Dom Mintoff

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Dom Mintoff‎

 Malta needs new members with fresh ideas which could unite all the progressive elements and transform the medieval social system into a system which would be envied by the rest of the world. 

—Dom Mintoff, The Daily Chronicle, 1939

 Lili staqsewni: sakemm trid tibqa' ħaj? Sakemm jitilqu l-Ingliżi? Weġibthom: irrid nibqa' ħaj sakemm jitilqu l-Ingliżi imma rrid nibqa' ħaj sakemm tasal dik il-ġurnata li Malta wkoll tgħin lill-ħaddieħor u rrid li intom taħilfu li tagħmlu dan 'il quddiem. 

—Dom Mintoff fil-Furjana, 28 ta' April 1978

 …(Dom Mintoff) bħall-ftit nies kbar li nibtu minn din il-ħolqa, jibqa' bniedem li ma nftihemx minkejja l-appoġġ enormi li sab. Tkun l-istorja biss li tifdih minn din is-solitudni. L-ambigwità ta' personalità dinamika u riformattiva tibqa' dejjem hemm, biex tqanqal l-apprezzament jew il-kuntrarju. Dan hu tabilħaqq il-prezz li kull riformatur irid iħallas, l-aktar jekk il-qofol tal-istrateġija tiegħu jkun li jikkonfronta lill-imgħoddi mal-preżent.. 

Mintoff persunaġġ u riformatur ewlieni, 1991 – Oliver Friggieri

 I have no doubt that he left his mark on our country’s history and if we consider everything I think his contribution in political development was more positive than negative, though many of us remember the negative side of his politics. 

—Eddie Fenech Adami, The Times, 22 ta' Awwissu, 2012

 Il-Perit Duminku Mintoff huwa personalità ewlenija fil-ħajja pubblika Maltija minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija sa tmiem is-Seklu Għoxrin. Il-ħidma kbira tiegħu immarkat profondament l-istorja riċenti ta' pajjiżna fuq il-livelli politiċi, ekonomiċi u soċjali. L-impenn u d-determinazzjoni tiegħu wasslu għal żviluppi u bidliet profondi li jimmarkaw lil Malta u Għawdex. 

—Lawrence Gonzi, Stqarrija DOI, 20 ta' Awwissu 2012


Il-Perit Duminku Mintoff, magħruf aħjar bħala Dom Mintoff (Bormla, 6 ta' Awwissu 1916Ħal Tarxien, 20 ta' Awwissu 2012) kien politiku Malti, li serva ta' Prim Ministru ta' Malta għal erba' leġiżlaturi. Huwa kien ukoll l-uniku Prim Ministru Laburista li serva bħala Prim Ministru f'iktar minn leġiżlatura waħda, u huwa l-iktar Prim Ministru Malti li dam fil-kariga, 16-il sena. Bejn l-1949 u l-1984 huwa kien il-mexxej tal-Partit Laburista, l-iktar mexxej li dam – 35 sena. Ta' 33 sena hu kien l-iżgħar mexxej ta' partit meta laħaq. Serva għal 47 sena bħala deputat fil-Parlament Malti bejn l-1945 u l-1998 meta ma kkontestax l-elezzjonijiet ġenerali li saru f'dik is-sena. Duminku Mintoff kien l-iktar wieħed li kien elett drabi: 14-il darba – f'kull elezzjoni mill-1945 sal-1996.

Dom Mintoff jibqa' msemmi bħala figura kontroversjali lokalment u internazzjonalment, maħbub minn ħafna u kkritikat minn ħafna. Jibqa' mfakkar għal ħafna miżuri li introduċa, fosthom is-servizzi soċjali, u li wasslu biex f'Malta jinqered il-faqar, u għal kisbiet kostituzzjonali importanti, bħat-twaqqif ta' Malta Repubblika u l-kisba ta' ħelsien sħiħ mir-Renju Unit.

Werrej

Tfulija[immodifika | immodifika s-sors]

Bin Wenzu u Concetta imwielda Farrugia, Duminku Mintoff kien it-tielet wild fost disa' aħwa, u l-ikbar wieħed mis-subien. Missieru kien jaħdem fuq il-baħar man-Navy Ingliża u aktar tard kien kok fil-Berġa ta' Kastilja. Duminku kien imur jgħin lil missieru f’Kastilja meta l-binja kienet tal-Ingliżi u fiha kien jamministra Lord Louis Mountbatten. Wara li Mintoff kien daħal fil-politika u sar Mexxej tal-Partit Laburista, l-istess Mountbatten kien sar ħabib personali kbir tiegħu, u Mintoff sar Prim Ministru bl-uffiċju tiegħu f'Kastilja. Ommu, mara ta' karattru sod, kellha influwenza kbira fuqu.

Twieled f'Irish Street, Bormla, f'ambjent fqir, sempliċi, iffullat u storbjuż. Din id-dar kienet fl-aħbarijiet f'Jannar 2010 meta Chris Agius, membru parlamentari Laburista, talab lill-awtoritajiet biex din ma titwaqqax mal-bini antik f'Bormla li kien hemm il-ħsieb li jitwaqqa' mill-Gvern. Iktar tard il-familja Mintoff marret toqgħod f'dar oħra Bormla qrib St. Helen's Gate.[1]

Tgħammed fil-Knisja Kolleġġjata tal-Kunċizzjoni ta' Bormla u ngħata l-isem Duminku mhux biss minħabba li l-familja tiegħu kienet partitarja ta' San Duminku tal-Birgu, imma għax għax ommu wara li kellha żewġt ibniet xtaqet tifel u kienet għamlet wegħda lil San Duminku. Meta twieled kien ukoll il-jum li fih twieled kienet titfakkar il-mewt ta' dan il-qaddis.

Silvia Abela, li tgħix f'parti mid-dar fejn twieled Mintoff, meta intervistata minn The Times, qalet li ommha, Carmena Silvio, kienet tgħix f'dawk l-inħawi, u meta kienet żgħira kienet tigħab ma' Mintoff. Tirrakkonta kif ommu kienet tgħajjat miegħu biex jistudja imma hu kien ikun irid jibqa' jilgħab. Imbagħad kien imur vera tajjeb fl-eżamijiet.

Studji[immodifika | immodifika s-sors]

Mintoff ħa l-edukazzjoni tiegħu, l-ewwel fl-iskola tan-nuna f'Bormla, u wara għand il-Freres fil-Kottonera, is-Seminarju tal-Furjana, u fil-Liċeo tal-Belt u ggradwa mill-Università ta' Malta fl-1937 fil-B.Sc., u sentejn wara, fl-1939 iggradwa bħala Perit (B.E. & A. & C.E.). Fuq dak iż-żmien ta' student fl-Università ta' Malta, Mintoff jirrakkonta inċident partikulari:

 Meta kont l-Università, sħabi tal-kors tax-xjenza, għażluni biex nirrappreżentahom fil-kumitat tal-istudenti. Aqtgħu lil min insib President? Lill-Capo Giorgio Borg Olivier! U kif dħalna hemm, insib li l-Viċi-President kien Ċensu Tabone! Meta dħalt għidtilhom: “X'hemm?”, u dawn lanqas kellmuni. Imbagħad qabeż wieħed minnhom u qalli, bit-Taljan: “Hawn trid titkellem bit-Taljan bilfors”. Jien għidtlu: “Imma jien Malti, kif tridni nitkellem bit-Taljan?” Għamilna nofs siegħa; huma ma jridux jibdew is-seduta għax jien nitkellem bil-Malti u huma jitkellmu bit-Taljan, mhux għax kienu jafu jitkellmu bit-Taljan aktar minni tafux! Iżda għax huma ma' Mussolini u jiena ma kontx ma' Mussolini. Is-seduta sfrattat u sfrattaw sewwa għax anki l-kumitat sfratta mbagħad. L-istess Capo spiċċa minn President, spiċċa għal kollox. 

F'dik is-sena, 1939, ingħata wkoll borża ta' studju mill-Fondazzjoni Sir Cecil Rhodes u pproċeda f'Hartford College, fl-Università ta' Oxford. Fil-vjaġġ tiegħu għamel waqfa f'Napli u hemm irċieva telegramma li biex jidħol fl-università ta' Oxford ried ikollu ċertifikat li jikkonferma li kien b'saħħtu u għalhekk mar ifittex tabib. Sab lit-tabib Giuseppe Moscati (li mbagħad fl-1987 kien ġie ddikjarat qaddis) li wara li għamillu ċ-ċertifikat ma ħadlux flus u minflok qallu, "Mur u agħmel il-ġid." Fl-1941 ġab l-M.A. fix-xjenzi u inġinerija. Huwa pprattika l-professjoni tiegħu l-Ingilterra sal-1943, u f'dik is-sena rritorna lura lejn Malta, fejn ipprattika l-professjoni tiegħu ta' perit minn uffiċċju fil-Blata l-Bajda, li kien jieħu ħsiebu ħuh, Raymond Mintoff.

F'dan iż-żmien ukoll Mintoff beda jieħu interess fil-politika Maltija u beda jikteb artikli fil-gazzetta Chronicle. F'wieħed mill-artikli tiegħu fil-Chronicle, Dom Mintoff kien qal "F'Malta l-politika fiha ħafna bjuda u jekk nagħmlu xi taqtira roża, ma tagħmel xejn ħażin, anzi tiswa ta' ġid."

Fl-istess żmien Mintoff kien iltaqa' mal-anti-Faxxista Taljan Umberto Calosso li kien jinsab Malta. Calosso kien ħa sehem fil-gwerra ċivili ta' Spanja, u kif din intemmet kien ġie Malta u kien jgħallem fil-Kulleġġ ta' St Edwards u wara kien ħa ċ-ċittadinanza Ingliża. Calosso kien Soċjalist u l-Gvern ta' Mintoff tas-snin sebgħin kien semma l-Kulleġġ tas-Snajja' f'Santa Vene­ra għalih.

Bidu tal-Karriera Politika[immodifika | immodifika s-sors]

Mintoff daħal fix-xena politika fl-1935 bħala assistent segretarju tal-Każin tal-Partit Laburista ta' Bormla. Inħatar Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista fl-1935, iżda fl-1937 kellu jirreżenja biex ikun jista' jkompli l-istudji tiegħu barra minn Malta.

Ta' 23 sena, Mintoff kien diġà jikteb fl-istampa lokali dwar ideat ġodda għall-politika Maltija. F'artiklu li kien deher fil-ġurnal Daily Malta Chronicle Mintoff kiteb:

 Malta needs new members with fresh ideas which could unite all the progressive elements and transform the medieval social system into a system which would be envied by the rest of the world. 

(tr. Malti: Malta għandha bżonn ta' membri ġodda b'ideat godda li jkunu jistgħu jgħaqqdu l-elementi progressivi kollha u tbiddel is-sistema soċjali medjevali f'sistema li tkun l-għira tal-bqija tad-dinja)

Lura mill-Ingilterra[immodifika | immodifika s-sors]

Mar-ritorn tiegħu mill-Ingilterra fl-1944, Mintoff reġa' nħatar Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, iżda rriżenja minn din il-kariga wara li ġie elett bħala Deputat Mexxej tal-Partit.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-politika f'Malta ħadet pawsa u kull entużjażmu li seta' kien hemm għosfor. Possibilment, l-iktar avveniment politiku importanti fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija kien it-twaqqif tal-General Workers Union (GWU) minn Reggie Miller fl-1943. L-għanijiet ta' din l-unjon kienu kważi identiċi għal dawk tal-MLP. Fil-fatt, iktar il-quddiem fl-istorja, il-GWU kellha rwol importanti fil-politika ta' Malta fejn flimkien mal-MLP iffurmat alleanza magħrufa bħala l-Moviment tal-Ħaddiema, b'żewġ fergħat: dik politika u dik industrijali (1984).

Matul il-gwerra, il-Partit Laburista kien jifforma parti mill-Kunsill tal-Gvern. Fit-22 ta' Frar 1945 ir-rappreżentant laburista, Pawlu Boffa, irriżenja mill-kunsill wara li ġie kkritikat talli ppropona l-introduzzjoni ta' taxxi biex jiġu mibdija s-servizzji soċjali f'Malta.

Għall-kuraġġ u l-perseveranza tal-Maltin matul il-gwerra, il-Gvern Ingliż wiegħed Kostituzzjoni Awtonoma lill-poplu Malti hekk kif tintemm il-gwerra. Mat-tmiem tat-taqbid kontra l-għadu, il-Maltin ma damux wisq qabel reġgħu bdew bit-taqbid politiku. Ġiet iffurmata l-Assemblea Nazzjonali taħt it-tmexxija taċ-chairman Contino L. Preziosi, li l-għan tagħha kien il-formazzjoni ta' kostituzzjoni ġdida. Il-membri, li kienu jirrappreżentaw il-korpi kostitwiti kollha, kienu jiltaqgħu fil-Palazz tal-Gvernatur.

Kien fit-23 ta' Settembru, tal-1945, li Mintoff tkellem għall-ewwel darba fil-meeting li kien sar f'Bormla fil-kumpanja elettorali għall-Kunsill tal-Gvern. Fl-elezzjoni ta' Novembru 1945, li għaliha vvutaw bejn wieħed u ieħor 31% biss tal-votanti eliġibbli, il-Partit Laburista ġab il-maġġoranza ta' siġġijiet, b'kollox 9 minn 10. Mintoff ikkontesta b'suċċess din l-elezzjoni u ġie elett flimkien ma' Pawlu Boffa (il-Kap tal-Partit Laburista li ġie wkoll maħtur Kap tal-Kunsill), Robert Bencini, Ġużè Cassar, Turu Colombo, Godwin Ganado, Anthony Schembri Adami, John Raimondo u Karmenu Vassallo għall-Partit Laburista. Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Partit Laburista, fil-programm elettorali ma kien hemm l'ebda referenza għar-reliġjon.

Mintoff ingħata permess biex jifforma parti mill-Kunsill Eżekuttiv fl-1 ta' Awwissu, 1946 wara pressjoni qawwija mit-tabib Pawlu Boffa fuq il-gvernatur ta' dak iż-żmien.

Fit-12 ta' Settembru, 1946 id-disa' membri tal-Partit Laburista irriżenjaw bħala sinjal ta' protesta kontra is-sensji li ngħataw lill-ħaddiema tat-tarzna, kif ukoll kontra l-fatt li membri eletti Maltin fil-Kunsill tal-Gvern ftit kellhom poter. Dan kien iseħħ skont il-Kostituzzjoni Macdonal li kienet tipprovdi tmien membri uffiċjali, tnejn nominati mill-Gvernatur u għaxra oħra eletti mill-poplu. Din il-kostituzzjoni kienet tpoġġi r-rappreżentanti tal-poplu f'minoranza peress li l-Gvernatur Ingliż (jew ir-rappreżentant tiegħu) kellu wkoll id-dritt għall-vot.

Sadanittant, ġiet fis-seħħ il-Kostituzzjoni MacMichael li kienet tippermetti self-government lill-Maltin.

Fl-10 ta' Settembru, 1947, C.R.F. Douglas, il-Gvernatur u l-Kap-Kmandant (Commander-in-Chief) ta' Malta, iddikjara pubblikament li l-kostituzzjoni kienet ser tidħol fis-seħħ fit-22 ta' Settembru, 1947. F'din il-kostituzzjoni, is-Senat ġie abolit u minnflok, nħoloq korp leġiżlattiv ta' 40 membru elett mill-poplu. Permezz ta' din il-kostituzzjoni, Malta kien ser ikollha organu wieħed ta' leġislazzjoni, l-Assemblea Leġislattiva. Din il-kostituzzjoni l-ġdida kienet pass importanti ukoll mill-lat ta' ugwaljanza bejn is-sessi għaliex issa, in-nisa ngħataw il-vot u fl-Elezzjoni Ġenerali li seħħet f'Ottubru, 1947, setgħu anki joħorġu bħala kandidati għall-Assemblea Leġislattiva bħalma għamlet Agatha Barbara fl-1947.

Il-perit Dom Mintoff bħala Ministru tax-Xogħlijiet u r-Rikostruzzjoni, jissorvelja disinji ta' bini ġdid f'Bormla wara t-tiġrif tat-Tieni Gwerra Dinjija

1947-49: Il-Gvern Laburista ta' Boffa - Mintoff Deputat Prim Ministru[immodifika | immodifika s-sors]

F'Ottubru 1947, il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjonijiet b'maġġoranza assoluta ta' 24 siġġu. Il-Partit Laburista mmexxi minn Pawlu Boffa kiseb rebħa kbira elettorali meta ġab 63,145 vot u tella' 24 Deputat fl-Assemblea Leġislattiva. Il-Partit Nazzjonalista ġab 19,401 vot u tella' 7 deputati. Id-Democratic Action Party kiseb 14,010 vot u tella' 4 deputati, il-Partit t'Għawdex ġab 5,491 vot u tella' tliet Deputati, filwaqt li l-Partit ta' Jones ġab 3664 vot u tella' żewġ Deputati. 143 vot marru għall-kandidati Indipendenti li ħadd minnhom ma ġie elett. Is-sinjorina Agatha Barbara, f'isem il-Partit Laburista saret l-ewwel mara eletta fl-Assemblea Leġislattiva. It-tabib Paul Boffa ġie dikjarat Prim Ministru ta' Malta, u Mintoff nħatar Deputat Prim Ministru u Ministru tax-Xogħol u r-Rikostruzzjoni u baqa' jżomm din il-kariga sa Settembru 1949. Dan il-Gvern Laburista kien il-gvern li ntroduċa t-Taxxa fuq id-Dħul (Income Tax) u l-Pensjoni tax-Xjuħ f'Malta.

1949: L-Isplit fil-Partit Laburista[immodifika | immodifika s-sors]

Peress li Mintoff kien ukoll id-Deputat Mexxej tal-MLP mmexxi minn Boffa, huwa kien jifforma parti minn kull delegazzjoni li kienet titla' l-Ingilterra biex tipprova takkwista sussidji, għajnuna finanzjarja u garanziji għall-futur ta' Malta. Il-Gvern Britanniku iżda kien idu tqila u ma kienx lest li jgħin lil Malta. Il-Gvern Malti ħass li għas-sehem kruċjali tal-gżejjer fit-Tieni Gwerra Dinjija, Malta kellha tingħata sehem mill-assistenza li l-Istati Uniti kienet qed tagħti lill-Ewropa f'dak iż-żmien. L-għan ta' din l-assistenza, magħrufa aħjar il-Pjan Marshall (Marshall Plan; Marshall Aid), kien ir-rikostruzzjoni tal-Ewropa u tal-ekonomija Ewropea. Għas-sehem kruċjali tagħha fit-Tieni Gwerra Dinjija, Malta ma ngħatat l-ebda għajnuna finanzjarja.

Dan kollu wassal biex fl-1949, Boffa kellu jippreżenta memorandum miktub minn Mintoff lill-Gvern Ingliż, liema memorandum kien approvat unanimament mill-kabinett. F'dan il-memorandum, Malta heddet li jekk sat-22 t' Awwissu tal-istess sena, l-Ingilterra ma tkunx talbet għall-Marshall Aid f'isem Malta, il-Gvern Malti kien ser jistaqsi lill-Istati Uniti stess biex tipprovdi għajnuna lill-pajjiż u bi tpattija l-Istati Uniti kienu ser jitħallew jużaw tal-gżejjer bħala bażi. Id-delegazzjoni li sejħet dan l-ultimatum, kienet immexxija minn Mintoff flimkien mas-Sur Dwardu Ellul u l-Prim Ministru Boffa. Il-Gvern Ingliż irrifjuta li jiltaqa' mad-delegazzjoni Maltija jekk dawn ma jirtirawx il-memorandum, u għal din ir-raġuni, Boffa ddeċieda li ma jippreżentax il-memorandum. Min-naħa tiegħu, Mintoff ma aċċettax li jirtira l-ultimatum u dan wassal għall-problemi interni kbar fi ħdan il-Partit Laburista, li eventwalment kienu l-kawża ta' qasma fil-partit; Mintoff iddeċieda li jirtira u rriżenja mill-kabinett.

Dom Mintoff, li kellu s-sostenn ta' numru kbir ta' Laburisti iżda mhux tal-Kabinett, beda jorganizza għad ta' mass meetings u pubblikament ikkritika lil Boffa u l-kabinett tiegħu.

Fil-25 ta' Settembru 1949, ltaqgħet il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista u beda jidher biċ-ċar li l-politika ta' Boffa bdiet tidher inutili f'għajnejn ħafna laburisti. Fid-9 t'Ottubru ġie deċiż li Boffa kellu jirreżenja kemm minn Mexxej tal-Partit Laburista kif ukoll minn Prim Ministru ta' Malta. 244 ta' dawk preżenti vvutaw favur din id-deċiżjoni filwaqt li 141 ivvutaw kontra.

1949: Mintoff jinħatar Mexxej tal-Partit[immodifika | immodifika s-sors]

Dom Mintoff inħatar Mexxej tal-Partit Laburista fis-16 t'Ottubru 1949. Mintoff kellu jibqa' jżomm din il-kariga għal 35 sena sħaħ, sakemm irriżenja fit-22 ta' Diċembru, 1984.

Boffa, li kien ilu jmexxi l-Partit Laburista sa mill-1921, iddeċieda li joħloq partit ieħor, il-Malta Workers' Party, flimkien mas-sostenituri tiegħu. Dan il-partit irnexxielu jibqa' fil-gvern sas-sajf tal-1950 grazzi għas-sostenn ta' ħafna partiti żgħar.

Kien propju f'dan iż-żmien li Mintoff beda juża slogans politiċi ta' ċertu qawwa fid-diskorsi tiegħu, fosthom il-famuża "Malta l-ewwel u qabel kollox", għajta li kellha tintuża ħafna fis-snin li segwew. Mintoff kien jemfasizza ħafna fuq il-ġlieda għall-libertà nazzjonali ta' Malta, bi frażijiet bħal "jew bħall-Ingliżi jew mhux mal-Ingliżi" u "aħna m'aħna ser inkunu qatt skjavi u servi f'pajjiżna stess".

Fis-6 ta' Ġunju, 1950, il-Gvern ta' Boffa tilef il-Vot tal-Budget għas-sena 1950-51 u Sir Gerald H. Creasy, Gvernatur u Kap-Kmandant ta' Malta xolja l-Parlament fit-23 ta' Ġunju, 1950.

Kmieni f'Settembru 1950, issejħet elezzjoni ġenerali li fiha Mintoff reġa' ġie elett. L-MLP ibbaża l-kampanja elettorali tiegħu fuq ir-relazzjoni ekonomika u kostituzzjonali mal-Gran Britannja. F'din l-elezzjoni, l-ebda partit li kkontesta ma rnexxielu jikseb il-maġġoranza. Dan wassal biex il-Partit Nazzjonalista, li kellu vantaġġ numeriku, wara konsultazzjoni mal-partiti l-oħrajn biex jipprova jifforma Gvern Nazzjonali, spiċċa biex minnflok ifforma Gvern ta' minoranza f'Diċembru, 1950. Dan il-gvern kien magħmul biss minn deputati Nazzjonalisti taħt it-tmexxija tal-avukat Nerik Mizzi. Mizzi miet f'Diċembru 1950 u minfloku laħaq in-nutar Ġorġ Borg Olivier.

Fl-1951 il-Partit Labruista ingħaqad mas-Socialist International, organizzazzjoni Soċjal-Demokratika u storikament anti-Komunista. L-MLP kien deċiż li jiżviluppa l-ekonomija ta' Malta fl-inqas żmien possibbli, u joħloq Welfare State sabiex il-livell t'għixien tal-poplu ikun jista' jiżdied.

F'Jannar u Frar 1951, Borg Olivier tilef No Confidence Motion u kellha ssir Elezzjoni Ġenerali oħra f'Mejju 1951. F'din l-elezzjoni ġara li, bħal l-elezzjoni preċedenti, l-ebda partit ma rnexxielu jikseb il-maġġoranza, u fit-30 ta' Ġunju, 1951, ġie ffurmat Gvern ta' Koalizzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Malta Workers' Party, taħt it-tmexxija ta' Borg Olivier; Mintoff inħatarKap tal-Oppożizzjoni. Sadanittant, Mintoff bir-riedni tal-Partit Laburista f'idejh, beda ħidma intensiva biex jorganizza l-partit.

Il-Gvern ta' Koalizzjoni tilef Budget Motion f'Ottubru 1953 u kellhom isiru elezzjonijiet ġodda f'nofs Diċembru 1953, liema elezzjonijiet reġgħu intrebħu mill-gvern ta' koalizzjoni mmexxi minn Borg Olivier.

1955-58: L-ewwel Gvern ta' Mintoff[immodifika | immodifika s-sors]

Wara qasma fil-Malta Workers' Party f'Novembru 1954, il-Gvern ta' Koalizzjoni bejn in-Nazzjonalisti u Boffa ġie xolt fuq Adjournment Motion (eventwalment, sa nofs il-ħamsinijiet, il-Workers' Party ta' Boffa kien spiċċa mix-xena politika Maltija. Minn 24,616 vot u 11-il siġġu fil-Parlament fl-1950, l-appoġġ għal dan il-partit naqas għal 14,000 vot u 3 siġġijiet fl-1953).

Dan wassal biex fl-elezzjonijiet li segwew fi Frar 1955, il-Malta Labour Party taħt it-tmexxija ta' Mintoff irnexxielu jegħleb il-koalizzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista ta' Borg Olivier u l-Malta Workers' Party ta' Boffa. Il-Partit Laburista kiseb 68,474 vot (57%) u akkwista 23 mill-40 siġġu fl-Assemblea Leġislattiva filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 48,514-il vot u 17-il siġġu fl-Assemblea. Il-ħidma ta' Mintoff fi ħdan il-Partit Laburista bdiet tagħti l-ewwel frott tagħha. B'hekk Mintoff ġie maħtur Prim Ministru ta' Malta għall-ewwel darba. Fil-Kabinett tiegħu kien hemm l-awtur famuż Ġużè Ellul Mercer, li kien inħatar Ministru tax-Xogħol, u Agatha Barbara Ministru tal-Edukazzjoni, li żmien wara kellha ssir President ta' Malta.

Il-Kwistjoni tal-Integration mal-Ingilterra[immodifika | immodifika s-sors]

Duminku Mintoff jippreżenta l-proposta tal-Integration mar-Renju Unit f'Downing Street. Ħajr lill-British Pathe.

Il-kwistjoni tal-assistenza Britannika biex tiġi mmodernizzata Malta u r-relazzjoni mal-kolonjalisti Ingliżi, kienu il-prijoritajiet ewlenin fl-aġenda politika tal-MLP. Il-Partit Laburista, flimkien mal-General Workers Union ried li jinqatal-kolonjaliżmu f'Malta akkost ta' kollox u ppropona bis-sħiħ l-Integration. Mintoff kien jemmen li l-uniku mod kif il-kundizzjoni soċjo-ekonomika f'Malta setgħet titjieb, kien b'assistenza finanzjarja qawwija mill-Ingilterra. Il-Partit ukoll saħaq dwar l-għan tiegħu li joħloq u jipprovdi xogħol għal kulħadd. Matul il-kampanja elettorali, Mintoff kien spjega dan il-pjan ta' integrazzjoni. Dan kien ifisser li Malta kienet tista' tiġi ikkunsidrata bħala parti mir-Renju Unit, u għal daqstant kienet tibbenefika minn assistenza finanzjarja konsiderevoli. Iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kienu jibdew jitqiesu ċittadini Ingliżi u b'hekk igawdu bl-istess livell t'għajxien u l-istess benefiċċji soċjali bħaċ-ċittadini Ingliżi. Malta iżda kienet ser tibqa' tgawdi minn awtonomija fil-materji interni tagħha. Dan il-pjan kien jinkludi dawn il-kundizzjonijiet fost oħrajn:

  • Il-Maltin kellhom jibbenefikaw mill-istess servizzi soċjali bħall-Ingliżi
  • Il-Maltin kellhom jibbenefikaw mill-istess opportunitajiet ta' xogħol u kundizzjonjiet tal-Ingliżi.
  • Kellu jitfassal pjan ekonomiku madwar il-kunċett ta' xogħol għal kulħadd
  • Il-Parlament Ingliż kellu jkollu rappreżentanza Maltija
  • Id-Difiża u l-Politika Barranija kellhom ikunu f'idejn il-Gvern Ingliż
  • Kwistjonijiet lokali bħall-edukazzjoni u reliġjon kellhom ikunu f'idejn il-Gvern Malti

F'dik l-istess sena, Mintoff stess mexxa delegazzjoni lejn Londra biex f'konferenza tiġi diskussa l-integrazzjoni ta' Malta mal-Ingilterra.

Mintoff jindirizza konferenza f'Londra dwar l-Integrazzjoni ta' Malta mar-Renju Unit

F'Lulju 1955, il-Prim Ministru Ingliż Sir Anthony Eden, waqqaf Round Table Conference, komposta mit-tliet partiti prinċipali tar-Renju Unit, biex jiġu kkunsidrati mistoqsijiet kostituzzjonali mqajma mill-proposti ta' Malta għall-assoċjazzjoni u rabta akbar bejn iż-żewġ pajjiżi, partikolarment il-proposta li Malta kellha tiġi rappreżentata fil-Parlament ta' Westminster. Sir Anthony ppropona li l-konferenza kellha tibda f'nofs Settembru tal-istess sena. Wara konsultazzjonijiet f'Londa u f'Malta, f'Diċembru 1955 ġie ppubblikat ir-rapport tal-konferenza fejn dan kien jgħid li l-poplu Malti kien intitolat għall-ugwaljanza politika u rappreżentanza f'Westminster. B'hekk, f'Malta ġie msejjaħ referendum fi Frar 1956.

Sadanittant, f'Ittra Pastorali konġunta mill-Arċisqof ta' Malta u l-Isqof t'Għawdex, dawn esprimew li kwalunkwe bidla fil-kostituzzjoni, kellha tiggarantixxi bil-miktub l-istatus quo tal-Knisja f'Malta. Huma stqarru li ma setgħu qatt jaqblu ma' proposta li kienet ser tipperikola ir-reliġjon Kattolika. Indirettament din il-proposta kienet qed tirreferi għall-proposta ta' integrazzjoni mal-Ingilterra. Għall-ħabta tar-referendum, kien hemm ukoll ħafna organizzazzjonijiet reliġjużi li kienu qed jopponu l-integrazzjoni. Fuq programm radjofoniku l-Arċisqof Mikiel Gonzi għamilha ċara li l-integrazzjoni kienet ser tkun ta' dannu r-reliġjon kattolika u l-morali tagħha u għalhekk kien id-dmir tiegħu li jopponiha.

Il-Partit Nazzjonalista iddeċieda li jibbojkottja r-referendum fuq l-argument li l-integrazzjoni kienet ser tirriżulta f'dominanza tal-Protestantiżmu fuq il-Kattoliċiżmu, fid-dħul taż-żwieġ ċivili, divorzju eċċ. Il-partit immexxi minn Mabel Strickland (bint Lord Gerald Strickland), il-Progressive Constitutionalists, appella lill-Maltin biex jivvutaw 'Le'. L-alternattiva tal-Labour għall-integrazzjoni kien self-determination, li iżda ma kienx ikkunsidrat bħala pass ekonomikament vijabbli.

Dawk kollha li kienu jappoġġjaw lill-Gvern Ingliż jew jirrifjutaw l-integrazzjoni, malli rrealizzaw li l-pjan ta' Mintoff kien qiegħed jikseb l-appoġġ tan-nies, ħadmu iktar biex jippruvaw iwasslu l-messaġġ tagħhom u jfixklu il-pjanijiet tal-mexxej laburista. Fost ħafna raġunijiet li taw, kien hemm li r-reliġjon Kattolika ma kinitx ser tibqa' r-reliġjon dominanti f'Malta, li l-logħob tan-nar kien ser jinqata', li s-suldati Maltin kellhom immorru jiġġieldu fi gwerer barranin u jmutu barra minn xtuthom, li l-kultura Maltija ser tintilef, li ħaddiema Ingliżi kienu ser jieħdu post il-ħaddiema Maltin fit-Tarzna.

Min-naħa l-oħra il-Partit Laburista appella lill-votanti biex jivvutaw 'Iva' fir-referendum. Peress li l-appoġġ tal-MLP kien ġej mill-parti l-kbira mill-klassi tal-ħaddiema li ħafna minnhom kienu jiddependu mill-Ingliżi għax-xogħol, proposti li kienu jiggarantixxu xogħol u livelli t'għixien bħal dawk tal-Ingliżi setgħu jsibu ħafna appoġġ.

Fit-13 ta' Frar 1956 intemm ir-referendum dwar l-Integrazzjoni li fih 45.2% tal-elettorat ħareġ jivvota. Il-figuri uffiċjali juru li 67,607 (56%) ivvutaw favur l-Integrazzjoni filwaqt li 20,177 ivvutaw kontra. Kien hemm 2,559 vot invalidu u 62,480 votant li ma ħarġux jivvutaw. Numru kbir ta' dawk li astjenew kienu għamlu dan biex jobdu d-direttivi tal-Partit Nazzjonalista li kien qed jagħmel bojkott kontra l-Pjan ta' Integrazzjoni.

Dan ir-riżultat qajjem ħafna kontroversji, u l-Prim Ministru Ingliż Sir Anthony Eden stqarr fil-House of Commons li Malta kellha tiġi rappreżentata fil-House of Commons wara li l-Maltin juru x-xewqa tagħhom f'Elezzjoni Ġenerali. Jista' jkun li l-Gvern Ingliż ma aċċettax dan ir-riżultat għax l-integrazzjoni ma baqgħetx attraenti għall-Ingilterra, minħabba l-fjaski tal-Kanal tas-Swejs li qatel darba għal dejjem il-pretensjonijiet Ingliżi ta' status bħala potenza dinjija, li wkoll ġabet magħha konsegwenzi ekonomiċi diżastrużi. Il-Gvern Ingliż ukolll irrealizza li dak li Mintoff ma kienx irnexxielu jakkwista mill-Marshall Plan għad-danni, kien qed jipprova jakkwistah b'dan il-pjan ta' integrazzjoni mar-Renju Unit.

1958: Ir-Riżenja tal-Gvern ta' Mintoff u l-Irvellijiet tat-28 ta' April[immodifika | immodifika s-sors]

Sadanittant, qam xi tilwim bejn il-Gvern Malti u dak Ingliż rigward il-futur tat-tarzna u l-assistenza finanzjarja Ingliża. Fit-30 ta' Diċembru 1957, il-Parlament Malti gie msejjaħ b'urġenza biex jikkunsidra mozzjoni tal-Prim Ministru Mintoff:

 Darba li l-Gvern Ingliż ma jridx jonora l-obbligu li daħal għalih fid-Dikjarazzjoni ta' Lulju 1955, li jevita l-qgħad, ir-Rappreżentanti tal-Poplu Malti fil-Parlament miġbura jiddikjaraw li jinħallu mill-pattijiet u obbligi li għandhom lejn il-Gvern Ingliż u minn dawk sal-lum assunti lejn l-alleati tiegħu - u dan sakemm il-Gvern Ingliż ma jagħtix garanzija li l-għadd ta' nies miegħu impjegati f'Malta ma jonqosx qabel ma jkun hemm "alternative employment' għan-nies li jingħataw is-sensja. 

Il-Parlament Malti għadda b'vot unanimu, din ir-riżoluzzjoni li kienet thedded ir-relazzjonijiet mal-Ingilterra b'vot unanimu.

Biex tiġi evitata din, saru xi diskussjonijiet kemm f'Malta kif ukolll fl-Ingilterra iżda dawn ma ħallewx il-frott mixtieq għax fost il-ħafna proposti li ġew diskussi ma ntlaħaq l-ebda ftehim rigward l-iktar tnejn li possibbli kienu jaħarqu: l-integrazzjoni u t-tarzna. Issa beda jsir iktar evidenti li kambjamenti fil-policies tad-difiża Ingliżi kienu ser jirriżultaw f'rundowns massivi tal-preżenza Britannika f'Malta. Kien hemm bżonn li jiġi mplementat pjan ta' żvilupp ko-ordinat biex tiġi diversifikata l-ekonomija ta' Malta.

Fl-24 ta' Marzu, il-Gvern Laburista immexxi minn Mintoff rriżenja mill-kariga b'sinjal ta' protesta u ddikjaraw lilhom infushom favur Malta newtrali u politikament indipendenti. F'mass meeting fil-Furjana, fis-6 ta' April, Mintoff stqarr li l-Ingliżi ma kienx jimpurtahom mill-Maltin u t-tbatijiet tagħhom. Għalhekk, la bil-kelma t-tajba u negozjati ċivili ma kienu ser jaslu mkien, huwa ħeġġeġ lill-Maltin biex jinżlu fit-toroq u jsemmgħu leħinhom mit-toroq u l-pjazez.

Eventwalment sar strajk ġenerali storiku fit-28 ta' April, fost irvellijiet u vjolenza, u intimidazzjoni mill-pulizija u l-forzi militari. Ma tħallewx isiru meetings pubbliċi u dimostrazzjonijiet u l-Partit Laburista adotta reżistenza passiva.

Sussegwentament l-oppożizzjoni Nazzjonalista rrifjutat li tifforma gvern ta' minoranza, u irriaffermaw il-policy tagħhom favur Dominion Status fi ħdan il-Commonwealth. Ftit jiem wara l-Ingliżi rrevokaw il-kostituzzjoni u b'hekk it-tmexxija ta' Malta waqgħet f'idejn gvernatur Ingliż, Sir Robert Laycock. Dawn l-avvenimenti ġabu magħhom żmien ta' tensjoni kbira fil-pajjiż. B'konsegwenza, il-gvernatur iddikjara stat ta' emerġenza.

Fid-19 ta' Novembru, 1958, Mintoff mexxa delegazzjoni tal-MLP lejn Londra biex tiġi diskussal-introduzzjoni tas-self-government u b'hekk din kienet l-ewwel rikjesta uffiċjali għall-Indipendenza ta' Malta; din iżda ma ħalliet l-ebda frott.

Fl-ewwel mass meeting Laburista fl-1959, Mintoff stqarr li l-partit tiegħu kien ser ibiddel l-ekonomija ta' Malta minn waħda distruttiva għal waħda bbażata fuq ħbiberija u paċi.

F'artiklu bl-isem New Plan for Malta li deher fir-rivista New Statesman, Mintoff elabora fuq il-viżjoni tiegħu ta' Malta. Huwa qal li Malta għandha ssir port newtrali fejn il-libertà tagħha kellha tkun garantita mill-Kunsill tal-Ġnus Magħquda . Fi kliemu:

 As a nuclear-free zone with a free and stable society, we would quickly develop into a Switzerland in the heart of the Mediterranean. 

(tr. Malti: Bħala żona mhux nukleari b' soċjetà ħielsa u stabbli, aħna mal-ewwel niżviluppaw fi Svizzera fil-qalba tal-Mediterran.)

Din l-analoġija ta' Svizzera fil-Mediterran kellha terġa' tagħmel ritorn kważi 40 sena wara meta l-Gvern Laburista mmexxi minn Alfred Sant użaha biex jispjega l-kunċett tiegħu ta' Partnership mal-Unjoni Ewropea opposta għall-veduta Nazzjonalista ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea.

Mintoff ippropona li Malta kellha tkun parti mis-Suq Komuni Ewropew u li kellha wkoll tadotta rbit kummerċjali simili mal-pajjiżi Għarab ġirien ta' Malta.

 We possess the capability, the strength and the social capital to build a New Malta, the meeting point of unity and commerce between the European continent and the Arab nations. 

(tr. Malti: Aħna nippossjedu l-kapaċità, is-saħħa u l-kapital soċjali biex nibnu Malta ġdida, il-punt fejn l-unità u l-kummerċ bejn il-konttinent Ewropew u n-nazzjonijiet Għarab jiltaqgħu.)

Is-slogan ta' Mintoff, "Malta l-ewwel u qabel kollox" beda jintuża f'mod frekwenti ħafna fil-kitbiet u d-diskorsi ta' Mintoff ta' dak iż-żmien. Ir-retorika ta' Mintoff kienet waħda simili ħafna għal bosta movimenti anti-kolonjali ta' dak iż-żmien, bħal Gamal Abdel Nasser tal-Eġittu, u Makarios III ta' Ċipru.

Fi Frar 1959, il-Kostituzzjoni tal-1947 ġiet irtirata u minflok, Kostituzzjoni temporanja ġiet fis-seħħ fil-15 ta' April, 1959. Malta għal darb' oħra kienet mingħajr il-parlament tagħha u l-Gvern kien magħmul mill-Gvernatur assistit minn grupp ta' konsulenti. Dan ġie magħurf bħala Malta (Constitution) Order in Council, 1959.

Għalkemm il-ħajja tal-gvern laburista tal-1955-58 kienet pjuttost qasira, f'dan iż-żmien twettqu bosta riformi soċjali li kienu l-pedament li fuqu inbena l-Welfare State fis-snin sebgħin u tmenin. F'dan iż-żmien, il-Gvern ta' Mintoff bena 33 skola ġdida, bosta oqsma residenzjali u saħansitra raħal ieħor ġdid, kif ukoll l-ewwel qasam industrijali f'Malta.

Il-Kwistjoni Politiko-Reliġjuża tas-Sittinjiet[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-snin sittin, il-Knisja Kattolika Maltija mmexxija mill-Arċisqof Mikiel Gonzi kompliet topponi lill-Malta Labour Party. Il-knisja kienet determinata li ma tħallix lil Mintoff jakkwista l-poter partikolarment minħabba l-politika soċjalista li kien iħaddan u l-pjanijiet sekularisti tiegħu. F'Ittra Pastorali maħruġa fl-1960, il-Knisja għamlitha ċara li ħadd ma jista' jkun Soċjalist tajjeb u Nisrani sinċier fl-istess ħin. Min-naħa tiegħu, l-MLP kien jinsisti li mhux minnu li l-Partit hu kontra l-Knisja, u kien jisħaq li l-politika Soċjalista kienet sinonima mat-twemmin Nisrani; iżda kien kollu għalxejn.

Lorry Sant, trade-unionist militanti, editur tal-gazzetta laburista The Struggle u iktar 'l quddiem, ministru Laburista, ġie mogħti l-interdett mill-awtoritajiet tal-Knisja talli kkritika l-ittra pastorali tal-Arċisqof f'wieħed mill-artikli tiegħi.

F'mass meeting f'Ħaż Żabbar, bħala risposta għad-deċiżjoni tal-Knisja, Mintoff stqarr li:

 Aħna ħdimna u għadna naħdmu fl-interess tal-ħaddiema, l-istess kif għallimna Sidna Ġesù Kristu. Aħna npoġġu dan it-tagħlim fil-prattika. Ġejna aakużati għax konna kuraġġużi biżżejjed li niddikjaraw li aħna kontra l-Ingliżi f'din il-ġlieda għall-Indipendenza. Aħna ħa nkompli niġġieldu għall-pajjiżna, imma ngħidulhom “tikkolaborawx mal-Gvern Ingliż”. Imbagħad inkunu nistgħu ningħaqdu bħall-aħwa, għax aħna xorta għadna aħwa. F'din it-taqbida mbierka u ġusta għal-libertà, Alla huwa magħna. 

Eventwalment fl-1961, il-Knisja Kattolika Maltija ddikjarat sanzjonijiet reliġjużi kontra Mintoff u l-kollegi tiegħu tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-partit, kif ukoll kontra partitarji attivi tal-partit laburista. Daħal l-interdett u nies bi twemmin laburista ġew imċaħħda milli jattendu funzjonijiet reliġjużi. Kienu ħafna dawk li kellhom jiżżewwġu fis-sagristija minħabba dawn is-sanzjonijiet, mingħajr funzjoni propja, jew inkella ma ngħatawx assoluzzjoni mill-qrar. Il-knisja waslet ukoll sabiex iddikjarat li partitarji laburisti ma setgħux jiġu midfuna fil-parti kkonsagrata taċ-ċimiterju, iżda f'fossa waħda mhux ikkonsagrata magħrufa bħala l-miżbla. Bejn l-1961 u l-1963, mietu seba' attivisti Laburisti, fosthom il-kittieb prolifiku u l-eks-Ministru Ġużè Ellul Mercer, li kollha ġew midfuna fil-"miżbla", il-parti mhux ikkonsagrata taċ-Ċimiterju tal-Addolorata.

Il-quċċata tal-kwistjoni politiko-reliġjuża min-naħa tal-knisja waslet fl-elezzjonijiet ġenerali tal-1962, fejn il-knisja iddikjarat li kull appoġġ (bħal pereżempju l-attendenza fil-meetings u l-qari tal-gazzetti laburisti) u vot lejn l-MLP kien ser jiġi ikkunisdrat bħala dnub mejjet. Ħarġet tgħid ukoll lin-nisa miżżewġa li jekk jaħilfu lil żwieġhom li huma kienu vvutaw lill-Partit Laburista, anke jekk dan fil-verità ma jkunux għamluh, dan l-att ma kienx ser jiġi kkunsidrat bħala ġurament falz. Huwa magħruf ukoll li ħafna qassisin li ma kinux jaqblu ma' dawn il-miżuri ġew sfurzati biex iħallu l-pajjiż bl-iskuża li kienu ser jingħataw xogħol ta' missjunarji f'pajjiżi mbiegħda. L-iktar każ li baqa' magħruf, għalkemm mhux l-uniku, kien dak tal-istudjuż bibbliku ta' fama internazzjonali l-Professur Pietru Pawl Saydon. Nhar is-26 ta' Marzu 1966, fl-ewwel jum tal-votazzjoni tal-Elezzjoni Ġenerali tal-1966, Saydon f'intervista ma' L-Orizzont, kien qal li "fil-Pastorali dwar l-elezzjonijiet mhemm l-ebda dnub imsemmi u għalhekk min jivvota Labour ma jagħmilx dnub. Kulħadd għandu jivvota skond kif tgħidlu l-kuxjenza." Fl-istess jum, l-Arċisqof Mikiel Gonzi issospenda lil Saydon mid-dmirijiet saċerdotali. F'dan iż-żmien Saydon ġie mgħajjar miġnun, skumnikat u xiżmatiku, u sofra ħafna anke minn nies li ħlief ġid ma kienx għamel magħhom. Ġieli tbiegħed minn Malta biex jeħles mill-azzjonijiet ħżiena li spiss kienu jsirulu minn xi wħud.

Waqt attivitajiet tal-Partit Laburista, kienu jindaqqu l-qniepen tal-knejjes kif ukoll kien ikun hemm min idoqq is-sfafar biex itellfu d-diskors.

Apparti l-Partit Nazzjonalista, il-Christian Workers Party, in-Nationalist Democratic Party, il-Progressive Constitutional Party u l-Christian Democratic Party kienu skjerati kontra l-Partit Laburista.

Fl-elezzjonijiet tal-1962, il-programm elettorali tal-Partit Laburista ippropona fost oħrajn, politika ta' libertà tal-kuxjenza, drittijiet ugwali, u d-drittijiet sovrani tan-nazzjon jiffurmaw parti mill-ġurisdizzjoni Maltija, fl-istess linja maċ-Charter tal-Ġnus Magħquda.

Is-Sitt Punti[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Partit Laburista, fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet saħaq kemm-il darba li ma kienx ser imur kontra l-prinċipji Kattoliċi, u li kien favur it-tneħħija ta' privileġġi li kienu qed iżommu lura il-progress soċjali u ekonomiku. Il-Partit Laburista ibbaża l-pretensjonijiet tiegħu dwar ir-relazzjoni bejn l-istat u l-knisja fuq sitt punti kruċjali. Dawn kienu:

  • Dritt ta' kull ċittadin li jiżżewweġ biż-Żwieġ Ċivili
  • Dritt ta' kull ċittadin li jekk irid, jeżenta lil uliedu mit-tagħlim reliġjuż fl-iskejjel
  • Dritt ta' kull ċittadin li jindifen fiċ-ċimiterju
  • Dritt tal-Pulizija li tidħol fil-knisja ħalli twaqqaf id-daqq tal-qniepen jew tfixkil ieħor waqt meetings pubbliċi
  • Il-Moralità Pubblika f'Malta tkun interpretata skont il-prinċipji aċċettati fl-Ewropa tal-Punent
  • Dritt għall-Elezzjonijiet Ħielsa mingħajr dnub mejjet. Kull ċittadin, inkluż il-kleru, ikun indaqs quddiem il-liġi

Il-Partit Laburista ried is-separazzjoni bejn Stat u Knisja; l-ugwaljanza bejn reliġjonijiet differenti; ir-rikonoxximent legali taż-żwieġ ċivili (dan daħal fl-1975 minn Gvern Laburista) u anki d-divorzju għal min kien jemmen fih (dan daħal b'referendum fl-2011); it-taghlim tar-religjon fl-iskejjel tal-Istat li jingħata biss lil min jixtiequ; li l-iskejjel privati jgħaddu min proċess ta' spezzjoni qabel jikkwalifikaw għall-fondi mill-Gvern; is-servizzi soċjali jingħataw lil kulħadd mingħajr diskriminazzjoni (anki lil tfal imwielda barra ż-żwieġ); li l-Knisja tagħti kontribut finanzjarju u l-privilegum fori jkun ristrett; iċ-ċensura fuq l-arti tkun ħielsa mill-influwenza tal-Knisja; u li l-Knisja ma tindaħalx fl-affarijiet tal-Istat.

Fl-elezzjonijiet ta' Frar 1962, avolja kien hemm sanzjonijiet reliġjużi ħorox, l-MLP xorta irnexxilu jakkwista l-akbar numru ta' voti indirizzati lejn partit (50,974) - dawn il-Partit beda jsejħilhom "Suldati tal-Azzar" - iżda dawn ma kinux biżżejjed biex jissuperaw il-voti li ġabet l-koalizzjoni tal-Partit Nazzjonalista ma' erba' partiti politiċi oħra. Il-Partit Laburista rnexxielu jirbaħ 16-il siġġu minn 50 u 33.8% tal-voti. In-Nazzjonalisti rebħu 25 siġġu u Ġorġ Borg Olivier reġa' sarPrim Ministru ta' Malta.

Il-Mixja lejn l-Indipendenza[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-sittinijiet bdew diskussjonijiet formali mal-Ingilterra bl-iskop li tinkiseb l-Indipendenza. Il-Malta Labour Party għamel bosta proposti u emendi għall-kostituzzjoni iżda ħafna minnhom ġew injorati. Ħafna minn dawn il-proposti kienu immirati biex iġibu rikonċiljazzjoni mal-Knisja kif ukoll riformi demokratiċi iktar moderni. Dawn kienu jinkludu fost oħrajn ir-rikonoxximent tal-Reliġjon Kattolika bħala r-Reliġjon Uffiċjali ta' Malta, ugwaljanza bejn kull ċittadin quddiem il-liġi, libertà tal-kuxjenza, żwieg ċivili, edukazzjoni reliġjuża fl-iskejjel statali, drittijiet umani fundamentali, libertà tal-espressjoni u t-tmiem tal-‘prattiki korrotti' b'riferenza għall-libertà tal-persuna li tivvota kif jidrilha hi mingħajr interferenza minn reliġjon. L-Ingilterra ħadet din l-opportunità biex tinnegozja trattat li kien jiffavorixxi l-interessi tagħha f'kull aspett. Filwaqt li l-Gvern Malti deher li kien ser ikollu poter amministrattiv totali fuq il-gżira, s-setturi l-iktar importanti tal-pajjiż, inklużi id-difiża, il-Port il-Kbir, it-tarzna, il-kommunikazzjoni, l-ajruport, kif ukoll parti sewwa tat-territorju nazzjonali, xorta kienu ser ikunu kkontrollati mill-Ingliżi. Mintoff iġġieled kontra dawn it-trattati mingħajr suċċess, iżda wiegħed reviżjoni hekk kif il-Partit Laburista jitla' fil-poter.

Eventwalment, bejn it-2 u l-4 ta' Mejju 1964, sar ir-referendum dwar l-Indipendenza fost ħafna kontroversja. F'dawk iċ-ċirkustanzi , partikolarment dawk li jittrattaw mal-kostituzzjoni, il-Partit Laburista iddikjara li r-referendum ma kienx wieħed ħieles u li Malta ma kienitx sejra takkwista Indipendenza ta' veru. 56% tal-votanti (45% tal-elettorat) ivvotaw favur l-Indipendenza, u b'hekk Malta ngħatat l-Indipendenza fil-21 ta' Settembru, 1964.

1966-69: Lejn il-Paċi bejn il-Knisja u l-Partit Laburista[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-elezzjonijiet ġenerali tal-1966, il-Knisja għal darb' oħra lagħbet rwol importanti, peress li s-sanzjonijiet imposti fuq il-Partit Laburista u s-sostenituri tiegħu, kienu għadhom fis-seħħ. Iż-żminijiet kienu qed jinbidlu, u l-knisja kattolika indunat b'dan. Għalhekk din id-darba is-sanzjonijiet ma kienux proklamati b'mod ferventi pubblikament bħalma ġara fl-elezzjonijet ta' qabel. Iżda dan ma jfissirx li kienu inqas effettivi. Infatti kien għad hemm ħafna qassisin li waqt l-omeliji tagħhom minn fuq il-pulptu, kienu jgħaddu kummenti kontra l-Partit Laburista. Kif kien mistenni, l-elezzjonijiet intrebħu mill-Partit Nazzjonalista, iżda l-Partit Laburista mar aħjar mill-elezzjonijjiet preċedenti tal-1962 u żied konsiderevolment l-ammont ta' voti. Il-Partit Laburista, rebaħ 22 siġġu minn 50 u 43.1% tal-voti. It-28 siġġu l-ieħor intrebħu kollha mill-Partit Nazzjonalista, bil-partiti ż-żgħar ma jirnexxielhom itellgħu kandidat. Ġorġ Borg Olivier b'hekk baqa' Prim Ministru.

Sar ċaqliq fir-relazzjonijiet bejn il-knisja u l-Partit Laburista meta ntbagħat f'Malta, l-isqof Emmanuel Gerada li kien jifforma parti mill-korp diplomatiku tal-Vatikan. Infatti f'April 1969, wara ħafna diskussjonijiet, iż-żewġ naħat laħqu ftehim u Mons. Gerada iffirma trattat mal-Partit Laburista li kien jgħid li l-Knisja ma kellix tindaħal iktar fi kwistjonijiet politiċi u li kellhom jiġu wkoll irtirati s-sanzjonijiet kollha kontra l-Partit Laburista. B'hekk il-Partit Laburista seta' fl-aħħar jikkonċentra biss fuq kwistjonijiet politiċi minflok jinħela fi ġlied żejjed kontra l-knisja.

Iktar 'l quddiem, l-Isqof Għawdxi Ġużeppi Mercieca kellu jieħu post l-Arċisqof Gonzi, bħala kap tal-Knisja Kattolika f'Malta. Intant, is-sitt punti msemmija mill-Partit Laburista rigward ir-relazzjoni bejn l-istat u l-knisja, kienu iktar il-quddiem, inklużi fil-Kostituzzjoni Repubblikana tal-1974.

1971: Mintoff lura fil-Gvern wara 13-il sena[immodifika | immodifika s-sors]

Lejn l-aħħar tas-snin sittin, ftit qabel l-elezzjonijiet tal-1971, l-oppożizzjoni Laburista immexxija minn Mintoff, flimkien mall-General Workers Union, bdew ipoġġu pressjoni fuq il-Gvern Nazzjonalista biex jinsisti għall-trattament aħjar mill-Ingliżi, u bdew jorganizzaw ħafna azzjonijiet industrijali, li kien jinkludi ukoll kwistjoni dwar it-tarzna li damet seba' xhur.

Fl-elezzjonijiet ġenerali tal-1971 l-MLP u l-GWU ippreżentaw programm konġunt imsemmi 'Malta Maltija fil-Paċi u l-Progress'. Il-programm kien definit bhala wieħed soċjal-demokratiku, u il-wegħdiet prinċipali kienu jinkludu it-twaqqif ta' ftehim dwar forzi militari barranin f'Malta, l-introduzzjoni ta' leġislazzjoni soċjali bħal ġimgha ta' 40 siegħa, il-paga minima, riforma fuq it-taxxa tad-dħul u pjan ekonomiku li kien jemfasizza fuq l-edukazzjoni, l-industrija, agrikoltura u sajd, turiżmu, housing, children's allowance u forom oħrajn ta' welfare.

Il-programm emfasizza ukoll fuq id-drittijiet ugwali mingħajr distinzjoni ta' razza, kulur jew twemmin, kif ukoll id-dover li jwaqqaf it-tbatija u s-sofferenza li tirriżulta minn nuqqas ta' ugwaljanza bejn is-sinjur u l-fqir. Il-Partit Laburista wiegħed ukoll 50% parteċipazzjoni tal-Union fit-tmexxija tat-tarzna sabiex tkun tista' tiġi rranġata is-sitwazzjni ekonomika.

Għall-elezzjonijiet ġenerali tal-1971, il-Partit Laburista iddeċieda li jiġġieled l-elezzjoni ġenerali fuq il-kwistjonijiet li kienu qed jifnu l-pajjiż f'dak iz-zmien: il-korruzzjoni, il-qagħad u l-emigrazzjoni (ta' min isemmi li ftit xhur qabel, eluf ta' Maltin kienu emigraw lejn il-Kanada u l-Awstralja biex ifittxu ħajja u futur aħjar).

Il-kampanja elettorali kienet pjuttost kwieta. L-MLP rebaħ l-elezzjonijiet bi 28 siġġu minn 55 fil-Parlament, u 50.8% tal-voti, kontra it-48.1% tal-voti mirbuħa minn Nazzjonalisti u l-1% tal-Progressive Constitutionalists. Il-Partit Laburista rnexxielu jirbaħ l-elezzjonijiet għalkemm għamel dan b'maġġoranza minima ta' siġġu wieħed biss fil-Parlament. Din il-maġġoranza ta' siġġu wieħed kienet perikoluza għall-Partit Laburista. Xi individwi ippruvaw jikkorompu MP Laburista biex jaqsam il-kamra. Il-ħatja eventwalment ġew arrestati u mhux talli l-pjan fallielhom, talli kien MP nazzjonalist li qasam il-kamra, b'hekk il-Partit Laburista issa kellu maggoranza ta' tliet siġġijiet. Iktar 'l quddiem, d-deputat Laburista Paul Carachi talab lill-Ispeaker tal-Kamra għal siġġu fin-nofs sabiex ikun jista' jkollu status indipendenti.

Issa li kien fil-poter, il-Gvern Laburista seta' jimbarka fuq il-proġett ta' industrijalizzazzjoni tal-pajjiż.

L-ewwel ħaġa li għamel Mintoff mal-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru, kienet li neħħa lil Sir Maurice Dorman minn Gvernatur ta' Malta, u minn floku laħħaq Malti, Sir Anthony Mamo; fl-1974 Sir Anthony Mamo ġie maħtur bhala l-ewwel President tar-Repubblika ta' Malta.

Vapuri tal-Gwerra Amerikani ma tħallewx jużaw il-portijiet Maltin, u l-Kmandant tan-N.A.T.O. ġie ddikjarat persona non grata u għalhekk kellu jitlaq minn Malta, bil-kwartieri tan-N.A.T.O. jiġu magħluqa.

Sadanittant, Mintoff laħaq bosta ftehim ma' pajjiżi barranin, bl-intenzjoni li jattira investiment lejn Malta u jingħata għajnuna finanzjarja; l-iktar għajnuna konkreta waslet mill-Libja u l-pajjiżi Komunisti, bħall-Unjoni Sovjetika u ċ-Ċina.

L-ewwel gvern tal-Punent li jiftaħ relazzjonijiet maċ-Ċina Komunista[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-31 ta' Jannar, 1972 il-Gvern Laburista mmexxi minn Mintoff stabbilixxa relazzjonijiet diplomatiċi mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Dan wassal ghall-kummerċ bejn iz-żewġ pajjiżi u bl-għoti ta' għajnuna finanzjarja mingħajr interessi miċ-Ċina, seta' jinbena baċir kbir ta' 300,000 tunnellata fit-tarzna ta' Malta, kif ukoll il-bini ta' breakwater fil-port ta' Marsaxlokk. Bdew isiru ukoll xi skambji fuq livelli edukattivi u kulturali bejn studenti Ċiniżi u studenti Maltin, kif ukoll skambji ghal skopijiet militari bejn il-forzi armati taz-żewġ pajjiżi. Dawn saru apparti bosta ftehim iehor f'oqsma diversi bhas-saħħha, mediċina, turiżmu, trasport, xjenza u teknoloġija. Mintoff kien ukoll wieħed mill-ewwel mexxejja ta' pajjiżi tal-punent li żar iċ-Ċina ta' Mao, mossa li kienet pjuttost kontroversjali dak iż-żmien.

1972: Trattat ta' Difiża mal-Ingilterra[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-27 ta' Marzu, 1972, il-Ftehim ta' Difiża għal 7 snin ġie iffirmat bejn il-Gvern Laburista rappreżentat minn Dom Mintoff u l-Gvern Ingliż (Lord Carrington). Permezz tiegħu Malta kienet ser tirċievi 14-il miljun lira fis-sena mill pajjiżi tan-N.A.T.O. biex l-Ingilterra tkun tista' iżżomm il-bażi militari tagħha f'Malta. Dan il-ftehim kellu jintemm f'Marzu 1979, meta Malta kellha tkun ħielsa mill-forzi militari Ingliżi. Barra minn dan, Malta kienet ser tirċievi miljun lira fis-sena f'għajnuna ekonomika u żewġ miljuni u nofs oħra f'għajnuna mingħand l-Italja.

It-Tarzna[immodifika | immodifika s-sors]

Dwar it-tarzna, fejn il-Partit Laburista wiegħed li jintroduċi 50% parteċipazzjoni tal-Union fit-tmexxija, Mintoff iddeċieda li jattwa miżuri ta' razzjonalizzazzjoni qabel dik il-proposta tiġi fis-seħħ. F'meeting li għamel għall-ħaddiema tat-tarza fil-15 ta' Marzu, 1973, fi Pjazza Gavino Gulia f'Bormla, Mintoff wera d-diżapprovazzjoni tiegħu għan-nuqqas ta' ħeġġa tal-ħaddiema u tahom tliet għażliet: ir-riżenja tiegħu, il-falliment tat-Tarza jew inkella li Mintoff jieħu r-riedni f'idejh għall-sitt xhur. Il-ħaddiema ivvutaw għat-tielet proposta b'turija ta' idejn. Mintoff imbagħad beda jispjega bosta proposti li kellu għat-tarzna, fosthom t-tneħħija tas-sistema tax-shifts; din wasslet biex għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, it-tarzna tagħmel qliegħ, liema żmien dam sejjer għal seba' snin.

Mintoff u l-Libja ta' Gaddafi[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar l-1 ta' Settembru 1969 is-Sultan Idris tal-Libja kien imneħħi b'kolp ta' stat immexxi minn kurunell tal-armata ta' 27 sena jismu Muammar Gaddafi. L-armata rivoluzzjonarja neħħiet il-monarkija u pproklamat il-Ġamaħarija Libjana Għarbija Soċjalista tal-Poplu, b'kunsill rivoluzzjonarju fil-kmand tal-pajjiż b'Gaddafi jkun iċ-chairman tiegħu għal għomru. Qabel l-elezzjoni tal-1971, Mintoff kien wiegħed li jekk jitla' hu se jġib għajnuna mil-Libja. Il-Partit Nazzjonalista u Mabel Strickland kkritikaw ir-rabtiet ta' Mintoff mal-Libja. Kif Mintoff rebaħ l-elezzjoni, mill-ewwel bdew it-taħdidiet mal-Libja. Il-Libja tat lill-Gvern ta' Mintoff 3 miljun lira Maltija kif telqet il-marina Ingliża minn Malta, bil-kundizzjoni li l-faċilitajiet militari ta' Malta qatt ma jerġgħu jintużaw biex jintbagħtu supply missions lil Israel (kif Gaddafi allega li kien ġara fil-Kriżi tal-Kanal tas-Swejs tal-1956 u l-Gwerra tal-1967).

Mill-1973 Mintoff beda politika ta' rapprochement kulturali bejn iż-żewġ pajjiżi, li Mintoff kien isejħilhom aħwa mid-demm, blood brothers. Beda x-xogħol fuq moskea f'Kordin, immexxija minn fondazzjoni Libjana, il-‘World Islamic Society'. Infetħu Istituti Kulturali Libjani f'Tas-Sliema u l-Belt u mijiet ta' Maltin sabu impjiegi fil-Libja. Dak li għal 26 sena kien is-St Michael's Training College f'Ta' Ġiorni, fejn il-Freres ta' De La Salle kienu jħarrġu lill-għalliema rġiel, sar skola Libjana Al Fateh. Meta l-prezz internazzjonali taż-żejt għola fil-kriżi tal-1973, Mintoff laħaq ftehim mal-Libja, li kellha tagħti lil Malta ż-żejt kollu li kellha bżonn għall-ekonomija tagħha bi prezz preferenzjali.

Fl-1979 Gaddafi wiegħed “appoġġ totali” lil Malta, hekk kif l-aħħar suldati Ingliżi telqu minn Malta. Għaċ-ċerimonja ta' Jum il-Ħelsien, Gaddafi kien l-uniku mexxej ta' pajjiż preżenti, b'delegazzjoni kbira ħafna. Il-media oċċidentali spekulat fuq il-possibiltà li Malta tallinea ruħha militarment mal-Libja imma dan qatt ma ġara.

Fl-1980 inqalgħet tilwima bejn il-Libja u Malta, meta Saipem 2 – rig taż-żejt Taljan ikkummissjonat mit-Texaco biex ifittex iż-żejt f'isem il-Gvern Malti – kien avviċinat minn gunboats u sottomarin Libjani u mġiegħel jieqaf iħaffer fil-Medina bank, 68 mil nawtiku fix-xlokk ta' Malta. Iż-żewġ pajjiżi jgħidu li għandhom il-ġurisdizzjoni territorjali fuq dik iż-żona tal-Pjattaforma Kontinentali, u fl-1982 il-kwistjoni marret quddiem il-Qorti Internazzjonali fil-Ħag.

Minkejja dan, bejn l-1982 u l-1984 ir-relazzjonijiet kulturali u ekonomiċi bejn iż-żewġ pajjiżi komplew jikbru. Iċ-ċertifikat matrikulari f'Livell Ordinarju fl-Għarbi sar obbligatorju biex tidħol l-Università ta' Malta. Ġie ffirmat Trattat ta' Ħbiberija u Koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi, li kien jinkludi protokoll ta' sigurtà li bih il-forzi Libjani riedu jħarrġu u jarmaw lis-suldati Maltin. U l-Libjani ma kellhomx bżonn aktar ta' visa biex jidħlu Malta.

Mintoff baqa' ħabib ta' Gaddafi u tal-Libja anke fis-snin ta' wara. Fiż-żjara tal-President Eddie Fenech Adami fil-Libja fl-2008, Gaddafi staqsa fuq saħħet Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici. Fl-1998, Mintoff kien assenti waqt vot importanti li kellu jittieħed fil-Parlament għax kien il-Libja u l-Prim Ministru Alfred Sant ikkritikah fuq dan il-fatt. Nhar id-19 ta' Ġunju 1998, Mintoff fil-Parlament qal hekk:

 Kelli dritt immur il-Libja jew ma kellix? Kelli dritt inżur ħabib tiegħi - u dan m'huwiex xi brigant jew xi ħalliel imma l-mexxej Libjan - li ilu jistedinni biex immur hemmhekk imma ma kellix is-saħħa biex immur? Imma issa kelli s-saħħa u mort... Jien mort hemmhekk fuq żjara privata u tkellimt miegħu kemm fuq affarijiet privati u kemm fuq affarijiet oħra. Miegħi kien hemm sħabi wkoll u nista' ngħid li ttrattana ħafna aħjar milli kien jittratta ministri proprju għaliex kienet żjara privata. Jiena domt nitkellem miegħu għal aktar minn tliet kwarti, imma wara kwarta - għaliex indunajt li kien ma jiflaħx u kellu riħ kbir u wegħedtu li nibgħatlu affarijiet għas-sogħla ħalli jfejquh u fil-fatt bgħatthomlu l-għada stess - għedtlu: Mhux aħjar nieqfu għaliex tidher għajjien?, u huwa qalli: Le... U fuqiex tkellimna? Tkellimna kif Malta u l-Libja jistgħu jsaħħu u jtejbu r-relazzjonijiet tagħhom għall-ġid tat-tnejn... Jiena mhux talli m'għandix x'naħbi talli għandi biex niftaħar għaliex dan ix-xogħol imissu għamlu l-Ministru tal-Foreign Affairs jew il-Prim Ministru. 

Il-Konferenza ta' Helsinki[immodifika | immodifika s-sors]

Mintoff minn dejjem saħaq fuq il-ħtieġa ta' paċi fil-Mediterran fil-Konferenza ta' Helsinki tal-1975. l-pajjiżi Ewropej, l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Unjoni Sovjetika kienu qegħdin jiddiskutu f'Helsinki, fil-Finlandja, ftehim għall-paċi. Mintoff kien qal fil-Konferenza li ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran. Huwa ried li fid-dikjarazzjoni finali tal-laqgħa jkun hemm kapitlu dwar il-Mediterran u qalilhom ukoll li hu ma kienx lest li jiffirma d-dikjarazzjoni qabel ma jidħol fid-dikjarazzjoni l-kapitlu dwar il-Mediterran. Mintoff qanqal ir-rabja tal-Istati Uniti kif ukoll tal-Unjoni Sovjetika, li stagħġbu kif stat tant żgħir bħal Malta kien qiegħed iżomm ix-xogħol ta' din il-konferenza internazzjonali.

Il-Gvern ta' Mintoff kien iddikjara wkoll li Malta tkun stat newtrali u li tkun tagħmel parti mill-Moviment tal-Pajjiżi Mhux Allineati. Din id-dikjarazzjoni kienet intbagħtet u ġiet depożitata fl-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda u nbagħtet ukoll lill-potenzi ewlenin tal-Ewopa u tad-dinja. Fl-1973, Malta ssieħbet fil-Moviment Non-Allineat, li kien jinkludi bosta pajjiżi tat-tielet dinja bħall-Indja, Kuba u l-Alġerija; Malta saret ukoll membru tal-Grupp tas-77. Biex jiddefendu l-istat ta' newtralità ta' Malta, il-Gvern ta' Mintoff kien għamel patt u ftehim mal-Italja, ieħor mal-Libja u ieħor mal-Unjoni Sovjetika. F'dawn il-pattijiet kien maħsub ukoll li dawn il-pajjiżi jgħinu finanzjarjament u ekonomikament lil Malta. Il-Gvern ta' Mintoff ried ukoll jagħmel patt ukoll mal-Istati Uniti, iżda din ma qablitx.

L-Air Malta[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-21 ta' Marzu, 1973 il-parlament Malti approva mozzjoni tal-Prim Ministru Laburista, Dom Mintoff, biex titwaqqaf kumpanija nazzjonali tal-ajru - l-Air Malta. L-Air Malta ġiet imwaqqfa bl-assistenza tal-Gvern tal-Pakistan. Il-kumpanija nazzjonali irċiviet ħafna kritika mill-oppożizzjoni Nazzjonalista, li ppreferew jagħmlu użu minn kumpaniji tal-ajru barranin milli dik lokali.

Bank of Valletta[immodifika | immodifika s-sors]

Fit-23 ta' Marzu, 1974 gie mhabbar il-ftuh tal-Bank of Valletta, l-ewwel bank kollu kemm hu Malti. 60% ftal-ishma fil-bank kienu ser ikunu f'isem il-Gvern Malti filwaqt li l-40% l-ohra kienu ser jinbiegħu lil pubbliku Malti.

Miżuri oħra tal-Gvern Laburista (1971-1976)[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Gvern ta' Mintoff waqqaf bosta miżuri fosthom:

  • In-nazzjonalizzazzjoni kif ukoll il-bidu ta' bosta kumpaniji propjetà tal-istat, fosthom l-Air Malta, is-Sea Malta, il-Bank of Valletta, il-Mid-Med Bank, it-Telemalta u x-Xandir Malta;
  • Tnaqqis fid-differenza fis-salarji bejn l-ogħla u l-iktar grad baxx fis-servizzi ċivili;
  • L-għoti ta' żieda għall-għoli tal-ħajja u bonuses bi flat rate minflok b'perċentwali;
  • L-introduzzjoni tas-sistema PAYE (Pay-As-You-Earn) u higher ceiling fejn tidħol it-taxxa tad-Dħul;
  • Il-bidu ta' skema nazzjonali tas-saħħa;
  • Id-demolizzjoni ta' slums u l-bini ta' bosta units residenzjali għall-ħaddiema u l-familji tagħhom;
  • Xiri bulk-buying ta' prodotti mportati bħall-ħalib, zokkor u butir bi prezzijiet orħos;
  • Bosta riformi fil-leġiżlatura industrijali bħal pereżempju, it-tnaqqis tal-working week għal 40 siegħa u liġi favur paga ndaqs għal ħaddiema nisa;
  • Iż-żieda fin-nefqa għas-servizzi soċjali kif ukoll l-introduzzjoni ta' servizzi bħaċ-Children's Allowance;
  • It-tneħħija ta' streaming u eżamijiet fi skejjel statali;
  • Bosta proġetti turistiċi;
  • Inbnew oqsma industrijali ġodda u dawk eżistenti ġew imkabbra;
  • Ġiet mibnija pista tal-ajru ġdida li kienet takkomoda vetturi tal-arju kbar;
  • L-introduzzjoni ta' korpi tax-xogħol bħall-Korpi tal-Pijunieri, li kienu jagħmlu bosta xogħol ta' kostruzzjoni. Membri ta' dawn il-korpi kienu miċħuda mid-dritt li jissieħbu trade unions.

Il-Gvern Laburista kien jemmen fl-intervent tal-istat fl-ekonomija tal-pajjiż, speċjalment fejn is-settur privat kien jonqos milli jieħu l-inizzjattiva.

Malta Repubblika[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Prim Ministru Dom Mintoff u Sir Anthony Mamo, fiċ-ċerimonja li fiha Mamo ġie ddikjarat l-ewwel President tar-Repubblika ta' Malta

Fit-13 ta' Diċembru 1974, Malta saret uffiċjalment Repubblika, u għalhekk ġiet introdotta kostituzzjoni ġdida. Din il-kostituzzjoni li bħal dik Taljana, kienet tiddikjara li Malta kienet repubblika bbażata fuq ix-xogħol, introduċiet bosta artikli, bħal dak li kien jippermetti d-dritt għall-vot lil persuni ta' il-fuq minn 18-il sena fl-elezzjonijiet ġenerali.

49 membru tal-Parlament ivvutaw favur din il-kostituzzjoni filwaqt li 6 membri Nazzjonalisti astjenew. Ta' min jgħid li dawn kienu Ġorġ Borg Olivier u dawk l-aktar qribu. Dan l-avveniment immarka wkoll it-tmiem tal-karriera politika ta' Dott. Borg Olivier, għaliex ftit wara l-elezzjonijiet tal-1976 laħaq floku Dott. Eddie Fenech Adami. Fl-elezzjonijiet tal-1976 il-Partit Laburista gab l-ikbar maggoranza ta' voti qatt registrati fl-istorja politika ta' Malta.

1976: It-Tielet Gvern ta' Mintoff[immodifika | immodifika s-sors]

Il-gvern immexxi minn Dom Mintoff kompla bil-ħidma tiegħu u bena' għadd kbir ta' oqsma residenzjali, kif ukoll ħadem biex itejjeb l-infrastruttura. Inbena sptar ġdid ħdejn l-isptar eżistenti (L-Isptar San Luqa).

Fl-1976, saru l-ewwel elezzjonijiet ġenerali taħt il-kostituzzjoni tar-Repubblika ta' Malta. Il-programm elettorali tal-Partit Laburista intitolat "Lejn Malta Soċjalista 'l Quddiem fis-Sliem" poġġa emfasi fuq il-kredenzjali tal-Gvern Laburista, li kien jemmen fis-soċjaliżmu demokratiku. Ġie dikjarat ukoll li Malta setgħet tevolvi f'familja kbira soċjalista, kif ukoll li x-xogħol kien il-mezz kif il-bniedem seta' jikseb l-emanċipazzjoni. Fost ħafna proposti, kien hemm ukoll:

• Il-possibiltà ta' full-employment;
• Attivitajiet kummerċjali kellhom fejn jistgħu, jiġu mħollija f'idejn il-Maltin;
• Il-kontinwazzjoni tal-politika tan-non-alignment

Il-Partit Labruista reġa' rebaħ l-elezzjonijiet b'51.5% tal-voti u 34 siġġu fil-Parlament, filwaqt li n-Nazzjonalisti kisbu 48.5% u 31 siġġu. Din it-telfa kienet l-aħħar waħda għal Dott. Borg Olivier, li ġie rimpjazzat minn Dott. Eddie Fenech Adami fl-1977.

Il-Gvern ta' Mintoff kompla bit-twettiq tal-politika soċjalista tiegħu, iżda ta' min jinnota li f'din il-leġislatura kien hemm żieda kbira fid-diżgwid industrijali u vjolenza politika. F'dan iż-żmien Mintoff beda juża frażi oħra popolari "Min mhux magħna kontra taghna".

Fl-1977, meta l-Uffiċju tal-Prim Ministru ħareġ ċirkolari li stqarr li avolja l-Gvern kien jirrikonoxxi d-dritt tal-ħaddiema għall-istrajk, id-dritt għall-azzjonijiet industrijali parzjali ma kienux ser jibqgħu rikonoxxuti. F'dan iċ-ċirkolari kien hemm imniżżel ukoll illi dawk kollha li kienu jirrifjutaw li jaħdmu s-sahra, ma kienx ser ikollhom iktar sahra sal-aħħar tas-sena. Ovvjament, dan iċ-ċirkolari ġab miegħu diversi azzjonijiet industrijali u protesti. B'risposta għal dawn, il-Gvern issospenda u ttrasferixxa xi ħaddiema tal-Gvern. Il-Gvern ta' Mintoff ukoll hedded lill-impjegati tal-banek li jekk ma jaċċettawx id-direttivi tal-management, kienu ser jiġu likwidati iż-żewġ banek kummerċjali ta' Malta u posthom jieħdu bank wieħed. Din l-azzjoni kienet tfisser telf kbir ta' impjiegi. L-azzjonijiet industrijali li segwew ġabu magħhom is-sospensjoni ta' numru ta' ħaddiema. Każ simili seħħ ukoll fit-TeleMalta (illum Maltacom), fejn numru ta' ħaddiema ġew sospiżi għal numru ta' xhur. F'dan il-każ, il-Gvern għamel użu mill-korpi tax-xogħol, li kienu suġġetti għal dixxiplina militari, bħala strike-breakers.

Il-Kwistjoni tat-Tobba[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-aħħar tas-sebgħinijiet il-Gvern ta' Mintoff kellu kwistjoni kbira mal-Assoċjazzjoni tat-Tobba. Ir-raġunijiet ewlenin kienu tnejn. L-ewwel waħda kienet illi l-Gvern obbliga lill-istudenti li jiggradwaw bħala tobba kellhom jagħmlu perjodu ta' reġistrazzjoni ta' sentejn fl-isptar. It-tieni kienet id-deċiżjoni tal-Gvern li jbiddel l-istatus u l-poter tal-Kunsill Mediku. Bosta tobba rrikorrew għall-azzjonijiet industrijali, u bosta minnhom ġew imkeċċija mill-isptarijiet tal-Gvern immedjatament. Dan wassal biex ħafna tobba jiġu mkeċċija minn fuq il-post tax-xogħol u kellhom eventwalment iħallu l-pajjiż. Biex itaffi għan-nuqqas ta' tobba Maltin fl-isptarijiet, il-Gvern malajr impjega tobba barranin biex jirrimpjazawhom. Dan l-aġir wassal għal ħafna kritika minn bosta assoċjazzjonijiet mediċi bħal Assoċjazzjoni Medika Dinjija. Kien f'dan iż-żmien, propjament f'Diċembru tal-1977, li kienet intbgħatet ittra bomba lill-futur Ministru Laburista, il-Professur Edwin Grech, li kien rrifjuta li jieħu sehem fl-azzjonijiet industrijali u minflok aċċetta li jaħdem l-isptar. Din l-ittra infetħet minn bintu Karin, li mietet mal-isplużjoni.

Fil-qasam tas-saħħa, Mintoff ġiegħel lill-isptarijiet privati biex jagħlqu u minflok introduċa servizzi mediċi b'xejn fl-1979. Barra minn hekk, bosta polikliniċi infetħu fl-1981.

Bidliet fl-Edukazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Gvern Laburista ta' Mintoff ukoll implimenta diversi tibdil fis-sistema edukattiva ta' Malta. Fl-1977, ġew riintrodotti l-eżamijiet għal dawk it-tfal minn seba' snin 'il fuq. Fl-1981 daħlet fis-seħħ sistema edukattiva li biha kuntrarju għal dak li seħħ fl-1972, l-istreaming ġie intensifikat. Dan ġara partikolarment minħabba l-fatt li twaqqfu il-Junior Lyceums li kien ser jibda jkollhom attendenza ta' studenti 'l fuq minn 11-il sena li kienu għaddew minn eżami ta' ammissjoni.

Fejn tidħol l-Università, il-Gvern daħħal sistema ta' student-ħaddiem fejn l-istudenti kienu obbligati li apparti li jkollhom il-kwalifiċi neċessarji, kellhom ukoll jalternaw bejn perjodi ta' studju u oħrajn ta' xogħol. Id-dħul fl-Universita beda jiei determinat mhux biss fuq il-bażi tal-kwalifiċi tal-istudenti, iżda wkoll fuq in-neċessità tal-impjegaturi. Ġie imwaqqaf bord li kien jiddeċiedi liema studenti-ħaddiema kellhom jiġu magħżula. Barra minn hekk, bosta korsijiet ġew imwaqqfa u l-fakultà tal-Arti u x-Xjenza ngħalqu. Konsegwentement, bosta għalliema u studenti ħallew l-Università. Bosta akkademiċi u studenti urew id-diżapprovazzjoni tagħhom għal dawn ir-rigormi, u s-soċjoloġista Ralf Dahrendor, li ġie mqabbad mill-Gvern bħala konsulent, stqarr illi dawn ir-riformi ma kienux ser jgħinu l-edukazzjoni għaliex kienu qed jipproduċu ħaddiema imdejjqa jew studenti mhux kwalifikati biżżejjed.

Fit-8 ta' Novembru, 1977, fil-ġurnata tal-gradwazzjoni, l-istudent universitarju Michael Frendo indirizza lil dawk preżenti u emfasizza fuq il-bżonn li l-iggradwati jiddistingwu bejn il-verità u l-propaganda, is-sinċerità u l-ipokrezija, l-intergrità u l-opportuniżmu, il-libertà u l-iskjavitù. Dan id-diskors qajjem bosta konfronti. Il-President tar-Repubblika u l-Ministru tal-Edukazzjoni ħarġu 'l barra miċ-ċerimonja u bosta sostenituri laburisti daħlu fuq il-kampus u fis-sala u bdew jintimidaw lil dawk preżenti. Fost dawn il-partitarji kien hemm Dennis Sammut, is-Segretarju Amministrattiv tal-Malta Labour Party u Joe Debono Grech, MP Laburista.

Xi partitarji daħlu bil-forza f'Dar l-Istudent, iżda mijiet ta' studenti opponewhom. F'dawn il-konfronti, ħadd ma ġie arresta iżda Frendo ġie mgħoti libell għal difamazzjoni minn żewġ uffiċjali għolja; eventwalment ġie dikjarat mhux ħati.

Sena wara, fil-5 ta' Ottubru, pulizija u partitarji Laburisti sawtu grupp ta' studenti li kienu qed jirritornaw lejn l-Università wara li attendew rally biex jikkomemmoraw il-Ġurnata tal-Istudenti.

Mintoff u l-Unions[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-21 ta' Marzu, 1978, iż-żewġ komponenti tal-Malta Labour Movement, jiġifieri il-Malta Labour Party u l-General Workers Union ġew statutory partners. B'hekk l-alleanza tagħhom irċiviet status formali. Il-ftehim li ntlaħaq kien jixbah il-ftehim ad hoc li ntlaħaq bejn l-Union u l-Partit fil-leġislatura tal-1971-1976.

Mintoff kien ukoll jistieden bosta trade unions oħra biex jingħaqdu mal-Partit Laburista. Pereżempju, f'meeting fil-Blata l-Bajda fit-28 t' April, 1979, Mintoff stieden lill-dawk li kienu jiffurmat parti mill-Konferderazzjoni tat-Trade Unions ta' Malta; ta' min jinnota imma li ħadd ma aċċetta din l-istedina.

Malta tinħeles mill-ħakma tal-forzi militari Ingliżi[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1979 Malta kisbet il-ħelsien mill-forzi militari Ingliżi. Il-ġurnata tal-31 ta' Marzu, 1979 ġiet proklamata bħala Jum il-Ħelsien u l-Gvern ta' Mintoff kien jagħtiha importanza ferm iktar mill-Indipendenza miksuba fi żmien il-Partit Nazzjonlista mmexxi minn Borg Olivier.

Il-Prim Ministru Dom Mintoff tiela' fuq il-Monument tal-Ħelsien bit-torċa waqt iċ-ċerimonja tal-31 ta' Marzu, 1979.

Infatti biex tfakkar l-okkazjoni, ġiet mibnija għolja artifiċjali b'monument fuqha. Din l-għolja, magħrufa aħjar bħala l-Għolja tal-Ħelsien inbniet ix-xatt tal-Birgu, ftit metri l-bogħod minn fejn l-aħħar truppi Ingliżi kienu ser jimbarkaw l-aħħar vapur Ingliż li kellu jħalli l-Malta, l-H.M.S. London.

Iċ-ċelebrazzjonijiet uffiċjali laħqu l-quċċata f'nofs-il lejl tal-31 ta' Marzu, 1979, fejn eluf ta' Maltin sfidaw il-kesħa u inġabru lejn il-Kottonera biex jassistu għaċ-ċerimonja li fiha Mintoff telgħa l-għolja tal-ħelsien u assista ghall-inżul tal-bandiera Ingliża minn baħri Ingliż, u t-tlugħ tal-bandiera Maltija minn ħaddiem Malti.

Imbagħad, Dom Mintoff flimkien mal-mexxej tal-General Workers Union, Ġorġ Agius, xegħlu t-torċa kommemorattiva mad-tokki tal-qniepen ta' nofs-il lejl.

Dak il-lejl, it-truppi Ingliżi baqgħu abbord l-H.M.S. London, li ħalliet Malta l-għada filgħodu, bil-President tar-Repubblika, Dott. Anton Buttigieg ixejjer lill-bastiment minn fuq is-swar tal-belt Valletta faċċata tal-Port il-Kbir.

It-tluq tal-Ingliżi minn Malta kien ukoll ifisser it-tmiem tal-assistenza finanzjarja mill-Ingilterra. Minn dakinhar, Malta kellha tiddependi biss minnha nnifisha ghall-ghixien. (Ara wkoll Jum il-Ħelsien)

Vjolenza Politika[immodifika | immodifika s-sors]

F'dan iż-żmien Malta assistiet għal eskalazzjoni ta' vjolenza politika. Fil-15 t'Ottubru, 1979, ġurnata mlaqqma bħala Black Monday xi hadd pprova attentat ta qtil fuq il-prim ministru Dom Mintoff u dan inzamm mis-segretarji tal-Kastilja stess. " (Li kien sar attentat fuq hajjet il-prim Ministru Dom Mintoff kienet biss storja biex jinhbew il-perpetjuri li holqu il-vjolenza ta' dak inhar filghodu. Fatt li hadd ma jista' jinnegah, ghax l-Inkjesta Muscat Azzoppardi kixfet kollox; Karm Grima, mill-Mosta mar Kastilja biex izomm appuntament ma Dom Mintoff, habib kbir tieghu,u biex iwassallu informazzjoni miktuba fuq ittra,li kien jaf dan Grima fuq ministru kontroversjali minn ta' madwar Mintoff. Informazzjoni kunfidenzjali hafna u li dak inhar filghodu stess, dan il-ministru kien gie infurmat li se jinkixef u ghalhekk ta ordni biex Grima jigi moqtul fuq il-post biex jinghalaq halqu u jehel bil-vjolenza ta' dik il-gurnata. Wara li iddahhal f'kamra maghluqa biex, ghal ta' parsi gej Mintoff, ghax Dom Mintoff kien 10 minuti boghod maqful mad-delegazzjoni Nord Koreana sal-3.00 PM, mil-bieb imbexxaq ta' din il-kamra, xirfu tlitt idejn bil-pistoli f'kull wahda u bdew jisparaw indiskriminalment lejn id-direzzjoni ta' Grima; infatti dan Grima intlaqat bi tlitt bullets mid-disgha li gew sparati.Wara x'hin indunaw li ma mietx dahlu fuqu u komplew ituh bil-butt tal-pistoli sakemm Grima waqa' ma l-art u hasbuh mejjet. Harbu x'hin semghu l-passi tal-cameraman tat-Times li x'hin wasal fuq il-post, minflok ghajjat ghall-ghajjut u hadu lil Grima l-isptar fejn gie ikkurat u ghamlulu 40 punt f'rasu imma l-bullets baqghu f'gismu sa kemm miet, xi 15 il-sena wara. Fuq Grima dan il-ministru infami ma waqafx hemm imma ordna li Grima jinqatel u saru erba attentati ohra fuq hajjet Grima imma gie salvat fl-ahhar bl-intercessjoni stess tal-Perit Mintoff li minn fuq ir-radio ghamel stqarrija li min imiss lil Grima irid jghati kont lilu, Dom Mintoff , innifsu. U hekk l-uniku triq li kien ghad fadlilhom il-familjari ta' Grima kienet li jaccettaw li missierhom imur ghomru Monte Carmeli fuq tlitt certifikati medici foloz, ordnati mil-Ministru tas-Sahha ta' dak iz-zmien u il-frame-up orkestrat minn l-avukat ta' Grima stess, Dr. Guido de Marco ghax hekk kienet l-ahjar ghazla f'dawk iz-zmenijiet hekk kattivi. ara Inkjesta Filletti,L-Inkjesta Muscat Azzoppardi, li Dr. Eddie Fenech Adami ghamel fil-1990 imma hbija fl-istrong room tal-Parlament ghax kixfet li kemm il-PN u kemm l-MLP kienu imdahhla f'dan il-frame-up fahxi fuq Karm Grima. Eventwalment din l-Inkjesta seraqha minn tlitt postijiet differenti u fl-istess hin Dr. Alfred Sant biex jinhbew il-ministri taz-zewg nahhat.Ara mist. Parl. ta'Dr. A. Gatt 14066-sed225-8/6/98, jew Google taht Carmel Grima,Karm Grima fuq ILLUM, Malta today, Times of Malta.) Wara dan, madwar 40 partitarju daħlu fir-residenza privata tal-mexxej Nazzjonalista Fenech Adami fejn aggredew lill-mara tiegħu u għamlu ħerba fid-dar tiegħu. F'dik il-ġurnata stess, l-istess partitarji Laburisti daħlu fil-bini tal-Progress Press u fl-uffiċini tal-gazzetta The Times u kissru l-makkinarju u għamlu ħafna danni fil-bini. Il-Parlament Ewropew kif ukoll bosta mexxejja Ewropej iddeploraw dawn l-inċidenti.

Tlett ijiem wara dawn l-avvenimenti, Mintoff kiteb lil Mabel Strickland, il-propjetarja tal-Progress Press, fejn esprima is-sogħba tiegħu għal dak li kien ġara. Mintoff ukoll kien ikkundana dawn l-atti vjolenti f'intervista mal-gazzetta Taljana 'Panorama' fil-11 ta' Novembru 1979.

Avolja s-sitwazzjoni politika u industrijali fit-tieni nofs tas-sebgħinijiet ma kinitx mill-aħjar, peress li Eddie Fenech Adami ma halliex l-investituri barranin jinvastue f'Malta xorta sal-1979 il-Gvern immexxi minn Mintoff irnexxilu jirdoppja il-Prodott Gross Domestiku ikkumparat ma' dak tal-1974. Kien hemm tnaqqis fir-rata tal-qagħad għal 2.7% u kien hemm żieda ta' impjiegi ġodda minħabba l-espansjoni fis-settur tal-manifattura u t-turiżmu.

Il-Politika Barranija ta' Mintoff fis-sebgħinijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-leġislatura 1976-1981, il-politika barranija tal-Gvern Laburista kienet pjuttost xettika u tikkritika l-Gvernijiet tal-Pajjiżi tal-Punent u tas-Suq Komuni Ewropew, għalkemm xi mdaqqiet kienet turi l-oppost. Fl-1978 Mintoff kien għamel żewġ stqarrijiet interessanti fil-Parlament:

"Illum hemm żewġ Ewropi: L-Ewropa ta' Kain u l-Ewropa ta' Abel. L-Ewropa ta' Kain moħħha biex tikkonkwista u l-Ewropa ta' Abel hija progressiva. Huwa ma' din l-Ewropa li xi darba rridu nilħqu ftehim."

Mintoff ukoll uża din l-analoġija f'forum Ewropew fi Strasburgu. Iżda avolja kien xettiku mill-Ewropa, Mintoff qatt ma warrab il-possibiltà li eventwalment Malta tingħaqad u ssir parti mill-Komunità Ewropea. Fi kliemu:

"Today we are telling Europe to reach agreement with the Arabs just like we have done. Get powerful enough to get rid of the American and Soviet military bases. When this is achieved we will join you."

(t. Malti: "Illum qd ngħidu l-Ewropa biex nilħqu ftehim mal-Għarab kif għamilna aħna. Issaħħu biżżejjed biex teħilsu mill-bażijiet militari Amerikani u Sovjetiċi. Meta jirnexxielkhom tagħmlu dan, ningħaqdu magħkhom.")

F'intervisti oħrajn, Mintoff spjega li ma riedx li Malta tispiċċa ballun f'idejn iż-żewġ superpotenzi. Huwa ried ukoll jilħaq ftehim mal-Italja u Franza minn naħa, u l-Libja u l-Alġerija minn naħa l-oħra. Huwa stqarr ukoll illi filwaqt li l-Italja u Franza bi kliemhom urew l-interess li jgħinu, kienu il-Libja u l-Alġerija li offrew għajnuna konkreta. Sadanittant, il-Gvern kien ukoll laħaq ftehim importanti ta' newtralità u stabilixxa protokoll finanzjaru mal-Gvern Taljan fl-1980.

L-Elezzjoni tal-1981: Riżultat "Pervers"[immodifika | immodifika s-sors]

Fit-3 ta' Jannar, 1981, il-Qrati tal-Ġustizzja ġew sospiżi mill-Gvern. Dawn ġew magħluqa għal aktar minn xahar u ġew rikostitwiti meta l-Gvern introduċa Parliamentary Bill li affettwat drastikament id-drittijiet ta' ċittadin biex ifittex il-Gvern għal danni, kif ukoll introduċiet Kummissjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja.

L-1981 kienet ukoll sena kontroversjali ħafna partikolarment minħabba l-elezzjonijiet ġenerali ta' dik is-sena. Il-Malta Labour Party u l-General Workers' Union ikkontestaw l-elezzjoni flimkien taħt l-isem ta' Malta Labour Movement kontra il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami. Il-programm elettorali konġunt tal-Partit Laburista u l-GWU kien intitolat 'Mit-Tajjeb Għall-Aħjar' u kien approvat mid-delegati taż-żewġ organizzazzjonijiet rispettivi fil-konferenzi ġenerali u nazzjonali. Il-Partit Laburista kien jappella għall-għaqal u l-bżulija tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin, biex itejbu s-sitwazzjoni tal-pajjiż. Il-proposti tal-programm elettorali kienu jinkludu:

• Tkomplija ta' xiri bulk-buying ta' materja prima u kumditajiet oħra biex jinżammu prezzjijiet baxxi • Iktar bini ta' oqsma residenzjali, distribuzzjoni ta' pjanti kif ukoll self issussidjat għal dawk li jixtiequ jibdnu d-djar tagħhom.

Rekord ta' 96.1% tal-elettorat ħareġ jivvota fl-elezzjonijiet u l-Partit Laburista, avolja ġab minoranza ta' voti (49.1%) irnexxilu jirbaħ iktar siġġijiet parlamentari min-Nazzjonalisti, li rnexxielhom jirbħu 50.9% tal-voti. B'hekk l-MLP rebaħ l-elezzjonijiet ġenerali għat-tielet darba konsekuttiva. Ir-riżultat ġie meqjus bħala wieħed pervers u filfatt, Mintoff ried li jsiru elezzjonijet ġodda dik is-sena stess biex isolvu din il-polemika. Iżda l-ministri tiegħu ma ridux u b'hekk din baqgħet ma saritx. Din l-anomalija fis-sistema elettorali kienet ikkawżata mill-Kostituzzjoni tal-Indipendenza tal-1964, u għalkemm kien hemm xi diskors biex fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika din tiġi emendata, dan baqa' ma seħħx.

Il-Partit Nazzjonalista rreaġixxa billi ddikjara l-Gvern Laburista bħala wieħed ta' minoranza u akkuża l-Gvern b' jerrymandering. Dan wassal għal ħafna tensjoni fil-pajjiż fis-snin ta' wara. L-ebda MP Nazzjonalista ma attenda l-parlament għal tliet snin sħaħ, u dan apparti n-numru ta' bojkotts li kienu jsiru. Fost dawn kien hmem il-bojkott tat-televiżjoni tal-istat, li dak iż-żmien kien l-uniku stazzjon televiżiv lokali, kif ukoll f'ċerti retail outlets. In-numru ta' theddid minn nazzjonalisti u laburisti u tqegħid ta' bombi ma' djar ta' nies prominenti żdied u dan inevitabilment ġab miegħu instabbilità kbira fil-pajjiż.

Tqegħid ta' bombi[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar il-5 ta' Ġunju 1980, f'Santa Venera, bomba qawwija splodiet mad-dar tal-Ispettur tal-Pulizija Gejtu Pace. Fis-7 ta' Lulju, fil-Belt, splużjoni qawwija qerdet kważi għal kollox l-uffiċċju tal-Libyan Arab Airlines f'Misraħ il-Ħelsien. Fis-26 ta' Lulju, f'Ħal Luqa, bomba qawwija splodiet fil-kurutur tal-flats fejn kien joqgħod il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Pullicino.

Fis-27 ta' Ġunju 1982, f'Birkirkara bomba bil-miċċa taqbad tpoġġiet taħt il-karozza tal-Maġġur Alexander Grech, li kien Kummissarju Elettorali Ewlieni. Nhar l-4 ta' Awwissu, fin-Naxxar, bomba splodiet mad-dar ta' Joe Zammit, uffiċjal għoli tad-Dipartiment tal-Kummerċ.

Nhar it-28 ta' Mejju 1983, f'San Ġiljan, bomba splodiet mal-faċċata tad-dar ta' Albert Mizzi, Chairman tal-Air Malta.

Nhar il-25 ta' Settembru 1984, instabet bomba fuq l-għatba tal-bieb tal-Palazz tal-Arċisqof fl-Imdina li ma ħaditx. Nhar it-30 ta' Settembru bomba splodiet wara l-bieb tal-Arċipriet tal-Furjana. Nhar it-13 ta' Ottubru 1984 f'Tas-Swatar Ħad Dingli, bomba qawwija splodiet fiċ-ċentru tal-kompjuters. bi ħsarat kbar fil-Computer Room u fl-Operations Section. Fil-15 ta' Ottubru splodiet bomba li tpoġġiet f'wieħed mill-ventilaturi tad-Dar Ġenerali tal-MUSEUM fil-Blata l-Bajda. Fil-25 ta' Ottubru, fil-Furjana, bomba splodiet qrib il-karozza tal-Kummissjoni Għolja Ingliża f'Malta. Fis-17 ta' Novembru bomba splodiet mal-koxxa tal-bieb tal-Ambaxxata Taljana fil-Furjana. Fid-19 ta' Novembru bomba splodiet Ħ'Attard mad-dar ta' Mons. Francesco Canalini, rappreżentant tal-Vatikan f'Malta.

Nhar it-12 ta' Dicembru 1985 bomba splodiet mal-Istitut Kulturali Libjan f'Misraħ il-Palazz. L-għada bomba splodiet mal-għassa tal-Pulizija tal-Qrendi. Erbat ijiem wara, bomba tal-ġelatina tpoġġiet mal-għassa tal-Pulizija tal-Imqabba imma ma ħaditx. L-għada, 18 ta' Diċembru, bomba qawwija splodiet mal-Għassa tal-Pulizija ta' Tas-Sliema, żewġ pulizija korrew gravi u żewġ pulizija oħra u tifla zgħira sofrew ġrieħi ħfief.

Żviluppi oħra[immodifika | immodifika s-sors]

Il-PN beda jaħdem biex iġib sostenn mis-setturi tas-soċjetà Maltija, kif ukoll mill-alleati politiċi barra l-pajjiż. Kif kien mistenni, id-Demokristjani u l-Konservattivi Ewropej taw l-appoġġ tagħhom lill-Partit Nazzjonalista. Anki l-President tal-Istati Uniti ta' dak iz-zmien, Ronald Reagan irrifjuta kontinwament l-invit għal żjara uffiċjali mingħand il-President ta' Malta, Agatha Barbara.

Mintoff kien ippropona li Karmenu Mifsud Bonnici jinħatar Deputat Mexxej tal-Partit u fil-fatt dan ġie elett bħala Deputat Mexxej fid-29 ta' Mejju 1980. Fil-15 t'Ottubru, 1982 Karmenu Mifsud Bonnici inħatar Mexxej tal-Malta Labour Party wara mozzjoni minn Dom Mintoff. Huwa ġie co-opted fil-Parlament fit-2 ta' Mejju, 1983 u nħatar Ministru tal-Edukazzjoni.

Fil-Budget tal-1983 il-friża fuq il-pagi u l-prezzijiet kienu probabilment l-iktar temi diskussi u li sabu oppożizzjoni.

Il-Kwistjoni tal-Iskejjel tal-Knisja[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1984 kien hemm kontroversja oħra wara dik li nqalgħet bejn il-Knisja u l-Gvern fejn tidħol l-edukazzjoni. Il-Gvern ried li ssir reviżjoni tal-pagi tal-għalliema. Dan wassal għal bosta strajks ordnati mill-MUT (Malta Union of Teachers). Splodiet ukoll bomba ħdejn bini li kien jappartjeni lil xi qraba tal-president tal-Union.

Intant, fl-10 ta' Ottubru 1984 il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions ta' Malta ordnat strajk ġenerali bħala turija ta' simpatija lejn għalliema. Kien hemm ukoll kritika internazzjonali mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions u bosta organizzazzjonijiet u unions internazzjonali.

1984: Mintoff jirriżenja minn Prim Ministru u minn Mexxej tal-Partit[immodifika | immodifika s-sors]

Fit-22 ta' Diċembru, 1984 Mintoff irriżenja minn Prim Ministru ta' Malta u minn floku laħaq Karmenu Mifsud Bonnici.

1984-1998: Mintoff backbencher partikulari[immodifika | immodifika s-sors]

Dom Mintoff żamm is-siġġu tiegħu fil-Parlament wara r-riżenja tiegħu minn Prim Ministru u xorta baqa' attiv politikament avolja ma baqax il-mexxej tal-partit. Beda jissuġġerixxi li jsiru emendi kostituzzjonali rigward is-sistema elettorali u l-Presidenza. Mintoff issuġġerxxa li minflok Presidenza Kostituzzjonali kif inhi fil-preżent, tiddaħħal sistema simili għal dik fl-Istati Uniti u Franza, jiġifieri Presidenza Ezekuttiva. Minħabba dawn is-suġġerimenti, ħafna kienu dawk li ħasbu li Mintoff kien qed iwitti t-triq u jippjana r-ritorn tiegħu bħala President ta' Malta. Dan imma ma seħħx.

Fl-20 ta' Diċembru 1986 intlaħaq ftehim bejn iż-żewġ partiti u sar il-bdil neċessarju.

1. Malta kellha tkun newtrali u non-aligned;
2. Kull intervent barrani kellu jiġi meqjus bħala corrupt practice;
3. Ilo-Partit li jġib il-maġġornaza ta' voti fl-elezzjonijiet ġenerali kellu d-ritt li jiggverna l-pajjiż.

64 minn 65 membru vvutaw favur dawn l-emendi, b'wieħed biss jivvota kontra.

Dom Mintoff reġa' ikkontesta l-elezzjonijiet tal-1992 u tal-1996 li kellha tkun l-aħħar waħda tiegħu, u xorta baqa' jgawdi minn sostenn enormi avolja kien għadda ħafna żmien minn l-ewwel elezzjoni li kkontesta lura fl-1947. Bejn l-1996 u l-1998, Mintoff kien deputat tal-Gvern Laburista immexxi minn Alfred Sant avolja kellu iktar minn 80 sena.

Mintoff jivvota kontra l-Gvern ta' Alfred Sant[immodifika | immodifika s-sors]

Mintoff reġa' kien fl-aħbarjiet fl-1998 meta fil-Parlament ivvota kontra l-MLP fuq proġett relatat mal-iżvilupp tal-Kottonera propost mill-Prim Ministru ta' dak iż-żmien Dr. Alfred Sant. Din il-mossa min-naħa ta' Mintoff kienet daqqa ta' ħarta lill-partit fil-gvern peress li dan kellu biss maġġoranza ta' siġġu wieħed fil-Parlament. L-għada li l-Gvern kien tilef vot importanti fil-Parlament dwar il-Proġett tal-Kottonera, nhar id-9 ta' Ġunju 1998, fix-Xatt tal-Birgu, il-Prim Ministru Alfred Sant, ta konferenza tal-aħbarijiet li fiha qal li Mintoff għandu jirriżenja mill-Parlament u sejjaħlu "traditur". Din il-frażi baqgħet tikkundizzjona r-relazzjoni bejn Mintoff u Sant, tant li d-diversi attentati ta' medjazzjoni bejn it-tnejn fallew.

Wara li Sant rabat vot ta' fiduċja mal-vot fuq il-Proġett tal-KOttonera u dan m'għaddiex wara li Mintoff ivvota kontra, Sant ma kellu l-ebda triq oħra ħlief li jsejjaħ elezzjoni ġenerali prematura wara biss 22 xahar ta' tmexxija – liema elezzjoni ġiet mirbuħa mill-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Dr. Edward Fenech Adami. Mintoff ma kienx ikkontesta fl-elezzjoni tal-1998, u lanqas f'dik ta' warajha tal-2003, għalkemm ta' min jgħid li sadanittant flimkien ma' Karmenu Mifsud Bonniċi beda moviment magħruf bħala Front Maltin Inqumu (FMI) li kien involut f'kampanja sħiħa indirizzata kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.

Nhar l-20 ta' Ottubru 2009, meta mistoqsi mill-PBS fuq l-avvenimenti politiċi li kienu wasslu għall-waqgħa tal-Gvern Laburista ħdax-il seba qabel, Alfred Sant qal li dakinhar ma setax joqgħod għar-rikatt ta' Mintoff u li Mintoff kien qed jiġi 'immanipulat' - mhux finanzjarjament - mill-Partit Nazzjonalista, kif skond Sant deher ċar fil-budget tal-1997, fil-mozzjoni dwar l-UE meta sparixxa l-Libja meta kien hemm vot kruċjali. Huwa qal li f'dak li ġara fl-1998, kien hemm ħafna fatti li għadhom ma ħarġux u jikkonfermaw dak li qed isostni hu. Sant qal li ma jħossx rimors għal dak li għamel fl-1998, iżda jħoss li għamel żball f'deċiżjonijiet li ħa qabel l-1996. Mistoqsi jekk ħafirx lil Mintoff, Alfred Sant qal li din mhix kwistjoni ta' maħfra jew apoloġija għaliex il-fatti huma fatti. Qal li m'għandux iħares lura iżda jkompli miexi 'l quddiem.

Ir-Relazzjoni ta' Mintoff mal-Partit Laburista wara l-1998[immodifika | immodifika s-sors]

Għalkemm Mintoff qatt ma tkeċċa jew ġie sospiż mill-Partit Laburista, huwa qatt ma ħa sehem fl-attivitajiet tal-Partit mill-1998 sal-2009. F'Ġunju 2008, il-Partit Laburista għażel mexxej ġdid, Dr. Joseph Muscat, wara r-riżenja ta' Alfred Sant. Ġimgħa wara l-elezzjoni tiegħu, Muscat stieden lil Mintoff iżur il-Kwartieri Ġenerali tal-Partit. Nhar il-31 ta' Marzu 2009, Mintoff attenda għaċ-ċele­b­razzjonijiet tat-30 sena ta' Jum il-Ħel­sien organizzati mill-Partit Laburista fil-Birgu. Nhar il-5 ta' Dicembru, 2009, Dom Mintoff għamel żjara fiċ-Ċentru Naz­zjonali Laburista l-Ħamrun, l-ewwel darba li Mintoff daħal f'dan il-bini li ilu jservi ta' kwartieri tal-Partit Laburista sa mill-1995. Mintoff intlaqa' fiċ-Ċentru minn Muscat imbagħad kellhom laqgħa privata flimkien fl-uffiċċju ta' Dr Muscat.

Ħajja Personali[immodifika | immodifika s-sors]

Aħwa[immodifika | immodifika s-sors]

Wieħed minn ħut Mintoff huwa patri Franġiskan, Patri Dijonisju Mintoff, li qabel daħal patri kien jismu Pawlu, awtur u Fundatur tal-Laboratorju tal-Paċi.

Waħda minnu ħutu kienet soru ta' Sant’Ursola tal-Belt Valletta, Swor Bernadette, li qabel daħlet soru kien jisimha Marija Assunta. Hija mietet fl-1969.

Bin ħuh Daniel, l-Imħallef Wenzu Mintoff kien elett mal-Partit Laburista fl-1987. Huwa tkeċċa mill-Partit fl-1989 u fforma l-Alternattiva Demokratika, iżda kien reġa' lura fil-Partit Laburista fl-1999.

Martu[immodifika | immodifika s-sors]

Meta fis-snin erbgħin Mintoff kien qed jistudja l-Ingilterra, huwa ltaqa' ma' Moira de Vere Bentinck (imwielda bħalu fl-1916) barunessa ta' dixxindenza nobbli Ingliża u Olandiża u żżewwġu fl-1947. Meta Moira Mintoff mietet fis-16 ta' Diċembru 1997, il-Priministru Alfred Sant ħareġ stqarrija li fiha qal li "Bil-personalita' kwieta u soda tagħha, Moira Mintoff għamlet snin twal f'ħidma moħbija ta' filantropija waqt li tat kontribut ħiemed imma importanti lill-ħajja soċjali u politika ta' pajjiżna. Għalkemm imwielda u mrobbija fl-Ingilterra, għarfet tul ħajjitha ssir tifhem, tħobb u tkun parti sħiħa minn Malta. F'isem il-Gvern Laburista u f'ismi, nagħti l-kondoljanzi profondi lill-Perit Duminku Mintoff li miegħu għaddiet minn snin twal ta' sagrifiċċji personali li ġġib magħha l-ħidma politika, lit-tfal tagħhom Anne u Yana u lill-familjari kollha tagħhom."

Ulied[immodifika | immodifika s-sors]

Duminku u Moira Mintoff kellhom żewġ ulied bniet, Anne u Yana.

Anne, imwielda fl-1949, hija ekonomista. Fl-1971 iżżewġet lill-Amerikan Bernard McKenna u kellhom tifla Emma fl-1984.

Yana, imwielda fl-1951, kient attivista, ekonomista u edukatriċi. Illum tmexxi skola fl-Amerika, Katherine Anne Porter School, charter school f'Wimberley, Texas. Baqgħet magħrufa għal meta fl-1978, meta kellha 27 sena, kienet ġiet arrestata għax tefgħet boroż bil-ħmieġ taż-żwiemel fil-House of Commons biex tipprotesta kontra l-preżenza militari tal-Ingliżi fl-Irlanda ta' Fuq. Fl-1991 iżżewġet lill-Amerikan David Bland u kellhom żewġ ulied Ċetta Sian u Daniel Xandru. Fl-2013 ikkontestat l-elezzjonijiet ġenerali f'Malta f'isem il-Partit Laburista iżda ma kinitx eletta.

Passatempi[immodifika | immodifika s-sors]

Mintoff huwa magħruf bħala Il-Perit, u għal xi żmien kien magħruf bħala Tal-Pipa, minħabba li kien iħobb ipejjep il-pipa jew Tal-Bokkla, miħabba l-bokkla kbira biż-żiemel li kien iħobb jilbes fil-mass meetings. Dilettant taż-żwiemel, tal-boċċi, tal-qari u tal-għawm. Kellu dar Ħal-Tarxien u dar magħrufa bħala "l-Għarix" f' Delimara li kienet suġġett ta' kontroversja wara li l-Gvern Nazzjonalista ta' Fenech Adami bena l-powerstation ħames metri biss bogħod minnha fil-bidu tas-snin disgħin. Mintoff kien tella' l-Gvern il-qorti u ħa kumpens ta' EUR 864,000 jew Lm 360,000.

Rikoverat fil-Kura Intensiva tal-Isptar[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar is-16 ta' Settembru 2010 Dom Mintoff iddaħħal l-Isptar Mater Dei b'urġenza, wara li tah attakk ħafif ta' puplesija fir-residenza tiegħu f'Ħal Tarxien. Huwa kien rikoverat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, fejn il-qagħda tiegħu ġiet deskritta bħala kritika imma stabbli. Ħamest ijiem wara, il-Mexxej Laburista Joseph Muscat, wara żjara li għamillu l-isptar, ġie infurmat mill-qraba ta' Mintoff li ma kienx se jibqa' iżjed fit-Taqsima tal-Kura Intensiva imma kien se jittieħed f'sala oħra tal-Isptar Mater Dei hekk kif il-kundizzjoni tiegħu qalbet għall-aħjar. Nhar it-28 ta' Settembru, ġimgħa u nofs wara li kien daħal l-isptar, Mintoff ġie rilaxxat għal kollox mill-isptar u rritorna f'daru Ħal-Tarxien. [2]

Iżda nhar l-10 ta' Novembru 2010, Mintoff reġa' ddaħħal l-isptar fejn, wara li ngħata l-ewwel kura fid-Dipartiment tal-Emerġenza, inżamm fil-Critical Coronary Care Unit (CCCU). Skont stqarrija uffiċjali maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, mill-eżamijiet mediċi li saru rriżulta li l-Perit Mintoff kien qiegħed ibati minn kundizzjoni tal-qalb u deidratazzjoni. Kien spjegat li għalkemm il-kundizzjoni tiegħu kienet tjiebet xi ftit, hu kien għadu f'qagħda kritika. It-tim mediku li qiegħed jieħu ħsieb il-kura tal-Perit Mintoff irrakkomanda li dan jibqa' taħt osservazzjoni kontinwa. Huma enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jistrieħ.

Fi Frar 2011 reġa' ddaħħal l-Isptar Mater Dei mitluf minn sensih imma ftit wara rkup­ra tajjeb tant li reġa' beda joħroġ b'mod normali.

Nhar is-6 ta' Awwissu 2011, meta Mintoff għalaq 95 sena, il-ġurnal L-Orizzont irraporta li Mintoff "mistenni jqattal-ġurnata fid-dar tiegħu fil-kum­panija ta' wliedu u n-neputi­jiet, li jingħad se jqattgħu dan is-sajf f'Malta. Jirriżulta lil dan il-ġurnal li, minkejja l-anzja­nità, il-“Perit”, kif baqa' magħ­ruf sal-lum, għadu jżomm lilu nnifsu informat sew u matul il-ġurnata jaqra regolarment, inklużi l-gazzetti lokali. Għalkemm kellu jċedi għal wieħed mill-akbar passatempi li kellu – l-għawm – u li kien sinonimu miegħu li jippratti­kah anke fix-xhur kesħin, jir­ri­żulta li nhar il-Ħadd li għadda huwa qatta' xi ħin fiċ-Ċentru Laburista ta' Marsaxlokk jiddiskuti anke ma' dawk li nzer­taw fil-post. Ilbieraħ il-Mexxej Laburista Joseph Muscat żar ukoll lil Mintoff f'daru, fejn ilu l-aħħar xhur jirkupra sew saħħtu wara li fl-aħħar tal-2010 kien daħal għat-tieni darba fi ftit xhur għall-kura l-Isptar Mater Dei."

Nhar it-3 ta' Ottubru 2011 Mintoff iddaħħal b'emerġenza fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex f'qagħda kritika iżda aktar tard il-kundizzjoni tiegħu kienet waħda stabbli għalkemm gravi. Mintoff kien qiegħed Għawdex biex jistrieħ kif ukoll biex ikellem speċjalista.

Oratorija[immodifika | immodifika s-sors]

 Borg Olivier kull darba jgħid: 'Għax aħna l-Istat għall-poplu u mhux il-poplu għall-Istat'. Jien mhux se noqgħod nagħmel il-filosofija politika imma malajr infehemkom. Għalija l-Istat qisu s-sħab u l-poplu qisu l-għelieqi bil-ħaxix u l-baħar. Issa min huwa wieħed tal-ieħor, is-sħab tal-għelieqi jew l-għelieqi tal-isħab? Min huwa wieħed tal-ieħor, is-sħab tal-baħar jew il-baħar tal-isħab? Is-sħab isir għax hemm il-baħar, għax hemm ix-xmajjar, għax hemm l-umdità. Kif isir is-sħab? L-ilma jsir fwar, il-fwar jitla' 'l fuq, jiksaħ u jsir sħab. L-Istat jieħu mingħand kulħadd; min għandu l-aktar jeħodlu l-aktar. Hekk ukoll is-sħab; l-aktar li jieħu fwar huwa mill-baħar għax hemm isib ħafna ilma. Is-sħab ma jmurx jieħu l-fwar mid-deżert. L-ilma qisu s-sinjur. Lil dan jinġabarlu aktar għax għandu ħafna, bħall-baħar li għandu ħafna ilma.

Imbagħad hemm ix-xemx li tixbaħ il-moviment tagħna tal-ħaddiema. Ix-xemx issaħħan il-baħar, isir fwar u dan isir sħab. Ix-xemx tieħu wkoll mill-ħaxix li jkollu ħafna nida. Meta toħroġ ix-xemx, in-nida ssir fwar u l-fwar jitla' 'l fuq u jsir sħab. Imbagħad jgħaddi ż-żmien, jiġi s-sajf u s-sħana tnixxef kullimkien. Wara ftit taż-żmien ieħor jerġa' jiġi s-sħab. U s-sħab jagħmel ix-xita. U bix-xita kulħadd jieħu r-ruħ. L-Istat ikun ħareġ il-flus li jkun ġabar minn kullimkien u jqassamhom lil kulħadd. Jiġifieri l-Istat u l-poplu huma xorta waħda. Meta intom poġġejtu lilna u aħna kultant nieħdu xi ħaġa, din intom terġgħu teħduha. Aħna rridu li l-Istat ikun tal-poplu u l-poplu tal-Istat. 

Mewt[immodifika | immodifika s-sors]

Dom Mintoff miet filgħaxija fir-residenza tiegħu f’Ħal Tarxien fl-età ta’ 96 sena, erbatax -il jum wara li għalaq sninu. F’Bormla, il-belt li fiha twieled Mintoff, immedjatament kif inħarġet l-aħbar mill-ewwel saru s-sinjali tal-viżtu fosthom ċfuf suwed mal-bibien ta’ postijiet pub­­bliċi. Għal xi ħinijiet tard filgħaxija fir-residenza ta' Ħal Tarxien kien hemm ħuh, Patri Dijonisju Mintoff u diversi qraba oħra tiegħu. Quddiem ir-residenza tiegħu inġabru għadd ta’ persuni, li damu hemm għal ħinijiet twal. Fost dawn kien hemm xi wħud minnhom jgħidu r-rużarju, oħrajn jitkellmu fuq il-faqar li neħħa u oħrajn bid-dmugħ f’għajnejhom. Ir-residenza kienet qed tkun mgħassa minn żewġ Pulizija. Ftit wara li tħabbret il-mewt tal-Perit Mintoff,twaqfet il-Fundazzjoni Duminku Mintoff issa marufa Għaqda Duminku Mintoff mill-Professur Josef Grech. Is-sit soċjali Facebook kien invażat b’għadd ta’ kummenti mingħand ammiraturi tal-Perit Mintoff. L-għada l-bnadar madwar il-pajjiż ittajru mezza lasta.

Reazzjonijiet għall-aħbar ta' mewtu[immodifika | immodifika s-sors]

F’xandira straordinajra fuq l-istazzjon ONE ftit minuti wara li tħabbret il-mewt tal-Perit Mintoff, ta l-ewwel reazzjoni tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni u Mexxej Laburista Joseph Muscat. Hu ddeskriva lill-Perit Mintoff bħala “wieħed mill-ġganti l-kbar tal-istorja ta’ Malta.” Muscat, li kien għadu kif kien ġej mid-dar tal-Perit Mintoff, qal li kienu ilhom jafu x-xhur u anke snin li saħħtu kienet sejra lura. “Dan l-aħħar daħal ħafna drabi l-isptar, iżda dejjem irkupra. Però naħseb li Mintoff miet kif xtaq, f’daru, fil-paċi, imdawwar flimkien ma’ wliedu. Illum tlifna l-Perit ta’ Malta Ħielsa”. Filwaqt li ddeskriva lil Mintoff bħala wieħed mill-ġganti tal-istorja ta’ Malta, Joseph Muscat, qal li l-figura tal-eks-Mexxej Laburista forsi kienet tqajjem kontroversja. “Iżda taqbel jew taqbilx ma’ Mintoff, kulħadd jaqbel li mingħajr dan il-bniedem Malta ma kinitx tkun fejn hi llum” Muscat qal li Mintoff kien bniedem li kontra kull kurrent, poġġa lil Malta fuq il-mappa tad-dinja. Żied jgħid li “sirt naf lil Mintoff fl-1992. Imbagħad meta kont qed nagħmel it-teżi tiegħi, fid-dottorat, kelli diskussjonijiet miegħu fit-tul. Meta kont nitkellem miegħu, kont ninduna li l-imħabba tiegħu għal pajjiżu u għal ħaddiem kienet xi ħaġa bla preċedent”. Qal li l-Perit Mintoff bena monument ħaj madwaru, is-servizzi soċjali, fosthom is-saħħa u li n-nisa għandhom drittijiet daqs l-irġiel. Qal li fl-aħħar snin kien hemm żminijiet diffiċli bejn Mintoff u l-PL. “Iżda nista’ ngħid b’so­disfazzjon, li f’dawn l-aħħar erba’ snin, dan il-kapitlu ngħalaq. Għalhekk illum aħna lkoll inħossuna orfni u llum nibkuh kif jixraq.”

Dakinhar filgħaxija inħarġet stqarrija mid-Dipartiment tal-Informazzjoni li qalet li “f’isem il-Gvern u l-poplu Malti, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi jsellem il-memorja tal-eks Primn Ministru Duminku Mintoff”. Il-Prim Ministru qal li l-perit Mintoff hu personalità ewlenija fil-ħajja pubblika Maltija minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija sa tmiem is-Seklu Għoxrin. Il-ħidma kbira tiegħu immarkat profondament l-istorja riċenti ta’ pajjiżna fuq il-livelli politiċi, ekonomiċi u soċjali. L-impenn u d-determinazzjoni tiegħu wasslu għal żviluppi u bidliet profondi li jimmarkaw lil Malta u Għawdex. Wara li ta’ l-kondoljanzi tiegħu lil uliedu, il-Prim Ministru Gonzi offra u l-familja aċċettat, li l-Gvern jagħti funeral statali lill-eks Prim Ministru Mintoff.

Reazzjonijiet fil-media internazzjonali[immodifika | immodifika s-sors]

Rapporti dwar l-aħbar tal-mewt tiegħu dehru mhux biss f’ġurnali prominenti ta’ pajjiżi Ewropej, bħal La Repubblica fl-Italja, il-Financial Times u l-BBC News tal-Ingilterra, iżda saħansitra f’ġurnali influwenti Amerikani bħal New York Times u The Washington Post. Rapporti oħrajn dehru f’diversi siti popolari bħal Reuters u Yahoo News. Ir-rapporti kollha li dehru fil-midja barranija għamlu refe­renza għall-fatt li Mintoff kien politiku dominanti fix-xena politika Maltija, li ġġieled kontra l-forzi konservattivi u l-kolonjaliżmu, u li wassal biex tingħalaq il-bażi militari f’Malta fl-1979.

Ir-rapport ta’ The New York Times, jiddeskrivi lil Mintoff bħala “mexxej soċjalista li għalaq il-bażijiet tan-NATO f’Malta” u li kellu konfrontazzjoni mal-Ingliżi, iżda kellu relazzjonijiet tajbin mal-Libja u ċ-Ċina. The New York Times, tgħid li Mintoff kien jidher minn xi uħud bħala bniedem li ma tis­tax tipprevedi x’se jagħmel u misterjuż, filwaqt li għall-ammiraturi tiegħu hu meqjus bħala missier Malta moderna. Il-ġurnal Amerikan kompla jgħid li “matul il-karriera tiegħu, Mintoff iġġieled biex Malta ma tkomplix tkun sfruttata mill-barrani, terġa’ tikseb id-dinjità, filwaqt li ħadem biex Malta stabbilit rabtiet ekonomiċi u diplomatiċi, biex tikseb l-istatus tagħha bħala stat newtrali.” Min-naħa tagħha, The New York Times, tat ħarsa dettaljata lejn ħajjet Mintoff, mit-twelid tiegħu fl-1916, meta sar Prim Ministru għall-ewwel darba fl-1955, meta reġa’ ġie elett fil-po­ter fl-1971 u anke meta rreżenja minn Prim Ministru fl-1984.

Il-ġurnal ta ħarsa wkoll lejn il-kisbiet ta’ Mintoff fl-isfera internazzjonali, fosthom, meta fl-1972 reġa’ nnegozja t-trattat tad-difiża mal-Gvern Ingliż, ir-relazzjonijiet li kellu mal-Gvern Libjan u anke maċ-Ċina. Fl-artiklu ta’ The New York Times, kien hemm kumment li kien ta Mintoff lill-istess gazzetta fis-snin sebgħin, fejn kien qal “meta ħadna l-Gvern, kellna Gvernatur Ingliż, Reġina Ingliża, munita Ingliża, u l-banek tagħna mmexxijin mill-Ingliżi. Kellna wkoll il-Pulizija mmexxijin minn Kummissarju li qal fl-apert li l-lealtà tiegħu kienet lejn il-Gvern Ingliż. Dan kien tmien snin ilu. Issa Malta hi Repubblika. Inbidel kollox. M’għad fadal xejn aktar Ingliż.

The Washing­ton Post għamlet refe­renza għall-kisbiet li għamel Mintoff matul il-karriera politika tiegħu, fosthom it-twaqqif ta’ Malta Repubblika fl-1974, u l-għeluq tal-bażijiet militari f’Malta fl-1979. The Washington Post, għam­let referenza għall-konfronti li Mintoff kellu tul il-karriera politika tiegħu, fosthom mal-Ingliżi u mal-Knisja.

Dwar Mintoff, irrapportat ukoll l-aġenzija tal-aħbarijiet Ingliża BBC, fejn iddeskrivietu bħala bniedem dominanti fl-istorja politika ta’ Malta, speċjalment wara l-kisba tal-Indipendenza fl-1964. Il-BBC għamlet referenza għar-relazzjoni li Mintoff kellu mal-Gvern Ingliż, li eventwalment wasslet biex tintemm il-bażi f’Malta fl-1979. F’dan il-perjodu Malta saret Repubblika fl-1974. Ingħad li f’dan iż-żmien, Mintoff daħħal għadd ta’ servizzi soċjali li wasslu biex il-Maltin jibdew jgħixu ħajja aħjar. Fis-sit tal-BBC deher ukoll obitwarju estensiv fuq Mintoff.

Funeral[immodifika | immodifika s-sors]

Il-funeral statali tal-Perit Mintoff sar is-Sibt 25 t'Awwissu 2012 u kien wieħed mill-akbar funerali, jekk mhux l-akbar li qatt rat Malta. In-nies bdew jinġabru sa minn kmieni fit-toroq tal-Belt Valletta biex isibu post minn ta’ quddiem. Ħafna minnhom kienu bil-kamera f’idejhom. Ma naqsux ir-ritratti tal-Perit fl-idejn u l-għajjat “Mintoff, Mintoff”, “Viva s-Salvatur ta’ Malta”, “grazzi Perit ta’ dak kollu li għamilt magħna”, “grazzi Perit talli għallimtna” u “bħalek ma jkun hawn qatt”, kemm meta t-tebut kien miexi mill-Palazz sal-Kon Katidral, u anke wara l-quddiesa, fejn it-tebut mexa sal-Monument tal-Vittmi tal-Gwerra fil-Floriana.

L-aħħar vjaġġ tal-Perit Mintoff beda mill-Palazz Presidenzjali, sal-Kon Katidral ta’ San Ġwann fejn ingħata bidu għall-quddiesa kkonċelebrata mill-Arċisqof Mons Pawlu Cremona. Il-ġisem bla ħajja ta’ Mintoff kien ilu espost għall-qima tal-pubbliku sa mill-ġurnata ta’ qabel. Infatti matul il-ġurnata tal-Ġimgħa, mijiet ta’ nies, iffurmaw serbut twil li f’xi waqtiet infirex minn Misraħ San Ġorġ għal Triq ir-Repubblika, u għaldaqstant uħud minn dawk preżenti kellhom jistennew għal ċertu tul ta’ ħin sakemm miss lilhom biex daħlu jagħtu qima lill-eks-Prim Ministru u Mexxej Laburista. Għall-ħabta tal-9.40am tas-Sibt, inġabru għadd ta’ suldati quddiem il-Palazz tal-President, libsin l-uniformi bajda. Ftit tal-minuti wara, it-tebut tal-Perit Mintoff li kien imgeżwer bil-bandiera Maltija, deher ħiereġ mill-Palazz tal-President, bl-ewwel għajta tal-folla numeruża preżenti tkun “Viva l-Perit Duminku Mintoff.”

Minn hemm hekk, ‘staff sergeants’ tal-Forzi Armati li kienu mmexxijin mill-‘istaff sergeant’ Patrick Barbara, għabbew it-tebut fuq l-ispallejn, u hekk kif it-tebut kien miexi bil-mod lejn il-Kon Katidral ta’ San Ġwann, il-folla kompliet iċċapċap u tgħajjat “Mintoff, Mintoff.” Fl-istess waqt, għadd ta’ persuni preżenti bdew ifittxu post tajjeb biex ikunu jistgħu jsegwu l-quddiesa minn fuq ‘big screen’ li kien hemm barra l-Kon Katidral.

Fost il-personalitajiet distinti li attendew għall-funeral statali kien hemm il-Prim Imħallef Silvio Camilleri, membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, l-eks-Prim Ministru u Mexxej Laburista Karmenu Mifsud Bonnici, l-Ispeaker Michael Frendo, u eks-ministri Laburisti fil-Kabinett ta’ Mintoff – Vincent Moran, Joe Grima u Reno Calleja. Magħhom kien hemm preżenti wkoll Alex Sciberras Trigona u Joe Debono Grech. Kien hemm preżenti wkoll il-Presidenti Emeritus Eddie Fenech Adami u Ugo Mifsud Bonnici.

Hekk kif it-tebut tal-Perit Mintoff daħal fil-Knisja għall-ħabta tal-10.20am, il-folla nfexxet f’ċapċipa kbira u tgħajjat “Mintoff, Mintoff.” Il-qraba ta’ Mintoff, li dehru kommossi għall-aħħar bil-merħba kbira li ngħata l-Perit, poġġew fl-ewwel erba’ fillieri fuq in-naħa tal-lemin. Fuq talba li saret mill-familja stess, fejn il-qraba poġġa l-Mexxej Laburista Joseph Muscat, flimkien ma’ martu Michelle. Flimkien magħhom kien hemm persuni oħrajn li ħadmu fil-qrib ma’ Mintoff, fosthom is-segretarju personali Joe Camilleri u x-xufier tiegħu.

Omelija tal-Arċisqof[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-Omelija tiegħu, l-Arċisqof Pawlu Cremona qal li “Dwar il-Perit Duminku Mintoff nixtieq insemmi żewġ sinjali li huma marbutin ma’ ħajtu. L-ewwel sinjal huwa l-interpretazzjoni tal-kmand ta’ Ġesù, li nħobbu lill-proxxmu tagħna, l-aktar lill-fqar, li għaqqadha mal-ħajja politika tiegħu. It-tieni sinjal huwa l-imħabba tiegħu lejn art twelidu.” Fost is-silenzju perfett ta’ dawk preżenti, l-Arċisqof beda biex jgħid li “f’dawn il-ġranet il-gazzetti kienu mimlija bl-istess aħbar, il-mewt tal-Perit Duminku Mintoff. Bir-raġun li jiġri hekk, għax dan il-bniedem għal aktar minn 50 sena, kien protagonist ewlieni fix-xena politika Maltija. Min jaf kemm għad irid jinkiteb aktar dwar ħajtu u dwar il-kisbiet tiegħu.” L-Arċisqof kompla jgħid li madankollu, fil-Knisja, l-aspett tal-bniedem jittieħed minn perspettiva oħra, dik tal-eternità u l-ħajja ta’ dejjem. Qal li meta bniedem imut, ir-relazzjoni tiegħu magħna ssir fi Kristu. “Dan huwa mument meta l-ħajja fuq din l-art tispiċċa u mbagħad inħallu f’idejn Alla, li huwa biss jagħmel il-ġudizzju,” kompla jgħid l-Arċisqof Cremona.

Għaldaqstant, l-Arċisqof saħaq li Omelija ta’ funeral qatt m’għandha tkun eloġju ta’ persuna għax, minn issa ‘l quddiem, dik il-ħajja qiegħda f’idejn il-Mulej. Madankollu, l-Arċisqof Mons Pawlu Cremona tenna li jixtieq jagħmel referenza għal żewġ sinjali li huma marbutin mal-ħajja tal-Perit Duminku Mintoff.

“L-ewwel sinjal huwa, li l-interpretazzjoni tal-kmand ta’ Ġesù, li nħobbu lill-prox-xmu tagħna, l-aktar lill-fqar, Mintoff għaqqadha mal-ħajja politika tiegħu. Għalkemm mhux kulħadd jista’ jaqbel mal-metodi tiegħu, ħadd ma jista jinnega li għal Mintoff din kienet il-missjoni tiegħu. B’hekk ġab kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema u għall-fqir,” kompla jgħid l-Arċisqof Mons Pawlu Cremona.

Imbagħad, l-Arċisqof Cremona semma t-tieni sinjal, l-imħabba li l-Perit Duminku Mintoff kellu lejn art twelidu. Qal li din ġagħlitu biex meta jkun f’diskussjonijiet ma’ pajjiżi ferm akbar minnha, Mintoff jiġġieled għall-aħjar ġid ta’ pajjiżna. L-Arċisqof kompla jgħid “li hija virtù li tħobb lil pajjiżek, għax dik hija espressjoni ta’ mħabba lejn iċ-ċittadini tal-pajjiż. Il-Perit Mintoff tkellem ma’ pajjiżi ħafna ikbar minna biex nakkwistaw l-aħjar kundizzjonijiet possibbli. “Dawn huma l-virtujiet fost l-aktar li jispikkaw fil-Perit Mintoff. Aħna nemmnu li dawn huma wkoll virtujiet quddiem Alla.”

“Illum wasal il-mument li ninfirdu minn miegħu… il-Mulej jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem,” temm jgħid l-Arċisqof, filwaqt li s-silenzju tal-folla, li semgħet b’attenzjoni, inkiser b’ċapċipa kbira.

Messaġġ mill-Papa[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-aħħar tal-quddiesa, nqara messaġġ ta’ kondoljanzi li ntbagħat lill-President ta’ Malta mill-Papa Benedittu XVI. Fil-messaġġ, li kien iffirmat mis-Segretarju tal-Istat, il-Kardinal Tarcisio Bertone, il-Papa ta l-kondoljanzi għall-mewt ta’ Mintoff, filwaqt li qal li se jaħseb fih fit-talb tiegħu. Hekk kif inqara dan il-messaġġ tal-Papa, il-folla preżenti fil-Kon Katidral u anke barra, infexxew f’ċapċipa kbira.

Ma naqasx l-għajjat “Mintoff, Mintoff” anke fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann, kemm x’ħin it-tebut kien dieħel u anke x’ħin kien ħiereġ wara li ntemmet il-quddiesa. Iżda fuq kollox, l-aktar ħaġa li spikkat kienet l-emozzjoni tan-nies, li ħafna minnhom hekk kif raw it-tebut jinġarr mis-suldati nfexxew jibku. Wara li l-folla kantat l-Innu Malti b’mod spontanju quddiem il-Kon Katidral, u t-tebut beda miexi, il-maġġoranza kbira ta’ nies baqgħu isegwuh bil-pass sal-monument. Ħafna minn dawk preżenti, speċjalment l-anzjani, filwaqt li kienu qegħdin jagħtuh l-aħħar tislima bdew jirrakkontaw bejniethom stejjer dwar il-Perit b’sens kbir ta’ nostalġija, u waqt li jagħmlu dan bdew iħarsu lejn ir-ritratt tiegħu li ġarrew magħhom. Kollox wasal fi tmiemu hekk kif it-tebut tal-Perit tgħabba fil-‘hearse’, fejn minn hemm hekk tkompla b’mod privat, b’ħafna minn dawk preżenti jinstemgħu jgħidu, “saħħa Perit... itlob għalina.”

Fit-22 ta’ Diċembru, 2012 quddiem il-parlament kien imniedi il-ktieb bijografija “Duminku Mintoff u Malta fi żmienu”, fejn dik il-ġurnata kienet timarka it-28 sena mit-tmiem tal-Perit Duminku Mintoff mill-kariga ta’ Prim Ministru ta’ Malta u Kap tal-Partit Laburista, issa wara stennija kbira, il-ktieb jinstab fil-ħwienet ewlenin f’Malta u Għawdex]]. Dan il-ktieb li fih 1,024 paġna, fih ukoll numru kbir ta’ ritratti u karikaturi u għandu l-firma tal-Perit Duminku Mintoff tad-deheb fil-faċċata tiegħu.

L-Erbgħa 6 ta' Marzu, 2013 Yana Bland Mintoff tirċievi l-Ktieb Bijografija Duminku Mintoff u Malta fi Żmienu mill-awtur il-Professur Josef Grech.

Fl-Okkażjoni tad-39 anniversarju tal-festa ta’ Jum ir-Repubblika l-Għaqda Duminku Mintoff nediet l-ewwel mafkar f'Malta bl-isem Duminku Mintoff il-perit ta’ Malta Repubblika li sar mill-iskultur Sergio Gauci. Il-mafkar huwa magħmul minn blokka tal-franka. Kien f’April, 2013 meta Josef Grech f'isem l-Għaqda Duminku Mintoff beda jitkellem mal-iskultur biex jitfasslu d-disinji meta fil-11 ta’ Mejju, 2013 ġie mniedi d-disinn quddiem l-istess dar fejn sar il-mafkar. L-iskultur Sergio Gauci ħadem fuq il-post stess dan ix-xogħol kollu tal-mafkar. Ix-xogħol beda f’Awwissu, 2013 u tlesta f’Diċembru, 2013. Bint il-Perit Mintoff, Yana Mintoff Bland, qalet lil l-orizzont li l-familja apprezzaw ħafna dan il-ġest li juri r-rispett u l-ammirazzjoni li kellu mis­sier­ha.

Titli u Rikonoxximenti[immodifika | immodifika s-sors]

  • Fl-1971 ġie mogħti l-Ordni tar-Repubblika mil-Libja.
  • Fl-1972 it-Tuniżija tagħtu l-Grand Cordon de l'Ordre de la République.
  • Fl-1976 ġie onorat bid-Dottorat Honoris Causa mill-Università tal-Istudji Politiċi, Ponterios il-Greċja.
  • Fl-1978 il-Marokk iddekorah bl-Ordni tal-Gran Cordon of Oissam Alaouite.
  • Fl-2008 il-Mexxej Libjan Muammar Gaddafi onora lil Dom Mintoff, bil-Premju Internazzjonali Al-Gaddafi għad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-premju, li jammonta għal $250,000, kien preżentat waqt ċerimonja li għaliha Mintoff ma setax jattendi minħabba saħħtu. Il-premju ngħata lil Mintoff għall-irwol storiku tiegħu fil-kisba tal-Indipendenza, il-ġustizzja soċjali, in-newtralità u l-koperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar. Il-premju twaqqaf minn Gaddafi fl-1989 u ngħata l-ewwel darba lil Nelson Mandela. Il-premju jingħata lill-personalitajiet internazzjonali, korpi u organizazzjonijiet li jkunu ddistingwew lilhom infushom fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem jew ikun taw kontribut ta' servizz uman. Fost ir-rebbieħa fil-passat kien hemm l-indiġeni Amerikani fl-1991 u Fidel Castro fl-1998. Fl-2003 il-premju ngħata lill-Papa Sheneuda III li jmexxi l-Knisja Ortodossa Koptika f'Lixandra u fl-2004 lil Hugo Chavez, il-President tal-Veneżwela.

Paġni Relatati[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

Ħoloq Esterni[immodifika | immodifika s-sors]

Predeċessur
Segretarju Ġenerali tal-PL
1935–1937

Suċċessur

Predeċessur
Ministru tar-Rikostruzzjoni
1947–1949

Suċċessur

Predeċessur
Pawlu Boffa
Mexxej tal-Partit Laburista
1949–1984

Suċċessur
Karmenu Mifsud Bonnici

Predeċessur
Ġorġ Borg Olivier
Prim Ministru
1955–1958

Suċċessur
Ġorġ Borg Olivier

Predeċessur
Ġorġ Borg Olivier
Prim Ministru
1971–1984

Suċċessur
Karmenu Mifsud Bonnici