Aqbeż għall-kontentut

Martin Luteru

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Luteru fl-1533 minn Lucas Cranach il-Kbir

Martin Luteru (Eisleben, 10 ta' Novembru 1483Eisleben, 18 ta' Frar 1546) kien patri Agostinjan Ġermaniż u professur tat-teoloġija li beda r-Riforma Protestanta. Ħadha qatta' bla ħabel kontra min kien jgħallem li l-maħfra tad-dnubiet tista' tinxtara bil-flus. Oppona lil Johann Tetzel li kien ibigħ l-indulġenzi bil-95 teżi tiegħu fl-1517. Iċ-ċaħda tiegħu li jirtira kitbietu ordnata minn Papa Ljun X fl-1520 u minn Karlu V tal-Imperu Qaddis Ruman fid-Dieta ta' Worms fl-1521 wasslet għall-iskomunika mill-Papa u l-kundanna mill-Imperatur.

Luteru kien jgħallem li s-salvazzjoni ma tinkisibx bl-opri tajba imma hija don gratwit tal-grazzja t'Alla permezz tal-fidi f'Ġesù Kristu bħala salvatur mid-dnub. It-teoloġija tiegħu sfidat l-awtorità papali billi għallmet li l-Bibbja hija l-unika għajn tar-rivelazzjoni divina u li l-Insara kollha huma saċerdoti.

It-traduzzjoni tal-Bibbja fi lsien il-poplu (flok il-Latin) għamilha iktar aċċessibli, u dan ġab impatt qawwi fuq il-Knisja u l-kultura Ġermaniża. L-innijiet li kiteb influwenzaw l-iżvilupp tal-kant fil-knejjes. Iż-żwieġ tiegħu ma' Katharina von Bora wassal biex il-ministri (saċerdoti) Protestanti bdew jiżżewġu huma ukoll.

Luteru kien bniedem ta' temperament vjolenti, ta' manjieri goffi u aħrax fi kliemu. Fl-istess ħin dan il-karattru kumpless kien bniedem edukat fl-aqwa università ta' pajjiżu, intelliġenti u onest u saċerdot devot, b'talent straordinarju ta' persważjoni kemm fil-kitba kif ukoll bil-fomm.

It-Teoloġija ta' Luteru

[immodifika | immodifika s-sors]

Mhemmx dubju li fit-teoloġija ta' Luteru kien hemm xi ħaġa ġdida u oriġinali. Hija teoloġija personali ħafna u mimlija emozzjoni - xi ħaġa ferm nieqsa fit-trattati Skolastici kesħin u nixfin ta' żmienu. B'differenza minn ħafna kitbiet ta' żmienu, tiegħu kienet profondament biblika. Kienet ukoll teoloġija prattika u rilevanti, li tiffoka fuq il-problemi attwali tal-ġurnata. It-teoloġija ta' Luteru qajmet kontroversja fl-ambjenti Kattolici, il-fehmiet tiegħu bħal ngħidu aħna dwar ir-rieda u l-grazzja. Verament li għal Luteru l-fidi kienet kollox iżda dan ma jfissirx li qatt ma ta kas tal-opri tajba. Iktar nistgħu ngħidu li Luteru spostja l-enfasi li kien isir fi żmienu fuq l-irwol u l-ħila tal-bniedem fis-salvazzjoni tiegħu għall-irwol attiv ta' Alla.

Dwar l-opri tajba, Luteru kiteb hekk: "Il-fidi ta' ħadd mhi daqshekk kbira li ma tistax jew m'għandhiex tikber. Għalhekk biex tikber iridu jsiru opri tajba, u dawk ħżiena evitati."

Band'oħra kiteb ukoll: "Hekk kif ix-xemx qiegħda biex tiddi, bniedem ta' fidi jagħmel opri tajba." Li jagħmel Luteru hu li jisħaq fuq l-inizjattiva u l-azzjoni divina fl-opri tagħna, li aħna biss strumenti f'idejn Alla. Luteru għallem li aħna ma niksbux il-ġustifikazzjoni iżda niġġebbdu lejha u dejjem infittxu u nitolbu li nkunu ġustifikati biex b'hekk il-qaddisin huma fl-istess ħin midinbin, midinbin fil-fatt u qaddisin fit-tama.

Għal teologu bħal Luteru li kien jemmen li l-qalba tar-reliġjon hija r-rispons personali, u għal bniedem li l-esperjenza reliġjuza tiegħu kienet magħġuna fl-idea tas-salvazzjoni bħala don ta' Alla lill- bniedem, il-prattika tal-knisja ta' żmienu kienet tkiddu sew għax kienet tagħmel enfasi zejjed fuq l-irwol tal-bniedem fis-salvazzjoni. ħafna affarijiet bħall-pellegrinaggi, il-kult superstizzjuz tar-relikwji u l-effikacja materjalista tal-quddiesa kienu jagħtu impressjoni li l-ġenna hija xi haga li tista' tixtriha bħal kull haga ohra. Kien biss fil-Koncilju ta' Trentu li l-Knisja Kattolika għamlet tajjeb għaz-żmien twil u prezzjuz li tilfet u dddiskutiet il-punti kollha li qajjem Luteru. Von Harnack jikkummenta, "Li kieku d-digriet Tridentin dwar il-gustifikażzjoni sar qabel, ma kienx ikun hemm bzonn id-dahla fix-xena ta' Luteru".

iżda l-iktar ezempju car ta' din il-prattika li kienet iddarras lil Luteru kienu l-indulġenzi. Fl-1343 il-Papa Klement VI iddikjara b'mod uffiċjali li Kristu u l-qaddisin ħallew tezor ta' merti li membri ohra tal-Knisja jistgħu jiehdu għalihom għall-maħfra tal-kastig temporali ta' dnubiethom. Wiehed jikseb mertu permezz ta' indulġenza, ħafna drabi mogħtija mill-Papa għal xi opra tajba li wiehed jagħmel bħal għotja ta' flus. Maz-żmien sar ukoll tagħlim uffiċjali li l-indulġenzi jistgħu jigu applikati għall-erwieħ tal-purgatorju fuq is-suppozizzjoni li huma wkoll bħala membri tal-Gisem Mistiku ta' Kristu jistgħu jiehdu sehem mill-merti tal-qaddisin. Dan it-tagħlim fil-prattika naqqas l-aspett ta' indiema personali li sa dak iz-żmien dejjem kienet parti importanti u mehtiega għall-indulġenza. Il-bieb kien miftuh għal kull min, bla skrupli, ried jipprezenta l-indulġenza bħala mezz ħafif u awtomatiku ta' kif wieħed isalva. U hekk gara fil-każ ta' Luteru jew ahjar fil-każ ta' Tetzel.

Il-Papa Ljun X

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-mexxej tal-Knisja Kattolika ta' żmienu, il-Papa Ljun X (1513-21), Giovanni De Medici, kien Papa Rinaxximentali u għalhekk ġeneruz ħafna mal-artisti u l-letterati minhabba l-interess tiegħu li jkabbar il-kultura umanista. iżda t-tberbiq tiegħu battal il-finanzi papali u biex ipatti għal dan u biex jibni l-bażilika ta' San Pietru ippermetta l-bejgħ tal-indulġenzi u l-bejgħ ta' uffiċji tal-knisja, anke tal-kardinali. Iljun X ma kienx jimpurtah wisq mill-gid spiritwali tal-knisja u kien insensittiv għax-xewqa generali ta' riforma fi knisja mimlija korruzzjoni, injoranza u tahwid dottrinali. Meta ressqulu l-każ ta' Luteru, Iljun X ma tax każu u sejjah il-kwistjoni bejn Luteru u l-bejjiegħa tal-indulġenzi bħala "un bisticcio tra monaci" (ġlieda bejn il-patrijiet). iżda iktar tard kellu jkun hu li jikkundanna lil Luteru fl-1520 u li jiskumnikah sena wara.

Ix-Xiżma Protestanta

[immodifika | immodifika s-sors]

Minkejja l-intenzjonijiet tajba li seta' kellu Luteru biex jirriforma l-Knisja, l-azzjonijiet tiegħu wasslu għal dik li xi storici jqisu bħala l-iktar grajja devastanti fl-istorja tal-Knisja. Minhabba serje sħiħa ta' fatturi - politici, ekonomici u ohrajn rizultat ta' injoranza, ras iebsa u nuqqas kbir ta' komunikażzjoni - il-Knisja Kattolika tal-Punent inqasmet f'zewg blokki kbar, il-Kattolici li għandhom il-Papa bħala awtorità u l-Protestanti. Il-Luteranizmu infirex malajr fl-Ewropa, l-iktar fl-Iskandinavja, il-pajjiżi Baltiċi, kif ukoll fil-Ġermanja u u l-pajjizi ta' madwarha. Dan kien dovut l-aktar għan-nazzjonalizmu li kien qed iqum dak iz-żmien u l-appoġġ tal-prinċpijiet li raw fir-riforma reliġjuza ta' Luteru opportunit… kbira li jiksbu indipendenza politika minn Ruma.

Steck jgħid li, "Il-qasma tal-Kristjanezmu oċċidentali f'żewg gruppi kbar... saret realtà permanenti biss wara l-mewt ta' Luteru... Luteru qatt ma xtaq il-Kristjanità maqsuma fil-konfessjonijiet li nafu llum, u wisq probabbli ma kienx japprovahom." Luteru kien jaf ukoll li l-indħil politiku ma jagħmilx ġid lill-Knisja tant li ftit qabel ma miet wasal biex qal lil xi ħbieb tiegħu: "Ahna t-teologi m'għandniex għedewwa agħar mill-politici... għax ma jafux il-Knisja x'inhi."