Buddiżmu
Dan l-artiklu dwar ir-reliġjon huwa nebbieta. Jekk trid, tista' tikkontribwixxi issa biex ittejjeb dan l-artiklu, dejjem skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Il-Buddiżmu hu bbażat fuq it-tagħlim ta' Siddhārtha Gautama li għex fl-Indja bejn il-563 u l-483 Q.K. Skont dan it-twemmin, il-ħajja ma tintemx mal-mewt iżda terga' tiġġedded fi twelid mill-ġdid. L-iskop tal-Buddiżmu hu li l-bniedem joħroġ miċ-ċiklu tedjanti tat-twelid, ix-xjuħija u l-mewt billi jilħaq l-istat tan-Nirvana, stat mhux maħkum mil-liġi tal-bidla kontinwa u t-tbatija.Fiċ-ċentru tat-tagħlim Buddist, wieħed isib l-erba' Veritajiet Nobbli:
- Fil-ħajja hemm it-tbatija u l-ħajja hi kkaratterizzata minn nuqqas ta' sodisfazzjon.
- L-oriġini tat-tbatija hi l-ġibda għamja lejn is-senswalità.
- Wieħed jista' joħroġ mit-tbatija.
- Il-mod kif wieħed joħrog mit-tbatija huwa li jimxi skont il-gwida maqsuma fi tmien partijiet:
- Fehma korretta
- Intenzjoni tajba
- Użu tajjeb tad-diskors
- Imġiba u azzjoni tajba
- Stil ta' għajxien korrett
- Sforz ġust
- Kontroll u perfezzjoni tal-fakultajiet konxji
- Konċentrazzjoni ġusta
Il-meditazzjoni tagħmel parti essenzjali fil-ħajja ta' Buddist. Permezz tal-kwiet tal-meditazzjoni, wieħed isib is-serħan il-moħħ li jgħin lill-individwu fid-deċiżjonijiet tal-ħajja ta' kuljum. Barra min hekk, wieħed jagħmel ħbieb miegħu nnifsu sabiex ikun jista' jħobb ukoll lill-oħrajn.
Hemm diversi għamliet ta' Buddiżmu iżda dawn nistgħu naqsmuhom kollha taħt żewg skejjel. Dik tat-"Theravada" li hi l-eqdem skola u dik tal-"Mahayana". Madankollu nsibu wkoll iż-Żen li xi nies iqisuh bħala dixxendent tal-Mahayana u oħrajn iqisuh bħala skola separata.
Hemm differenzi sostanzjali bejn it-tliet skejjel iżda fil-fond tagħhom wieħed isib l-istess sustanza.