Samarkanda
Samarkanda | ||
---|---|---|
Użbekistan | ||
| ||
Amministrazzjoni | ||
Stat sovran | Użbekistan | |
Reġjun tal-Użbekistan | Reġjun ta' Samarkanda | |
Isem uffiċjali | Samarqand/Самарқанд | |
Ismijiet oriġinali |
Самарқанд Самарқанд Самарканд سمرقند | |
Kodiċi postali |
140100 | |
Ġeografija | ||
Koordinati | 39°39′17″N 66°58′33″E / 39.6547°N 66.9758°EKoordinati: 39°39′17″N 66°58′33″E / 39.6547°N 66.9758°E | |
Superfiċjenti | 108±1 kilometru kwadru | |
Għoli | 702 m | |
Demografija | ||
Popolazzjoni | 546,303 abitanti (1 Jannar 2020) | |
Informazzjoni oħra | ||
Kodiċi tat-telefon |
662 | |
Żona tal-Ħin | UTC+5 | |
bliet ġemellati | Firenze, Balkh, Merv, Bukhara, Nishapur, Lahore, Lviv, Istanbul, Eskişehir, Cusco, Mary, Banda Aceh, Khujand, Antalya, Gyeongju, Krasnoyarsk, New Delhi, Xi'an, Belt tal-Messiku, Rio de Janeiro, Kairouan, Bremen, Lyon, Liège, Plovdiv, Jūrmala, Samara, Narau Ganja (en) | |
samshahar.uz |
Samarkanda (/ˈsæmərkænd/; bl-Użbek: Samarqand; bit-Taġik: Самарқанд; bil-Persjan: سمرقند), magħrufa wkoll bħala Samarkand, hija belt fix-Xlokk tal-Użbekistan u fost l-eqdem bliet abitati kontinwament fl-Asja Ċentrali. Hemm evidenza ta’ attività umana fiż-żona tal-belt mill-aħħar tal-Era Paleolitika, minkejja li ma hemm l-ebda evidenza diretta meta Samarkanda ġiet imwaqqfa; diversi teoriji jipproponu ġiet imwaqqfa bejn is-sekli 8 u 7 Q.K. Peress li kienet tgawdi prosperità bis-saħħa tal-pożizzjoni tagħha tul it-Triq tal-Ħarir bejn iċ-Ċina u l-Baħar Mediterran, kien hemm żminijiet meta Samarkanda kienet waħda mill-ikbar bliet tal-Asja Ċentrali.
Sa żmien l-Imperu Akemenida tal-Persja, hija kienet il-belt kapitali tas-satrapija Sogdjana. Il-belt inħakmet minn Alessandru Manju fit-329 BCE, meta kienet magħrufa bħala Markanda (jew Μαράκανδα bl-alfabett Grieg). Il-belt kienet immexxija minn sensiela ta’ mexxejja Iranjani u Torok sa ma ġiet maħkuma mill-Mongoli taħt Genghis Khan fl-1220. Attwalment, Samarkanda hija l-kapitali tar-Reġjun ta’ Samarkanda u waħda mill-ikbar bliet tal-Użbekistan.
Il-belt hija magħrufa bħala ċentru ta’ studju Iżlamiku għoli u l-post fejn twieled ir-Rinaxximent Timurida. Fis-seklu 14, Timur (Tamerlane) għamilha l-kapitali tal-imperu tiegħu u s-sit tal-mawżolew tiegħu magħruf bħala Gur-e Amir. Il-Moskea ta’ Bibi-Khanym, rikostruwita matul l-era Sovjetika, għadha waħda mill-iktar binjiet ikoniċi u famużi tal-belt. Ir-Reġistan, il-pjazza ewlenija ta’ Samarkanda kienet iċ-ċentru antik tal-belt u hija kkonfinata minn tliet binjiet reliġjużi monumentali. Il-belt bir-reqqa kollha ppreservat it-tradizzjonijiet tas-snajja’ antiki: ir-rakkmu, ix-xogħol bid-deheb, l-insiġ tal-ħarir, l-inċiżjonijiet fuq ir-ram, iċ-ċeramika, it-tinqix tal-injam, u tpittir tal-injam. Fl-2001, l-UNESCO żiedet lill-belt fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji bħala Samarkanda – Salib it-Toroq ta’ Kulturi.[1]
Samarkanda moderna hija maqsuma f’żewġ partijiet: il-belt l-antika, u l-belt il-ġdida, li ġiet żviluppata matul żmien l-Imperu Russu u l-Unjoni Sovjetika. Il-belt l-antika tinkludi diversi monumenti storiċi, ħwienet u djar privati antiki, filwaqt li l-belt il-ġdida tinkludi binjiet amministrattivi flimkien ma’ ċentri kulturali u istituzzjonijiet edukattivi.
Etimoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Isem il-belt ġej mis-Sogdjan samar, jiġifieri “ġebla jew blata”, u kand, jiġifieri “forti jew belt”.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Storja bikrija
[immodifika | immodifika s-sors]Flimkien ma’ Bukhara, Samarkanda hija waħda mill-iktar bliet abitati antiki fl-Asja Ċentrali, u gawdiet minn ġid kbir bis-saħħa tal-pożizzjoni tagħha fir-rotta kummerċjali bejn iċ-Ċina u l-Mediterran (it-Triq tal-Ħarir). Ma hemm l-ebda evidenza diretta meta ġiet imwaqqfa. Ir-riċerkaturi fl-Istitut tal-Arkeoloġija ta’ Samarkanda huma tal-fehma li l-belt twaqqfet lejn is-sekli 8 u 7 Q.K.
Mill-iskavi arkeoloġiċi li twettqu fi ħdan il-limiti tal-belt (Syob u lejn nofs il-belt) kif ukoll fiż-żoni suburbani (Hojamazgil u Sazag'on) ħarġet fid-dieher evidenza ta’ attività umana antika 40,000 sena, li tmur lura għall-aħħar tal-Era Paleolitika. Grupp ta’ siti arkeoloġiċi Mesolitiċi (mit-12 sas-7 millennji Q.K.) ġew skoperti fis-subborgi ta’ Sazag'on-1, Zamichatosh, u Okhalik. Il-kanali ta’ Syob u ta’ Darg'om, li kienu jfornu lill-belt u lis-subborgi tagħha bl-ilma, tfaċċaw madwar is-sekli 7 u 5 Q.K. (il-bidu ta’ Żmien il-Ħadid).
Mill-perjodu l-iktar bikri tagħha, Samarkanda kienet waħda miċ-ċentri ewlenin taċ-ċivilizzazzjoni Sogdjana. Sa żmien id-dinastija Akemenida tal-Persja, il-belt kienet saret il-kapitali tas-satrapija Sogdjana.
Era Ellenika
[immodifika | immodifika s-sors]Alessandru Manju ħakem lil Samarkanda fit-329 Q.K. Il-belt kienet magħrufa bħala Maracanda mill-Griegi. Is-sorsi bil-miktub jagħtu ħjiel żgħir dwar is-sistema sussegwenti ta’ gvern; isemmu lil ċertu Orepju li sar mexxej “mhux mill-antenati, iżda bħala rigal ta’ Alessandru”.
Filwaqt li Samarkanda ġarrbet ħsara sinifikanti matul il-ħakma inizjali ta’ Alessandru Manju, il-belt irkuprat malajr u fforixxiet taħt l-influwenza Ellenika ġdida. Kien hemm ukoll tekniki ġodda ewlenin tal-kostruzzjoni; il-brikks rettangolari ġew sostitwiti minn brikks kwadri u ġew introdotti metodi superjuri tas-sengħa tal-bini u tat-tkaħħil.
Il-konkwisti ta’ Alessandru introduċew il-kultura Griega klassika fl-Asja Ċentrali; għal xi żmien, l-estetika Griega kienet influwenzat ferm lill-artiġjani lokali. Dan il-legat Elleniku kompla meta l-belt saret parti minn diversi stati suċċessivi matul is-sekli wara l-mewt ta’ Alessandru, fosthom l-Imperu Selewċida, ir-Renju Grieg-Baktrijan, u l-Imperu Kuxan (anke jekk il-Kuxana nfushom oriġinaw fl-Asja Ċentrali). Wara li l-istat Kuxan tilef il-kontroll ta’ Sogdija matul is-seklu 3 W.K., Samarkanda marret lura bħala ċentru tas-setgħa ekonomika, kulturali u politika, u ma reġgħetx ġiet fuq saqajha qabel is-seklu 5.
Era Sassanida
[immodifika | immodifika s-sors]Samarkanda nħakmet mis-Sassanidi Persjani għall-ħabta tal-260 W.K. Taħt it-tmexxija tas-Sassanidi, ir-reġjun sar sit essenzjali għall-Manikeiżmu u ġiet iffaċilitata d-disseminazzjoni tar-reliġjon fl-Asja Ċentrali kollha.
Era tal-Eftaliti u tal-Kaganat Tork
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-350-375, Samarkanda nħakmet mit-tribujiet nomadiċi taċ-Ċijoniti, ta’ oriġini li għadha kontroversjali sa llum. Ir-risistemazzjoni ta’ gruppi nomadiċi f’Samarkanda tikkonferma l-materjal arkeoloġiku li nstab mis-seklu 4. Il-kultura tan-nomadi mill-baċir tan-nofs tax-xmara Syrdarya nfirxet fir-reġjun tal-madwar.
Fl-457-509, Samarkanda kienet parti mill-istat Kidarita.
Wara l-Eftaliti (magħrufa wkoll bħala l-"Unni Bojod") ħakmu lil Samarkanda, żammew il-kontroll tagħha sa żmien it-Torok Ċelestjali, u f’alleanza mas-Sassanidi Persjani, rebħuha fil-Battalja ta’ Bukhara, għall-ħabta tal-560 W.K.
Fin-nofs tas-seklu 6, ġie ffurmat stat Tork f’Altaj, stabbilit mid-dinastija Ashina. Il-formazzjoni tal-istat il-ġdid issemmiet il-Kaganat Tork wara isem il-poplu Tork, immexxi mill-Kagan. Fil-557-561, l-Imperu Eftalita kellu jċedi wara l-azzjonijiet konġunti tat-Torok u tas-Sassanidi, li wassal għall-istabbiliment ta’ fruntiera komuni bejn iż-żewġ imperi.
Fil-bidu tal-Medju Evu, Samarkanda kienet imdawra minn erba’ ringieli ta’ swar difensivi u kellha erba’ daħliet.
Qabar Tork antik b’żiemel ġie investigat fit-territorju ta’ Samarkanda u x’aktarx li jmur lura għas-seklu 6.
Matul il-perjodu tal-mexxej tal-Kaganat Tork tal-Punent, Tong Yabghu Qaghan (618-630), ġew stabbiliti relazzjonijiet tal-familja mal-mexxej ta’ Samarkanda.
Xi partijiet minn Samarkanda kienu saru Kristjani mis-seklu 4. Fis-seklu 5, f’Samarkanda ġiet stabbilita sede Nestorjana. Fil-bidu tas-seklu 8, din ġiet ittrasformata f’metropolitanat Nestorjan. Qamu diskussjonijiet u polemiki bejn is-segwaċi Sogdjani tal-Kristjaneżmu u tal-Manikeiżmu, li ġew riflessi fid-dokumenti.
Era Iżlamika Bikrija
[immodifika | immodifika s-sors]L-armati tal-Kaliffat Umayyad taħt Qutayba ibn Muslim ħakmu l-belt minn taħt it-Torok għall-ħabta tas-710 W.K.
Matul dan il-perjodu, Samarkanda kienet komunità reliġjuża varjata u kienet tħaddan għadd ta’ reliġjonijiet, fosthom iż-Żoroastrijaniżmu, il-Buddiżmu, il-Ħinduiżmu, il-Manikeiżmu, il-Ġudaiżmu, u l-Kristjaneżmu Nestorjan, u l-maġġoranza tal-popolazzjoni kienet issegwi ż-Żoroastrijaniżmu. Qutayba ġeneralment ma insedjax lill-Għarab fl-Asja Ċentrali; huwa ġiegħel lill-mexxejja lokali jagħtuh ġieħ iżda fil-biċċa l-kbira ħallihom ikomplu b’ħajjithom. Samarkanda kienet l-ikbar eċċezzjoni għal din il-politika: Qutayba stabbilixxa gwarniġjon Għarbi u amministrazzjoni governattiva Għarbija fil-belt, it-tempji tan-nar Żoroastrijani ġġarrfu u minflok inbniet moskea. Il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tal-belt ikkonvertiet għall-Iżlam. Bħala riżultat fit-tul, Samarkanda żviluppat f’ċentru tat-tagħlim Iżlamiku u tal-Għarbi.
Lejn l-aħħar tas-snin 40 tas-seklu 8, feġġ moviment ta’ nies li ma kinux sodisfatti bis-setgħa tal-Umayyad fi ħdan il-Kaliffat Għarbi, u dan kien immexxi mill-kmandant Abu Muslim, li wara r-rebħa mir-rewwixta, sar il-gvernatur ta’ Khorasan u ta’ Maverannahr (750-755). Huwa għażel lil Samarkanda bħala r-residenza tiegħu. Ismu huwa assoċjat mal-kostruzzjoni ta’ ħajt difensiv ta’ diversi kilometri madwar il-belt u l-palazz.
Skont leġġenda, matul it-tmexxija tal-Abbasidi, is-sigriet tal-produzzjoni tal-karta sar magħruf mingħand żewġ priġunieri Ċiniżi mill-Battalja ta’ Talas fis-751, u dan wassal għat-twaqqif tal-ewwel impjant tal-produzzjoni tal-karta fid-dinja Iżlamika proprju f’Samarkanda. Imbagħad l-invenzjoni nfirxet fil-bqija tad-dinja Iżlamika u fl-Ewropa.
Il-kontroll ta’ Samarkanda min-naħa tal-Abbasidi ma damx biex jibda jogħtor u ġie sostitwit ma’ dak tas-Samanidi (875-999), għalkemm is-Samanidi xorta kienu vassalli nominali tal-Kaliffat meta kellhom il-kontroll ta’ Samarkanda. Taħt it-tmexxija tas-Samanidi, il-belt saret il-kapitali tad-dinastija Samanida u ċentru iktar u iktar importanti ta’ diversi rotot kummerċjali. Is-Samanidi tilfu kontra l-Karakanidi għall-ħabta tad-999. Matul il-mitejn sena ta’ wara, Samarkanda ġiet immexxija minn għadd ta’ tribujiet Torok suċċessivi, fosthom is-Seljuq u l-Khwarazmshah.
L-awtur Iranjan tas-seklu 10 Istakhri, li vvjaġġa fit-Transoxiana, jipprovdi deskrizzjoni ċara tar-rikkezzi naturali tar-reġjun li huwa jsejjaħ "Smarkandian Sogd":
Ma naf bi mkien fir-reġjun jew f’Samarkanda stess fejn jekk wieħed jerħila jixxabbat f’art b’ċertu elevazzjoni ma jarax ħdura u xi post pjaċevoli, u mkien fil-qrib ma hemm muntanji mingħajr siġar jew xi steppa mimlija trab... Samakandian Sogd... ’il bogħod vjaġġ ta’ tmint ijiem fi ħdura u ġonna ma jaqtgħux... Il-ħdura tas-siġar u tar-raba’ miżrugħ hija estiża tul iż-żewġ naħat tax-xmara [Sogd]... u lil hinn minn dawn l-għelieqi hemm mergħa għall-merħliet. Kull raħal u insedjament għandu fortizza... Huwa l-iktar pajjiż li jagħti frott mill-pajjiżi ta’ Allah; bl-aqwa siġar u frott; f’kull dar hemm ġonna, ċisterni u ilma ġieri.
Era Karakanida (Ilek-Kanid): is-sekli 11-12
[immodifika | immodifika s-sors]Wara li sfaxxa l-istat tas-Samanidi fis-sena 999, dan ġie sostitwit mill-Istat Karakanida, taħt it-tmexxija tad-dinastija Torka tal-Karakanidi. Wara li l-Istat Karakanida nqasam f’żewġ partijiet, Samarkanda saret parti mill-Kaganat Karakanida tal-Punent u fl-1040-1212 kienet il-belt kapitali. Il-fundatur tal-Kaganat Karakanida tal-Punent kien Ibrahim Tamgach Khan (1040-1068). Għall-ewwel darba, huwa bena madrasa f’Samarkanda permezz ta’ fondi statali u appoġġa l-iżvilupp tal-kultura fir-reġjun. Matul ir-renju tiegħu, f’Samarkanda ġew stabbiliti sptar pubbliku (bemoristan) u madrasa, fejn kienet tiġi mgħallma l-mediċina.
Il-kumpless tan-nekropoli ta’ Shah-i-Zinda ġie stabbilit mill-mexxejja tad-dinastija Karakanida fis-seklu 11.
L-iżjed monument notevoli tal-era Karakanida f’Samarkanda kien il-palazz ta’ Ibrahim ibn Hussein (1178-1202), li nbena fiċ-ċittadella fis-seklu 12. Matul l-iskavi ġew skoperti frammenti ta’ pitturi monumentali. Fuq il-ħajt tal-Lvant, kien hemm pittura ta’ ġellied Tork, liebes kaftan isfar u b’qaws f’idu. Barra minn hekk, kien hemm pitturi ta’ żwiemel, klieb tal-kaċċa, għasafar u nisa lebsin ilbies ta’ dak iż-żmien.
Era tal-Mongoli
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Mongoli ħakmu lil Samarkanda fl-1220. Għalkemm Genghis Khan “ma ddisturbax lill-abitanti [tal-belt] bl-ebda mod”, Juvaini jikteb li Genghis qatel lil dawk kollha li fittxew il-kenn fiċ-ċittadella u fil-moskea, seraq ir-rikkezzi kollha tal-belt, u rrekluta lil 30,000 żagħżugħ fil-militar u lil 30,000 oħra bħala artiġjani. Samarkanda ġarrbet mill-inqas attakk ieħor mill-Mongoli mmexxi minn Khan Baraq sabiex jisraq it-teżor li kellu bżonn biex iħallas lill-armata. Il-belt baqgħet parti mill-Kanat ta’ Chagatai (wieħed minn erba’ Kanati Mongoli suċċessivi) sal-1370.
Il-Vjaġġi ta’ Marco Polo, fejn Polo jagħti rendikont tal-vjaġġ tiegħu tul it-Triq tal-Ħarir fl-aħħar tas-seklu 13, jiddeskrivu lil Samarkanda bħala “belt kbira ħafna u mill-isbaħ...”.
Iż-żona ta’ Yenisei kellha komunità ta’ nissieġa ta’ oriġini Ċiniża, u Samarkanda u l-Mongolja Esterna t-tnejn li huma kellhom artiġjani ta’ oriġini Ċiniża, kif irrapportat minn Changchun. Wara li Genghis Khan ħakem l-Asja Ċentrali, il-barranin intgħażlu bħala amministraturi governattivi; iċ-Ċiniżi u l-Kara-Kitaj (Kitani) inħatru bħala koamministraturi tal-ġonna u tal-għelieqi f’Samarkanda li l-Musulmani ma kinux jitħallew jamministraw waħedhom. Il-Kanat ippermetta wkoll it-twaqqif ta’ żoni mmexxija minn isqfijiet Kristjani.
Tmexxija ta’ Timur (1370-1405)
[immodifika | immodifika s-sors]Ibn Battuta, li żar il-belt fl-1333, stqarr li Samarkanda kienet “waħda mill-ikbar, l-ifjen u l-isbaħ bliet”. Sostna wkoll li l-għelieqi tas-siġar tal-frott kienu jissaqqew permezz ta’ sistema ta’ irrigazzjoni msejħa noria.
Fl-1365 seħħet rewwixta kontra l-kontroll tal-Mongoli ta’ Chagatai f’Samarkanda. Fl-1370, il-ħakkiem Timur (Tamerlane), il-fundatur u l-mexxej tal-Imperu Timurida, għamel lil Samarkanda l-belt kapitali tiegħu. Matul il-35 sena ta’ wara, huwa wettaq rikostruzzjoni tal-biċċa l-kbira tal-belt u popolaha b’artiġjani kbar u b’ħaddiema tas-sengħa mill-imperu kollu. Timur kiseb reputazzjoni bħala patrun tal-arti, u Samarkanda kibret u saret iċ-ċentru tar-reġjun ta’ Transoxiana. L-impenn ta’ Timur favur l-arti huwa evidenti bil-mod kif, f’kuntrat man-nuqqas ta’ ħniena li wera lill-għedewwa tiegħu, huwa wera ħniena fil-konfront ta’ dawk li kellhom ħiliet artistiċi speċjali. L-artisti, il-ħaddiem tas-sengħa u l-arkitetti ma nqatlux sabiex minflok setgħu jtejbu u jsebbħu l-belt kapitali ta’ Timur.
Timur diġà kien involut direttament fil-proġetti tal-kostruzzjoni, u l-viżjonijiet tiegħu spiss kienu iktar ambizzjużi mill-ħiliet tekniċi tal-ħaddiema tiegħu. Il-belt kienet f’qagħda ta’ kostruzzjoni kostanti, u Timur sikwit kien jordna li jinbnew il-binjiet jew li jerġgħu jiġu kostruwiti malajr jekk ma jkunx sodisfatt bir-riżultati. Skont l-ordnijiet tiegħu, Samarkanda setgħet tintlaħaq bit-toroq biss; ġew imħaffrin ħniedaq fondi u kien hemm ċirkonferenza ta’ tmien kilometri ta’ ħitan li kienu jisseparaw il-belt mill-irħula tal-madwar. Dak iż-żmien il-belt kellha popolazzjoni ta’ madwar 150,000 ruħ. L-ambaxxatur ta’ Enriku III, Ruy Gonzalez de Clavijo, li kien stazzjonat f’Samarkanda bejn l-1403 u l-1406, kien xhud għall-kostruzzjoni bla rażan li kienet għaddejja fil-belt u stqarr: “Il-moskea li Timur kien ordna li tinbena bħala mafkar ta’ ommu u tal-mara tiegħu... għalina kienet l-iktar waħda nobbli li qatt żorna fil-belt ta’ Samarkanda, iżda malli l-kostruzzjoni tagħha tlestiet, beda jsib id-difetti fil-bieb tad-daħla tagħha, li issa qal li kien wisq baxx u li għaldaqstant il-moskea kellha titwaqqa’ minnufih”.
Era ta’ Ulugbek (1409-1449)
[immodifika | immodifika s-sors]Bejn l-1417 u l-1420, Ulugbek, in-neputi ta’ Timur, bena madrasa f’Samarkanda, li saret l-ewwel binja fil-kumpless arkitettoniku kollettiv ta’ Reġistan. Ulugbek stieden għadd kbir ta’ astronomi u ta’ matematiċi tad-dinja Iżlamika f’din il-madrasa. Taħt Ulugbek, Samarkanda saret waħda miċ-ċentri dinjin tax-xjenza Medjevali. Fl-ewwel nofs tas-seklu 15, f’Samarkanda nbniet skola xjentifika sħiħa taħt Ulugbek, li kienet tiġbor taħt saqaf wieħed lil astronomi u lil matematiċi prominenti bħal Giyasiddin Jamshid Kashi, Kazizade Rumi, u al-Kushchi. L-interess prinċipali ta’ Ulugbek fix-xjenza kienet l-astronomija. Fl-1428, tlestiet il-kostruzzjoni tal-osservatorju ta’ Ulugbek. L-istrument ewlieni tal-osservatorju kien il-kwadrant tal-ħajt, li kien uniku fid-dinja.
Sekli 16 sa 18
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1500, ġellieda nomadiċi Użbeki ħatfu l-kontroll ta’ Samarkanda. Ix-Xajbanidi kienu l-mexxejja tal-belt għall-ħabta ta’ dan iż-żmien ukoll.
Fl-1501, Samarkanda nħatfet minn Muhammad Shaybani mid-dinastija Użbeka tax-Xajbanidi, u l-belt saret parti mill-“Kanat ta’ Bukhara” li kien għadu kemm ġie ffurmat. Samarkanda ntgħażlet bħala l-kapitali ta’ dan l-istat, fejn seħħet l-inkurunazzjoni ta’ Muhammad Shaybani Khan. F’Samarkanda, Muhammad Shaybani Khan ordna li tinbena madrasa kbira, fejn iktar ’il quddiem huwa ħa sehem f’taħditiet xjentifiċi u reliġjużi. L-ewwel darba li din il-madrasa ġiet iddokumentata tmur lura għall-1504 (din il-madrasa nqerdet għalkollox matul is-snin tal-poter Sovjetiku). Muhammad Salikh kiteb li Shaybani Khan bena madrasa f’Samarkanda biex ifakkar b’mod perpetwu lil ħuh Mahmud Sultan. Fazlallah ibn Ruzbihan f’“Mikhmon-namei Bukhara” jesprimi l-ammirazzjoni tiegħu fir-rigward tal-binja maestuża tal-madrasa, bis-saqaf indurat, hujra għoljin, u spazju miftuħ spazjuż, u jikkwota vers ta’ tifħir lill-madrasa. Zayn ad-din Vasifi, li żar il-madrasa ta’ Shaybani Khan diversi snin wara, kiteb fil-memorji tiegħu li l- veranda, is-sala u l-ispazju miftuħ tal-madrasa kienu spazjużi u tal-għaġeb.
Abdulatif Khan, iben in-neputi ta’ Mirzo Ulugbek, Kuchkunji Khan, li kien il-mexxej ta’ Samarkanda bejn l-1540 u l-1551, kien meqjus bħala espert fl-istorja ta’ Maverannahr u d-dinastija tax-Xibanidi. Huwa kien patrun tal-poeti u tax-xjenzati. Abdulatif Khan stess kien jikteb il-poeżiji bil-psewdonimu letterarju Khush.
Matul ir-renju tal-Axtarkanid Imamkuli-Khan (1611-1642), f’Samarkanda nbnew kapulavuri arkitettoniċi famużi. Bejn l-1612 u l-1656, il-gvernatur ta’ Samarkanda, Yalangtush Bahadur, bena moskea-katidral, il-madrasa ta’ Tillya-Kari u l-madrasa ta’ Sherdor.
Wara attakk mill-Afxarid Shahanshah Nader Shah, il-belt ġiet abbandunata fil-bidu tas-snin 20 tas-seklu 18. Mill-1599 sal-1756, Samarkanda kienet immexxija mill-fergħa Axtarkanida tal-Kanat ta’ Bukhara.
Tieni nofs tas-seklu 18 u s-seklu 19
[immodifika | immodifika s-sors]Mill-1756 sal-1868, Samarkanda kienet immexxija mill-Emiri Mangud ta’ Bukhara. Il-belt reġgħet ħadet il-ħajja matul ir-renju tal-fundatur tad-dinastija Użbeka, il-Mangiti, Muhammad Rakhim (1756-1758), li sar famuż għall-kwalitajiet tiegħu ta’ rieda qawwija u l-arti militari. Muhammad Rakhim għamel diversi tentattivi biex Samarkanda terġa’ tiġi fuq saqajha bħala belt.
Era Ksarista Russa
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt spiċċat taħt l-Imperu Russu wara li ċ-ċittadella nħatfet bil-forza taħt il-Kurunell Konstantin Petrovich von Kaufman fl-1868. Ftit żmien wara, il-gwarniġjon Russu żgħir ta’ 500 suldat ġew attakkati. L-attakk, li kien immexxi minn Abdul Malik Tura, l-iben il-kbir ribelluż tal-Emir ta’ Bukhara, kif ukoll Baba Beg ta’ Shahrisabz u Jura Beg ta’ Kitab, ġie kkuntrastat b’telfiet kbar ħafna. Il-Ġeneral Alexander Konstantinovich Abramov sar l-ewwel Gvernatur tal-Okrug Militari, li r-Russi stabbilew tul ix-xmara Zeravshan, b‘Samarkanda bħala ċ-ċentru amministrattiv. Is-sezzjoni Russa tal-belt inbniet minn hemm ’il quddiem, il-biċċa l-kbira fil-Punent tal-belt l-antika.
Fl-1886, il-belt saret il-kapitali tal-Oblast ta’ Samarkanda (li kienet għadha kemm ġiet iffurmata) tat-Turkestan Russu u reġgħet kisbet ferm iktar importanza meta ġiet ikkollegata mas-sistema ferrovjarja Trans-Kaspjana fl-1888.
Era Sovjetika
[immodifika | immodifika s-sors]Samarkanda kienet il-kapitali tal-SSR Użbeka mill-1925 sal-1930 qabel ma ġiet sostitwita ma’ Tashkent. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, wara li l-Ġermanja Nażista invadiet lill-Unjoni Sovjetika, għadd ta’ ċittadini ta’ Samarkanda ntbagħtu Smolensk biex jiġġieldu kontra l-għadu. Ħafna nqabdu jew inqatlu min-Nażisti. Barra minn hekk, eluf ta’ refuġjati mir-reġjuni okkupati tal-Punent tal-Unjoni Sovjetika ħarbu mill-belt u din intużat bħala waħda miċ-ċentri prinċipali għaċ-ċivili li kienu qed jaħarbu fl-SSR Użbeka u fl-Unjoni Sovjetika kollha.
Fuq l-inizjattiva tal-Akkademiku tal-Akkademja tax-Xjenzi tal-SSR Użbeka, I. Muminov, u bl-appoġġ ta’ Sharaf Rashidov, 2500 anniversarju ta’ Samarkanda ġie ċċelebrat b’mod mifrux fl-1970. F’dan ir-rigward, infetaħ monument għal Mirzo Ulugbek, ġie stabbilit il-Mużew tal-Istorja ta’ Samarkanda, u tfasslet u ġiet ippubblikata storja ta’ żewġ volumi dwar Samarkanda.
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Samarkanda tinsab fil-Grigal tal-Użbekistan, fil-wied tax-xmara Zeravshan, 135 kilometru minn Qarshi. It-triq M37 tikkollega lil Samarkand ma’ Bukhara, xi 240 kilometru ’l bogħod. It-triq M39 tikkollegaha ma’ Tashkent, il-belt kapitali tal-Użbekistan, xi 270 kilometru ’l bogħod. Il-fruntiera mat-Taġikistan tinsab madwar 35 kilometru minn Samarkanda u l-belt kapitali tat-Taġikistan, Dushanbe, tinsab 210 kilometru ’l bogħod mill-belt. It-triq M39 tikkollega lil Samarkanda ma’ Mazar-i-Sharif fl-Afganistan, xi 340 kilometru ’l bogħod.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Samarkanda għandha klima Mediterranja (klassifikazzjoni klimatika ta’ Köppen - Csa) pjuttost simili ħafna għal klima semiarida (BSk) bi sjuf sħan u nexfin, u bi xtiewi relattivament varjabbli u bix-xita, b’perjodi li jalternaw ta’ temp sħun u perjodi ta’ temp kiesaħ. Lulju u Awwissu huma l-iktar xhur sħan tas-sena, b’temperaturi li jilħqu u jaqbżu l-40 °C (104 °F). Il-preċipitazzjoni hija sparsa minn Diċembru sa April. Jannar 2008 kien partikolarment kiesaħ; it-temperatura kienet niżlet saħansitra sa −22 °C (−8 °F).
Data klimatika għal Samarkanda (1981-2010, estremi 1936–preżent) | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. mass. rekord °C (°F) | 23.2
(73.8) |
26.7
(80.1) |
32.2
(90.0) |
36.2
(97.2) |
39.5
(103.1) |
41.4
(106.5) |
42.4
(108.3) |
41.0
(105.8) |
38.6
(101.5) |
35.2
(95.4) |
31.5
(88.7) |
27.5
(81.5) |
42.4
(108.3) |
Temp. mass. medja °C (°F) | 6.9
(44.4) |
9.2
(48.6) |
14.3
(57.7) |
21.2
(70.2) |
26.5
(79.7) |
32.2
(90.0) |
34.1
(93.4) |
32.9
(91.2) |
28.3
(82.9) |
21.6
(70.9) |
15.3
(59.5) |
9.2
(48.6) |
21.0
(69.8) |
Temp. medja kuljum °C (°F) | 1.9
(35.4) |
3.6
(38.5) |
8.5
(47.3) |
14.8
(58.6) |
19.8
(67.6) |
25.0
(77.0) |
26.8
(80.2) |
25.2
(77.4) |
20.1
(68.2) |
13.6
(56.5) |
8.4
(47.1) |
3.7
(38.7) |
14.3
(57.7) |
Temp. min. medja °C (°F) | −1.7
(28.9) |
−0.5
(31.1) |
4.0
(39.2) |
9.4
(48.9) |
13.5
(56.3) |
17.4
(63.3) |
19.0
(66.2) |
17.4
(63.3) |
12.8
(55.0) |
7.2
(45.0) |
3.5
(38.3) |
−0.2
(31.6) |
8.5
(47.3) |
Temp. min. rekord °C (°F) | −25.4
(−13.7) |
−22
(−8) |
−14.9
(5.2) |
−6.8
(19.8) |
−1.3
(29.7) |
4.8
(40.6) |
8.6
(47.5) |
7.8
(46.0) |
0.0
(32.0) |
−6.4
(20.5) |
−18.1
(−0.6) |
−22.8
(−9.0) |
−25.4
(−13.7) |
Preċipitazzjoni medja mm (pulzieri) | 41.2
(1.62) |
46.2
(1.82) |
68.8
(2.71) |
60.5
(2.38) |
36.3
(1.43) |
6.1
(0.24) |
3.7
(0.15) |
1.2
(0.05) |
3.5
(0.14) |
16.8
(0.66) |
33.9
(1.33) |
47.0
(1.85) |
365.2
(14.38) |
Medja ta’ Jiem ta’ Preċipitazzjoni | 14 | 14 | 14 | 12 | 10 | 5 | 2 | 1 | 2 | 6 | 9 | 12 | 101 |
Medja ta’ Jiem bil-Borra | 9 | 7 | 3 | 0.3 | 0.1 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0.3 | 2 | 6 | 28 |
Umdità relattiva medja (%) | 76 | 74 | 70 | 63 | 54 | 42 | 42 | 43 | 47 | 59 | 68 | 74 | 59 |
Medja tas-sigħat ta’ xemx fix-xahar | 132.9 | 130.9 | 169.3 | 219.3 | 315.9 | 376.8 | 397.7 | 362.3 | 310.1 | 234.3 | 173.3 | 130.3 | 2,953.1 |
Sors 1: Ċentru tas-Servizz Idrometeoroloġiku tal-Użbekistan | |||||||||||||
Sors 2: Pogoda.ru.net (1981-2010), NOAA (1961-1990) |
Sit ta’ Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt ta’ Samarkand ġiet iddeżinjata bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[1]
Il-valur universali straordinarju tal-belt ġie rrikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta’ kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”; il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Samarkand – Crossroad of Cultures". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-26.