Aqbeż għall-kontentut

Bolonja

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Bolonja
 Italja
Amministrazzjoni
PajjiżItalja
Region of ItalyEmilia-Romagna
Metropolitan city of ItalyMetropolitan City of Bologna (en) Translate
Kap tal-Gvern Matteo Lepore (en) Translate
Isem uffiċjali Bologna
Ismijiet oriġinali Bologna
Kodiċi postali 40121, 40122, 40123, 40124, 40125, 40126, 40127, 40128, 40129, 40131, 40132, 40133, 40134, 40135, 40136, 40137, 40138, 40139u 40141
Ġeografija
Koordinati 44°29′38″N 11°20′34″E / 44.4939°N 11.3428°E / 44.4939; 11.3428Koordinati: 44°29′38″N 11°20′34″E / 44.4939°N 11.3428°E / 44.4939; 11.3428
Bolonja is located in Italy
Bolonja
Bolonja
Bolonja (Italy)
Superfiċjenti 140.86 kilometru kwadru
Għoli 54 m
Fruntieri ma' Calderara di Reno (en) Translate, Casalecchio di Reno (en) Translate, Castenaso (en) Translate, Pianoro (en) Translate, Sasso Marconi (en) Translate, Zola Predosa (en) Translate, Anzola dell'Emilia (en) Translate, Castel Maggiore (en) Translate, Granarolo dell'Emilia (en) Translateu San Lazzaro di Savena (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 387,971 abitanti (1 Jannar 2023)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 051
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Leipzig, Żagreb, Bari, Valencia, Thessaloniki, St. Louis, Kharkiv, La Plata (en) Translate, San Fele (en) Translate, Pollica (en) Translate, Tuzla, Coventry, Hamamatsuu Meknès
comune.bologna.it

Bolonja hi belt Taljana b'xi 375000 abitant, li qiegħda fil-majjistral tal-pajjiż, bejn ix-xmara Po u l-Apennini. Hi l-kapitali tal-provinċja tal-istess isem u tar-reġjuni tal-Emilia-Romagna u waħda mill-bliet prinċipali tal-Italja.

L-università ta' Bolonja, li twaqqfet fl-1088, hi l-università l-iżjed antika tal-punent. Minħabba dan tlaqqmet La Dotta (l-għarfa). Il-belt għandha żewġ laqmijiet oħra La Rossa (il-ħamra), minħabba s-soqfa ħomor tat-terrakotta u wkoll minħabba l-politika xellugija tagħha, u La Grassa (il-ħoxna) minħabba l-ikel eċċellenti.

L-abitanti tagħha huma l-Bolonjiżi. Huwa kurjuż li l-platt li jissejjaħ spaghetti Bolognese ma jeżistix fil-kċina Bolonjiża. Kull sena fir-rebbiegħa f'Bolonja ssir fiera magħrufa internazzjonali tal-kotba għat-tfal, La Fiera del Libro per Ragazzi.

Bolonja tinstab f'żona ta' pjanuri u għoljiet, bejn il-wied tar-Reno u dak tas-Savena. Il-komun jinqasam f'disa' kwartieri: Borgo Panigale, San Donato, San Vitale, Sàvena, Navile, Porto, Saragozza, Santo Stefano, Reno.

Bolonja twaqqfet mill-Etruski bl-isem ta' Felsina fl-534 QK f'żona abitata mill-qedem mill-poplu ta' Villanova, razza ta' bdiewa u rgħajja. Il-belt Etruska kibret madwar santwarju mibni fuq għolja, li kienet mdawra b'nekropoli. Fir-raba' seklu QK il-belt intrebħet mill-Galli Boj, minn fejn ġej l-isem antik tagħha, Bononia, li taw ir-Rumani lil din il-kolonja li rebħu fil-191 QK. 3000 familja ta' koloni Rumani mmexxijin mill-Konsli Lucius Valerius Flaccus, Marcus Atilius Seranus u Lucius Valerius Tappo, ġew joqogħdu f'din il-kolonja ġdida Rumana. Il-bini tal-Via Æmilia fil-187 QK għamlet ‘il Bolonja salib it-toroq importanti, magħquda ma' Arezzo bil-Via Flaminia u ma' Aquileia bil-Via Aemilia Altinate.

Fit-88 QK, il-belt saret municipium. Hi nbniet f'toroq dritti b'sitt cardi u tmien decumani, li għadhom jagħmlu l-istruttura tagħha s'issa. Il-belt kellha xi 10,000 abitant taħt l-Imperu Ruman, kif ukoll bosta tempji, termi, teatri u arena. Skont Pomponju Mela, Bononia kienet fost il-ħames bliet opulentissimae ( l-iżjed għonja) tal-Italja. Il-belt reġgħet inbniet minn Neruni wara li nħarqet.

Wara li marret lura għal żmien twil, Bolonja twieldet mill-ġdid fis-seklu V bil-ħeġġa tal-isqof Petronju, li bena l-knisja ta' San Stiefnu. Wara l-waqgħa tal-Imperu Ruman, Bolonja nbidlet f'fortizza fuq il-fruntiera tal-Esarkat ta' Ravenna fil-Pjanura Padana. Il-belt kienet protetta bis-swar imma dawn ma kinux jipproteġu r-rovini tal-belt antika Rumana. Fis-728 il-belt intrebħet minn Liutprando, Re tal-Lombardi, li għaqqadha mar-renju tal-Lombardi.

Fis-seklu XI, Bolonja kellha perijodu ġdid ta' kobor u saret Komun li nagħqdet mal-Lega Lombarda fl-1164 biex tiġġieled kontra Federiku Barbarossa. Fl-1088 inħolqot l-Università ta' Bolonja, li hi issa l-eqdem università tal-Ewropa. Bosta nies famużi kienu jistudjaw hemm fil-Medju Evu bħal Irnerio, Dante, Boccaccio u Petrarca. Fis-seklu XII, l-iżvilupp tal-belt ħtieġ swar ġodda u sar tkabbir ieħor fis-seklu XIV.

Fl-1256 Bolonja għaddiet il-Legge del Paradiso ("Liġi tal-Ġenna"), li neħħiet il-jasar fewdali u ħelset l-iskjavi bil-flus tal-belt. Fl-stess żmien il-qalba tal-belt inksiet bit-torrijiet, mibnija mill-familji għonja u qawwija tal-belt biex juru l-qawwa tagħhom, u bil-bini pubbliku, knejjes u abaziji. Dan it-tkabbir u din l-għana fl-1294 għamlu l-belt waħda mill-iżjed popolati tal-Ewropa.

Bolonja "La Rossa"

Bħall-biċċa kbira tal-komuni tal-epoka, Bolonja kienet maqsuma bil-ġlied intern li wassal għat-tkeċċija tal-familja tal-Ghibellini fl-1274. Wara li tħarbtet fil-battalja ta' Zappolino mill-forzi ta' Modena fl-1325, Bolonja bdiet tmur lura u talbet il-protezzjoni tal-Papa fil-bidu tas-seklu XIV.

Wara s-snin henjin taħt il-gvern ta' Taddeo Pepoli (1337-1347), Bolonja waqgħet f'idejn il-Visconti, imma reġgħet taħt l-awtorità Papali bil-Kardinal Gil de Albornoz fl-1360. Is-snin li missu raw ħafna bdil bejn gvernijiet repubblikani (bħal ta' 1377, li bena l-Bażilika ta' San Petronju u l-Loggia dei Mercanti) u l-ħakma papali jew tal-Visconti. Matul daż-żmien, il-familji qawwijin tal-belt kienu mitlufin fi ġlied fratriċidu għall-kontroll tagħha. F'nofs is-seklu XV, il-familja Bentivoglio kisbet il-poter biż-żewġ membri Sante (1445-1462) u Giovanni II (1462-1506). Dak il-perijodu kien l-iżjed fjorenti tal-belt, bil-preżenza ta' arkitetti u pitturi famużi ġol-ħitan tagħha, li bidlu ‘l Bolonja f'veru belt tar-Rinaxximent.

Ir-renju ta' Giovanni II spiċċa fl-1506 waqt li t-truppi papali ta' Ġulju II kienu qegħdin jassedjaw u jħarbtu l-belt. Minn dik id-data sas-seklu XVIII, Bolonja kienet tagħmel parti mill-istati papali u kienet immexxija minn Cardinal legato u Senat li kull xahrejn kien jagħżel gonfaloniere (imħallef), megħjun minn tmien konsli iżjed anzjani. Il-prosperità tal-belt baqgħet tikber, allavolja fit-tmiem tas-seklu XVI il-pesta naqqset il-popolazzjoni minn 72 000 għal 59 000 abitant. Din il-prosperità rriżultat f'ħafna bini importanti, bħal Piazza Nettuno u l-Palazzo dei Banchi fl-1564. Il-ħakma papali rat il-bini ta' ħafna knejjes u stabbilimenti reliġjużi oħra ġodda u r-rinnovazzjoni tal-antiki. B'96 kunvent Bolonja kellha r-rekord tal-Italja. Il-pitturi li kienu jaħdmu Bolonja waqfu l-Iskola Bolonjiża li fosthom kien hemm Annibale Carracci, Domenichino, Guercino u pitturi oħra famużi.

Taħt Napuljun, Bolonja saret il-kapitali tar-“Repubblica Cispadana”. Wara l-waqgħa ta' Napuljun, Bolonja reġgħet marret taħt il-papa u rribellat kontrih fl-1831 u għal darb'oħra fl-1849. Il-Papa Piju IX żar il-belt fl-1857. Bolonja vvotat li tingħaqad mar-Renju ta' Sardinja fit-12 ta' Ġunju 1859, u hekk ħadet parti fir-Risorgimento. Minn dak iż-żmien ‘l hawn l-istorja ta' Bolonja hi mħallta ma' dik tal-Italja.

Matul is-Snin taċ-Ċomb, l-Attentat ta' l-Istazzjon ta' Bolonja (magħruf fl-Italja bħala la strage di Bologna) kien wieħed mill-iżjed attentati terroristiċi importanti li laqtu l-Italja. Dan ġara fit-2 ta' Awwissu, 1980 fl-10.25 ta' filgħodu. Fih mietu 85 ruħ u kien hemm iżjed minn 200 ferut. Xi membri ta' grupp tal-lemin estrem kienu kkundannati għall-attentat.

Bolonja llum hi qalba kulturali importanti imma wkoll ċentru kummerċjali, industrijali u tal-komunikazzjoni. Fil-bidu tas-seklu XXI is-swar qodma twaqqgħu biex jinbena vjal u djar ġodda.

Ekonomikament, Bolonja hi belt prospera ħafna. Hi l-kapitali ta' reġjun għani u dinamiku, minħabba r-riċerka u l-innovazzjoni. Għandha attività industrijali kbira (30% tal-impjegati fl-1998) b'xi gruppi prestiġjużi bħal Ducati u Lamborghini fis-settur awtomobilistiku u Borbonese fis-settur tal-moda. Il-belt għandha wieħed mill-ikbar parks għall-wirjiet fl-Ewropa. Bolonja hi wkoll ċentru kulturali u turistiku importanti minħabba l-istorja u l-monumenti sbieħ tagħha.

Bolonja għandha wkoll l-vantaġġ tal-pożizzjoni tagħha ta' salib it-toroq Ewropej. Hi fil-qalba tax-xibka tal-awtostradi tat-tramuntana tal-Italja ( A1, A13 u A14 ), imma qiegħda anki fuq il-linja tal-ferrovija l-iżjed importanti tal-Italja. Fl-aħħar mill-ajruport tagħha "G. Marconi", li qiegħed 6 km 'il bogħod mill-belt, hemm titjiriet nazzjonali u internazzjonali.

Il-monumenti tal-belt

[immodifika | immodifika s-sors]
Panorama: Il-Bażilika ta' San Petronju u l-Piazza Maggiore
Il-funtana ta' Nettunu

Bolonja hi waħda mill-bliet medjovali l-iżjed preżervati tal-Ewropa, u għalhekk għandha valur storiku kbir. Minkejja l-ħsara konsiderevoli li saret mill-bumbardamenti tal-1944, iċ-ċentru storiku ta' Bolonja, hu wieħed mill-ikbar ta' Ewropa, u fih hemm rikkezzi sew medjovali, kif ukoll Rinaxximentali u Barokki.

  • Il-Piazza Maggiore hi l-pjazza prinċipali tal-belt. Il-forma tagħha attwali ġejja mis-seklu XV u fiha l-bini medjovali ewlenin tal-belt. Fil-fatt il-Palazzo d'Accursio, il-Bażilika ta' San Petronju, il-Palazzo dei Notai, il-Palazzo del Podestà u l-Palazzo dei Banchi jagħtu fuq din il-pjazza. Il-pjazza hi maġenb pjazza oħra notevoli tal-belt, il-Piazza Nettuno.
  • Il-Palazzo d'Accursio, li jgħidulu wkoll Palazzo Comunale, hu s-sede tal-muniċipju ta' Bolonja. Fil-bidu kien ir-reżidenza ta' Francesco d'Accursio, imma ma damx ma sar iċ-ċentru tal-poter Bolonjiż. Il-palazz li ra l-inkoronazzjoni ta' Karlu V, għandu bosta affreski li jirrakkontaw l-istorja tal-belt.
  • Il-Bażilika ta' San Petronju hi l-ikbar waħda tal-belt u l-ħames waħda fid-dinja. Il-Bażilika, li bdiet tinbena fl-1390, qiegħda fil-Piazza Maggiore. Il-kisi tal-faċċata tagħha bl-irħam qatt ma tkompla.
  • Il-Palazzo dei Banchi hu palazz tas-sekli XV/XVI li qiegħed ukoll fil-Piazza Maggiore.
  • Il-Palazzo dei Notai hu palazz li nbena mis-soċjetà tan-Nutara fl-1381. Waħda mill-faċċati tranġat fl-1437, u l-bini sħiħ kien rinnovat fil-bidu tas-seklu X.
  • Il-Funtana ta' Nettunu ( La Fontana del Nettuno ) hi skultura monumentali tal-bronż, maħduma mill-iskultur Fjamming manjerista, Jean de Boulogne, imlaqqam Giambologna, bejn l-1563 u l-1537 u ordnata mill-Kardinal Carlo Borromeo.
  • Il-Palazz tar-Re Enzo ( Palazzo Re Enzo ) inbena fl-1245, u serva ta' ħabs għar-re Enzo ta' Sardinja sa' mewtu fl-1272. Qiegħed maġenb il-Palazzo del Podestà.

Personalitajiet u Sport

[immodifika | immodifika s-sors]
Artisti u Sportivi Politiċi u Xjenzjati


Guglielmo Marconi, rebbieħ tal-Premju Nobel

Għalkemm il-futbol hu r-re tal-isport fl-Italja, Bolonja tispikka fil-Basket-ball. Infatti l-belt hi mlaqqma "Basket City" u dan minħabba ż-żewġ klabbs tal-Basket-ball : Virtus Bologna u Fortitudo Bologna. Dawn iż-żewġ timijiet huma fost l-aħjar fl-Italja u wkoll fl-Ewropa b'xi rebħiet fit-Tazza tal-Ewropa. Madankollu l-belt għandha klabb tal-futbol, Bologna FC 1909, imma dan daż-żmien m'għandux suċċess kbir u qiegħed fis-Serie B.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]