Aqbeż għall-kontentut

Lingwa Ġermaniża

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Mappa tal-pajjiżi li jieħdu sehem f'laqgħat tal-pajjiżi fejn jiġi mitkellem il-Ġermaniż.

Il-lingwa Ġermaniża, jew sempliċement il-Ġermaniż (bil-Ġermaniż: Deutsch [dɔʏtʃ]), hija lingwa Ġermanika tal-Punent li tiġi mitkellma l-iktar fl-Ewropa Ċentrali. Tiġi mitkellma l-iktar u hija lingwa uffiċjali jew kouffiċjali fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fl-Iżvizzera, fil-Liechtenstein u fil-provinċja Taljana ta' Trentino Alto Adige. Hija wkoll lingwa kouffiċjali tal-Lussemburgu u tal-Belġju, u hija lingwa nazzjonali rikonoxxuta fin-Namibja. 'Il barra mill-Ġermanja, il-lingwa tiġi mitkellma minn komunitajiet Ġermaniżi fi Franza (Bas-Rhin), fir-Repubblika Ċeka (it-Tramuntana tal-Boemja), fil-Polonja (Silesja ta' Fuq), fis-Slovakkja (ir-reġjun ta' Bratislava) u fl-Ungerija (Sopron).

Il-Ġermaniż huwa simili l-iktar għal lingwi oħra fi ħdan il-fergħa tal-lingwi Ġermaniċi tal-Punent, fosthom l-Afrikaans, l-Olandiż, l-Ingliż, il-lingwi Frisjani, il-Ġermaniż t'Isfel, il-Lussemburgiż, l-Iskoċċiż u l-Yiddish. Huwa simili wkoll bħala vokabularju għal xi lingwi fil-fergħa tal-lingwi Ġermaniċi tat-Tramuntana, fosthom id-Daniż, in-Norveġiż u l-Iżvediż. Il-Ġermaniż huwa t-tieni l-iktar lingwa Ġermanika mitkellma wara l-Ingliż, li huwa wkoll lingwa Ġermanika tal-Punent.

Il-lingwa Ġermaniża hija waħda mil-lingwi ewlenin fid-dinja. Hija l-iżjed lingwa nattiva mitkellma fi ħdan l-Unjoni Ewropea.[1] Il-Ġermaniż jiġi mgħallem b'mod mifrux bħala lingwa barranija, speċjalment fl-Ewropa kontinentali, fejn hija t-tielet l-iktar lingwa barranija mgħallma (wara l-Ingliż u l-Franċiż), u fl-Istati Uniti. Il-lingwa kienet influwenti fl-oqsma tal-filosofija, tat-teoloġija, tax-xjenza u tat-teknoloġija. Hija t-tieni l-iktar lingwi li jintużaw fix-xjenza u hija fost l-iktar lingwi li jintużaw fis-siti web. Il-pajjiżi fejn jiġi mitkellem il-Ġermaniż huma kklassifikati l-ħames f'termini ta' pubblikazzjoni annwali ta' kotba ġodda, b'għaxra fil-mija tal-kotba kollha (inkluż il-kotba elettroniċi) fid-dinja li jiġu ppubblikati bil-Ġermaniż.

Il-lingwa Ġermaniża hija lingwa inflessa, b'erba' każijiet għan-nomi, għall-pronomi u għall-aġġettivi (in-nominattiv, l-akkużattiv, il-ġenittiv u d-dativ); bi tliet ġeneri (il-maskil, il-femminil u n-newtru); u għadd doppju (is-singular u l-plural). Għandha verbi b'saħħithom jew regolari u dgħajfin jew irregolari. Il-maġġoranza tal-vokabularju tal-lingwa oriġina mill-fergħa Ġermanika antika tal-familja tal-lingwi Indo-Ewropej, filwaqt li sehem iżgħar oriġina mil-Latin u mill-Grieg, flimkien ma' ftit kliem ieħor li ġie misluf mill-Franċiż u mill-Ingliż Modern.

Il-Ġermaniż huwa lingwa pluriċentrika; it-tliet varjanti standardizzati huma l-Ġermaniż, l-Awstrijakk u l-Ġermaniż Għoli Standard Żvizzeru. Huwa notevoli wkoll għall-firxa wiesgħa ta' djaletti tiegħu, b'bosta varjetajiet li jeżistu fl-Ewropa u f'partijiet oħra tad-dinja. Uħud minn dawn il-varjetajiet mhux standard saru rikonoxxuti u protetti mill-gvernijiet reġjonali jew nazzjonali.

Mill-2004, kull sena saru jiġu organizzati laqgħat tal-pajjiżi fejn jiġi mitkellem il-Ġermaniż, fejn jieħdu sehem sitt parteċipanti: il-Ġermanja, l-Awstrija, il-Belġju, il-Liechtenstein, il-Lussemburgu u l-Iżvizzera.[2]

Klassifikazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Ġermaniż huwa lingwa Indo-Ewropea u jagħmel parti mill-grupp Ġermaniku tal-Punent tal-lingwi Ġermaniċi. Il-lingwi Ġermaniċi tradizzjonalment jinqasmu fi tliet fergħat: il-lingwi Ġermaniċi tat-Tramuntana, il-lingwi Ġermaniċi tal-Lvant, u l-lingwi Ġermaniċi tal-Punent. L-ewwel waħda minn dawn il-fergħat għadha teżisti bis-saħħa ta' lingwi moderni bħad-Daniż, l-Iżvediż, in-Norveġiż, il-Faroiż u l-Iżlandiż, li kollha huma dixxendenti tan-Norveġiż Antik. Il-lingwi Ġermaniċi tal-Lvant issa huma estinti, u l-Gotiku huwa l-unika lingwa f'din il-fergħa li għadha teżisti f'testi bil-miktub. Madankollu, il-lingwi Ġermaniċi tal-Punent ġew maqsuma b'mod estensiv f'diversi djaletti u issa huma rrappreżentati f'lingwi moderni bħall-Ingliż, il-Ġermaniż, l-Olandiż, il-Yiddish, l-Afrikaans u oħrajn.[3] Fi ħdan il-continuum djalettali tal-lingwi Ġermaniċi tal-Punent, il-linji ta' Benrath u ta' Uerdingen (li jkopru Düsseldorf-Benrath u Krefeld-Uerdingen, rispettivament) jintużaw biex issir distinzjoni bejn id-djaletti Ġermaniċi li kienu affettwati mill-bidla tal-konsonanti tal-Ġermaniż Għoli (fin-Nofsinhar ta' Benrath) u dawk li ma kinux affettwati (fit-Tramuntana ta' Uerdingen). Id-diversi djaletti reġjonali mitkellma fin-Nofsinhar ta' dawn il-linji huma raggruppati bħala djaletti tal-Ġermaniż Għoli, filwaqt li d-diversi djaletti reġjonali mitkellma fit-Tramuntana huma raggruppati bħala djaletti tal-Ġermaniż t'Isfel/tas-Sassonja t'Isfel u tal-Frankonja t'Isfel. Bħala membri tal-familja tal-lingwi Ġermaniċi tal-Punent, il-Ġermaniż Għoli, il-Ġermaniż t'Isfel u l-Frankonjan t'Isfel ġew proposti biex jiġu distinti iktar storikament bħala l-Irminoniku, l-Ingvaeoniku u l-Istvaeoniku, rispettivament. Din il-klassifikazzjoni tindika d-dixxendenza storika tagħhom minn djaletti mitkellma mill-Irminoni (magħrufa wkoll bħala l-grupp ta' Elbe), l-Ingvaeoni (jew il-grupp Ġermaniku tal-Baħar tat-Tramuntana) u l-Istvaeoni (jew il-grupp ta' Weser u r-Renu).

Il-Ġermaniż standard huwa bbażat fuq kombinament ta' djaletti ta' Turinġja u s-Sassonja ta' Fuq u tal-Frankonja ta' Fuq, li huma djaletti tal-Ġermanja Ċentrali u tat-Tramuntana li jagħmlu parti mill-grupp ta' djaletti tal-Ġermaniż Għoli. Għaldaqstant il-Ġermaniż huwa marbut mill-qrib mal-lingwi l-oħra li huma bbażati fuq djaletti tal-Ġermaniż Għoli, fosthom il-Lussemburgiż (ibbażat fuq djaletti tal-Frankonja Ċentrali) u Yiddish. Marbuta mill-qrib ukoll mal-Ġermaniż Standard insibu d-djaletti tal-Ġermaniż tat-Tramuntana li huma mitkellma fil-pajjiżi tan-Nofsinhar fejn jiġi mitkellem il-Ġermaniż, bħall-Ġermaniż Żvizzeru (id-djaletti Alemanniċi) u diversi djaletti Ġermaniċi mitkellma fir-reġjun Franċiż tal-Grand Est, bħall-Alsazjan (b'mod prinċipali d-djaletti Alemanniċi, iżda wkoll id-djaletti tal-Frankonja Ċentrali u ta' Fuq).

Wara dawn id-djaletti tal-Ġermaniż Għoli, il-Ġermaniż standard huwa inqas marbut mill-qrib mal-lingwi bbażati fuq id-djaletti tal-Frankonja t'Isfel (eż. l-Olandiż u l-Afrikaans) u d-djaletti tal-Ġermanja t'Isfel jew tas-Sassonja t'Isfel (mitkellma fit-Tramuntana tal-Ġermanja u fin-Nofsinhar tad-Danimarka), li l-ebda wieħed minnhom ma' esperjenza l-bidla tal-konsonanti li seħħet fil-Ġermaniż Għoli. Kif ġie nnutat, l-ewwel ta' dawn it-tipi ta' djaletti huwa l-Istvaeoniku u l-aħħar huwa l-Ingvaeoniku, billi d-djaletti kollha tal-Ġermaniż Għoli huma Irminoniċi; id-differenzi bejn dawn il-lingwi u l-Ġermaniż standard għalhekk huma konsiderevoli. Il-lingwi Frisjani — il-Frisjan tat-Tramuntana (mitkellem f'Nordfriesland), il-Frisjan ta' Saterland (mitkellem f'Saterland) u l-Frisjan tal-Punent (mitkellem f'Friesland) — għandhom rabta wkoll mal-Ġermaniż, l-istess bħal-lingwi Angliċi tal-Ingliż u l-Iskoċċiż. Dawn id-djaletti Anglo-Frisjani ma esperjenzawx il-bidla tal-konsonanti li seħħet fil-Ġermaniż Għoli.

B'madwar 22 sa 26 fonema, is-sistema tal-konsonanti tal-Ġermaniż għandha għadd medju ta' konsonanti meta mqabbel ma' lingwi oħra. Waħda mill-iżjed konsonanti notevoli hija l-affrikattiva mhux tas-soltu /pf/.

Labbjali Dentali Alveolari Postalveolari Palatali Velari Glottali
Nasali m n ŋ
Plosivi Fortis p t k (ʔ)
Lenis b d ɡ
Affrikattivi Fortis pf ts
Lenis (dʒ)
Frikattivi Fortis f s ʃ ç (x) h
Lenis v z (ʒ) j
Likwidi l r
Ta' quddiem Ċentrali Ta' wara
mhux ittondjati ittondjati
qosra twal qosra twal qosra twal qosra twal
Magħluqa ɪ ʏ ʊ
Magħluqa-medji øː ə
Miftuħa-medji ɛ ɛː œ ɐ ɔ
Miftuħa a

Bi ħmistax-il fonema vokalika monoftongali f'sillabi b'enfasi, is-sistema tal-vokali tal-Ġermaniż hija pjuttost kbira. Il-vokali /ə/ u /ɐ/ (li jokkorru f'sillabi mhux b'enfasi biss) ma jitqisux bħala fonemi vokaliċi mill-istudjużi kollha. Id-dittongi /aɪ, aʊ, ɔʏ/ ukoll spiss jiġu elenkati bħala fonemi vokaliċi.

Il-lingwa Ġermaniża tintuża fil-letturatura Ġermaniża u tmur lura għal żmien il-Medju Evu. L-iżjed kittieba notevoli ta' dak iż-żmien kienu Walther von der Vogelweide u Wolfram von Eschenbach. In-Nibelungenlied, b'awtur mhux magħruf, hija wkoll biċċa xogħol importanti ta' dik l-epoka. Il-ħrejjef miġbura u ppubblikati minn Jacob u Wilhelm Grimm fis-seklu 19 saru famużi mad-dinja kollha.

Ir-riformista u t-teologu Martin Luteru, li ttraduċa l-Bibbja bil-Ġermaniż Għoli, huwa akkreditat li stabbilixxa l-bażi għal-lingwa tal-Ġermaniż Għoli Standard modern. Fost l-iżjed poeti u awturi magħrufa li kitbu bil-Ġermaniż hemm Lessing, Goethe, Schiller, Kleist, Hoffmann, Brecht, Heine u Kafka. Erbatax-il persuna li jitkellmu bil-Ġermaniż rebħu l-Premju Nobel għal-Letteratura: Theodor Mommsen, Rudolf Christoph Eucken, Paul von Heyse, Gerhart Hauptmann, Carl Spitteler, Thomas Mann, Nelly Sachs, Hermann Hesse, Heinrich Böll, Elias Canetti, Günter Grass, Elfriede Jelinek, Herta Müller u Peter Handke, u b'hekk il-lingwa Ġermaniża hija t-tieni l-iktar lingwa ppremjata (flimkien mal-Franċiż) wara l-Ingliż.

Johann Wolfgang von Goethe(1749–1832) Friedrich Schiller(1759–1805) L-Aħwa Grimm

(1785–1863)

Thomas Mann(1875–1955) Hermann Hesse(1877–1962)
  1. ^ "Ewrobarometru Speċjali Nru 386: L-Ewropej u l-lingwi tagħhom. Il-Kummissjoni Ewropea" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-01-06. Miġbur 2023-03-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ Land, Lëtzebuerger (2016-09-02). "Beim Deutschen Bund in Eupen". Lëtzebuerger Land (bil-Ġermaniż). Miġbur 2023-03-05.
  3. ^ Robinson, Orrin W. (1992). Old English and its closest relatives : a survey of the earliest Germanic languages. Stanford, Calif.: Stanford University Press. ISBN 978-0-8047-2221-6. p. 16.