L-ewwel raġġi tax-xemx fuq il-pjazza monumentali ta’ Bukhara
Bukhara (bil-Persjan: بخارا; bl-Użbek: Buxoro/Бухоро; bit-Taġik: Бухоро, [buxɔːˈɾɔː]) hija l-ħames l-ikbar belt fl-Użbekistan[1], u hija l-belt kapitali tar-Reġjun ta’ Bukhara.
Ir-reġjun madwar Bukhara ilu abitat għal mill-inqas ħames millenji, u l-belt ilha teżisti għal nofs dak iż-żmien. Il-belt tinsab tul it-Triq tal-Ħarir, u ilha sservi bħala ċentru għall-kummerċ, għall-istudju, għall-kultura u għar-reliġjon. Ilsien twelid il-maġġoranza tan-nies f’Bukhara huwa t-Taġik, djalett tal-lingwa Persjana[2], għalkemm l-Użbek huwa mitkellem bħala t-tieni lingwa mill-biċċa l-kbira tar-residenti. Bukhara kienet il-belt kapitali tal-Imperu Samanida, tal-Kanat ta’ Bukhara, u tal-Emirat ta’ Bukhara, u kienet il-belt fejn twieled Imam Bukhari.[3] Bukhara kienet magħrufa wkoll bħala “Bukhara n-Nobbli” (Bukhārā-ye sharīf). Il-belt fiha xi 140 monument arkitettoniku, tant li l-UNESCO niżżlet iċ-ċentru storiku ta’ Bukhara (li fih bosta moskej u madrasi) fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji.[4]
L-isem preċiż tal-belt ta’ Bukhara fil-qedem mhux magħruf. L-oażi kollha ilha tissejjaħ Bukhara minn żmien żemżem u x’aktarx li għall-ħabta tas-seklu 10 dan l-isem ġie ttrasferit ukoll għall-belt.[5]
Hemm diversi verżjonijiet tal-oriġini ta’ isem il-belt. Skont għadd ta’ studjużi, abbażi tat-tagħrif ta’ Juwaini, l-isem imur lura għat-terminu “Vihara” bis-Sanskritu, jiġifieri “monasteru Buddista”. It-terminu huwa qrib ħafna tat-terminu bil-lingwa tal-Buddisti Uyghur u Ċiniżi, li kienu jsemmu l-postijiet ta’ qima tagħhom bl-istess mod. Madankollu, l-ebda artefatt relatat mal-Buddiżmu u mal-Manikeiżmu ma nstab fil-belt u fl-oażi.
Skont l-enċiklopedija Iranica, l-isem “Bukhara” x’aktarx li ġej mis-Sogdjanβuxārak (“Post ta’ Xorti Tajba”).[6]
Fid-dinastija Tang, u dinastiji suċċessivi oħra taċ-Ċina Imperjali, Bukhara kienet magħrufa bl-isem ta’ Buhe/Puhe(捕喝), li ġie sostitwit biċ-Ċiniż bil-fonema ġenerika moderna spelluta bħala Bùhālā (布哈拉).[7]
Fis-sekli 19 u 20 Bukhara kienet magħrufa bħala Bokhara fil-pubblikazzjonijiet bl-Ingliż, kif jidher pereżempju fil-kitbiet u fir-rapporti dwar l-Emirat ta’ Bukhara matul il-Logħba l-Kbira.
Bukhara għanda ħafna ismijiet. Wieħed mill-ismijiet tagħha kien Numijkat. Kienet tissejjaħ ukoll "Bumiskat". Għandha żewġ ismijiet bl-Għarbi. Wieħed huwa "Madinat al Sufriya" li tfisser—"il-belt tar-ram" u l-ieħor huwa "Madinat Al Tujjar" li tfisser—"il-belt tal-merkanti". Iżda, l-isem ta’ Bukhara huwa iktar magħruf mill-ismijiet l-oħra. F’Khorasan, ma hemm l-ebda belt oħra b’daqstant ismijiet.[8]
Fi żmien il-Medju Evu, il-belt kienet magħrufa bħala Buḫārā / بخارا f’sorsi bl-Għarbi u bil-Persjan. Bl-Użbek modern, isem il-belt jiġi spellut bħala Buxoro.
Isem il-belt ġie mitoloġizzat bħala Albracca fil-poeżija epika bit-TaljanOrlando Innamorato ppubblikata fl-1483 minn Matteo Maria Boiardo.[9]
L-istorja ta’ Bukhara tmur lura għal bosta millenji. Fi żmien il-Medju Evu, Bukhara kienet il-kapitali tal-Imperu Samanida u tal-Kanat ta’ Bukhara, u fiha twieled Imam Bukhari.
Fil-bidu tas-seklu 11, Bukhara saret parti mill-istat Tork tal-Karakanidi. Il-mexxejja tal-Karakanidi bnew ħafna binjiet f’Bukhara: il-minaret ta’ Kalyan, il-moskea ta’ Magoki Attori, palazzi u ġonna.[10]
Bukhara tinsab fil-Punent ta’ Samarkanda u qabel kienet ċentru importanti tat-tagħlim fid-dinjaIżlamika kollha. Fiha kien jgħix ix-Xejikk Naqshbandi, li kien figura importanti għall-avvanz tal-mod Sufista misterjuż ta’ kif jiġu indirizzati t-teorija, ir-reliġjon u l-Iżlam.[11]
Il-belt attwalment hija l-kapitali tar-Reġjun ta’ Bukhara fl-Użbekistan. Il-belt tinsab tul it-Triq tal-Ħarir u b’hekk kienet ċentru kummerċjali, ta' studju, kulturali u reliġjuż importanti ħafna. Matul l-era tad-deheb tas-Samanidi, Bukhara saret ċentru intellettwali maġġuri tad-dinja Iżlamika.[12]
L-Imperu Samanida ħataf lil Bukhara, il-kapitali tat-territorju l-kbir ta’ Khorasan, fid-903 W.K.[13]Genghis Khan assedja lil Bukhara għal ħmistax-il jum fl-1220.[14][15] Bħala ċentru kummerċjali importanti, Bukhara kienet tħaddan fiha komunità ta’ merkanti Indjani Medjevali mill-belt ta’ Multan (attwalment il-Pakistan) li kien magħruf li kienu s-sidien ta’ diversi artijiet fil-belt.[16]
Dettall tat-tiżjin tad-daħla tal-Madrasa ta’ Nadir Divan-begi
Bukhara kienet l-aħħar kapitali tal-Emirat ta’ Bukhara u ġiet assedjata mill-Armata l-Ħamra matul il-Gwerra Ċivili Russa. Matul l-operazzjoni f’Bukhara tal-1920, it-truppi tal-Armata Ħamra taħt il-kmand tal-Ġeneral tal-BolxevikiMikhail Frunze attakka l-belt ta’ Bukhara. Fil-31 ta’ Awwissu 1920, l-Emir Alim Khan ħarab lejn Dushanbe fil-Lvant ta’ Bukhara (iktar ’il quddiem ħarab minn Dushanbe lejn Kabul fl-Afganistan). Fit-2 ta’ Settembru 1920, wara erbat ijiem ta’ ġlied, iċ-ċittadella tal-Emir (magħrufa bħala l-Ark) ġiet meqruda, u fuq il-quċċata tal-Minaret ta’ Kalyan ġiet olzata l-bandiera ħamra. Fl-14 ta’ Settembru 1920 ġie stabbilit il-Kumitat Rivoluzjonarju ta’ Bukhara, immexxi minn A. Mukhitdinov. Il-gvern—il-Kunsill tan-Nażiri tal-Poplu—kien ippresedut minn Faizullah Khojaev.
Ir-Repubblika Sovjetika tal-Poplu ta’ Bukhara eżistiet mill-1920 sal-1925, meta l-belt ġiet integrata fir-Repubblika Soċjalista Sovjetika Użbeka. Fitzroy Maclean, li dak iż-żmien kien diplomatiku żagħżugħ fl-Ambaxxata Brittanika f’Moska, għamel żjara qasira f’Bukhara fl-1938, fejn qagħad iżur il-monumenti u raqad fil-ġonna. Fil-memorji tiegħu Eastern Approaches, huwa stqarr li Bukhara kienet “belt li ssaħħrek” bil-binjiet tagħha li setgħu jħaqquha “mal-ifjen arkitettura tar-RinaxximentTaljan”. Fit-tieni nofs tas-seklu 20, il-gwerra fl-Afganistan u l-gwerra ċivili fit-Taġikistan wasslu bosta refuġjati mit-Taġikistan li jitkellmu d-Dari u t-Taġik f’Bukhara u f’Samarkanda. Dawn il-belt iffaċċjaw ukoll moviment biex jiġu annessi mat-Taġikistan minkejja li l-bliet ma għandhomx fruntiera komuni mal-pajjiż.[17]
Il-Minaret ta’ KalyanKumpless ta’ Po-i-Kalyan: it-titlu Po-i Kalan (jew Poi Kalân, bil-Persjan: پای کلان, ifisser “Pedament Grandjuż”); dan il-kumpless jagħmel parti mill-kumpless arkitettoniku li jinsab fil-bażi tal-minaret il-kbir ta’ Kalyan.
Minaret ta’ Kalyan: L-isem sħiħ tal-minaret huwa Minâra-i Kalân, (l-ekwivalenti bil-Persjan/bit-Taġik għal “Minaret il-Kbir”). Il-minaret huwa magħruf ukoll bħala t-Torri tal-Mewt, peress li skont leġġenda huwa s-sit fejn għal sekli sħaħ il-kriminali kienu jiġu ġustizzjati billi jintefgħu mill-quċċata tiegħu għal isfel. Il-minaret huwa l-iktar parti famuża tal-kumpless u tal-pjazza, u jispikka b’mod dominanti fuq iċ-ċentru storiku tal-belt. Ir-rwol tal-minaret huwa l-iktar għal skopijiet tradizzjonali u dekorattivi—id-dimensjoni tiegħu tmur lil hinn mis-sempliċi funzjoni prinċipali tal-minaret, jiġifieri li jipprovdi punt għoli li minnu l-muezzin ikun jista’ jselli biex in-nies jinġabru għat-talb. Għal dan l-iskop, kien ikun biżżejjed li l-muezzin jitla’ fuq is-saqaf ta’ moskea. Din il-prattika kienet komuni fl-ewwel snin tal-Iżlam. Il-kelma "minaret" ġejja mill-Għarbi "minara" (li tfisser "fanal", jew iktar litteralment "post fejn xi ħaġa taqbad"). Il-minareti tar-reġjun kienu adattamenti possibbli tat-“torrijiet tan-nar” jew “fanali” tal-eri preċedenti taż-Żoroastrijani.[18] L-arkitett ta’ dan il-minaret, Bako, iddisinja l-minaret fil-forma ta’ torri ċirkolari tal-brikks qisu pilastru, li iktar ma jgħola iktar jidjieq. Id-dijametru tal-bażi huwa disa’ metri, filwaqt li fil-quċċata d-dijametru huwa sitt metri. Il-minaret huwa għoli 45.6 metru, u jidher minn distanzi twal ħafna ’l fuq mill-pjanuri ċatti tal-Asja Ċentrali. Ġo fih hemm garigor taraġ tal-brikks li jdur mal-pilastru u li jagħti għall-koppla b’sittax-il ħnejja, li fuqha hijja bbażata x-“xarif” b’disinn raffinat.[19]
Moskea ta’ Kalyan (Masjid-i Kalân), li x’aktarx tlestiet fl-1514, bħala daqs fiha daqs il-Moskea ta’ Bibi-Khanym f’Samarkanda. Il-moskea tiflaħ fi ħdanha tnax-il elf ruħ. Minkejja li l-Moskea ta’ Kalyan u l-Moskea ta’ Bibi-Khanym Mosque għandhom kostruzzjoni simili, l-arti tal-bini tagħhom hija differenti. Mitejn u tmenin pilastru monumentali jirfdu s-saqaf b’diversi koppli tal-galleriji mad-dawra tal-ispazju miftuħ tal-Moskea ta’ Kalyan. L-assi lonġitudinali tal-ispazju miftuħ jintemm b’portal li jagħti għall-kompartiment prinċipali (maksura) b’sala b’għamla ta’ salib, b’koppla blu enormi bil-mużajk minn ġewwa. Il-binja fiha bosta kurżitajiet arkitettoniċi, pereżempju toqba f’waħda mill-koppli. Minn din il-koppla wieħed jista’ jara l-pedamenti tal-Minaret ta’ Kalyan. Imbagħad, jekk wieħed jimxi lura pass wara pass, wieħed jista’ jgħodd il-livelli kollha tax-xogħol bil-brikks tal-minaret sal-koppla ewlenija.[20]
Madrasa ta’ Mir-i Arab (1535-1536): il-kostruzzjoni tal-Madrasa ta’ Mir-i-Arab x’aktarx li saret mix-Xejikk Abdullah Yamani tal-Jemen—imsejjaħ ukoll Mir-i-Arab—l-imgħallem spiritwali ta’ Ubaidullah-khan u ta’ ibnu Abdul-Aziz-khan. Ubaidullah-khan iddikjara gwerra permanenti kontra l-Iran li rnexxiet. It-truppi tiegħu ħakmu lil Herat mill-inqas tliet darbiet. Kull wieħed minn dawn l-attakki u serqiet kontra l-Iran kien akkumpanjat mill-qbid ta’ bosta nies bħala ħabsin. Jingħad li Ubaidullah-khan kien investa l-flus mill-fidwa ta’ iktar minn tliet elef ħabsi Persjan fil-kostruzzjoni tal-Madrasa ta’ Mir-i-Arab. Ubaidullah-khan kien reliġjuż ħafna. Huwa kien trawwem b’rispett kbir lejn l-Iżlam fl-ispirtu tas-Sufiżmu. Missieru tah isem xejikk prominenti tas-seklu 15 Ubaidullah al-Ahrar (1404-1490), li oriġina mir-Reġjun ta’ Tashkent. Sas-snin 30 tas-seklu 16, iż-żmien meta li matulu s-sovrani bnew mawżolej mill-isbaħ għalihom u għall-qrabathom, kien spiċċa. Id-diversi Khan tad-dinastija Xajbanida kienu jħaddnu b’mod standard it-tradizzjonijiet tal-Koran. L-importanza tar-reliġjon kienet tant kbira li saħansitra l-khan famuż Ubaidullah indifen taħt l-art qrib l-imgħallem tiegħu fil-madrasa tiegħu. Fin-nofs tal-volta (gurhana) fil-Madrasa ta’ Mir-i-Arab hemm il-qabar tal-injam ta’ Ubaidullah-khan. Maġenbu hemm l-imgħallem tiegħu, Mir-i-Arab. Muhammad Kasim, mudarris (għalliem għoli) tal-madrasa (miet fl-1047 hijra) huwa midfun hawnhekk ukoll. Il-portal tal-Madrasa ta’ Miri Arab jinsab fuq assi wieħed mal-portal tal-Moskea ta’ Kalyan. Madankollu, minħabba li l-pjazza tbaxxiet lejn il-Lvant, kien meħtieġ li tiġi mgħollija kemxejn binja tal-madrasa fuq pjattaforma.[21]
Kumpless ta’ Lab-i Hauz: jew Lab-e hauz, bil-Persjan: لب حوض, li tfisser “maġenb l-għadira”), huwa kumpless li bħat-tifsira tal-isem jinsab f’żona madwar waħda mill-ftit hauz, jew għadajjar, li baqa’ fil-belt ta’ Bukhara. Diversi għadajjar simili kienu jeżistu f’Bukhara qabel l-era Sovjetika. L-għadajjar kienu jservu bħala s-sors ewlieni tal-ilma tal-belt, iżda kienu magħrufa wkoll għat-tixrid tal-mard, u b’hekk il-biċċa l-kbira minnhom imtlew bir-radam matul is-snin 20 u 30 tas-seklu 20 mis-Sovjetiċi. Il-kumpless ta’ Lab-i Hauz baqa’ jeżisti bis-saħħa tar-rwol tiegħu bħala l-binja ċentrali ta’ kumpless arkitettoniku li jmur lura għas-sekli 16 u 17. Il-kumpless ta’ Lab-i Hauz jikkonsisti mill-Madrasa ta’ Kukeldash tas-seklu 16[22], l-ikbar waħda fil-belt, tul in-naħa tat-Tramuntana tal-għadira.[23] Fin-naħat tal-Lvant u tal-Punent tal-għadira hemm binja tas-seklu 17 għas-Sufisti, u madrasa tas-seklu 17.[24]
Hemm ukoll skultura tal-metall ta’ Nasruddin Hodja, li huwa l-karattru ċentrali ta’ ħafna stejjer folkloristiċi tat-tfal fl-Asja Ċentrali, fl-Afganistan u fil-Pakistan, bilqiegħda fuq il-felu tiegħu b’id fuq qalbu u l-oħra fuq rasu bis-sinjal li kollox sew.
Kumpless Arkitettoniku ta’ Bahoutdin: huwa nekropoli li jfakkar lil Shaykh Bohoutdin, il-fundatur tal-ordni ta’ Naqshbandi. Il-kumpless jinkludi d-dahma (il-lapida) ta’ Bahoutdin, il-moskea ta’ Khakim Kushbegi, il-moskea ta’ Muzaffarkan, u l-khanqah ta’ Abdul-Lazizkhan. Is-sit kollu huwa elenkat fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji indikattivi tal-UNESCO mit-18 ta’ Jannar 2008.
Chashma-Ayub, jew il-Fawwara ta’ Ġobb, tinsab ħdejn il-mawżolew ta’ Samani. L-isem tiegħu jingħad li jirrifletti leġġenda li tistqarr li l-profeta Ġobb ("Ayub" fil-Koran) żar dan il-post u ħoloq fawwara tal-ilma b’moviment bil-ħatar tiegħu fuq l-art. L-ilma ta’ dan il-bir jingħad li huwa safi ħafna, u jitqies li għandu “kwalitajiet ta’ fejqan”. Il-binja attwali fis-sit inbniet matul it-tmexxija ta’ Timur, u għandha koppla b’għamla ta’ kon tal-istil ta’ Khwarazm li mhix komuni fir-reġjun.
Mawżolew ta’ Ismail Samani
Il-mawżolew ta’ Ismail Samani (is-sekli 9-10) huwa wieħed mill-iktar binjiet importanti tal-arkitettura tal-Asja Ċentrali. Inbena fis-seklu 9 (bejn it-892 u d-943) bħala l-qabar ta’ Ismail Samani—il-fundatur tad-dinastija Samanida, li kienet l-aħħar dinastija Persjana nattiva fit-tmun tar-reġjun fis-sekli 9 u 10, wara li s-Samanidi stabbilew indipendenza virtwali mill-Kaliffat Abbasida f’Baghdad.
Is-sit huwa uniku minħabba l-istil arkitettoniku tiegħu li jiġbor flimkien elementi Żoroastrijani u Iżlamiċi. Il-faċċata tal-binja hija miksija b’xogħol bil-brikks, li huma mżejna b’mod mirqum, b’motivi tondi qishom xmux—immaġni komuni fl-arti Żoroastrijana tar-reġjun bħala rappreżentazzjoni tal-alla Żoroastrijan, Ahura Mazda, li tipikament jiġi rrappreżentat bin-nar u d-dawl. L-għamla tal-binja hija kubojdu, u tfakkar fil-Ka'aba ta’ Mekka, filwaqt li s-saqaf b’koppla huwa tipiku tal-arkitettura tal-moskej. L-istil sinkretiku tas-santwarju jirrifletti dak tas-sekli 9 u 10—żmien meta r-reġjun kien għad kellu popolazzjonijiet kbar ta’ Żoroastrijani li kienu bdew jikkonvertu għall-Iżlam għall-ħabta ta’ dak iż-żmien.
Is-santwarju jitqies ukoll bħala wieħed mill-eqdem monumenti fir-Reġjun ta’ Bukhara. Fi żmien l-invażjoni ta’ Genghis Khan, is-santwarju jingħad li kienet diġà ġiet midfuna fit-tajn minħabba l-għargħar. B’hekk, meta l-invażjonijiet tal-Mongoli seħħew f’Bukhara, is-santwarju ħelisha mill-qerda.
Il-mawżolew tal-missier fundatur tal-Pakistan, Muhammad Ali Jinnah, magħruf bħala l-Mazar-e-Quaid f’Karachi, ġie mmudellat abbażi ta’ dan is-santwarju.
Il-Moskea ta’ Bolo Haouz, li nbniet fl-1712 fuq in-naħa opposta taċ-ċittadella ta’ Ark fid-distrett ta’ Reġistan, serviet bħala moskea tal-Ġimgħa meta l-Emir ta’ Bukhara kellu jbaxxi rasu quddiem it-tmexxija tar-Russi Bolxeviki fis-snin 20 tas-seklu 20.
Chor Minar
Chor Minar
Chor Minar, magħrufa wkoll bħala l-Madrasa ta’ Khalif Niyaz-kul, hija binja moħbija fi trejqa fil-Grigal tal-kumpless ta’ Lyabi Hauz. L-istruttura nbniet minn Khalif Niyaz-kul, sinjurun minn Bukhara ta’ oriġini Turkmena fis-seklu 19 taħt it-tmexxija tad-dinastija Janid.[25] L-istruttura b’erba’ torrijiet xi kultant tiġi mfixkla ma’ bieb tal-madrasi li kienu jeżistu wara l-istruttura fl-imgħoddi; madankollu, iċ-Chor Minar fil-fatt huwa kumpless ta’ binjiet b’żewġ funzjonijiet: ritwal u kenn.
Il-binja prinċipali hija moskea. Minkejja l-għamla esterna mhux tas-soltu, il-binja hija tipika minn ġewwa għal moskea tal-Asja Ċentrali. Minħabba l-koppla tal-binja, il-kompartiment ewlieni għandu proprjetajiet akustiċi tajbin u għaldaqstant għandu sinifikat speċjali għad-“dhikr-hana”—post fejn isiru ċ-ċerimonji ritwalizzati “dhikr” tas-Sufisti, b’liturġija li spiss tinkludi talb, kant u mużika strumentali.
Fuq iż-żewġ naħat tal-binja ċentrali hemm kompartimenti residenzjali, li wħud minnhom iġġarrfu, u fadal biss il-pedamenti tagħhom viżibbli. B’hekk, biex il-binja tassew tintuża bħala madrasa jonqos biss il-funzjonament sħiħ ta’ klassi u xi kmamar utilitarji. Madankollu, kienet prattika komuni li l-hekk imsejħa madrasi ma jkollhomx kmamar tal-għoti tal-lekċers, jew jekk ikollhom tali kmamar, ma kinux jingħataw lekċers fihom. Dawn il-madrasi kienu jintużaw bħala ospizji għall-istudenti.
Kull wieħed mill-erba’ torrijiet għandu motivi dekorattivi differenti. Uħud jgħidu li l-elementi tad-dekorazzjoni jirriflettu l-erba’ reliġjonijiet fl-Asja Ċentrali. Hemm ukoll elementi qishom salib, motiv Kristjan ta’ ħuta, rota tat-talb tal-Buddiżmu, u motivi Żoroastrijani u Iżlamiċi. Fl-1995, minħabba ruxxell tal-ilma taħt l-art, wieħed mit-torrijiet iġġarraf u ġiet applikata u ngħatat assistenza ta’ emerġenza mill-UNESCO fil-qafas tal-Fond għall-Wirt Dinji. Għalkemm it-tiġrif irriżulta fid-destabilizzazzjoni tal-istruttura kollha, l-awtoritajiet kienu anzjużi biex jgħattu d-diżastru mill-iktar fis. Malajr malajr, il-binja ġiet rikostruwita “bl-użu ta’ materjal tal-bini mhux tradizzjonali, bħal konkrit ta’ kwalità baxxa u azzar”. Iċ-Chor Minar reġa’ sar wieħed mis-siti popolari tal-belt wara r-rikostruzzjoni.[26]
Fuq il-lemin taċ-Chor Minar hemm għadira, x’aktarx tal-istess żmien tal-kumplament tal-kumpless. Iċ-Chor Minar issa huwa mdawwar l-iktar minn djar u ħwienet żgħar tul il-perimetru tiegħu.
Moskea ta’ Magok-i-Attari
L-eks Moskea ta’ Magok-i Attori nbniet fis-seklu 9, x’aktarx fuq il-fdalijiet ta’ tempju Żoroastrijan antik. Il-moskea nqerdet u reġgħet inbniet diversi drabi, u l-eqdem parti li għadha teżisti tinsab fil-faċċata tan-Nofsinhar, u tmur lura għas-seklu 12—b’hekk hija waħda mill-iktar strutturi antiki li għadhom jeżistu f’Bukhara, u waħda mill-ftit li baqgħet sħiħa wara l-invażjoni ta’ Genghis Khan. Il-moskea hija iktar baxxa mil-livell tal-art u ġiet skavata fl-1935. Ma għadhiex tiffunzjona bħala moskea u minflok tospita mużew tat-twapet.
Moskea ta’ Mir Sayyid Ali Hamadani
Din il-moskea hija ddedikata lil Mir Sayyid Ali Hamadani, il-qaddis patrun tal-Musulmani Kaxmiri fil-Wied ta’ Kashmir.[27]
Iċ-ċentru storiku ta’ Bukhara ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[28]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; il-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”; u l-kriterju (vi) “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma’ avvenimenti jew ma’ tradizzjonijiet ħajjin, ma’ ideat jew ma’ twemmin, jew ma’ xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta’ valur universali straordinarju”.[28]
Madwar 225 kilometru fil-Punent ta’ Samarkanda fin-Nofsinhar/fiċ-ċentru tal-Użbekistan, hemm il-belt ta’ Bukhara max-xmara Zeravshan, f’elevazzjoni ta’ 229 metru.
Bukhara għandha klima arida kiesħa tipika tal-Asja Ċentrali (Köppen BWk). It-temperatura medja ta’ waranofsinhar f’Jannar hija 6.6 °C jew 43.9 °F, u tiżdied għal temperatura massima medja ta’ madwar 37.2 °C jew 99.0 °F f’Lulju. Il-preċipitazzjoni annwali medja hija 135 millimetru jew 5.31 pulzieri.
L-ilma minn dejjem kien importanti fil-klima sħuna u niexfa tal-Asja Ċentrali; għalhekk, mill-qedem, ġiet żviluppata l-biedja bl-irrigazzjoni. Il-bliet inbnew ħdejn ix-xmajjar u l-kanali tal-ilma sabiex l-ilma jilħaq il-belt kollha. Inbnew ġibjuni mhux mgħottija, magħrufa bħala hauzes. Ġibjuni tal-ilma mgħottija speċjali, jew sardobas, inbnew tul ir-rotot tal-caravanserai biex il-vjaġġaturi u l-annimali tagħhom ikollhom l-ilma.
Madankollu, l-użu eċċessiv tal-agrokimiki matul l-era tal-Unjoni Sovjetika, id-diverżjoni ta’ ammonti enormi ta’ ilma għall-irrigazzjoni miż-żewġ xmajjar li jalimentaw lill-Użbekistan, u n-nuqqas kroniku ta’ impjanti tat-trattament tal-ilma, ikkawżaw problemi tas-saħħa u ambjentali fuq skala enormi.
^Rahim Masov. "The History of the Clumsy Delimitation". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-12-10. Miġbur 2021-06-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
^Города Узбекистана, Таш.. 1965; Ашуров Я. С., Гелах Т. Ф., Камалов У. Х., Бухара, Таш., 1963; Сухарева О. А., Бухара XIX—начала XX вв., М., 1966; Пугаченкова Г. А., Самарканд, Бухара, 2 изд., [М, 1968]; Бухара. Краткий справочник, 4 изд., Таш., 1968.
^Bukhara; Architectural epigraphy of Uzbekistan. p.28; Abdukhalikov F. Tashkent: UZBEKISTAN TODAY, 2016.
^"BUKHARA". web.archive.org. 2009-01-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-01-02. Miġbur 2021-06-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
^"General Info". web.archive.org. 2001-01-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2001-01-26. Miġbur 2021-06-28.
^Narshaki, Richard Nelson Fyre, The History of Bukhara, p. 27.
^Orlando Innamorato tradott minn Charles Stanley Ross, Parlor Press LLC, 2004, p. 593. (Albraca tissemma għall-ewwel darba fil-Ktieb I, Canto VI, vers 42, fuq p. 60.).
^Nemtseva N. B. Rabat-i Malik, XI — nachalo XVIII vv.: arkheologicheskiye issledovaniya. — Tashkent: Frantsuzskiy Institut Issledovaniy Tsentral'noy Azii, 2009.
^"Bukhara" (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-07-25. Miġbur 2021-06-28.
^О.А.Сухарева КВАРТАЛЬНАЯ ОБЩИНА ПОЗДНЕФЕОДАЛЬНОГО ГОРОДА БУХАРЫ (в связи с историей кварталов) Академия наук СССР Институт этнографии им.Н.Н.Миклухо-Маклая Издательство Наука; Главная редакция восточной литературы Москва 1976.