Giovanni Boccaccio
Giovanni Boccaccio | |
---|---|
![]() | |
Ħajja | |
Twelid | Firenze, Certaldou Pariġi, 16 Ġunju 1313, 1313, 1313 |
Nazzjonalità | Repubblika ta' Firenze |
L-ewwel lingwa | Taljan |
Mewt | Certaldo, 21 Diċembru 1375 |
Post tad-dfin |
Santi Jacopo e Filippo (en) ![]() |
Kawża tal-mewt | (edema) |
Edukazzjoni | |
Lingwi |
Taljan Latin |
Għalliema |
Cino da Pistoia (mul) ![]() |
Studenti |
uri |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
novellist poeta diplomatiku traduttur bijografu mitografu kittieb |
Xogħlijiet importanti |
Decameron Elegia di Madonna Fiammetta Buccolicum carmen (en) ![]() De casibus virorum illustrium (en) ![]() De mulieribus claris (en) ![]() De montibus (en) ![]() Genealogia deorum gentilium (en) ![]() Corbaccio (en) ![]() Il Filostrato (en) ![]() La caccia di Diana (en) ![]() Teseida (en) ![]() Amorosa visione (en) ![]() Trattatello in laude di Dante (en) ![]() |
Giovanni Boccaccio (pronunzja bit-Taljan: [dʒoˈvanni bokˈkattʃo]; twieled fis-16 ta' Ġunju 1313 – miet fil-21 ta' Diċembru 1375) kien kittieb u poeta Taljan, korrispondent ta' Petrarca, u umanista Rinaxximentali importanti. Huwa twieled fir-raħal ta' Certaldo, u tant sar magħruf bħala kittieb li xi kultant kien magħruf sempliċement bħala "Certaldese" (jiġifieri "minn Certaldo"). Huwa kien wieħed mill-iżjed figuri importanti fix-xena letterarja Ewropea tas-seklu 14. Xi studjużi (inkluż Vittore Branca) jiddefinuh bħala l-ikbar kittieb tal-proża Ewropew ta' żmienu, kittieb versatili li kien jamalgama xejriet u ġeneri letterarji differenti, u jikkonverġihom f'xogħlijiet oriġinali, bis-saħħa tal-kreattività eżerċitata bħala sperimentaliżmu.
L-iżjed xogħlijiet notevoli tiegħu huma Il Decameron, kollezzjoni ta' stejjer qosra li fis-sekli ta' wara kienu element determinanti għat-tradizzjoni letterarja Taljana, speċjalment wara li Pietro Bembo eleva l-istil ta' Boccaccio għal mudell tal-proża Taljana fis-seklu 16, u De Mulieribus Claris. Huwa kiteb il-letteratura immaġinattiva tiegħu l-iktar bit-Toskan vernakolari u xi xogħlijiet oħra kitibhom bil-Latin. Huwa magħruf b'mod partikolari għad-djalogu realistiku tiegħu li kien differenti minn dak tal-kontemporanji tiegħu li kienu kittieba Medjevali li normalment kienu jsegwu mudelli bil-formuli għall-karattri u għat-trama letterarja. L-influwenza tax-xogħlijiet ta' Boccaccio ma kinitx limitata għax-xena kulturali Taljana iżda kienet estiża għall-kumplament tal-Ewropa, b'influwenza fuq awturi bħal Geoffrey Chaucer, figura ewlenija fil-letteratura Ingliża, jew iktar 'il quddiem fuq Miguel de Cervantes, Lope de Vega u t-teatru klassiku Spanjol.[1]
Boccaccio, flimkien ma' Dante Alighieri u Francesco Petrarca, huwa parti mill-hekk imsejħa "Tliet Kuruni" tal-letteratura Taljana.[2] Huwa baqa' mfakkar bħala wieħed mill-prekursuri tal-umaniżmu, li għen biex tissejjes il-belt ta' Firenze, flimkien mal-attività tal-ħabib u tal-għalliem tiegħu Petrarca. Huwa kien dak li beda l-kritika u l-filoloġija ta' Dante: Boccaccio qatta' ħafna żmien jikkopja l-kodiċijiet tad-Divina Commedia u kien promotur tax-xogħol u tal-figura ta' Dante.
Fis-seklu 12, Boccaccio kien is-suġġett tal-istudji kritiċi-filoloġiċi ta' Vittore Branca u ta' Giuseppe Billanovich, u d-Decameron tiegħu ġie maħdum bħala film mir-reġista u mill-kittieb Pier Paolo Pasolini.
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Tfulija u żgħożija, 1313-1330
[immodifika | immodifika s-sors]Id-dettalji dwar it-twelid ta' Boccaccio mhumiex ċerti. Huwa twieled f'Firenze jew f'villaġġ ħdejn Certaldo minn fejn kienet il-familja tiegħu.[3][4] Huwa kien iben il-merkant minn Firenze Boccaccino di Chellino u mara mhux magħrufa; x'aktarx li twieled barra ż-żwieġ.[5] Il-mara li ħadet ħsiebu bħala ommu kienet Margherita de' Mardoli.[6]
Boccaccio trabba f'Firenze. Missieru kien jaħdem għall-Compagnia dei Bardi u, fis-snin 20 tas-seklu 14, iżżewweġ lil Margherita de' Mardoli, li kienet ġejja minn familja sinjura. Boccaccio jaf irċieva l-edukazzjoni tiegħu mingħand Giovanni Mazzuoli, li għallmu x-xogħlijiet ta' Dante minn età bikrija. Fl-1326, missieru nħatar bħala kap ta' bank u ttrasferixxa l-familja tiegħu lejn Napli. Boccaccio kien apprendist fil-bank iżda ma kienx iħobb il-professjoni ta' bankier. Huwa pperswada lil missieru jħallih jistudja d-dritt fl-iStudium (illum il-ġurnata l-Università ta' Napli), fejn studja l-liġi kanonka għal sitt snin. Huwa baqa' wkoll midħla tax-xjenza u tal-istudji letterarji.[7]

Missieru introduċieh man-nobbiltà ta' Napli u mal-qorti ta' Robert l-Għaref (ir-re ta' Napli) influwenzata mill-Franċiżi fis-snin 30 tas-seklu 14. Matul dak iż-żmien, sar iħobb bint miżżewġa tar-re, li ispirat lil "Fiammetta" f'ħafna mir-rumanzi fi proża ta' Boccaccio, inkluż Il Filocolo (1338). Boccaccio sar ħbieb ma' Niccolò Acciaioli minn Firenze, u bbenefika mill-influwenza tiegħu bħala l-amministratur, u x'aktarx il-maħbub, ta' Katerina ta' Valois-Courtenay, l-armla ta' Filippu I ta' Taranto. Acciaioli iktar 'il quddiem sar konsulent tar-Reġina Joanna I ta' Napli u, eventwalment, il-Grand Seneschal tagħha.
Milli jidher Boccaccio iktar kien għall-qalbu jistudja d-dritt milli l-qasam bankarju, iżda l-istudji tiegħu tawh l-opportunità jistudja b'mod wiesa' u jagħmel kuntatti tajbin ma' studjużi oħra. L-influwenzi bikrin tiegħu kienu jinkludu lil Paolo da Perugia (kuratur u awtur ta' kollezzjoni ta' ħrejjef imsejħa Collectiones), lill-umanisti Barbato da Sulmona u Giovanni Barrili, u lit-teologu Dionigi di Borgo San Sepolcro.
Ħajja adulta
[immodifika | immodifika s-sors]F'Napli, Boccaccio beda dik li hu tassew kien jikkunsidra li kienet il-vokazzjoni reali tiegħu, il-poeżija. F'dak il-perjodu huwa ħejja Il Filostrato u Teseida (is-sorsi li wasslu għal Troilus and Criseyde u The Knight's Tale ta' Chaucer), Il Filocolo (verżjoni fi proża ta' rumanz li kien jeżisti bil-Franċiż), u La caccia di Diana (poeżija bit-terza rima li telenka n-nisa Naplitani). F'dak il-perjodu wkoll kien hemm innovazzjoni formali konsiderevoli, inkluż x'aktarx l-introduzzjoni tal-ottava ta' Sqallija, li influwenzat lil Petrarca.[8]

Boccaccio reġa' lura Firenze fil-bidu tal-1341, u evita l-pesta tal-1340 li kien hemm f'dik il-belt, iżda tilef ukoll iż-żjara ta' Petrarca f'Napli fl-1341. Huwa telaq minn Napli minħabba t-tensjonijiet bejn ir-re tal-Anġojini u Firenze. Missieru kien mar lura Firenze fl-1338, fejn falla għalkollox. Ommu x'aktarx li mietet ftit wara. Boccaccio kompla jaħdem, għalkemm ma kienx kuntent bir-ritorn tiegħu f'Firenze, u ħejja l-Comedia delle ninfe fiorentine fl-1341 (magħrufa wkoll bħala Ameto), taħlita ta' proża u poeżiji, u temm il-poeżija allegorika b'ħamsin canto msejħa Amorosa visione fl-1342, u Fiammetta fl-1343. Ix-xogħol pastorali Ninfale fiesolano x'aktarx li jmur lura għal dan iż-żmien ukoll. Fl-1343, missier Boccaccio reġa' żżewweġ lil Bice del Bostichi. It-tfal l-oħra li kellu miż-żwieġ ta' qabel kollha kienu mietu, iżda kellu iben ieħor fl-1344 imsejjaħ Iacopo.[9]
F'Firenze, il-waqgħa ta' Walter ta' Brienne wasslet għall-gvern tal-popolo minuto ("poplu taż-żgħar", jiġifieri l-ħaddiema). Dan naqqas l-influwenza tan-nobbiltà u tal-klassijiet tal-merkanti għonja, u għen biex Firenze taqbad it-triq tad-deklin. Il-belt kompliet tmur għall-agħar fl-1348 bil-pesta s-sewda, li qatlet kważi tliet kwarti tal-popolazzjoni tal-belt, li iktar 'il quddiem ġiet irrappreżentata fid-Decameron.
Fl-1347, Boccaccio qatta' ħafna żmien f'Ravenna biex isib kummissjonar ġdid, u minkejja l-istqarrijiet tiegħu, ma hemmx ċertezza jekk kienx f'Firenze meta kien hemm il-pesta. Ommu tar-rispett mietet matul l-epidemija u missieru kien assoċjat mill-qrib mal-isforzi tal-gvern biex jitwasslu l-provvisti fil-belt. Missieru miet fl-1349 u Boccaccio kellu jieħu rwol iktar attiv bħala l-kap tal-familja.
Boccaccio beda jaħdem fuq id-Decameron għall-ħabta tal-1349. X'aktarx li l-istrutturi ta' ħafna mill-ġrajjiet imorru lura għal perjodu iktar bikri tal-karriera tiegħu, iżda l-għażla ta' mitt ġrajja u l-ġrajja ewlenija tal-lieta brigata ta' tliet irġiel u seba' nisa tmur lura għal dak iż-żmien. Ix-xogħol kien kważi lest fl-1352. Dan kien l-aħħar sforz letterarju ta' Boccaccio u wieħed mill-aħħar xogħlijiet tiegħu bit-Toskan vernakolari; l-uniku xogħol sostanzjali ieħor kien Corbaccio (li ġie datat li sar fl-1355 jew fl-1365). Boccaccio rreveda u reġa' kiteb id-Decameron fl-1370-1371. Dan il-manuskritt wasal sa żminijietna qawwi u sħiħ.[10][11]

Mill-1350, Boccaccio sar involut iktar mill-qrib fl-umaniżmu Taljan (għalkemm inqas bħala studjuż) kif ukoll fil-gvern ta' Firenze. L-ewwel missjoni uffiċjali tiegħu kienet lejn ir-Romagna fl-aħħar tal-1350. Huwa reġa' żar il-belt-stat darbtejn u ntbagħat ukoll lejn Brandenburg, Milan u Avignon. Huwa ħabrek ukoll għall-istudju tal-Griek, ospita lil Barlaam ta' Calabria, u ħeġġeġ it-traduzzjoni tax-xogħlijiet ta' Omeru, Ewripide u Aristotli. Matul dawn is-snin, huwa ħa wkoll xi ordni sagri minuri.[12]
F'Ottubru 1350, huwa ġie delegat biex jilqa' lil Francesco Petrarca mal-wasla tiegħu f'Firenze u anke biex jospita lil Petrarca f'daru matul is-soġġorn tiegħu. Il-laqgħa bejniethom it-tnejn tat il-frott u minn hemm 'il quddiem saru ħbieb, u Boccaccio beda jsejjaħ lil Petrarca bħala l-għalliem u l-magister tiegħu. Petrarca dak iż-żmien ħeġġeġ lil Boccaccio jistudja l-letteratura klassika Griega u Latina. Fl-1351 reġgħu ltaqgħu f'Padova, waqt li Boccaccio kien fuq missjoni uffiċjali biex jistieden lil Petrarca jgħallem fl-Università ta' Firenze. Għalkemm Boccaccio ma rnexxilux, id-diskussjonijiet bejniethom kienu strumentali għal Boccaccio biex jikteb il-Genealogia deorum gentilium; l-ewwel edizzjoni tlestiet fl-1360 u din baqgħet waħda mix-xogħlijiet ewlenin ta' referenza dwar il-mitoloġija klassika għal iktar minn 400 sena. Serviet bħala difiża estiża tal-istudji tal-letteratura u tal-ħsieb tal-qedem. Minkejja t-twemmin pagan fil-qalba tax-xogħol tiegħu, Boccaccio kien jemmen li wieħed seta' jitgħallem ħafna mill-antikità. Għalhekk, huwa sfida l-argumenti ta' intellettwali tal-kleru li riedu jillimitaw l-aċċess għas-sorsi klassiċi biex jipprevjenu kwalunkwe dannu morali għall-qarrejja Kristjani. It-tqanqil mill-ġdid tal-antikità klassika sar pedament tar-Rinaxximent, u d-difiża tal-importanza tal-letteratura antika kienet rekwiżit essenzjali għall-iżvilupp tagħha. Id-diskussjonijiet ifformalizzaw ukoll l-ideat poetiċi ta' Boccaccio. Ċerti sorsi jsostnu wkoll li Petrarca kkonverta lil Boccaccio minn umanist b'moħħu miftuħ bħalma naraw fid-Decameron għal stil iktar axxetiku, eqreb tal-ethos dominanti tas-seklu 14. Pereżempju, huwa segwa lil Petrarca (u lil Dante) fit-tħaddin bla suċċess ta' forma arkajka u ferm allusiva tal-poeżija Latina. Fl-1359, wara laqgħa mal-Papa Innoċenti VI u iktar laqgħat ma' Petrarca, x'aktarx li Boccaccio rabba xi tip ta' qoxra reliġjuża. Hemm rakkont persistenti (iżda mingħajr evidenza) li huwa rrepudja x-xogħlijiet bikrin tiegħu bħala profani fl-1362, inkluż id-Decameron.[13]
Fl-1360, Boccaccio beda jaħdem fuq id-De mulieribus claris, ktieb bil-bijografiji ta' 106 mara famuża, u lestih fl-1374.
Għadd ta' ħbieb u qrabat oħra ta' Boccaccio ġew ġustizzjati jew eżiljati ftit wara l-kolp ta' stat tal-1361 li ma rnexxiex. Dik is-sena Boccaccio telaq minn Firenze u beda jirresjedi f'Certaldo, għalkemm ma kienx direttament marbut mal-konfoffa, u hemmhekk sar inqas involut fl-affarijiet tal-gvern. Huwa ma wettaqx iktar missjonijiet għal Firenze sal-1365, u vvjaġġa lejn Napli u mbagħad lejn Padova u Venezja, fejn iltaqa' ma' Petrarca fil-Palazzo Molina, ir-residenza ta' Petrarca kif ukoll il-post fejn Petrarca kellu l-librerija tiegħu. Iktar 'il quddiem Boccaccio reġa' lura f'Certaldo. Huwa ltaqa' ma' Petrarca darba biss f'Padova fl-1368. Malli sema' bil-mewt ta' Petrarca fid-19 ta' Lulju 1374, Boccaccio kiteb poeżija kommemorattiva, u inkludiha fil-kollezzjoni tiegħu ta' poeżiji liriċi magħrufa bħala r-Rime.

Huwa reġa' beda jaħdem għall-gvern ta' Firenze fl-1365, u wettaq missjoni għand il-Papa Urban V. Il-Papat reġa' lura lejn Ruma minn Avignon fl-1367, u Boccaccio reġa' ntbagħat għand il-Papa Urban biex jifraħlu. Huwa wettaq ukoll missjonijiet diplomatiċi lejn Venezja u lejn Napli.
Mix-xogħlijiet tiegħu li wettaq iktar 'il quddiem, il-bijografiji moralistiċi miġbura fid-De casibus virorum illustrium (1355-1374) u fid-De mulieribus claris (1361-1375) kienu l-iktar sinifikanti.[14] Xogħlijiet oħra jinkludu dizzjunarju ta' allużjonijiet ġeografiċi fil-letteratura klassika, De montibus, silvis, fontibus, lacubus, fluminibus, stagnis seu paludibus, et de nominibus maris liber. Huwa ta sensiela ta' lekċers dwar Dante fil-Knisja ta' San Stiefnu fl-1373 u dawn irriżultaw fix-xogħol finali tiegħu, l-Esposizioni sopra la Commedia di Dante.[15] Boccaccio u Petrarca kienu wkoll tnejn mill-iżjed nies edukati fil-qasam tal-arkeoloġija fir-Rinaxximent Bikri.[16]
Il-bidla ta' Boccaccio fl-istil tal-kitba tiegħu fis-snin 50 tas-seklu 14 kienet parzjalment dovuta għal laqgħa tiegħu ma' Petrarca, iżda l-iktar minħabba li s-saħħa fiżika tiegħu bdiet tmur lura u tiddgħajjef qabel iż-żmien. Kienet dovuta wkoll minħabba li kemm-il darba baqa' ddiżappuntat fl-istejjer ta' mħabba tiegħu. Dan x'aktarx li jispjega għaliex Boccaccio f'daqqa waħda qabad jikteb bl-istil ta' Corbaccio, wara li qabel kien kiteb l-iktar kliem ta' tfaħħir fir-rigward tan-nisa u tal-imħabba, minkejja li elementi ta' misoġenija huma preżenti f'Il Teseida. Petrarca jiddeskrivi kif Pietro Petrone (patri Karteżjan) fis-sodda tal-mewt tiegħu fl-1362 bagħat patri Karteżjan ieħor, Gioacchino Ciani, biex iħeġġu jieqaf mill-istudji dinjin tiegħu. Petrarca mbagħad ipperswada lil Boccaccio milli jaħraq ix-xogħlijiet tiegħu stess u jbigħ il-librerija personali, l-ittri, il-kotba u l-manuskritti tiegħu. Petrarca saħansitra offra li jixtri l-librerija ta' Boccaccio, biex issir parti mil-librerija ta' Petrarca. Madankollu, mal-mewt ta' Boccaccio, il-kollezzjoni kollha tiegħu ngħatat lill-Monasteru tal-Ispirtu s-Santu, f'Firenze, u għadha hemm sa llum.
Fl-aħħar snin tiegħu, Boccaccio kien marid ħafna, spiss minħabba obeżità, idropisija, u edema gravi li llum il-ġurnata tiġi deskritta bħala attakk tal-qalb minħabba konġestjoni kardijaka. Huwa miet fil-21 ta' Diċembru 1375 f'Certaldo, fejn huwa midfun.
Xogħlijiet
[immodifika | immodifika s-sors]- Amorosa visione (1342);
- Buccolicum carmen (1367-1369);
- Caccia di Diana (1334-1337);
- Comedia delle ninfe fiorentine (Ninfale d'Ameto, 1341-1342);
- Corbaccio (għall-ħabta tal-1365, din id-data tiġi ddubitata minn xi storiċi);
- De Canaria (fl-1341-1345);
- De Casibus Virorum Illustrium (għall-ħabta tal-1360). Kopja tal-edizzjoni ta' Pariġi tal-1620, 1962, Scholars' Facsimiles & Reprints, ISBN 978-0-8201-1005-9;
- De mulieribus claris (1361, b'reviżjoni sal-1375);
- The Decameron (1349–52, b'reviżjoni fl-1370-1371);
- Elegia di Madonna Fiammetta (1343-1344);
- Esposizioni sopra la Comedia di Dante (1373-1374);
- Filocolo (1336-1339);
- Filostrato (1335 jew 1340);
- Genealogia deorum gentilium libri (1360, b'reviżjoni sal-1374);
- Ninfale fiesolano (fl-1344-1346, għalkemm din id-data tiġi ddubitata minn xi storiċi);
- Rime (tlestija fl-1374);
- Teseida delle nozze di Emilia (qabel l-1341);
- Trattatello in laude di Dante (1357, it-titlu ġie revedut għal De origine vita studiis et moribus viri clarissimi Dantis Aligerii florentini poetae illustris et de operibus compositis ab eodem);
- Zibaldone Magliabechiano (fl-1351-1356).
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Farrell, Thomas (2003). "Source or Hard Analogue? "Decameron X, 10" and the "Clerk's Tale"". The Chaucer Review. 37 (4): 346–364.
- ^ Italy's three crowns : reading Dante, Petrarch and Boccaccio. Zygmunt G. Barański, M. L. McLaughlin. Oxford: Bodleian Library. 2007. ISBN 978-1-85124-301-3.
- ^ Giovanni Boccaccio; Mariangela Causa-Steindler; Thomas Mauch. The elegy of Lady Fiammetta. p. XI.
- ^ James Patrick. Renaissance and Reformation.
- ^ Bartlett, Kenneth R. (1992). "Florence in the Renaissance". The Civilization of the Italian Renaissance: A Sourcebook. Lexington, Mass.: D.C. Heath. ISBN 0-669-20900-7. p. 43.
- ^ Allen, Prudence (1997). The Concept of Woman. Wm. B. Eerdmans Publishing. ISBN 978-0-8028-3346-4.
- ^ New Standard Encyclopedia, 1992. "Boccaccio, Giovanni"; Volume B, p. 316. Chicago: Standard Educational Corporation.
- ^ "Decameron Web | The Project". www.brown.edu. Miġbur 2022-12-24.
- ^ Boccaccio, Giovanni (2003-11-01). La Fiammetta. Tradott minn Brogan, James C.
- ^ Boccaccio, Giovanni (2003). The Decameron, Volume I. Tradott minn Rigg, J. M. (James Macmullen).
- ^ Boccaccio, Giovanni (2004). The Decameron, Volume II. Tradott minn Rigg, J. M. (James Macmullen).
- ^ "Boccaccio, Giovanni". web.archive.org. 2013-06-25. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-06-25. Miġbur 2022-12-24.
- ^ King, Margaret L. "The Renaissance in Europe". Laurence King Publishing, 2003, p. 54.
- ^ Rea, Anza Lone and. Giovanni Boccaccio Opera Omnia.
- ^ "IntraText Digital Library: Author Card: Giovanni Boccaccio". www.intratext.com. Miġbur 2022-12-24.
- ^ Coulter, Cornelia C. (1937). "Boccaccio's Archaeological Knowledge". American Journal of Archaeology. 41 (3): 397–405.