Alessandru Manju

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Alessandru Manju
Μέγας Aλέξανδρος

Alessandru jiġġieled lir-re Persjan Darju III. Mill-Mużajk ta' Alessandru, minn Pompej, Napli, Mużew Arkeoloġiku Nazzjonali ta' Napli.
Renju 336 - 323 q.K.
Twelid 20 ta' Lulju 356 q.K.
Post tat-twelid Pella, Renju tal-Maċedonja
Mewt 11 ta' Ġunju 323 q.K. (32 sena)
Post tal-mewt Babilonja
Predeċessur Filippu II
Suċċessur Alessandru IV
Nisa Rossana
Statejra II
Dixxendenti Alessandru IV
Missier Filippu II
Omm Olimpja ta' Epiru

Alessandru Manju (bil-Grieg: Αλέξανδρος ο Μέγας jew Μέγας Aλέξανδρος[1], magħruf ukoll bħala Alessandru III tal-Maċedonja), kien ġeneral kbir li ġie mill-Maċedonja fin-naħa ta' fuq tal-Greċja, u kiseb imperu kbir. Dan l-imperu kien jibda mill-Maċedonja, jinżel fl-Asja Minuri, jgħaddi mal-baħar sakemm jasal fl-Eġittu, u jispiċċa max-xmara Jhelum, li kienet timmarka l-bidu tan-nazzjon tal-Indja.

Ħajja tal-bidu[immodifika | immodifika s-sors]

Alessandru twieled fl-20 ta' Lulju, fis-sena 356 Q.K. f'Pella, il-belt kapitali tal-Maċedonja. Missieru kien Filippu t-tieni, ir-re tal-Maċedonja, u ommu kienet Olimpja, ir-reġina. Oħtu minn ommu kien jisimha Kleopatra, iżda kellu aħwa oħra minn missieru, bħal Tessalonika, Ċinene u Filippu t-tielet.

Insibu ħafna rakkonti ta' meta kien żgħir li juru li kellu l-potenzjal li jsir re kbir. Eżempju huwa r-rakkont ta' meta kien qiegħed ma' missieru jara rkant taż-żwiemel u raw żiemel b'saħħtu li ma ried iħalli lil ħadd jirkbu. Alessandru nduna li ż-żiemel kien qiegħed jibża minn dellu, u qal lil missieru li kien se jipprova jirkbu u jimmansah. Missieru rrispondieh li jekk jirnexxilu kien se jixtrihulu. Għalhekk Alessandru pprova jirkeb iż-żiemel billi jiġbidlu rasu ħalli ma' jkunx jista' jħares lejn dellu. Iż-żiemel ma baqax jibża' u ħalla lil Alessandru jirkbu. Liż-żiemel, Alessandru ta l-isem ta' Buċefalu, u dan kien dejjem miegħu fil-konkwisti tiegħu. Fil-fatt, meta miet Alessandru beka ħafna u semma' belt għalih.

Storja oħra li għandha x'taqsam mat-tempju ta' Artemi f'Efesu. L-Istorja tgħid li fil-lejl li twieled Alessandru, it-tempju ħa n-nar minħabba li l-allat Griegi kienu wisq attenti biex jaraw lil Alessandru jitwieled milli biex jipproteġu t-tempju.

Il-ġenituri ta' Alessandru kienu jafu li kellhom jippreparawħ u għalħekk missieru ġab lill-filosfu Aristotli biex ikun jista' jgħallem lit-tifel u jippreparah għall-ħajja li kien se jkollu quddiemu. Aristotli kien jgħin lil Alessandru biex jifhem kif kellu jiggverna lil pajjiżu.

Alessandru kien ikollu wkoll it-twemmin u l-konsolazzjonijiet tiegħu. Kien jemmen li kien ġej mill-eroj kbir Akille permezz ta' ommu u minn Erakle permezz ta' missieru. Għalih, il-fatt li kien inzerta t-taħlita ta' dawn iż-żewg eroj kbar kellu jfisser li huwa kellu jkun kbir ukoll. Anke minn meta kien żgħir, Alessandru kien jħobb jaqra l-Ilijade, għaliex kellu kopja tagħha, li kienet mogħtija lilu minn Aristotli. Din il-kopja kien iżommha taħt l-imħadda tiegħu flimkien ma' stalett, għaliex ried jipproteġi lilu nnifsu fil-każ ta' xi konfoffa li setgħet tiġri.

It-telgħa ta' Alessandru[immodifika | immodifika s-sors]

Meta kienet is-sena 340 qabel Kristu, Alessandru kien diġà ġie mgħallem minn missieru kif jiddirieġi t-truppi f'battalja, u anke kien jaħdem ta' wieħed mill-ġenerali ta' missieru. F'din is-sena wkoll, Filippu attakka l-belt ta' Biżanzju, filwaqt li ħalla lil ibnu bhala reġġent tat-tron tiegħu. Dan juri li Alessandru diġà seta' jipprattika kif kellu jmexxi pajjiżu meta hu kellu jkun re.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ etymonline.com (ed.). "Alexander" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |aċċess= (għajnuna)