Alfred Sant

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Alfred Sant
Membru tal-Parlament Ewropew

2 Lulju 2019 -
District: Malta
Election: Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019
Membru tal-Parlament Ewropew

1 Lulju 2014 - 1 Lulju 2019
District: Malta
Election: Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2014
Membru tal-Kamra tad-Deputati ta' Malta

10 Mejju 2008 - 7 Jannar 2013
Membru tal-Kamra tad-Deputati ta' Malta

24 Mejju 2003 - 4 Frar 2008
Membru tal-Kamra tad-Deputati ta' Malta

24 Ottubru 1998 - 10 Marzu 2003
Membru tal-Kamra tad-Deputati ta' Malta

5 Diċembru 1996 - 3 Awwissu 1998
11. Prim Ministru ta' Malta

28 Ottubru 1996 - 6 Settembru 1998
Eddie Fenech Adami - Eddie Fenech Adami
Membru tal-Kamra tad-Deputati ta' Malta

4 April 1992 - 23 Settembru 1996
Membru tal-Kamra tad-Deputati ta' Malta

9 Diċembru 1987 - 20 Jannar 1992
Ħajja
Twelid Tal-Pietà, 28 Frar 1948 (76 sena)
Nazzjonalità Malta
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Boston
Questrom School of Business (en) Translate
École nationale d'administration (en) Translate
Università ta' Harvard
Harvard Business School (en) Translate
Lingwi Malti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
kittieb
Post tax-xogħol Strasburgu
Brussell
Premjijiet

Alfred Sant (Sliema, 28 ta' Frar, 1948) huwa politiku, ekonomista, awtur, u kien Prim Ministru ta' Malta bejn l-1996 u l-1998. Huwa kap tad-delegazzjoni tal-ewroparlamentari Laburisti Maltin fil-Parlament Ewropew. Fl-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014 huwa kien l-iktar kandidat li ġab voti, 48,730 vot, it-tieni l-aktar li ġab voti fl-istorja tal-elezzjonijiet Ewropej kollha.

Bin Joseph u Josephine, imwielda Mizzi, Alfred Sant twieled Tas-Sliema nhar it-28 ta' Frar 1948.

 Meta 16-il sena ilu ħadt l-ewwel ġurament tiegħi bħala Kap tal-Oppożizzjoni quddiem il-President... Ċensu Tabone, kont stqarrejt li kien ħażin li f’pajjiżna taħt gvern ta’ naħa waħda, nofs il-poplu… tan-naħa l-oħra… dejjem iħossu eskluż mill-ħajja pubblika. Għedt li kien importanti li pajjiżna jagħti lil kulħadd is-sentiment li dan hu tassew pajjiżu, pajjiżha. Bejn l-1996 u l-1998, għamilna sforzi bħala Gvern Laburista biex dil-ħaġa tibda sseħħ. Dawn l-isforzi sabu skjerati kontra tagħhom interessi vestiti li akkost ta' kollox ma riedu xejn jinbidel. Irnexxielhom fis-sabotaġġi tagħhom hekk li b’xorti ħażina, l-isforzi li wettaqna ħallew riżultati kontroproduċenti. 

- Alfred Sant, 2008

 Irrid ngħid hawnhekk li kien hemm xi nies li fl-1996 bdew jibżgħu li d-demokrazija f'Malta se tiġi tested b'mod ħażin. Irrid nirrikonoxxi li d-demokrazija Dr Alfred Sant għamilha ħaġa naturali għall-poplu Malti. Meta spiċċa l-gvern tiegħu u saru l-elezzjonijiet, għal darba oħra kien trapass naturali. Dan huwa mertu anke ta' Dr Sant u tal-kollegi tiegħu fil-kabinett. 

- Guido de Marco, 2008

Tfulija[immodifika | immodifika s-sors]

Alfred Sant kien l-akbar fost ħamest aħwa, erba’ subien u tifla. Kienu joqogħdu f’appartament żgħir, isfelnett f’bini ta’ xi ħames sulari, fil-ponta ta’ Tignè, fejn dak iż-żmien kienu għadhom stazzjonati s-suldati Ingliżi, fil-barracks li llum twaqqgħu u minflokhom qed jinbnew appartamenti ta’ lussu. Meta kellu tmien snin marru joqogħdu Birkirkara, minn fejn kienu ommu u missieru (missieru proprja kien mill-Imsida, fejn missieru kien jaħdem bħala skarpan, iżda hu għex ħafna ma’ zijuh f’Birkirkara). Missieru kien skrivan fiċ-Ċivil. Bħala żagħżugħ, fis-snin tletin, missieru xtaq jidħol l-Università iżda peress li missieru (in-nannu ta' Alfred Sant) kellu ħafna tfal u kien bżonn il-flus, daħal jaħdem mal-Gvern. B'ħafna sagrifiċċju, fl-1957 missieru bena dar f’Birkirkara f’parti mill-ġnien ta’ dar li kienet tal-familja ta’ omm Alfred. Meta marru joqogħdu Birkirkara, minħabba t-tħeġġiġ ta’ ommu, għamel żmien jattendi għal-laqgħat ta’ għaqda mmexxija mill-Ġiżwiti fil-Kulleġġ San Alwiġi mhux bogħod minn fejn kienu joqogħdu. Iżda hu kien jippreferi jibqa’ d-dar jaqra u jilgħab ma’ ħutu.

Edukazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Sant ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola tas-sorijiet Franġiskani, Tas-Sliema, li kellhom fergħa fi Triq Manwel Dimech, u fergħa għall-primarji fis-Savoy, bl-isem ta’ St Elizabeth School u l-iskola tal-Gvern f’Tas-Sliema minn fejn għamel l-eżami għad-dħul fil-Liċeo. Fl-1957, beda fil-Liċeo, ftit wara li kien fetaħ fil-Ħamrun, u għamel ħames snin li wassluh għall-eżami tal-O Level fl-1962. Kien mixħut l-aktar għal-lingwi, iżda kienet bdiet tiżdied l-importanza tax-xjenza, bħala dixxiplina li fuqha kellha tkun imsejsa s-soċjetà tal-futur. Missieru ħajru li fis-Sixth Form jidħol għaliha. Għamel hekk u prattikament kellu jibda ħafna affarijiet mill-qiegħ bħal fil-matematika u fil-fiżika. Matul is-sentejn Sixth Form fil-Liceo, trawwem sew fix-xjenza mingħajr ma nesa l-ġibda li kellu għal-letteratura.

Wara s-Sixth Form, daħal l-Universita ta’ Malta fil-kors tax-xjenza. Ħaseb li se jkun fih għal sena biex wara jkompli fil-kors tal-inġinerija ċivili. Iżda baqa’ sal-aħħar tal-kors tal-bacellerat tax-xjenza (fiżika u matematika) u wara daħal għal sena oħra li wasslitu għall-grad ta’ M.Sc. fil-fiżika.

Studja l-amministrazzjoni pubblika u d-diplomazija fl-Institut International d'Administration Publique ta' Pariġi u ġab id-diploma tal-I.I.A.P. Sant kiseb M.B.A. summa cum laude mill-Universita ta’ Boston fl-1976 u dottorat D.B.A. mill-Harvard Business School fl-1979.

Diplomatiku[immodifika | immodifika s-sors]

Bejn l-1970 ul-1975, Sant kien Second Secretary u First Secretary. Sant speċjalizza fl-affarijiet Ewropej u fir-relazzjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent, fil-Missjoni ta’ Malta mal-Komunita Ekonomika Ewropea fi Brussel, li kienet isservi wkoll bħala ambaxxata mal-Benelux, il-Ġermanja tal-Punent, Franza u Spanja.

Konsulent Maniġerjali[immodifika | immodifika s-sors]

Sant kien konsulent għal negozji privati u għas-settur pubbliku. Bejn l-1979 ul-1982, kellu l-kariga ta’ deputat chairman tal-Malta Development Corporation. Wara kien chairman tal-Bortex u tal-Metalfond. Bejn l-1978-1992, Sant kien il-korrispondent minn Malta ghall-Economist Intelligence Unit, u bejn l-1986 u l-1992, korrispondent għal The European Review.

Politiku[immodifika | immodifika s-sors]

Daħal fil-politika meta nħatar chairman tad-Dipartiment tal-Informazzjoni tal-Malta Labour Party fl-1982, u fl-1984 laħaq President tal-partit, kariga li żamm sa l-1988. Fl-1987 ġie co-opted fil-Parlament wara l-mewt ta' Joseph Sciberras; u ġie elett fil-Kamra tar-Rappreżentanti fl-elezzjonijiet tal-1992.

Wara r-riżenja ta' Karmenu Mifsud Bonnici li kien propona lil George Vella bħala Mexxej tal-Partit u dan ma aċċettax, Sant kien elett Mexxej tal-Partit Laburista mill-Konferenza Ġenerali tal-Partit nhar is-26 ta' Marzu 1992, f'elezzjoni li għaliha kkontestaw ukoll l-eks-ministri Lino Spiteri u Joe Brincat. Tmien snin wara, Lino Spiteri allega li f'din l-elezzjoni kien hemm min bagħbas fil-voti biex ma jitlax hu, tbagħbis li Spiteri qal Alfred Sant ma kellux x'jaqsam miegħu u lanqas kien jaf bih. Sant ħa l-ġurament bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Fi żmien it-tmexxija ta' Alfred Sant, il-Partit Laburista bena Kwartieri ġodda fil-Ħamrun, fetaħ stazzjon tat-televixin Super One TV, iktar tard ONE TV, u beda joħroġ ġurnal ġdid Kullħadd.

Prim Ministru - 1996-1998[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Partit Laburista mmexxi minn Alfred Sant, u d-deputati mexxejja George Vella u George Abela, rebaħ l-elezzjonijiet tal-1996 b'maġġoranza ta' 132,497 vot, żieda ta' 17,000 -il vot fuq l-elezzjoni ta' qabel, u nhar is-26 ta' Ottubru Alfred Sant ħa l-ġurament bħala Priministru. Kien ġab maġġoranza ta' 7000 vot iktar mill-Partit Nazzjonalista imma kellu biss siġġu wieħed iktar. Immedjatament kif kien wiegħed qabel l-elezzjoni, Sant ħareġ lil Malta mill-Partnership for Peace tan-NATO u beda l-proċess biex titneħħa l-VAT li fil-fatt tneħħiet u minflokha daħlet taxxa bl-isem CET.

Fi żmien il-Gvern ta' Sant, inħatret l-ewwel Speaker mara fl-istorja tal-Parlament Malti, l-Avukat Miriam Spiteri Debono. Inħatret ukoll l-ewwel mara bħala kap ta’ agenzija tal-Gvern meta nħatret Sina Bugeja bħala Kap Eżekuttiv ta’ Sedqa. Alfred Sant kien l-ewwel Prim Ministru Laburista li ħa sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali tal-Indipendenza, fil-21 ta' Settembru 1997. F'April 1997, il-Gvern ta' Sant ospita l-Konferenza Ewro-Mediterranja li fiha seħħet laqgħa importanti bejn il-mexxej Palestinjan Yasser Arafat u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Iżraeljan, David Levy.

Fit-22 xahar li dam, il-Gvern ta' Sant ħatar numru ta' kumitati u kummissjonijiet:

  • kumitat għal pjan nazzjonali biex jiġġieled il-problema tad-drogi
  • kummissjoni biex tinħoloq il-Qorti tal-Familja
  • kummissjoni għad-Drittijiet Soċjali għas-self employed.
  • kumitat biex tissebbaħ Buġibba
  • kumitat tat-tmexxija mill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jirrevedi l-kurrikulum fl-iskejjel primarji u sekondarji
  • kumitat għall-promozzjoni tal-moralità fiskali
  • kumitat ta' azzjoni biex jiġu riabilitati Marsalforn u Xlendi
  • kumitat biex janalizza applikanti ġodda ghal xogħol mall-Gvern.

Il-Gvern ta' Sant għamel il-Proġett ta' Buġibba, irrestawra l-Berġa tal-Baviera u l-Palazz Vilhena. Tnaddaf u ġie rranġat Wied il-Fiddien, il-moll ta’ Lazzarett. Sar il-pavimentar ta’ Triq ir-Repubblika fil-Belt. Saret l-ewwel fażi tal-proġett ta’ Chadwick Lakes. Sar proġett ta’ tisbiħ f’Wied il-Għajn, Marsaxlokk, Birżebbuġa, Ħaġar Qim, fil-bajja tal-Ġnejna, madwar il-Ġonna ta’ San Anton, fil-bajja tar-Rinella, il-Magħluq f’Wied il-Għajn li fih inbena teatru Grieg u ddikjarat riserva naturali u ġnien gdid fil-Baħrija.

Il-Prim Ministru Sant ikkummissjona żewġ rapporti fuq it-Tarzna li t-tnejn urew il-qagħda ħażina li kienet fiha. Sant ra l-ħtieġa ta' sehem dirett fit-tmexxija tat-Tarznari mill-Gvern f’isem il-poplu, li kien qiegħed iħallas għat-telf li nġema’, u l-ħtieġa ta’ ristrutturar tal-operat tat-tarznari. Il-Kunsill tat-Tarzna sar kompost minn erbgħa membri magħżula mill-Gvern, erbgħa magħżula mill-ħaddiema u Chairman magħżul mill-Gvern.

Il-Gvern ta' Sant daħal fi ftehim mal-isptar Capua Palace sabiex operazzjonijiet tal-qalb li ma setgħux isiru St. Luke’s jibdew isiru privat. Fetaħ unit gdid f’St. Luke’s għal kirurgija mhux maġġuri. Biddel il-pjanti għall-isptar Tal-Qroqq, li iktar tard issemma Mater Dei, biex dan ikun sptar ġenerali, xi ħaġa li l-Gvern Nazzjonalista ta' wara żamm. Fetaħ Dipartiment tal-Emerġenza ġdid fl-isptar ġenerali t’Għawdex. Inbniet dar għall-anzjani f’Bormla. Infetaħ Day Care Centre għall-anzjani f'Tas-Sliema u ieħor fiż-Żurrieq. Infetaħ uffiċjalment il-kumpless għal taħriġ gġall adulti b’diżabilità f’Wied il-Għajn.

Iddaħħlu regolamenti ġodda ta' rmunkar u clamping. Sar il-proġett tat-traffiku tal-Marsa. Beda jsir il-breathalyser test fuq is-sewwieqa tal-vetturi, u daħlet fis-sehh is-sistema tal-VRT ghall-karozzi.

Tħabbar l-ewwel Ombudsman għall-Università. Bdiet skema tal-Education Business Industry fejn edukaturi setgħu jitħarrġu dwar l-aħħar teknoloġija u proċessi industrijali. Fis-sajf tal-1998 sar xogħol ta' manutenzjoni fi 86 skola tal-Gvern. Infetah ir-Rinella Movie Park. F’Settembru 1997 twaqqfet l-Orkestra Nazzjonali ta' Malta.

Inkwiet intern fil-Partit Laburista u jaqa' l-Gvern[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel ma beda jberraq kien meta rriżenja Lino Spiteri minn Ministru tal-Finanzi ħames xhur biss wara l-ħatra tiegħu, li wara ħareġ li ma kienx qabel mat-tneħħija tal-VAT. F'Novembru 1997 George Abela irriżenja minn Konsulent tal-Priministru. Imma l-ewwel problema kbira għall-Gvern kienu l-Estimi Finanzjarji, il-Budget, tal-1998 li f'ħafna minnhom Dom Mintoff astjena u kellhom jgħaddu bil-casting vote tal-Ispeaker. Il-kwistjoni kienet l-iktar fuq it-tariffi tad-dawl u l-ilma proposti mill-Gvern. Fit-8 ta' Ġunju 1998, Dom Mintoff ivvota kontra l-proġett għall-iżvilupp tal-Kottonera kif propost mill-Prim Ministru Alfred Sant. L-għada li l-Gvern kien tilef dan il-vot importanti fil-Parlament, fix-Xatt tal-Birgu, il-Prim Ministru Sant ta konferenza tal-aħbarijiet li fiha qal li Mintoff għandu jirriżenja mill-Parlament u sejjaħlu "traditur". Din il-frażi baqgħet tikkundizzjona r-relazzjoni bejn Mintoff u Sant, tant li d-diversi attentati ta' medjazzjoni bejn it-tnejn fallew.

Nhar id-9 ta' Lulju saret Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista li ddiskutiet mozzjoni proposta mill-Priministru Sant li tikkundanna l-aġir ta' Mintoff u li tissejjaħ elezzjoni ġenerali fl-iqsar żmien possibbli. Wara li Sant rabat vot ta' fiduċja mal-vot fuq il-Proġett tal-KOttonera u dan m'għaddiex wara li Mintoff ivvota kontra, Sant ma kellu l-ebda triq oħra ħlief li jsejjaħ elezzjoni ġenerali prematura. Nhar it-3 t'Awwissu Sant mar għand il-President Ugo Mifsud Bonnici biex xolja l-Parlament u ħabbar id-data tal-Elezzjoni għall-5 ta' Settembru 1998, wara biss 22 xahar ta' tmexxija – liema elezzjoni ġiet mirbuħa mill-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Dr. Edward Fenech Adami. Nhar l-20 ta' Ottubru 2009, meta mistoqsi mill-PBS fuq l-avvenimenti politiċi li kienu wasslu għall-waqgħa tal-Gvern Laburista ħdax-il seba qabel, Alfred Sant qal li dakinhar ma setax joqgħod għar-rikatt ta' Mintoff u li Mintoff kien qed jiġi 'immanipulat' - mhux finanzjarjament - mill-Partit Nazzjonalista, kif skond Sant deher ċar fil-budget tal-1997, fil-mozzjoni dwar l-UE meta sparixxa l-Libja meta kien hemm vot kruċjali. Huwa qal li f'dak li ġara fl-1998, kien hemm ħafna fatti li għadhom ma ħarġux u jikkonfermaw dak li qed isostni hu. Sant qal li ma jħossx rimors għal dak li għamel fl-1998, iżda jħoss li għamel żball f'deċiżjonijiet li ħa qabel l-1996. Mistoqsi jekk ħafirx lil Mintoff, Alfred Sant qal li din mhix kwistjoni ta' maħfra jew apoloġija għaliex il-fatti huma fatti. Qal li m'għandux iħares lura iżda jkompli miexi 'l quddiem.

Referendum Unjoni Ewropea u Elezzjoni 2003[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-elezzjoni bikrija tal-1998, Sant reġa' ġie kkonfermat mexxej tal-Partit b'iktar minn 98% tad-delegati tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista.

F'Mejju 2000, Lino Spiteri allega li fl-elezzjoni għall-ħatra ta' mexxej ġdid tal-Partit fl-1992, Pawlu Muscat, sindku Laburista ta' Bormla, kien bagħbas fil-voti biex ma jitlax hu, tbagħbis li Spiteri qal, u anke Muscat qal, Alfred Sant ma kellux x'jaqsam miegħu u lanqas kien jaf bih. Muscat kien tressaq quddiem il-Bord ta' Viġilanza u Dixxiplina tal-Partit Laburista u rtira dak li kien qal.

Meta l-Gvern Nazzjonalista ħabbar referendum għat-8 ta' Marzu 2003 dwar is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2003, Sant sejjaħ bojkott parzjali fuq ir-referendum u talab lil-Laburisti biex jew jivvutaw 'Le', jew inkella jastjenu jew iħassru l-vot. Lejlet ir-referendum tat-8 ta’ Marzu 2003, il-Priministru Fenech Adami,fl-aħħar intervent tiegħu fl-aħħar dibattitu televiżiv allega li Sant bħala chairman tal-Bord tal-Għażla tal-Università ta’ Malta intervista lill-iben Fenech Adami u ċaħħdu milli jidħol bħala student l-Università. F'sentenza tal-Qorti tal-2004 intqal hekk: “Il-Qorti tiddikjara li waqt id-dibattitu politiku mxandar fuq Television Malta, nhar il-Ħamis, 6 ta’ Marzu tas-sena 2003 il-konvenut għamel allegazzjonijiet foloz u malafamanti fit-terminu tal-Artikolu 28 tal-Kap 248 fil-konfront tal-attur bil-għan li jtellef jew inaqqas ir-reputazzjoni tiegħu meta allega li bħala Chairman’ tal-Bord tal-Għażla tal-Università ta’ Malta intervista lill-iben il-konvenut u ċaħħdu milli jidħol bħala student l-Università.” Il-Qorti żiedet tgħid li Fenech Adami kellu l-mezzi kollha disponibbli biex jivverifika jekk l-indikazzjonijiet li ngħatawlu kienux minnhom, iżda ma jirriżultax li għamel dan.

Sant m'aċċettax ir-riżultat tar-referendum, li kien 54% ivvutaw iva u 46% ivvutaw le. Ħafna analisti politiċi jgħidu li dan ta' Sant kien żball li ma aċċettax ir-riżultat tar-referendum. Kien hemm 27 elf ruħ li ma ġabrux il-vot u kważi 4 elef li ħassru l-vot. Mid-9 pajjiżi li fl-2003 kienu qed jagħmlu referendum biex jidħlu, Malta kien l-iktar pajjiż li vvutaw nies, kważi 91%, imma l-iktar li ma riduhiex, 46%. Meta tħabbar ir-riżultat, Sant wissa lill-Unjoni Ewropea biex tieħu kont tar-riżultat tar-referendum fejn 48 % biss ta’ dawk eliġibbli biex jivvutaw kienu favur sħubija sħiħa, u qal li l-Gvern Nazzjonalista għandu jsejjaħ elezzjoni ġenerali minnufih.

 Hija maggoranza assoluta ta’ 52 fil-mija li għażlet il-Partnership tal-Partit Laburista – li jew qalet le, jew ma marritx tivvota jew li ħassret il-vot – u għalhekk hija l-minoranza tal-elettorat li qablet mal-mistoqsija tar-referendum konsultattiv li poġġa Fenech Adami. 

L-għada tar-referendum, Fenech Adami ħabbar elezzjoni bikrija għat-12 t'April 2003 li l-Partit Laburista tilifha bi 12,000 vot inqas mill-Partit Nazzjonalista. Sant irreżenja mill-kariga ta' Mexxej tal-Partit. Għall-ewwel ma kienx se jikkontesta imma mbagħad ikkonvinċewh mod ieħor. U fil-fatt, fis-16 ta' Mejju, Sant reġa' rebaħ l-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit b'mod konvinċenti b'68% tal-voti.Fl-istorja politika ta’ Malta din kienet l-ewwel darba li l-mexxej attwali ta’ partit politiku kien ikkontestat meta kien għadu fil-kariga. Iż-żewġ kontestanti l-oħra, Anġlu Farrugia u John Attard Montalto kisbu 24% u 8% tal-voti rispettivament.

Fl-2004, il-Partit Laburista, immexxi minn Sant, għamel attakk qawwi fuq il-Priministru Eddie Fenech Adami għall-maħfra presidenzjali, li kienet ingħatat fuq parir tiegħu, lil Joseph Fenech, magħruf bħala Żeppi l-Ħafi, fil-każ tal-attentat fuq il-ħajja tal-Assistent personali tal-Priministru, Richard Cachia Caruana.

Fit-13 ta' Ġunju 2004, il-Partit Laburista mmexxi minn Alfred Sant rebaħ l-ewwel elezzjonijiet Ewropej li saru f'Malta u ġab iktar minn 48% tal-voti, 21,000 vot iktar mill-Partit Nazzjonalista u ħa 3 siġġijiet minn 5 fil-Parlament Ewropew: Joseph Muscat (li erba' snin wara sar Mexxej tal-Partit), Louis Grech u John Attard Montalto.

Fl-2005, Alfred Sant kien strumentali biex il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista tappoġġja l-Kostituzzjoni Ewropea, opposta minn Karmenu Mifsud Bonnici, eks-mexxej tal-Partit. Din imbagħad ġiet ratifikata unanimament fil-Parlament Malti.

Elezzjoni Ġenerali 2008[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Partit Laburista kien mistenni ħafna jirbaħ din l-elezzjoni. Għall-kampanja elettorali tal-2008, ippreżenta programm “Pjan għal bidu ġdid” taħt l-għajta għall-bidla fil-tmexxija tal-pajjiż. F'Diċembru 2007, ftit qabel il-kampanja elettorali, Sant daħal l-isptar għal operazzjoni serja. Il-Programm elettorali kien fih bosta affarijiet kontroversjali, fosthom il-proposta ta' reception class li ħolqot ħafna kontroversji matul il-kampanja, tnaqqis bin-nofs tas-surcharge tad-dawl kif ukoll l-ebda taxxa fuq l-overtime. Matul il-kampanja Sant ikkampanja bil-kbir kontra l-korruzzjoni, speċjalment il-każ tal-Mistra. Minkejja dan, f'Marzu 2008 il-Partit Laburista tilef l-elezzjoni għat-tielet darba konsekuttiva, bl-iżgħar marġini ta' differenza fil-voti: 1,580 vot. Il-Partit Nazzjonalista ġab 49.3% tal-voti u l-Partit Laburista 48.9%. Sant irreżenja minn mexxej tal-Partit l-għada tat-telfa iżda xorta żamm postu bħala membru fil-Parlament Malti, u sakemm inħatar il-mexxej il-ġdid tal-Partit huwa baqa' Kap tal-Oppożizzjoni, filwaqt li Charles Mangion kien aġent mexxej tal-Partit.

Wara l-Elezzjoni 2008[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar it-12 ta' Mejju 2008, Alfred Sant li kien għadu Kap tal-Oppożizzjoni (għalkemm mhux iktar mexxej tal-Partit Laburista) għamel diskors bi tweġiba għad-Diskors tal-President ta’ Malta fil-Ftuħ ta’ Leġislatura ġdida. Sant reġa' tkellem dwar l-iskandlu tal-Mistra u qal li dan mhux xi każ iżolat imma parti minn sistema ta’ pjaċiri u arranġamenti ta' gvern Nazzjonalista. Semma maħfra ta’ flus dovuti f’income tax matul is-snin, maħfra ta’ VAT dovuta u multi relatati mal-VAT u oħrajn kif ukoll laxkezza fil-prosekuzzjoni ta’ każi fil-qrati li għandhom x’jaqsmu ma’ pussess jew użu ta’ artijiet tal-Gvern jew f’każi ta’ kuntratti mal-Gvern.

Fl-istess diskors, Dr Sant tkellem dwar dawk li ġew jivvutaw minn barra minn Malta fl-elezzjoni tal-2008. Huwa qal li l-Kostituzzjoni hi ċara dwar dan fejn tgħid li jistgħu jivvutaw fl-elezzjoni dawk iċ-ċittadini li fl-aħħar sentejn, ikunu ssodisfaw ċerti regoli dwar kemm ikunu damu joqogħdu fil-pajjiż - tal-inqas sitt xhur. Sant qal li matul l-aħħar snin, il-Gvern żarma s-sistemi li bihom setgħu jsiru verifiki dwar kemm qed tiġi rispettata din ir-regola. Numru ta’ ċittadini daħlu fir-reġistru elettorali jew baqgħu fuqu, meta ma kellhomx dritt bil-Kostituzzjoni, għax ma tistax issir verifika serja dwar kemm jissodisfaw ir-regoli dwar residenza.

Sant qal li d-demokrazija f’pajjiżna qed tiffaċċja theddida ġdida għax infirxet fostna xibka ta’ poter, magħmula minn nies li ħafna minnhom, għall-inqas fid-deher, mhumiex fil-quddiem tax-xena politika, imma li għandhom kontroll fuq mezzi kbar pubbliċi u privati ffukati biex id-deċizjonijiet il-kbar fil-pajjiż jittieħdu skond l-għanijiet u l-interessi tagħhom.

 Ma neskludix li għal li ġej, ix-xibka ta’ poter tipprova tara tistax tikkolonizza wkoll bl-istess mod, lill-Partit Laburista u timmanipulah kif ikkolonizzat u mmanipulat lill-Partit Nazzjonalista. F’dak il-każ, l-għażla li jingħata l-pajjiż tkun bejn dak li x-xirka ta’ poter tkun tridu jemmen, dwar partit jew ieħor, skond kif jaqblilha hi. Madankollu, jien nemmen fis-saħħa interna tal-Partit Laburista biex ma jaqax għat-tentazzjoni, li hu wkoll isir l-għodda ta’ xibka ta’ poter, biex jirbaħ elezzjoni ġenerali. Anzi nemmen li fil-futur, il-Partit Laburista se jibqa’ jagħti xhieda sħiħa tat-twemmin tiegħu, tal-impenn tiegħu favur id-demokrazija vera, favur tmexxija tal-pajjiż li tirrifletti tassew l-aqwa aspirazzjonijiet demokratiċi taċ-ċittadini kollha u mhux tkun is-seftura ta’ ftit interessi akuti, qawwija u organizzati ponn. 

Nhar l-20 ta' Ottubru 2009, waqt il-programm tal-PBS Dissett, Alfred Sant bħala eżempju ta' pjaċir politiku qabel l-elezzjoni semma l-każ tal-Gunner Matthew Psaila, li miet mgħerreq waqt taħriġ fiċ-Chadwick Lakes nhar it-13 ta' Frar 2009. Il-familja ta' Psaila għamlet protest ġudizzjarju li fih ċaħdu li kien hemm xi nuqqas politiku billi Matthew kien daħal suldat wara u mhux qabel l-elezzjoni u li l-fatt li kien jew ma kienx jaf jgħum mhux rilevanti billi dan ma kienx wieħed mir-rekwiżiti għall-ingaġġ ta’ suldati. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat stqarr li din kienet opinjoni ta’ Sant u mhux tiegħu jew tal-Partit Laburista.

Nhar it-8 ta' Novembru 2009 Alfred Sant kien mistieden bħala eks-Priministru biex jagħti diskors f'Berlin bl-isem ta' "Is A World Without Walls Compatible with Cultural Diversity and Regional Autonomy? A Look at the Medium and Long-Term" f'konferenza li saret biex tfakkar l-20 sena mill-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin, imtella' mill-Institute for Cultural Diplomacy, bit-titlu “A World Without Walls: An International Congress on Soft Power, Cultural Diplomacy, and Interdependence”.

Il-Kwistjoni tal-Onorarja tal-Membri Parlamentari[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar it-28 ta' Diċembru 2010, Alfred Sant bagħat ittra lill-Ispeaker tal-Parlament Dr Michael Frendo, li fiha akkuża lill-Gvern b’disprezz lejn il-Parlament, b’referenza għall-ħlas tal-Onorarja lill-Membri Parlamentari. Fl-ittra Sant qal li aktar minn sentejn u nofs qabel, il-Gvern, bla ma nforma lill-Kam­ra tar-Rappreżentanti, żied l-Onorarja tad-Deputati. Huwa qal li din id-deċiżjoni ġiet implimentata b’mod immedjat biss għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari. Qal li deċiżjoni li ttieħdet daqstant żmien ilu fir-rigward tad-Deputati, kienet għadha fil-“proċess” li tiġi implimentata sa Novembru 2010. Sant qal li Parlamenti oħrajn għandhom proċessi tras­parenti u anke stabbiliti b’ri­żoluzzjonijiet parlamentari dwar kif jiġu determinati l-ħlasijiet lid-Deputati. Huwa minnu li dan qatt ma eżista, kif messu ġara, fis-sistema parlamentari Maltija. Madankollu, qatt qabel il-Parlament ma ġie trattat b’dan il-mod.

“Li żieda fil-ħlas tad-Deputati ma titħabbarx għal aktar minn sentejn u nofs u ma titwettaqx tul dan iż-żmien waqt li titwettaq fir-rigward ta’ Mi­nisteri u Segretarji Parlamentari biss, li żieda bħal din titħabbar baxx baxx, li din l-informazzjoni tiġi ppubblikata fi żmien fejn il-poplu ikun qiegħed iħoss l-għafsa ta’ awsterità f’taxxi, ħlasijiet u ristrutturar ta’ impjiegi, huma fatturi li jservu biex jesponu lill-Membri tal-Kamra tad-Deputati għar-redikolu, għall-għadab u għad-disprezz taċ-ċittadini... Huwa f’dan il-kuntest li qiegħed nitolbok tikkunsidra u tiddeċiedi jekk b’dak li sar, il-Gvern għandux jitqies bħala ħati ta’ disprezz lejn il-Kam­ra u għandux ikun ordnat li jagħmel dak li jitqies bħala meħtieġ biex din is-sitwazzjoni tkun rimedjata.”

L-Ispeaker wieġeb fit-23 ta' Jannar 2011 u qal li ma jħossx li dak li ġara huwa “an act or ommision which obstructs or impedes the House of Parliament in the performance of its functions” kif jgħid l-Erskine May, partikolarment fid-dawl tal-fatt li sal-lum qatt ma kienet il-prassi tal-Parlament li l-ħlasijiet lid-deputati jiġu ddeterminati b’ri­żoluzzjoni parlamentari, iżda b’deċiżjoni tal-Eżekuttiv. Min-naħa tiegħu Sant, li f’risposta li bagħatlu lura ddikjara li wara li qara l-ittra tiegħu b’kull attenzjoni, din kienet l-ewwel darba kemm ilu membru tal-Kamra tar-Rappre­żen­tanti li qed iħossu jistħi jgħid li huwa deputat. Filwaqt li rriserva d-dritt li aktar ’il quddiem jirrispondi fid-dettal għall-ittra tal-Is­peaker, Sant iddikjara li bħala ġest personali biex jesprimi s-sentiment tiegħu, iddeċieda li l-għada, 24 ta' Jannar ma jattendix għas-seduta tal-Parlament li se tiġi indirizzata mill-President tal-PE Jerzy Buzek, u dan bl-ebda sens ta’ disprezz lejh jew lejn il-persuni l-oħra li se jindirizzaw il-Kamra. Żied jgħid li dan se jkun il-mod tiegħu kif juri tħassib kbir għal kif l-aqwa istituzzjoni tad-demo­krazija kostituzzjonali qed tiġi mżebilħa u m­minata, u qisu ma ġara xejn.

Intant, l-Ispeaker sostna li huwa obbligat u marbut li japplika t-terminu “disprezz lejn il-Kamra” kif definit min-normi viġenti tal-Kamra fiċ-ċir­kos­tanzi kollha tal-każ. Madankollu Michael Frendo ddikjara li huwa anomalu kif id-deċiżjoni tal-Kabinett dwar iż-żieda fl-onorarja baqgħet ma ġiet notifikata bl-ebda mod lill-istituzzjoni tal-Parlament inkluż lilu bħala Speaker, qabel mal-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech fit-18 ta’ Novem­bru li għadda ħtieġlu jwieġeb mistoqsija li saritlu fejn kellu jispjega d-deċiżjoni tal-Kabinett meħuda fil-5 ta’ Mejju 2008 u l-mod tal-implimentazzjoni tagħha. Waqt li saħaq li dan m’għandux isir, l-Ispeaker qabel ma’ dak li qallu d-Deputat Sant fl-ittra tiegħu, li Parlamenti oħrajn għandhom pro­ċessi trasparenti u anke stabbiliti b’riżoluzzjonijiet par­­la­men­tari, dwar kif jiġu ddeterminati l-ħlasijiet lid-deputati. Għaldaqstant, filwaqt li tenna li sal-lum żidiet fl-onorarja saru b’deċiżjonijiet tal-Eże­kuttiv u mhux tal-Parlament, l-Ispeaker sostna li dan kollu jitfa’ dawl ċar fuq il-ħtieġa għal awtonomija tal-Parlament inġenerali, materja li tqajmet minn diversi Speakers ta’ qablu, u dan partikolarment fuq il-ħtieġa li affarijiet bħall-onorarja tal-MPs jiġu ’l quddiem regolati bi proċeduri tal-Kamra fl-aħjar interess tad-demokrazija parlamentari ta’ pajjiżna.

Membru tal-Parlament Ewropew[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-Elezzjonijiet Ewropej ta' Mejju 2014 huwa kien l-iktar kandidat li ġab voti, 48,730 vot, it-tieni l-aktar li ġab voti fl-istorja tal-elezzjonijiet Ewropej kollha. Huwa ntagħżel bħala kap tad-delegazzjoni tal-ewroparlamentari Laburisti Maltin fil-Parlament Ewropew.

Letteratura[immodifika | immodifika s-sors]

Alfred Sant kien membru fundatur fil-grupp ta’ teatru sperimentali Xsenuru (1967-1968), wara li fl-1966, rebaħ l-ewwel premju fl-ewwel konkors għall-kitba ta’ drammi televiżivi b' Min hu Evelyn Costa? u fl-1967, l-ewwel premju f’konkors nazzjonali għall-kitba ta’ radjudrammi b’ Meta Tqum il- Principessa.

Kien ukoll membru tal-Moviment Qawmien Letterarju.

Sant kien editur tal-magazine Ferment fis-snin sittin; tar-rivista ta’ kull xahar Tomorrow (1982-1984); Society (1989-1992); u editur fil-magazine letterarju bil-Malti ta’ kull tliet xhur NEO (1989-1991). Kien jikteb regolarment artiklu ta’ kull ġimgħa fil-Malta News (1979-1988); It-Torċa (1983-1988, 1996-2008), u fit-Times (1999-2008). Għal numru ta' snin kien jieħu ħsieb is-Sensiela Kotba Soċjalisti.

Fuq il-kitbiet ta' Sant, Frans Sammut jgħid hekk:

 L-għodod tal-kitba li juża Alfred Sant għandhom l-għeruq tagħhom fl-Illuminiżmu u jitħaddmu skond il-fehma tal-eżistenzjaliżmu. L-għan tagħhom huwa dejjem wieħed: li jsibu l-verità b’riħet il-paradigma tal-empiriżmu u l-metodu xjentifiċi. Fit-tnejn, il-bniedem jinsab fil-qalba ta’ kollox u għalhekk li jaslu biex ifittxu l-bidla mill-prospettiva l-qadima u tradizzjonali. Dan kollu jixhduh kemm ir-rumanzi tiegħu L-Ewwel weraq tal-bajtar u Silġ fuq Kemmuna kemm id-drammi tiegħu minn Min hu Evelyn Costa? sa qabel Fid-dell tal-katidral. Dan tal-aħħar għandu tema kemmxejn differenti, fis-sens li hija t-tema li l-intellettwali Malti serju jkollu jasal għaliha wara l-vjaġġ li jkun terraq matul il-bixriet l-oħrajn. 

Rumanzi[immodifika | immodifika s-sors]

Alfred Sant huwa awtur ta' seba' rumanzi:

  • L-Ewwel Weraq tal-Bajtar (1968, 1996) - l-ewwel rumanz ta' Sant li kitbu meta kellu 20 sena, li jsegwi għal xi xhur il-ħajja u d-dwejjaq ta’ żagħżugħ jismu Raymond, sal-punt meta dan jitlaq minn Malta.

Dan ir-rumanz kien inqara minn Charles Arrigo fuq ir-Rediffusion sena wara u għamel skandlu għax tqies bħala laxk iżżejjed. Fl-istess sena, kien pubblikat f’faxxikli fi It-Torċa.

  • Bejgħ u Xiri (1981, 1999)

Dan ir-rumanz kien jimmira biex jidher bħala l-ewwel rumanz dwar in-negozju bil-Malti; fit-tradizzjoni letterarja Amerikan , il-ġeneru tal-business novel hu wieħed stabbilit ħafna u dan ħajru.

  • Silġ fuq Kemmuna (1982, 2005)

 Ridt nibqa’ qrib l-istil psikoloġista li kont ħaddimt f’żewġ rumanzi oħra, “Silġ fuq Kemmuna” u “Bejgħ u Xiri”, miktuba rispettivament fil-bidu tas-snin 70 u tas-snin 80. Fihom, kont ipprovajt ngħarbel kważi b’mod mikroskopiku, kif bniedem jgħix ħajtu “minn barra”, bl-azzjonijiet u l-interazzjonijiet li jmexxi ma’ ħaddieħor, u “minn ġewwa” per mezz tal-ħsibijiet u r-riflessjonijiet konxji li jgħaddu minn moħħ l-individwu, kif ukoll per mezz ta’ tifkiriet u frak ta’ stħajjil jew ta’ ħsibijiet li jispuntaw “waħidhom”, bla ebda deċiżjoni konxja, mingħajr fasla imma f’gelgul kontinwu. 

Alfred Sant, 2002

  • La Bidu, La Tmiem - 1599 (2001) - l-itwal rumanz fil-Letteratura Maltija u jitqies minn ħafna bħala l-aqwa xogħol letterarju tiegħu. Dan ir-rumanz inħataf malli deher, u llum ma tista ssib tixtrih imkien.

 Jien u nikteb “La Bidu, La Tmiem -- 1599”, sirt dejjem aktar konxju ta’ kif il-ħajja tal-bniedem tibqa’ tfur ’il quddiem, taqbeż il-fruntieri li l-imgħoddi u l-preżent ikunu fasslu għaliha, taċċetta sfidi impossibbli u saħansitra l-mewt. Taw xhieda ta’ kif fit-tbandil bejn ir-rieda tal-lum u t-tifkira tal-bieraħ, il-bniedem jista’ joħloq il-ġdid u dan b’nies li mill-karattru u bl-għażliet ta’ ħajjithom ma jaqblu xejn ma’ xulxin… nies bħal Cortes, Injazju ta’ Lojola , Giordano Bruno u Cervantes. 

Alfred Sant, 2002

  • L-Għalqa tal-Iskarjota (2009) - l-ewwel rumanz ta' Sant wara li rriżenja minn mexxej tal-Partit Labursta. Kien ippreżentat bħala rumanz tal-waħx daħqan, u kiseb suċċess kbir mal-pubbliku, l-aktar fost qarrejja żgħażagħ, u fost il-kritiċi. Inbiegħ kollu fi żmien ftit ġimgħat u kien hemm talba qawwija biex jerġa joħroġ. Ir-rumanz jirrakkonta kif mawżolew kbir ta’ żmien il-Feniċi kien qed jiġi desakrat b’mod tassew vili, ħaġa li toħloq konsegwenzi mill-aktar strambi. Tant li anke l-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea minn Brussell ikollhom jieħdu azzjoni. Sadattant ikunu bdew tħejjijiet biex jittella’ programm tat-televixin mill-għalqa msejħa tal-Iskarjota li tinsab qrib dal-mawżolew mitluf. Dan kollu jwassal għal żviluppi mill-aktar traġiċi u mdemmija.

Rumanz miktub fl-istil ta’ kummiedja sewda. “Jien u naqra r-rumanz ma stajtx inżomm lili nnifsi milli ninfaqa’ nidħaq quddiem kulħadd,” kiteb kummentatur. Il-vampiri, il-problemi tal-ħxuna, inċidenti farseski ta’ sess bejn il-protagonisti, in-negozju fid-droga, il-ħajja fl-Università, il-korruzzjoni – fost suġġetti oħra – kollha jidħlu b’xi mod fl-istorja tar-rumanz li jagħti stampa panoramika tas-soċjetà Maltija tal-lum. Kritiku letterarju faħħru għall-mod kif lejn l-aħħar tiegħu, ir-rumanz jgħaqqad flimkien it-trufijiet kollha tal-istorja fi tmiem “kiefer”, mimli orrur.

  "L-Għalqa tal-Iskarjota" ifittex li joffri divertiment b’rakkont tal-waħx li fl-istess ħin hu kummiedja. Jitkellem dwar il-ħajja ta’ żminijietna u dwar kif il-medja jinfluwenzaw ħajjitna, u dwar elf ħaġa oħra... Barra r-raħal minsi u abbandunat ta’ Ħaż-Żnuber hemm għalqa li ġġorr is-saħta ta’ sekli twal. Grupp ta’ ġurnalisti televiżivi jidħlu biex jinvestigaw x’jiġri fiha għall-programm popolari ħafna tagħhom. U l-waħx tal-għalqa li ġej mill-qedem, minn żmien il-Puniċi, jaqbad magħhom, b’konsegwenzi tal-biża’. Matul ir-rumanz, insegwu għal atti tal-akbar kuraġġ u kefrija, nassistu għal żviluppi ta’ qtigħ il-qalb u ta’ ferħ... insomma dak kollu li jfittex qarrej f’rumanz, speċjalment jekk lest jitwaħħax waqt li jibqa’ jiddeverti u jitbissem. 

Meta intervistat, Sant qal hekk:

 Dejjem nibqa’ sorpriż b’kemm dak li int qed issejjaħlu qarrej medju jieħu gost meta jiġu f’idejh xogħlijiet li jimpenjawh. Dan l-aħħar aktar saħħaħt din l-impressjoni bil-laqgħa li r-rumanz “L-Għalqa tal-Iskarjota” kellu mill-pubbliku, meta qarrejja li ma nafx minn Adam, ġew spontanjament ikellmuni fuq l-intriċċ tar-rumanz u t-tifsira tiegħu llum. Fhimt minn hekk li r-rakkont għoġobhom u kienu ddevertew bih, u li pprovaw jsibu fih tifsiriet aktar wiesgħa minn dawk li fil-fatt forsi għandu, bħala rumanz “tal-waħx”. 

F'Ġunju 2011, ir-rumanz ħareġ għall-bejgħ f’edizzjoni ġdida għal kollox, did-darba bl-Ingliż bit-titolu The Iscariot Field. Jidher li din hi l-ewwel darba fl-istorja tal-pubblikazzjoni f’Malta li rumanz li jkun inbiegħ kollu, jerġa’ jinħareġ b’dal-mod.

  • Bħal f'Dizzjunarju (2012)

Dan hu l-ewwel rumanz bil-Malti li tista' tibdieh u tkomplih minn fejn trid, taqra minn fejn taqra, mill-bidu jew min-nofs jew mit-tmiem u tispiccah kif trid, bħal f'dizzjunarju.

Twelid ... tfulija ... imħabba ... skola ... xogħol ... tradiment ... vjaġġi ... mewt ... dak kollu li ngħixu tul ħajjitna, twila jew qasira: Bħal f'Dizzjunarju jdaħħalna fir-rakkont ta' ħajjet Anglu Debono, hekk kif għexha skont xewqatu... bil-ħlewwiet u bl-imrar tagħha ... bil-hena u t-thewdin li jitgerbu fiha ... Miegħu, ngħixu kwazi hamsin sena minn dak li gara f'Malta sal-lum. Nagħmlu dan mhux bl-arloġġ. Nagħmluh hekk kif kull episodju minn hajtu jitpoġġa quddiemna skont il-kelma li biha għadu jitqanqal fil-memorja.

  • George Bush f’Malta (2013)

Grupp ta’ terroristi internazzjonali jlestu pjan ħalli jassassinawh. Eċitament, tensjoni, avventuri bla waqfien, waqtiet farseski u xeni finali mimlija tensjoni. Barra minn George Bush innifsu, il-karattru prinċipali hi Vonnie B, investigatriċi privata ta’ esperjenza. Tingħata kuntratt biex tinvestiga żewġ kumpaniji li kienu qed jibagħtu messaġġi elettroniċi suspettużi dwar iż-żjara ta’ Bush. Malajr, Vonnie tispiċċa fil-mira ta’ skwadra mibgħuta biex joqtluha, hekk kif tiskopri konfoffa mill-aktar sofistikata biex il-qtil ta’ Bush isir avveniment globali mxandar fuq l-internet. Hi Vonnie nnifisha li tirrakkonta l-istorja. Permezz tax-xhieda li tagħti, insegwu l-wasla tal-eks President fl-ambaxxata Amerikana, l-attakk fuq il-kumpless tal-ambaxxata u l-miżuri ddisprati li jittieħdu biex jipproteġu lil Bush. Fl-aħħar mumenti terribbli ta’ din il-ħidma, jiskattaw żviluppi splussivi u tal-waħx. Huma jispiċċaw jibdlu għal dejjem l-ambjent ġeografiku Malti.

Sant isejjaħ dar-rumanz “divertiment”, u jsegwi l-istil ta’ rumanz ieħor tiegħu li kiseb suċċess enormi erba’ snin qabel, L-Għalqa tal-Iskarjota. Dak ir-rumanz kien waddab dawl komiku għall-aħħar fuq il-qagħda ta’ Malta fi żminijietna waqt li ppreżenta storja mill-aktar stramba fejn komputers u firien rifsu fid-dinja tal-okkult u s-supranaturali. Fil-fatt, uħud mill-karattri memorabbli ta’ dak ir-rumanz jagħmlu dehra qasira, bħala mistiedna, f’George Bush f’Malta.

Din id-darba jidher li Alfred Sant esperimenta bir-rumanz f’forma ta’ thriller dwar l-ispjunaġġ biex jikkummenta dwar id-dinja tal-lum. Rappreżentanti ewlenin tas-settur tal-bini, tal-qrati, tal-pulizija, tas-servizzi sigrieti, tal-Knisja u tas-servizz pubbliku tal-indafa jidħlu fl-avventura, u magħhom rappreżentanti oħra tas-soċjetà kontemporanja Maltija.

Fi blogg Sant kiteb hekk:

 Aktar inqisu divertiment minn “rumanz”. Matulu George Bush Jn jasal Malta u jqajjem pandemonju. Fl-istess żmien – għax kif jgħidu, x-xitan m’għandux ħalib – fil-Marsa jseħħ ieħor mill-imblokki kbar tat-traffiku. Mhux ta’ b’xejn li ħassejtni inċert sal-aħħar dwar kif l-istorja li kont qed nikteb sejra tintemm. Biex inkun onest, lanqas nista’ ngħid li ntemmet b’wiċċ il-ġid. 

Drammi[immodifika | immodifika s-sors]

Alfred Sant ippubblika 3 ġabriet ta' drammi:

  • Min hu Evelyn Costa - u drammi oħra (1979, 1982, 1993)

B'dan id-dramm Sant kien rebaħ l-ewwel konkors li qatt sar f'Malta għal drammi bil-Malti għat-TV. Bil-ħamsin lira li rebaħ, siefer għall-ewwel darba fis-sajf tas-sena 1966. Ma’ tlieta minn ħbiebu mar il-Ġermanja, jaħdmu f’razzett.

  • Fid-Dell tal-Katidral - u drammi oħra (1999)

Dan id-dramm kien kitbu Boston fis-sebgħinijiet u kien rebaħ it-tieni premju f’konkors għad-drammi organizzati mill-Gvern. Kien tellgħu Joe Friggieri fi produzzjoni li Sant innifsu ma laħaqx raha għax saret fl-Università Tal-Qroqq xi ġimagħtejn qabel wasal lura Malta.

  • Qabel tiftaħ l-Inkjesta - u drammi oħra (1999)

Dan id-dramm kien ħa l-ewwel premju f’konkors organizzat mill-MADC u ntwera snin wara, fl-1993.

Ġabriet ta' novelli[immodifika | immodifika s-sors]

  • Kwart ta’ Mija (1995) (Rakkonti)
  • Pupu fil-Baħar - Rakkonti u Divertimenti (2010) It-tnax-il rakkont li jinsabu fih jitkellmu dwar Malta tal-bidu tas-seklu 21, dwar kif in-nies tgħix, tħobb u tobgħod. Bħal f' L-Għalqa tal-Iskarjota niltaqgħu ma inċidenti tal-waħx u ma oħrajn li jġagħluk tidħaq bla ma trid: ta' spiss fl-istess storja.

Kitbiet oħra[immodifika | immodifika s-sors]

  • L-Impenn għall-Bidla (1986) (Saġġi)
  • It-28 ta’ April 1958 - Il-Ħobż u l-Ħelsien (1988) (Storja politika)
  • Malta’s European Challenge (1995)
  • Confessions of a European Maltese (2003)
  • Is-Soċjaliżmu fi Żminijietna (2004) (Analiżi politika)

Ħajja Personali[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1984 Sant iżżewweġ lil Mary Darmanin u kellhom tifla, Marta. Huma isseparaw fl-1988. F'Diċembru 2007 Sant daħal l-isptar fejn ġie operat b'suċċess minħabba kanċer fil-musrana.

  Fi kważi kull ċirkostanza, tidħol barma umoristika. Ġimgħat wara (l-operazzjoni), iltqajt ma raġel li dar fuqi u qalli: toqgħodx tinkwieta, għaxar snin ilu kelli l-istess ħaġa bħalek. Għaddejt mill-burraxka u għadni hawn. Id-differenza hi li fil-każ tiegħek sar ħafna plejtu fil-ġurnali u r-radjijiet… imma f’tiegħi… kulħadd baqa’ kwiet… 

Alfred Sant, IT-TORĊA, Settembru 2008

Alfred Sant għandu website personali b'artikli politiċi, soċjali, ekonomiċi u kulturali: http://www.alfredsant.org

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]

Predeċessur
Eddie Fenech Adami
Prim Ministru ta' Malta
1996-1998

Suċċessur
Eddie Fenech Adami

Predeċessur
Karmenu Mifsud Bonnici
Mexxej tal-Partit Laburista
1992-2008

Suċċessur
Joseph Muscat