Palazz ta' Versailles. Wara r-Rivoluzzjoni Franċiża l-Mona Lisa ttieħdet fil-Louvre. Napuljun I poġġiha fil-kamra tas-sodda tiegħu fil-Palazz tat-Tuileries u wara reġgħet ittieħdet għal darba oħra fil-Louvre. Waqt il-Gwerra Franko-Prussjana (1870-1871) iċċaqilqet mil-Louvre għal moħba xi mkien fi Franza.
Il-Mona Lisa ma kenitx magħrufa wisq sakemm, f'nofs is-seklu 19, l-artisti tal-Muviment Simbolista nibbieta bdew japprezzawha u jassoċjawha mal-ideat tagħhom tal-mistika femminili. Il-kritiku Walter Pater, fl-artiklu tiegħu tal-1867 dwar Leonardo, iddeskriva l-figura fil-pittura bħala għamla ta' inkarnazzjoni mitika tal-femminilità eterna, għaliex hija "ixjeħ mill-ġebel li fosthom tinsab bilqiegħda" u għaliex "kienet mejta ħafna drabi u tgħallmet is-sigrieti tal-qabar."
Suġġett u Titlu
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Mona Lisa hija msemmija għal Lisa del Giocondo [8][9], membru tal-familja Gherardini ta' Firenze u Toskana u l-mara tan-negozjant għani tal-ħarir minn Firenze Francesco del Giocondo[7]. Il-pittura ġiet ikkummissjonata għad-dar il-ġdida tagħhom kif ukoll biex jiċċelebraw it-twelid tat-tieni tifel tagħhom, Andrea [10].
L-identità tas-suġġett ġiet aċċertata fl-Università ta' Heidelberg fl-2005, meta espert bibljotekarju skopra nota ta' Agostino Vespucci miktuba fil-ġenb fl-1503 [11]. L-istudjużi kellhom diversi fehmiet, u dawn mhux biss identifikaw minn tal-anqas erba' pitturi oħra bħala l-Mona Lisa iżda pproponew ukoll bosta nies oħra bħala s-suġġett possibbli tal-pittura [12][13][14]. Omm Leonardo Caterina[15], Iżabella ta' Napli jew Aragon [16], Cecilia Gallerani [17], Costanza d'Avalos (imsejħa wkoll "il-ferħana" jew La Gioconda)[14], Isabella d'Este, Pacifica Brandano jew Brandino, Isabela Gualanda, Caterina Sforza, u Leonardo stess kollha ssemmew bħala suġġetti possibbli [18][6]. Dan iż-żmien huwa aċċettat li s-suġġett hija Lisa u dan kien minn dejjem it-twemmin tradizzjonali [11].
It-titlu tal-pittura ttieħed minn deskrizzjoni fil-bijografija ta' Leonardo da Vinci ta' Giorgio Vasari, li ġiet ippubblikata fl-1550 jiġifieri 31 sena wara l-mewt tal-artista. "Leonardo ħa f'idejh li jpinġi għal Francesco del Giocondo xbihet Mona Lisa, martu..."[5] (bit-Taljan: Prese Lionardo a fare per Francesco del Giocondo il ritratto di mona Lisa sua moglie)[19]. Bit-Taljan, ma donna tfisser sinjura tiegħi. Din ġiet madonna u tqassret f'mona. Mona għaldaqstant hija forma pulita ta' indirizz. Fit-Taljan modern, il-forma mqassra ta' madonna hija spelluta bħala Monna, jiġifieri xi mindaqqiet it-titlu jidher bħala Monna Lisa. Din hija aktar frekwenti fil-lingwi Rumanzi, bħal fil-Franċiż u t-Taljan, iżda rari fl-Ingliż.
Fil-mewt ta' Leonardo fl-1525, l-assistent tiegħu Salai sar il-proprjetarju tal-pittura, minħabba li din ingħatat lilu mill-artista u tniżżlet fid-dokumenti personali tiegħu bħala La Gioconda. Gioconda, li bit-Taljan tfisser "ferriħija" u "pjaċevoli", kien għaldaqstant laqam mogħti lis-suġġett u logħba bil-kliem dwar il-forma femminili ta' kunjomha Giocondo[7][20]. Fil-Franċiż, it-titlu La Joconde għandu l-istess tifsira doppja.
Estetika
[immodifika | immodifika s-sors]Leonardo uża disinn forma ta' piramida sabiex iqiegħed il-mara b'mod sempliċi u kalm fl-ispazju tal-pittura. Dirgħajha marbutin jieħdu r-rokna tax-xellug tal-piramida. Id-dawl li jixgħel fuq sidirha, għonqha u wiċċha huwa l-istess li jagħti forma lil idejha. Milli jidher, Leonardo kien jirrikorri għall-formola sempliċi tax-xbieha tal-Madonna bilqiegħda (li dak iż-żmien kienet popolari) sabiex ipitter il-figura tal-mara bilqiegħda. Irnexxielu jimmodifika din il-formola b'suċċess sabiex b'hekk joħloq l-illużjoni viżwali tad-distanza bejn is-suġġett u l-osservatur. Driegħ is-siġġu jaħdem bħala element li jifred il-Mona Lisa mill-osservatur.
Il-mara bilqiegħda tinsab f'qagħda dritta u prominenti b'dirgħajha marbutin, simbolu tan-natural riżervat tagħha. Il-ħarsa profonda tagħha ssammar l-osservatur u tidher tistiednu biex tikkomunika miegħu fis-skiet. Peress li l-wiċċ imdawwal huwa prattikament imdawwar b'elementi ħafna aktar skuri (ix-xagħar, il-velu, id-dellijiet), l-osservatur jinġibed ħafna aktar lejn wiċċ il-Mona Lisa. Għaldaqstant il-kompożizzjoni tal-figura toħloq effett ambigwu: l-osservatur jinġibed lejn din il-mara misterjuża iżda jkollu jżomm id-distanza, bħallikieku kienet ħlejqa divina. Mhemm ebda ħjiel ta' djalogu intimu bejn il-mara u l-osservatur, bħalma jiġri fil-każ tax-xbieha ta' Baldassare Castiglione (fil-Louvre) li saret minn Raffaello xi għaxar snin wara l-Mona Lisa, li ġie bla dubju ta' xejn influwenzat mix-xogħol ta' Leonardo.
Din il-pittura kienet fost l-ewwel xbiehat li juru suġġett fuq sfond immaġinarju. Il-mara enigmatika tidher bilqiegħda f'donnha loġġa miftuħa fejn hemm bażi ta' kolonna skura fuq kull naħa. Warajha tinsab veduta li tieqaf hekk kif jibdew il-muntanji miksija bis-silġ. Il-mogħdijiet imserrpin u l-pont imbiegħed jagħtu ħjiel ċkejken ta' preżenza umana. Il-kurvi senswali ta' xagħar il-mara u ħwejjiġha, maħluqin bl-isfumato, jidwu fil-widien immaġinarji mmewġin u fix-xmajjar ta' warajha. Ix-xfar sfumati, il-figura grazzjuża, il-kuntrasti drammatiċi bejn iċ-ċar u l-iskur, u s-sensazzjoni ġenerali ta' kalma huma kollha karatteristika tal-istil ta' Leonardo. Minħabba li Leonardo kiseb din is-sinteżi espressiva bejn is-suġġett u l-veduta, huwa diskutibbli jekk il-Mona Lisa għandhiex tkun meqjusa xbieha tradizzjonali li tirreppreżenta l-mara ideali aktar milli l-mara reali. Is-sens ta' armonija ġenerali miksub fil-pittura, b'mod speċjali fil-ħjiel ta' tbissima fuq fomm is-suġġett, jirrifletti l-idea li kellu Leonardo tal-għaqda bejn il-bniedem u n-natura.
Il-Mona Lisa m'għandha ebda xagħar fuq wiċċha, la fuq ħuġbejha u lanqas fuq il-kpiepel ta' għajnejha. Xi riċerkaturi jisħqu li dak iż-żmien in-nisa ta' klassi kellhom użanza jneħħuh dan, minħabba li kien meqjus ħaġa mhux ta' quddiem in-nies [21][22]. Għall-osservaturi moderni n-nuqqas tax-xagħar tal-għajnejn iżid mal-kwalità kemxejn semiastratta tal-wiċċ.
Serq u Vandaliżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Mona Lisa qiegħda attwalment esposta fil-Musée du Louvre f'Pariġi, fi Franza. Il-fama dejjem tiżdied tal-pittura ġiet aktar enfasizzata meta nsterqet fil-21 ta' Awwissu 1911. L-għada l-pittur Louis Béroud daħal fil-Louvre u mar fis-Salon Carré fejn il-Mona Lisa kienet ilha esposta għal ħames snin. Iżda minflok il-Mona Lisa sab erba' grampuni tal-ħadid. Béroud sejjaħ il-kap tas-sezzjoni tal-gwardji, li ħaseb li t-tpinġija kienu qegħdin jitteħdulha xi ritratti għall-skopijiet kummerċjali. Ftit sigħat wara, Béroud reġa' sejjaħ il-kap tas-sezzjoni tal-mużew, u ġie kkonfermat li l-Mona Lisa ma tteħditx mill-fotografi. Il-Louvre ingħalaq għal ġimgħa sħiħa sabiex tiġi ffaċilitata l-investigazzjoni tas-serqa.
Is-suspett waqa' fuq il-poeta Franċiż Guillaume Apollinaire, li kien saħaq li l-Louvre għandu "jinħaraq", u għalhekk ġie arrestat u mitfugħ il-ħabs. Apollinaire ipprova jdaħħal lil sieħbu Pablo Picasso fil-kwistjoni, li nġieb huwa wkoll għall-interrogazzjoni, iżda t-tnejn inħelsu aktar tard [23].
Dak iż-żmien kien maħsub li l-pittura ntilfet għalkollox u kien biss wara sentejn li nqabad il-ħalliel. L-impjegat fil-Louvre Vincenzo Peruggia seraq il-Mona Lisa billi daħal fil-bini waqt is-sigħat regolari tal-ftuħ, staħba ġo kmajra tal-ixkupi u ħarab 'il barra biha moħbija taħt il-kowt wara li ngħalaq il-mużew [20]. Peruggia kien patrijott Taljan li kien jemmen li x-xogħol ta' Leonardo għandu jerġa' lura fl-Italja u jiġi espost f'mużew Taljan. Peruggia seta' tħeġġeġ minn ħabib tiegħu li kien ibiegħ kopji tal-pittura, minħabba li l-valur ta' dawn kien jogħla ħafna wara s-serqa tal-kopja oriġinali. Wara li żamm it-tpinġija fl-appartament tiegħu għal sentejn, Peruggia beda jitlef sabru u sa fl-aħħar inqabad meta pprova jbiegħha lid-diretturi tal-Gallerija Uffizi ġewwa Firenze. Wara dan kollu, il-Mona Lisa ġiet esposta madwar l-Italja kollha u ttieħdet lura fil-Louvre fl-1913. Ġewwa l-Italja Peruggia ġie mfaħħar għall-patrijottiżmu tiegħu u kien għalhekk li qatta' biss ftit xhur il-ħabs [23].
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-pittura tneħħiet għal darba oħra mil-Louvre u ttieħdet f'postijiet anqas perikolużi: l-ewwel f'Château d'Amboise, imbagħad fil-Kunvent Loc-Dieu u fl-aħħar fl-Ingres Museum ġewwa Montauban. Fl-1956, il-pittura saritilha ħsara estensiva fil-parti t'isfel meta vandalu tefa' l-aċtu fuqha [6]. Fit-30 ta' Diċembru tal-istess sena żagħżugħ Bolivjan għamlilha l-ħsara billi waddbilha ġebla. Ġara li ntilfet biċċa żgħira mill-pigment ta' qrib il-minkeb xellugi, iżda ma damitx ma nżebgħet.
Konservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Mona Lisa għexet għal aktar minn 500 sena, u kummissjoni internazzjonali li ltaqgħet fl-1952 irrimarkat li "x-xbieha qiegħda fi stat eċċezzjonali ta' preservazzjoni" [24]. Dan huwa parzjalment dovut għall-varjetà ta' trattamenti ta' konservazzjoni li ngħatat il-pittura. Analiżi dettaljata minn Madame de Gironde fl-1933 uriet li l-ewwel restawraturi "żammew lura ħafna" [24]. Madanakollu, l-applikazzjonijiet ta' verniċ fuq il-pittura kienu laħqu swiedu saħansitra sal-aħħar tas-seklu 16, u tindifa aggressiva u passata friska ta' verniċ fl-1809 neħħew xi ftit mill-kisja ta' kulur tal-wiċċ, li ċċara l-wiċċ tal-figura. Minkejja t-trattamenti kollha, il-Mona Lisa ngħatat attenzjoni tajba matul l-istorja tagħha u t-tim ta' konservazzjoni tal-2004/5 kien ottimist dwar il-futur ta' din l-opra tal-arti [24].
Tavla tal-Luq
[immodifika | immodifika s-sors]F'xi punt fl-istorja tagħha, il-Mona Lisa tneħħiet mill-gwarniċ oriġinali tagħha. Il-panew tal-luq kien jikber u jiċkien minħabba bidliet fl-umdità, u għaldaqstant bdiet tiżviluppa qasma qrib il-parti ta' fuq tat-tavla. Il-qasma tasal sa xagħar il-figura. Bejn nofs is-seklu 18 u l-bidu tas-seklu 19, xi ħadd ipprova jsewwi l-qasma billi jpoġġi żewġ maqfla tal-ġewż forma ta' farfett fuq il-wara tat-tavla qisu xi 1/3 fil-ħxuna tagħha. Dan ix-xogħol twettaq bis-sengħa u stabbilizza l-qasma b'suċċess. F'punt minnhom bejn l-1888 u l-1905, jew forsi meta nsterqet, il-maqfel ta' fuq waqa'. Restawratur ieħor inkolla u għalaq it-toqba li dehret bid-drapp. Il-gwarniċ flessibbli tal-ballut (miżjud fl-1951) u l-lasti (miżjudin fl-1970) jgħinu sabiex il-panew ma jinbaramx iżjed. Maqfel forma ta' farfett jevita li l-panew jixxaqqaq iżjed.
Il-pittura tinżamm attwalment f'kundizzjonijiet klimatiċi ikkontrollati u stretti f'niċċa tal-ħġieġ, li hija reżistenti għall-bulits. L-umdità li tinżamm fiha hija ta' 50% ±10%, u t-temperatura tinżamm bejn 18 u 21 °C. Sabiex ikun hemm kumpens għall-bidliet fl-umdità relattiva, in-niċċa fiha wkoll strat ta' ġell tas-silika li jipprovdi 55% tal-umdità relattiva [24].
Gwarniċ
[immodifika | immodifika s-sors]Minħabba li t-tavla tal-luq tal-Mona Lisa tespandi u tiċkien bil-bidla fl-umdità, il-pittura tilfet xi ftit mil-forma tagħha. Sabiex ipattu għad-deformazzjonijiet li kellha tgħaddi minnhom matul il-konservazzjoni tagħha waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, u sabiex il-pittura titħejja għall-wirja f'isem l-anniversarju tal-500 sena ta' Da Vinci, fl-1951 il-Mona Lisa tqiegħdet fi gwarniċ tal-ballut flessibbli b'lasti tal-fagu minn naħa għall-oħra. Dan il-gwarniċ flessibbli, li huwa użat flimkien mal-gwarniċ dekorattiv deskritt hawn isfel, jagħfas fuq il-panew sabiex ma jkomplix jinbaram iżjed. Fl-1970, il-lasti tal-fagu inbidlu f'lasti oħra magħmula mill-aġġru wara li nstab li l-injam tal-fagu ġie attakkat mill-insetti. Fl-2004-2005 tim ta' studjużi konservaturi bidlu l-lasti tal-aġġru f'oħrajn tas-sikamoru u żiedu magħhom virga tal-metall għall-kejl xjentifiku tal-bidliet fil-forma tal-panew. Il-Mona Lisa kellha bosta gwarniċi dekorattivi differenti fl-istorja tagħha minħabba li l-gosti kienu jinbidlu maż-żmien. Fl-1906, il-kontessa ta' Béarn tat il-gwarniċ attwali lill-pittura, xogħol Rinaxximentali konsistenti mal-perijodu storiku tal-Mona Lisa. It-truf tal-pittura traqqmu minn tal-anqas darba fl-istorja tagħha sabiex titqiegħed fi gwarniċi differenti, iżda ebda parti mill-istrat oriġinali taż-żebgħa ma traqqmet [24].
Tindif u Irtokki
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel tindif, applikazzjoni friska ta' verniċ u rtukkar l-aktar estensivi tal-Mona Lisa seħħew fl-1809 meta ingħatatilha ħasla u applikazzjoni friska ta' verniċ minn Jean-Marie Hooghstoel, li kien responsabbli mir-restawr tal-pitturi tal-gallerija tal-Musée Napoléon. Ix-xogħol kien jinvolvi ħasil bl-ispirti, irtokki fuq il-kulur u applikazzjoni friska ta' verniċ fuq il-pittura. Fl-1906, ir-restawratur tal-Louvre Eugène Denizard wettaq irtokki bl-akkwarelli fuq il-partijiet tal-istrat tal-kulur iddisturbat mill-qasma fil-panew. Denizard irtokka wkoll it-truf tal-pittura bil-verniċ sabiex jgħatti l-partijiet li qabel kienu mgħottija minn gwarniċ ieħor antik. Fl-1913, meta l-pittura nstabet mill-ġdid wara li nsterqet, Denizard reġa ssejjaħ sabiex jaħdem fuq il-Mona Lisa. Denizard ingħatawlu istruzzjonijiet biex ma jnaddafx il-pittura mingħajr solvent u biex jirtokka b'mod ħafif il-ħafna brix li sarilha bl-akkwarelli. Fl-1952, l-istrat tal-verniċ fuq l-isfond tal-pittura ġie rregolarizzat ma' dak fil-bqija tal-pittura. Wara t-tieni attakk fl-1956, ir-restawratur Jean-Gabriel Goulinat ingħatawlu istruzzjonijiet biex jirtokka l-ħsarat li saru fuq il-minkeb xellugi tal-Mona Lisa bl-akkwarelli [24].
Fl-1977, instab attakk ġdid mill-insetti fuq il-wara tal-panew minħabba s-serratizzi miżjuda sabiex ma titgħawwiġx il-pittura. Dan ġie ttrattat fuq il-post bit-tatrakloridu tal-karbonju, u wara bl-ossidu tal-etilene. Fl-1985, il-punt reġa ġie ttrattat mill-ġdid bit-tetrakloridu tal-karbonju bħala miżura preventiva [24].
Skan infraħmar
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2004 esperti Kanadiżi mill-Kunsill Nazzjonali għar-Riċerka wettqu skan infraħmar tridimensjonali. Minħabba l-qedem tal-verniċ fuq il-pittura kien diffiċli li jingħarfu d-dettalji. Id-data tal-iskan u l-infraħmar intużat minn Bruno Mottin miċ-"Ċentru għar-Riċerka u r-Restawr" tal-Mużewijiet Franċiżi sabiex iseddaq l-argument li l-velu trasparenti tas-suġġett huwa guarnello, użat tipikament min-nisa tqal jew eżatt wara li dawn ikunu welldu. Guarnello jixtiebaħ jinsab fir-Ritratt ta' Smeralda Brandini (ċ.1470/1475) ta' Sandro Botticelli li juri mara tqila (dan huwa attwalment espost fil-Victoria and Albert Museum f'Londra). Barra minn hekk, din ir-riflessografija wriet li xagħar il-Mona Lisa ma jidhirx mitluq 'l isfel iżda marbut ma' bonit fuq il-wara ta' rasha jew miġbur bil-molol f'qagħqa u mgħotti b'velu ta' bordura bi ħjata mdawra. Fis-seklu 16, ix-xagħar mitluq fuq l-ispalel kien stil tax-xbejbiet jew tal-prostituti. Din il-kuntradizzjoni apparenti dwar l-istatus tal-Mona Lisa bħala mara miżżewġa issa ssolviet.
Ir-riċerkaturi mhux biss użaw id-data miksuba biex jikxfu d-dettalji tekniċi mħaddma minn Leonardo, iżda bassru wkoll li l-pittura mhux se tiddegrada wisq jekk it-teknika ta' konservazzjoni attwali titkompla [25][26]. Matul l-2006, il-Mona Lisa għaddiet minn osservazzjoni xjentifika mill-akbar fejn permezz tal-kameras infrared ingħatat prova li kienet oriġinarjament liebsa bonit u qiegħda taqbad xagħarha, ħaġa li Leonardo ddeċieda li jbiddel [27].
Wirja
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-6 ta' April 2005, wara perijodu ta' manutenzjoni, dokumentazzjoni u analiżi tal-kuratur, il-pittura ċċaqilqet f'post ġdid fis-Salle des États stess tal-mużew. Hija esposta f'niċċa magħluqa mibnija apposta li tirregola l-klima, bi ħġieġ reżistenti għall-bulits [28] About 6 million people view the painting at the Louvre each year.[6]. Bejn wieħed u ieħor 6 miljun persuna żżur il-pittura fil-Louvre kull sena [6].
Fama
[immodifika | immodifika s-sors]L-istudjuż tal-istorja Donald Sassoon iddokumenta l-fama tal-pittura. F'nofs is-seklu 19, Théophile Gautier u l-poeti Romantiċi iddeskrivew il-Mona Lisa bħala femme fatale għaliex Lisa kienet persuna normali. Il-Mona Lisa "...kienet ktieb miftuħ minn fejn wieħed seta' jaqra dak li ried; jista' jkun għaliex ma kenitx figura reliġjuża; u jista' jkun għaliex l-esperti letterarji kienu mill-biċċa l-kbira rġiel li għamluha s-suġġett ta' ruxxmata fantażiji maskili ma jispiċċaw qatt." Matul is-seklu 20 mhux biss insterqet iżda saret ukoll oġġett ta' riproduzzjoni bil-massa, merkanzija, żuffjett u spekulazzjoni. Ġiet riprodotta wkoll fi 300 pittura u 2,000 reklam [29]. Il-mara ġiet deskritta bħala truxa, bil-vistu [13], bla snien, "prostituta mħallsa tajjeb", namrata ta' ħafna nies, riflessjoni tan-nevrożi tal-artista, u vittma ta' sifilide, infezzjoni, paraliżi, kolesterol u uġigħ ta' snien [29]. L-ispekulazzjonijiet mill-għorrief kif ukoll mid-dilettanti attribwew l-isem ta' Lisa lil minn tal-anqas erba' pitturi differenti [12][14][13] u l-identità tagħha lil minn tal-anqas għaxar persuni differenti [17][18][16][6].
Min iżur il-Mona Lisa ġeneralment idum bejn wieħed u ieħor 15-il sekonda jaraha [30]. Sas-seklu 20, il-Mona Lisa kienet biss waħda fost ħafna pitturi famużi u żgur mhux "l-aktar pittura famuża" [31] fid-dinja bħalma hija magħrufa llum il-ġurnata. Fost ix-xogħlijiet li jinsabu fil-Louvre, fl-1852 il-valur tagħha kien ta' 90,000 frank meta wieħed jikkumpara max-xogħlijiet ta' Raffaello li kellhom valur jilħaq is-600,000 frank. Fl-1878, il-gwida Baedeker sejħitilha "l-aktar xogħol ċelebri ta' Leonardo fil-Louvre". Bejn l-1851 u l-1880, l-artisti li żaru l-Louvre ikkuppjaw il-Mona Lisa bejn wieħed u ieħor nofs id-drabi ta' ċerti xogħlijiet minn Bartolomé Esteban Murillo, Antonio da Correggio, Paolo Veronese, Tiziano, Jean-Baptiste Greuze u Pierre Paul Prud'hon.
Qabel is-sensiela ta' żjariet li l-pittura għamlet fl-1962/3 l-istima tal-valur tagħha kien ta' $100,000,000, iżda ma nxtrat ebda assigurazzjoni u minflok intefqu aktar flus fuq sigurtà [32]. Bħala pittura tiswa l-flus, kien biss riċentement li tliet pitturi oħra saru jiswew aktar mill-Mona Lisa f'termini ta' flus: ir-Ritratt ta' Adele Bloch-Bauer I ta' Gustav Klimt li nbiegħet għal $350 miljun, il-Woman III ta' Willem de Kooning li nbiegħet għal $138 miljun f'Novembru 2006 u n-No. 5, 1948 minn Jackson Pollock li nbiegħet għas-somma rekord ta' $140 miljun f'Novembru 2006. Għalkemm dawn il-figuri huma aktar mill-figura tal-1962 stimata għall-Mona Lisa, it-tqabbil ma jqisx il-bidla fil-prezz li ġġib l-inflazzjoni - $100 miljun fl-1962 huwa l-ekwivalenti ta' bejn wieħed u ieħor $700 miljun fl-2009 meta tiġi kkalkulata l-inflazzjoni bl-Indiċi tal-Prezz tal-Konsumatur tal-Istati Uniti [33].
Riproduzzjonijiet u Parodiji
[immodifika | immodifika s-sors]Id-dinja tal-arti avangardista qieset li l-popolarità tal-Mona Lisa huwa fatt li ma jistax jinċaħad. Minħabba l-istatura dominanti tal-pittura, id-Dadaisti u s-Surrealisti sikwit kienu jipproduċu modifikazzjonijiet u karikaturi tagħha. Fl-1919, Marcel Duchamp, wieħed mill-aktar Dadaisti ta' influwenza, ħoloq l-L.H.O.O.Q. bħala parodija tal-Mona Lisa magħmula minn riproduzzjoni fqira tal-figura b'mustaċċi u pizzett u taħtha inżiedet skrizzjoni insolenti, li meta tinqara bil-Franċiż tinstema' "Elle a chaud au cul" (tradotta litteralment bħala "Għandha sormha sħun", li timplika li l-mara fil-pittura hija eċitata sesswalment u qiegħda tfittex). Din kellha tkun ċajta fl-istil ta' Freud, b'referenza għall-omosesswalità allegata ta' Leonardo. Skont Rhonda R. Shearer, ir-riproduzzjoni apparenti hija fil-fatt kopja parzjalment ibbażata fuq wiċċ Duchamp stess. Salvador Dalí, famuż bħala pijunier tas-surrealiżmu, pinġa awtoritratt bħala l-Mona Lisa fl-1954.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b "Portrait of Lisa Gherardini, wife of Francesco del Giocondo". Louvre.fr (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-12-11.
- ^ Pioch, Nicolas (2006-06-19). "Leonardo da Vinci: La Joconde". ibilio.org (bl-Ingliż).
- ^ Cohen, Philip (2004-06-23). "Noisy secret of Mona Lisa's smile". New Scientist (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-02-21.
- ^ Harden, Mark. "Leonardo da Vinci: Mona Lisa". Artchive.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-21.
- ^ a b Clark, Kenneth (1973). "Mona Lisa". The Burlington Magazine (bl-Ingliż). 115 (840): 144–151. JSTOR 877242.
- ^ a b ċ d e f Chaundy, Bob (2006-09-29). "Faces of the Week" (bl-Ingliż). BBC News.
- ^ a b ċ Kemp 2006, p. 261-262.
- ^ "German experts crack the ID of 'Mona Lisa'" (bl-Ingliż). MSNBC. 2008-01-14. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-01-17. Miġbur 2008-01-15.
- ^ "Researchers Identify Model for Mona Lisa". The New York Times (bl-Ingliż). Miġbur 2008-01-15.
- ^ Farago 1999, p. 123.
- ^ a b "Mona Lisa – Heidelberger Fund klärt Identität". Ruprecht-Karls-Universität Heidelberg (bil-Ġermaniż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-01-17. Miġbur 2008-01-15.
- ^ a b Stites, Raymond S. (1936). "Mona Lisa—Monna Bella". Parnassus (bl-Ingliż). 8 (1): 7–10, 22–23. JSTOR 771197.
- ^ a b ċ Littlefield 1914, p. 525.
- ^ a b ċ Wilson 2000, p. 366.
- ^ Kempler, Roni: Who the Mona Lisa Is 2017, TXu 2-064-715, Google Site. Mona Lisa, painting by Leonardo da Vinci, View article history, Roni Kempler's contributions, Encyclopædia Britannica
- ^ a b "Behind that secret smile". The Age (bl-Ingliż). 2004-06-25. Miġbur 2007-10-06.
- ^ a b Johnston, Bruce (2004-01-08). "Riddle of Mona Lisa is finally solved: she was the mother of five". The Daily Telegraph (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-10-11. Miġbur 2007-10-06.
- ^ a b Nicholl, Charles (2002-03-28). "The myth of the Mona Lisa". The Guardian (bl-Ingliż). Miġbur 2007-10-06.
- ^ Vasari 1879, p. 39.
- ^ a b Bartz 2006, p. 626.
- ^ Turudich 2003, p. 198.
- ^ McMullen, Roy (1976). Mona Lisa: The Picture and the Myth (bl-Ingliż). Macmillan Publishers. ISBN 978-0333191699.
- ^ a b Chua-Eoan, Howard (2007). "Top 25 Crimes of the Century: Stealing the Mona Lisa, 1911". Time (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-03-20. Miġbur 2007-09-15.
- ^ a b ċ d e f ġ Mohen, Jean-Pierre; Menu, Michel; Mottin, Bruno (2006). Mona Lisa: Inside the Painting (bl-Ingliż). Harry N. Abrams. ISBN 978-0810943155.
- ^ "3-D scan uncovers secrets behind Mona Lisa's smile". CBC.ca (bl-Ingliż). 2006-09-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-01-25. Miġbur 2008-04-27.
- ^ Boswell, Randy (2006-09-23). "Canadian researchers set to reveal Mona Lisa mysteries". Edmonton Journal (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-06-22. Miġbur 2008-04-27.
- ^ Austen, Ian (2006-09-27). "New Look at 'Mona Lisa' Yields Some New Secrets". The New York Times (bl-Ingliż). Miġbur 2007-06-08.
- ^ "Mona Lisa gains new Louvre home". BBC News (bl-Ingliż). 2005-04-06. Miġbur 2008-04-27.
- ^ a b Sassoon, Donald (2001). "Mona Lisa: the Best-Known Girl in the Whole Wide World". History Workshop Journal (bl-Ingliż) (51): 1–18. JSTOR 4289718.
- ^ Gentleman, Amelia (2004-10-19). "Smile, please". [The Guardian (bl-Ingliż). Miġbur 2007-10-13.
- ^ Riding, Alan (2005-04-06). "In Louvre, New Room With View of 'Mona Lisa'". The New York Times (bl-Ingliż). Miġbur 2007-10-07.
- ^ Young, Mark, ed. (1999). The Guinness Book of World Records 1999 (bl-Ingliż). Bantam Books. ISBN 978-0553580754.
- ^ "Seven Ways to Compute the Relative Value of a U.S. Dollar Amount - 1790 to Present". MeasuringWorth.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-20.
Sorsi
[immodifika | immodifika s-sors]- Bartz, Gabriele; König, Eberhard (2006). Art and Architecture: Louvre (bl-Ingliż). H. F. Ullman. ISBN 978-3833119439.
- Farago, Claire J. (1999). Leonardo's Projects, C. 1500-1519 (bl-Ingliż). Garland Publishing Inc. ISBN 9780815329350.
- Kemp, Martin (2006). Leonardo Da Vinci: The Marvellous Works of Nature And Man (bl-Ingliż). Oxford University Press. ISBN 0-19-280725-0.
- Littlefield, Walter (1914). "The Two "Mona Lisas"". The Century: A Popular Quarterly (bl-Ingliż). Nru. 87. Scribner & Company.
- Turudich, Daniela; Welch, Laurie J. (2003). Plucked, Shaved & Braided: Medieval and Renaissance Beauty and Grooming Practices 1000–1600 (bl-Ingliż). Streamline Press. ISBN 978-1930064089.
- Vasari, Giorgio (1550). Le vite de' più eccellenti pittori, scultori ed architettori (bit-Taljan). G.C. Sansoni.
- Wilson, Colin (2000). The Mammoth Encyclopedia of the Unsolved (bl-Ingliż). Carroll & Graf Publishers. ISBN 978-0786707935.
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]- Mega Mona Lisa
- Theft of the Mona Lisa
- Aging Mona Lisa worries Louvre
- The Mona Lisa
- Leonardo da Vinci, Gallery of Paintings and Drawings
- Unmasking the Mona Lisa: Expert claims to have discovered da Vinci's technique
- Who is Mona Lisa? Historical Facts versus Conjectures
- "Mona Lisa had a makeover, 3D images reveal"
- Mona Lisa replicated in later art
- The Mona Lisa with Professor Donald Sassoon
- Anatomy of a Smile: Mona's Bones (2002) and Mona Masticating (2006)