Ġużè Ellul Mercer
Ġużè Ellul Mercer | |||||
---|---|---|---|---|---|
| |||||
Ħajja | |||||
Twelid | Imsida (en) , 22 Marzu 1897 | ||||
Nazzjonalità | Kolonja ta' Malta | ||||
Mewt | Tas-Sliema, 22 Settembru 1961 | ||||
Post tad-dfin | Ċimiterju tal-Addolorata | ||||
Edukazzjoni | |||||
Lingwi | Malti | ||||
Okkupazzjoni | |||||
Okkupazzjoni |
politiku ġurnalist kittieb |
Ġużè Ellul Mercer (twieled fit-22 ta' Marzu 1897 – miet fit-22 ta' Settembru 1961) kien kittieb, ġurnalist u politiku Malti. Hu serva bħala Viċi-Prim Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.
Tfulija
[immodifika | immodifika s-sors]Ġużè Ellul Mercer, bin Salvu Ellul u Jane mwielda Mercer, twieled l-Imsida. Kien il-kbir fost tnax-il aħwa. Zijuh Anthony (ħu ommu) kellu sehem fit-twaqqif tal-Boy Scouts f'Malta fi żmien Baden-Powell.
In-nannu matern ta' Ġużè Ellul Mercer kien Skoċċiż u ġie Malta bħala perit u inġinier ċivili biex jiddisinja baċir ġdid għat-tarzna. F'Malta ltaqa' man-nanna ta' Ellul Mercer, iżżewġu u kellhom tifla li semmewha Jane. In-nannu ta' Ġużè Ellul Mercer kien Protestant iżda qabel miet sar Kattoliku.
Jane Mercer, omm Ġużè, li kienu jsejħulha "Jinny" jew "Ġanna", kienet tifla waħedha. Kienet mara brava ħafna u għallmet lit-tfal b'mod li dawn żviluppaw it-talenti tagħhom, min f'qasam u min f'ieħor.
In-nanniet paterni ta' Ġużè Ellul Mercer kienu negozjanti u kienu jipproduċu l-mastka. Kellhom ħanut fi Strada Merkanti, il-Belt Valletta. Omm u Missier Ġużè saru ukoll negozjanti tax-xorb.
Wieħed minn ħut Ġużè daħal Patri Franġiskan, Patri Beneditt li kien missjunarju u mar il-Gwatemala u l-Honduras. Huwa kien ġie lura Malta wara l-mewt ta' ħuh Ġużè.
Ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola elementari tal-Gżira, fil-Kulleġġ Flores u l-Liċeo.
Skrivan mal-Gvern
[immodifika | immodifika s-sors]Waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija, beda jaħdem bħala skrivan mal-Gvern, fejn anke laħaq il-grad ta' Chief Clerk, u baqa' f'dak ix-xogħol sal-1950.
Politika
[immodifika | immodifika s-sors]Ġużè Ellul Mercer kien ilu midħla tal-politika sa mill-1919 qabel it-twaqqif tal-Partit Laburista. Fl-1924 daħal fil-Kumitat tal-Każin Laburista tal-Imsida. Fl-1928 inħatar assistent editur tal-ġurnal Laburista Il Cotra, u fl-1930 sar editur.
Fl-1928, kiteb sensiela ta' buzzetti bl-isem Il-Ħrejjef ta' Barraminau f'Il-Ħmar, kitba li ġiet ikkundannata mill-awtoritajiet tal-Knisja. Il-Pulizija tellgħet il-Qorti lid-Direttur, C. Satariano, kif ukoll lill-Editur Proprjetarju, Ġużeppi Arena. Huma kienu ammoniti iżda appellaw u rebħu l-każ.
Ellul Mercer kien ibati b'qalbu u fl-24 ta' April 1929, kiteb lis-segretarju ġenerali tal-Partit Laburista biex jagħti r-riżenja tiegħu mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit: "Nitolbok tgħarraf lill-bqija ta' sħabi tal-Eżekuttiv tal-Partit tal-ħaddiema li wisq nixtieq illi minn issa 'l quddiem ma jgħoddunix aktar bħala wieħed minnhom. Naħseb li temminni jekk ngħidlek illi dana miniex qiegħed nagħmlu bil-qalb iżda, mill-banda l-oħra, inħossni fid-dmir illi għandi nagħmlu għall-ġid tal-Partit meta, mhux talli miniex qiegħed inħabrek biex naqdi dmiri bħala Assistent Direttur ta' ‘Il Cotra' iżda talli qiegħed nonqos bis-sħiħ mil-laqgħat wisq meħtieġa tal-Eżekuttiv. Nistħajjlek tgħidli: ‘kien imissek ilek li ħsibtha u rajt x'ser tagħmel. Tassew, iżda dan ma għamiltux qabel għax bqajt nittama minn jum għal ieħor illi 'l quddiem inkun nista' naqdi dmiri aħjar, u minflok dan sibt illi aktar qiegħed niżdinga. Ma rridekx taħseb illi qiegħed nitlobkom sabiex ma tqisunix aktar bħala wieħed minnkom, għal xi raġuni oħra għajr dik illi tmiss lili biss. – J'Alla l-Partit jibqa' dejjem qawwi kif kien s'issa, u j'Alla l-mexxejja tiegħu jibqgħu dejjem jaqdu dmirhom kif qdejtuh intom sal-lum. Iżda jkun wisq aħjar għall-Partit jekk loki jiġi mimli minn ieħor illi jkun jista' jaqdi dmiru kif jixraq u aħjar milli qdejtu jien minn issa lura. Mill-bqija, għad illi barra mill-Eżekuttiv, nitlobkom sabiex tibqgħu tqisuni bħala wieħed minn sħabkom tal-Partit tal-Ħaddiema".
Iżda Ellul Mercer kompla l-ħidma tiegħu fil-Partit Laburista u fl-1931 kien President tal-Każin Laburista tal-Imsida.
Wara l-Gwerra
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1945 huwa ta sehem kbir fl-abbozz tal-Kostituzzjoni l-ġdida tal-1947. Ellul Mercer kien wieħed mill-kelliema prinċipali tal-Labour Front, jiġifieri l-General Workers' Union u l-Partit Laburista. Il-kelliema prinċipali l-oħra kienu Pawlu Boffa, Reġġie Miller, Mosè Gatt, Indri Cilia, Leli Tabone, Nestu Laiviera u Turu Colombo. Ellul Mercer ġie elett fil-Kumitat ta' Ħidma kif ukoll fil-Kumitat Finanzjarju. L-Assemblea Nazzjonali ltaqgħet għall-aħħar darba fis-7 ta' Marzu 1947. Bis-saħħa tiegħu u ta' oħrajn saru kisbiet kbar għall-Maltin, fosthom li Malta ngħatat lura s-Self-Government fil-5 ta' Settembru 1947, l-irġiel u n-nisa li għalqu 21 sena setgħu jivvutaw u kull elettur seta' jkollu vot wieħed biss għall-elezzjoni tal-Assemblea Leġislattiva.
Fl-1947 il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjonijiet imma sentejn wara l-Partit inqasam bejn dawk li baqgħu mal-Mexxej Pawlu Boffa u dawk li marru mal-Perit Dom Mintoff. Ellul Mercer żamm mal-Perit Mintoff, minkejja li kien ħadem mill-qrib mat-Tabib Boffa li kien ilu jmexxi l-Partit Laburista sa mill-1928. Huwa mexa ma' dak li kienet iddeċidiet il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista li neħħiet lil Boffa minn Mexxej tal-Partit Laburista.
Fl-1950 ikkontesta l-elezzjonijiet ġenerali u ma telax. F'dik l-elezzjoni, minkejja li bejniethom il-Partit Laburista (ta' Mintoff) u l-Malta Workers Party (ta' Boffa) ġabu aktar voti u aktar siġġijiet mill-Partit Nazzjonalista, kien dan tal-aħħar li eventwalment ifforma Gvern ta' minoranza għaliex baqa' ma ntlaħaqx ftehim bejn iż-żewġ partiti politiċi tax-xellug.
Il-Kap Nazzjonalista Nerik Mizzi miet fl-20 ta' Diċembru 1950 u floku laħaq Prim Ministru, Dr Giorgio Borg Olivier, iżda dan kien Gvern ta' minoranza li kellu ħajja qasira tant li f'Mejju 1951 saret elezzjoni ġenerali oħra. Ellul Mercer tela' f'dik l-elezzjoni u fit-tnejn ta' wara: 1951, 1953 u 1955. Huwa dejjem ikkontesta fuq il-ħames distrett elettorali li kien magħmul mill-Gżira, l-Imsida, Tas-Sliema u San Ġiljan.
Fl-1952, Ellul Mercer ħa sehem attiv f'inizjattiva tal-Għaqda Żgħażagħ Laburisti, li bdiet torganizza s-Sunday Schools fil-Kumitat Lokali Laburista ta' Wied il-Għajn, b'lekċers u seminars fi tmiem il-ġimgħa. Kienu jiġu mistiedna l-aqwa kelliema bħal Duminku Mintoff, Patri Wistin Born, Leli Tabone u Ġużè Ellul Mercer.
Il-Gvern ta' Koalizzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Malta Workers' Party ma damx wisq u f'Diċembru 1953 kellha ssir elezzjoni ġenerali oħra. Din id-darba l-Partit Laburista ġab siġġu aktar mill-Partit Nazzjonalista, iżda l-Malta Workers' Party, bit-tliet siġġijiet biss li kien kiseb fl-Assemblea Leġiżlattiva, qaleb il-bilanċ favur in-Nazzjonalisti billi reġa' fforma Gvern ta' Koalizzjoni magħhom. Kellu jkun il-Ministru John J. Cole li jwaqqa' l-Gvern ta' Koalizzjoni u, għalhekk, saret elezzjoni ġenerali oħra fi Frar 1955 li ntrebħet mill-Partit Laburista mmexxi mill-Perit Mintoff.
Ministru u Viċi Prim Ministru
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1955, Dom Mintoff ħatar lil Ellul Mercer Ministru tax-Xogħol u Rikostruzzjoni u nhar id-9 ta' Marzu 1955 inħatar Deputat Mexxej tal-Partit wara r-riżenja ta' Ġużè Flores li laħaq Speaker tal-Assemblea Leġislattiva. Fl-elezzjoni għal Deputat Mexxej, E.C. Tabone kien ġab 93 vot u Ellul Mercer ġab 217-il vot.
Lejlet l-Ewwel tas-Sena 1956, Ellul Mercer, bħala Aġent Prim Ministru, xandar f'isem il-Prim Ministru, Messaġġ ta' Lejlet L-Ewwel tas-Sena lill-Poplu Malti. Ellul Mercer qal li l-poplu Malti seta' jħares lura u 'l quddiem b'sodisfazzjon. Fost affarijiet oħra huwa qal li l-poplu kien temm l-ewwel fażi, dik l-aktar iebsa, tar-riorganizzazzjoni tal-ħajja soċjali u ekonomika ta' Malta. Dan kien ifisser li l-massa tal-poplu jaslulhom l-għerf, is-sigurtà u kundizzjonijiet ta' ħajja aħjar.
Għall-ewwel darba fl-istorja ta' Malta t-tfal kollha kienu qed jirċievu edukazzjoni "full time." Il-piż fuq l-aktar ġenituri li kienu daharhom mal-ħajt ħfief billi l-iskola saret b'xejn kif ukoll il-ħalib u l-kotba. Fl-aħħar ingħata bidu biex tiġi stabbilita l-edukazzjoni teknika u t-taħriġ tal-adulti. Numru ta' dawk l-istudenti li kienu l-aktar bravi flimkien mal-għalliema tagħhom, kif ukoll tekniċi oħra, u ħaddiema professjonali kienu se jintbagħtu l-Ingilterra biex jirċievu l-iktar taħriġ avvanzat li kien jeżisti dak iż-żmien.
Ellul Mercer semma wkoll li kien hemm pjanijiet fi stat avvanzat għat-titjib tal-Port il-Kbir, xi ħaġa li tant kienet importanti għall-progress industrijali. Kien hemm ukoll pjanijiet biex Malta jkollha biżżejjed ilma frisk u b'togħma tajba. It-tħawwil tas-siġar kien se jkollu effett tajjeb fuq it-turiżmu.
Fl-aħħar parti tad-diskors tiegħu, Ellul Mercer irrefera għall-proposta tal-Integrazzjoni ("Integration") ta' Malta mal-Ingilterra. Il-kliem tiegħu juri ċertu ottimiżmu fejn jidħlu r-relazzjonijiet ta' Malta mal-Ingilterra.
Fiż-żmien li dam Ministru, jiġifieri bejn Marzu 1955 u April 1958, Ellul Mercer wettaq diversi proġetti, fosthom dak ta' Portes Des Bombes, il-Playing Field u r-Roundabout tal-Imsida u, l-proġett ta' bini u estensjoni ta' skejjel. Sa Marzu 1957 diġà kienu nbnew 18-il skola ġdida u saru estensjonijiet f'ħafna skejjel oħra. Fl-1957, kien se jibda x-xogħol fuq 11-il skola oħra, kienet se ssir estensjoni tal-iskola f'Ħaż-Żebbuġ u tinbeda skola sekondarja għall-bniet fil-Blata l-Bajda. Ix-xogħol ta' bini u estensjoni tal-iskejjel kien kollu kemm hu fdat f'idejn il-Ministeru tax-Xogħlijiet u Rikostruzzjoni mmexxi minn Ġużè Ellul Mercer.
Dan kien parti mir-riforma kbira li wettaq il-Gvern Laburista fl-edukazzjoni bejn l-1955 u l-1958. Permezz ta' din ir-riforma, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni beda joffri edukazzjoni "full-time" lit-tfal tal-iskola kollha f'qasir żmien. F'Marzu 1955, kien hemm 905 klassijiet fuq is-sistema "full-time", 636 kienu fuq is-sistema tan-nofstanhar, filwaqt li 155 kienu fuq is-sistema ta' 24 siegħa fil-ġimgħa. Sa Settembru 1955, il-klassijiet kollha kienu qed jaħdmu bis-sistema ta' ġurnata sħiħa ta' tagħlim. Il-Gvern Laburista daħħal jaħdmu 560 "Emergency Teacher", bena 138 klassi, kera 239 kamra u saħansitra għamel użu mill-kurituri bħala klassijiet. Il-Gvern ipprovda wkoll l-għamara meħtieġa u materjal ieħor fl-iskejjel għal dan il-għan. Dan kollu minbarra l-fatt li issa t-tfal tal-iskola kienu se jingħataw kotba, pitazzi u ħalib b'xejn, kien se jkun hemm is-superviżjoni fil-brejk ta' nofs il-ġurnata, u kienu se jkunu organizzati kampijiet tas-sajf ("summer camps") u ħarġiet fl-istess staġun.
Fl-1929 Ellul Mercer kiteb għaliex daħal fil-politika u fil-Partit Laburista:
“ Il-politika ftit togħġobni. Insibha logħba daqsxejn maħmuġa u x'aktarx imgerfxa, iżda b'dankollu jkolli naqbel u ngħid li hi meħtieġa... Lanqas ma jien fil-Partit tal-Ħaddiema għax għandi xi tama li dan il-partit se jsewwi d-dinja pitgħada jew sejjer ibiddel il-ġimgħa d-dieħla d-drawwiet il-ħżiena tiegħi u ta' ħuti l-bnedmin u jaqlgħalna snienna biex ma nigdmux lil xulxin, kif għadna sal-lum kull darba li niltaqgħu, jew li nħarsu lejn xulxin... Jien qiegħed fil-Partit tal-Ħaddiema għax dan il-partit mhux mibni fuq is-sisien dgħajfin tal-ħila ta' min qiegħed imexxih, iżda fuq l-itjeb twemmin – għallinqas fil-fehma tiegħi, hux hekk? – jiġifieri fuq it-twemmin li kull min twieled bniedem, għandu jgħix ta' bniedem, kull min twieled jeħtieġ li jitgħallem ta' bniedem, jaħdem ta' bniedem u jiekol ta' bniedem, tant jekk twieled bin il-għana, kemm jekk twieled bin il-faqar... Il-mexxejja ta' ħila politika jiġu u jmorru, jgħaddu u jintnesew, u flokhom jiġu oħrajn, iżda l-prinċipji, il-pedamenti sodi li fuqhom huwa mibni l-Partit tal-Ħaddiema, ma jitbiddlux. ”
Awtur
[immodifika | immodifika s-sors]Ellul Mercer kien jara fil-kitba mezz kif jeduka lill-poplu Malti. Fil-kitba tiegħu bl-isem ta' "Tagħlim" f'Il Cotra tas-17 ta' April 1930, jgħid hekk: "Jekk wieħed jitgħallem u jinzerta minn dawk li ma jkunux iridu jisservew bit-tagħlim biex iqarrqu bil-kotra li ma taf xejn, isib ruħu mfixkel meta jiġi biex jitħaddet mal-kotra għaliex din ma tifhmux. Mhux hekk biss imma, waqtiet il-kotra bla tagħlim temmen lil min iqarraq biha u ma temminx lill-ħaddiem bħalha li jkun tgħallem."
Il-problema tan-nuqqas ta' edukazzjoni fost ħafna Maltin kienet tinħass anke fost l-emigranti Maltin. Fil-kitba tiegħu "Awake Malta" f'Il Cotra tat-2 ta' Ottubru 1930, Ellul Mercer jistqarr li: "Inħarsu ftit lejn l-imsejkna ħaddiema illi nibgħatu f'ċerti pajjiżi evoluti filwaqt li ma jafux jitħaddtu bl-Ilsien Malti, waqt li jridu jilbsu ż-żarbun l-ewwel darba, jekk jilbsuh, meta jirfsu f'dawn l-artijiet tad-dawl. Liema hija l-impressjoni li jagħmlu lill-awtoritajiet ta' dawk il-pajjiżi dawn l-imsejkna Maltin li, imħollijin għal tal-apposta fl-injoranza, marru jaqilgħu ħobżhom, rashom mimlija bil-fanatiżmu u bl-idealiżmu illi jdaħħak lill-ġebel? Liema hija l-impressjoni illi jagħtu lill-mexxejja ta' dawn l-artijiet, dawn in-nies li għadhom jemmnu u jibżgħu mill-fatati fil-ħin illi rashom mimlija mill-parassiti ta' pajjiżhom li huma għandhom ċivilizzazzjoni li tgħaġġeb lid-dinja? Il-għaliex allura, ma nwarrbux għal kollox minn quddiem għajnejna l-kwistjonijiet ta' partiti politiċi u ngħallmu bis-serjeta' kollha lill-ħaddiem Malti? B'hekk biss meta jmur jikkonkorri mal-ħaddiema ħutu ta' pajjiżi oħra ma jgħodduhx ta' bhima u ta' selvaġġ".
Ġużè Ellul Mercer beda l-karriera letterarja tiegħu fl-1927 meta beda jikteb novelli satiriċi f'Il-Ħmar u f'Il-Ħmara. Iktar tard beda jikteb regolarment f'The Knight, rivista mensili Laburista, li fiha kiteb djarju ta' żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Kiteb ukoll mijiet ta' artikli għal Il Cotra u ġurnali u rivisti oħra. Fost ix-xogħlijiet tiegħu nsibu:
- La Toqtolx (1927)
- Siltiet mir-Rivoluzzjoni Franċiża ta' Carlyle (1928)
- Ħrejjef ta' mingħul (1929)
- Għall-Imħabba (1938)
- Leli ta' Ħaż-Żgħir (1938) rumanz psikoloġiku, l-ewwel wieħed tal-ġeneru tiegħu fil-Letteratura Maltija, kapulavur letterarju ta' Ellul Mercer. Fih l-awtur iħares lejn l-injoranza bħala dik li twassal għall-isfruttament. Biex wieħed jevita dan, kellu jiftaħ moħħu. Il-karattru prinċipali tal-ktieb, Leli, jispiċċa dejjem aktar soċjalment maqtugħ iktar ma jiftaħ moħħu għax f'Ħaż-Żgħir il-ħajja kienet tibqa' sejra mingħajr ma wieħed jieqaf biex jaħseb u jirrifletti. Fid-dlam intellettwali ta' Ħaż-Żgħir, in-nies ma tifhimx lil Leli u tgħaddih ta' wieħed miġnun. Dan ix-xogħol ta' Ellul Mercer huwa kritika qawwija tal-istat tal-biki li kienet fih is-soċjetà Maltija fis-snin ta' qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Kienet teżisti kriżi soċjali li żviluppat f'waħda psikoloġika, spiritwali u reliġjuża.
- Taħt in-Nar (1949), djarju tal-Gwerra
- Għadd ta' Stejjer Qosra (1929-1952)
- Naħal u Friefet (1949) (1957), antoloġija f'żewġ partijiet
- Il-Martirju ta' Poplu (1982) ġabra ta' xogħlijiet tiegħu ppubblikati wara mewtu
Ħajja Personali
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1921 iżżewweġ lil Maria Teresa imwielda Brockdorff, bint Federiku, stampatur mill-Imsida. It-tieġ sar it-Tlieta 26 ta' Lulju 1921. Marru joqogħdu f'Numru 40, Ta' Xbiex Wharf, l-Imsida. Ġużè u Maria Teresa ma kellhomx ulied.
Fil-11 ta' Jannar 1953, martu mietet wara marda qalila, fid-dar, Numru 55, Triq il-Katidral, Tas-Sliema fejn kienu marru joqogħdu. Kellha biss 55 sena meta mietet. Fl-1951 kienet mietet ukoll omm Ellul Mercer. It-telfa ta' martu kellha effett negattiv kbir fuq Ġużè Ellul Mercer li kultant kien jgħaddi minn żmien ta' dwejjaq kbar. Fl-aħħar snin ta' ħajtu, Ellul Mercer kien jixrob u dan kien fattur li wassal għall-mewt tiegħu.
Ellul Mercer kien dilettant kbir tal-kaċċa. Minkejja t-Tieni Gwerra Dinjija, xorta waħda sab il-ħin għal dan id-delizzju, kif kiteb fid-djarju għall-Ħadd it-3 ta' Novembru 1940: "Sa minn tfuliti n-namra tiegħi kienet minn dejjem il-kaċċa. U għalhekk bħal daż-żmien, ikun xi jkun, malli jsiru l-erbgħa ta' filgħodu, inħoss xi jqajjimni u, kemm fir-rqad kif ukoll xħin nistenbaħ, erħili noħlom il-ħolm ħelu tal-kaċċaturi bħali. Jumejn ilu, nhar il-Qaddisin Kollha, fil-ħamsa u nofs ta' filgħodu, ħriġt bis-senter u rħejtilha għal Wied Għollieqa li jiġi biswit il-Gżira, taħt l-Isptar tal-‘Blue Sisters'. F'ħin minnhom dħalt f'għorfa, f'qiegħ il-wied, fejn kienu għammru xi nies mill-Gżira fl-ewwel jiem tal-gwerra. Meta telquha, dawn kienu ħallew warajhom ħwejjeġ qodma, xkejjer, tiben, żarbuna tat-tfal u oħra ta' mara u kuċiniera mkissra."
Mewt
[immodifika | immodifika s-sors]Ġużè Ellul Mercer miet Tas-Sliema nhar it-22 ta' Settembru 1961, fl-età ta' 64 sena, fi żmien il-Kwistjoni Politiko-Reliġjuża u billi kien interdett mill-Knisja għax kien membru tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista huwa ndifen fil-parti mhux ikkonsagrata taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, imsejħa l-Miżbla. Fl-1986, kien inkixef monument tiegħu f'Ħad-Dingli, xogħol l-iskultur Anton Agius.