Eddie Fenech Adami

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Eddie Fenech Adami
7. President ta' Malta

4 April 2004 - 4 April 2009
Guido de Marco - George Abela
10. Prim Ministru ta' Malta

6 Settembru 1998 - 23 Marzu 2004
Alfred Sant - Lawrence Gonzi
5. Ministru għall-Affarijiet Barranin

16 Marzu 1989 - 5 Mejju 1990
Ċensu Tabone - Guido de Marco
Prim Ministru ta' Malta

12 Mejju 1987 - 28 Ottubru 1996
Karmenu Mifsud Bonnici - Alfred Sant
Membru tal-Kamra tad-Deputati ta' Malta

Ħajja
Twelid Birkirkara, 7 Frar 1934 (90 sena)
Nazzjonalità Malta
Familja
Konjuga/i Mary Fenech Adami
Ulied
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Malta
Kulleġġ ta' San Alwiġi
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni ekonomista
politiku
Premjijiet

Edward Fenech Adami (Birkirkara, 7 ta' Frar 1934) kien l-President tar-Repubblika ta' Malta bejn l-2004, u l-2009 wara Guido de Marco. Qabel inħatar President, kien serva wkoll ta' Prim Ministru bejn l-1987 u l-1996 u mill-1998 sal-2004.

Bijografija[immodifika | immodifika s-sors]

Bin Luigi, uffiċjal tad-dwana, u Josephine imwielda Pace.[1] Huwa kien miżżewweġ lil Mary née Sciberras u kellhom ħamest itfal John, Beppe, Michael, Maria u Luigi.

Fenech Adami ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ tal-Ġiżwiti f'Birkirkara. Kompla l-istudji tiegħu fl-Università ta' Malta fejn għall-bidu studja l-ekonomija u l-letteratura klassika u aktar tard il-liġi.

Politika[immodifika | immodifika s-sors]

Fenech Adami ingħaqad mal-Partit Nazzjonalista fil-bidu tal-1960. Huwa daħal għall-ewwel darba fil-Parlament fl-1969. Fl-1977, wara li kien serva f'bosta karigi fil-partit, li jinkludu President tal-Amministrazzjoni u Kunsilli Ġenerali, Fenech Adami ġie elett kap tal-Partit, u ħa post Ġorġ Borg Olivier.

Mill-1969, Fenech Adami ġie elett f'kull elezzjoni ġenerali u bħala Kap tal-Partit huwa rebaħ erba' elezzjonijiet 1987, 1992, 1998 u 2003. Fl-1981, għalkemm il-Partit Nazzjonalista ġabu l-maġġoranza tal-voti, ma rnexxilux iġib il-maġġoranza ta' siġġijiet fil-Parlament u għalhekk baqa' fl-Oppożizzjoni. Tibdil fil-kostituzzjoni ta garanzija li l-partit li jirbaħ b'maġġoranza assoluta ta' voti jkollu maġġoranza ta' unijiet. Fil-fatt hekk ġara fl-1987.

Priministru[immodifika | immodifika s-sors]

Bejn l-1987 u l-1996, Fenech Adami bħala Prim Ministru ta' Malta ikkommetta ruħu għal bidla kbira f'Malta. L-infrastruttura tal-pajjiż, l-istrutturi tal-qasam tax-xogħol u dawk legali ġew leġislati mill-ġdid. Il-settur tal-kummerċ ukoll ingħata bidu ġdid u ġie meħlus mis-settur pubbliku. Il-fergħa tal-komunikazzjoni, tal-bank u servizzi tal-finanzi ġew liberalizzati u privatizzati. Malta bdiet ukoll żmien ta' integrazzjoni mal-Unjoni Ewropea. Malta applikat għall-Unjoni Ewropea fis-16 ta' Lulju 1990.

Bejn l-1996 u l-1998 Fenech Adami reġa' serva bħala Kap tal-Oppożizzjoni sakemm il-partit tiegħu rritorna fil-gvern f'Settembru 1998. Fenech Adami serva ħames snin oħra bħala Prim Ministru u kap tal-partit tiegħu.

Id-Dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea[immodifika | immodifika s-sors]

L-applikazzjoni ta' Malta għall-Unjoni Ewropea ġiet attivata mill-ġdid minħabba l-Gvern Laburista ta' qablu waqfu l-applikazzjoni. In-negozjati mal-Unjoni Ewropea ġew konklużi f'Diċembru 2002. F'April 2003 wara rebħa kemm fir-Referendum dwar is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Elezzjoni Ġenerali, huwa ġie kkonfermat bħala Prim Ministru mill-ġdid.

Ftit jiem wara, fis-16 ta' April 2003, Fenech Adami iffirma s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, flimkien ma' kapijiet oħra li kienu se jissieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004. Bħala Prim Ministru Fenech Adami attenda bosta summits tal-Unjoni Ewropea u irrapreżenta lil Malta f'bosta laqgħat tal-Commonwealth. Bħala kap tal-partit huwa attenda diversi laqgħat tal-Partit Popolari Ewropew.

F'Diċembru 2003 Fenech Adami irċieva l-premju tal-Ewropew tas-Sena 2003. Il-Premju kien mingħand il-gazzetta famuża European Voice għall-isforz li għamel sabiex idaħħal lil Malta fl-Unjoni Ewropea.

President tar-Repubblika[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-7 ta' Frar 2004, mal-għeluq tas-sebgħin sena tiegħu, Fenech Adami irriżenja minn kap tal-Partit Nazzjonalista. Fit-23 ta' Marzu 2004, huwa irriżenja minn Prim Ministru kif ukoll ċeda s-siġġu parlamentari tiegħu.

Inqas minn ġimgħatejn wara, Fenech Adami nħatar President ta' Malta fejn ħa post Guido de Marco bħala s-seba' President tar-Repubblika Maltija.

F'intervista li huwa ta fl-2014, qal hekk: “Ma kontx qed nistennieha, u ma ridthiex. U l-mara ma ridithiex aktar minni. Is-sentiment tagħha kien li konna għamilna biżżejjed għall-pajjiż u ma kienx hemm għalfejn naċċettaw din il-kariga wkoll. Niftakar li kien ċempilli l-Prim Ministru Lawrence Gonzi u qalli li kien wasal iż-żmien li ntih risposta – iva jew le. Sejjaħt lill-mara u għedtilha li ried risposta, u hi baqgħet tinsisti li ma kellix naċċetta. Fl-aħħar qalet iva, basta ma mmorrux noqogħdu fil-Palazz ta' Sant' Anton (u dan meta jien kont insistejt ħafna li l-President ta' Malta għandu jgħix f'dan il-palazz). Min-naħa tagħhom, it-tfal la kellhom reazzjoni pożittiva u lanqas negattiva għall-aħbar li kont se nsir President. Kif jgħidu bl-Ingliż, 'they took it in their stride'.”

Fenech Adami u l-mara tiegħu qatt ma ġarrew għall-Palazz ta' Sant' Anton. Kienu jgħixu hemmhekk fi tmiem il-ġimgħa biss, u fis-sajf kienu jmorru fil-Palazz Verdala, li Mary Fenech Adami kienet tippreferih ħafna mill-Palazz ta' Sant' Anton.

“Il-ħajja bħala Prim Ministru kienet impenjattiva ħafna. Il-ħajja bħala President kienet relattivament kalma u trankwilla. Kelli ħafna aktar ħin liberu, għalkemm kont ikun preżenti fejn ikun hemm bżonn. Min-natura tiegħi, jien bniedem riservat u nsibha diffiċli biex nikkomunika iżda kont nifhem x'tirrikjedi l-ogħla kariga tal-pajjiż. U minkejja li ma ridtx insir President, il-fatt li okkupajt l-ogħla kariga fil-pajjiż kien sodisfaċenti u l-kulminu ta' karriera politika li kienet ilha għaddejja mill-1962, anke jekk il-Presidenza fissret li ma nkunx involut aktar fil-politika partiġġjana.”

Fenech Adami ma jaħsibx li r-rwol tal-President ta' Malta għandu jġorr miegħu aktar poteri. “Ir-rwol tal-President hu stabbilit bħala l-ogħla kariga, 'il fuq mill-politika partiġjana, u naħseb li l-Presidenti kollha tawh statura bħala kariga rispettata minn kulħadd għax iġorr miegħu element ta' għaqda. Dejjem kont tal-fehma li r-rwol tal-President għandu jibqa' mhux eżekuttiv. Minkejja li l-poteri tiegħu jistgħu jidhru limitati, fir-realtà dawn il-poteri jistgħu jkunu ta' importanza mhux żgħira f'każ ta' kriżi politika. Jista' jkun hemm mumenti ta' kriżi fejn dawn il-poteri jkunu importanti ħafna, pereżempju biex xi ħadd jingħata l-inkarigu li jifforma gvern. Din neħduha for granted, imma jista' jkun hemm każijiet ta' qasma f'partit jew elezzjoni mhux konklużiva – każijiet fejn huwa l-President li għandu l-poter li jiddeċiedi.

Fenech Adami ma jaqbilx lanqas mal-proposta li min ikun serva bħala Prim Ministru ma jistax iservi bħala President. “President għandu jintgħażel biss abbażi tal-idoneità tiegħu, irrispettivament minn jekk xi darba serviex bħala Prim Ministru jew jekk qattx kien involut fil-politika.”

L-Aħħar Snin[immodifika | immodifika s-sors]

Wara li fl-2009 spiċċa minn President, huwa reġa' beda jagħti sehmu fil-Partit Nazzjonalista. Fl-aħħar mass meeting tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Fosos tal-Floriana lejlet l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013 Eddie Fenech Adami, huwa indirizza lill-folla fuq stedina tal-Prim Ministru ta' dak iż-żmien Lawrence Gonzi.

Huwa iżżewweġ lil Mary mwielda Sciberras fl-1965, li mietet fl-2011. Huma kellhom ħames ulied, lil John, Beppe, Michael, Maria u Luigi. Beppe u Michael komplew fil-ħajja politika. Beppe Fenech Adami huwa l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalisti u Michael kien Sindku ta' B'Kara.

Fi Frar 2014, ħarġet l-awto-bijografija tiegħu, Eddie: My Journey, mill-intervisti ta' Steve Mallia ma' Fenech Adami.

Fl-2015, Eddie Fenech Adami iddaħħal l-isptar b'uġigħ f'sidru. Snin qabel kien għamel interventi f'qalbu.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Archive copy". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-04-21. Miġbur 2009-01-13.Manutenzjoni CS1: kopja arkivjata bħala titlu (link)

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]

Predeċessur
Ġorġ Borg Olivier
Kap tal-Partit Nazzjonalista
1977-2004

Suċċessur
Lawrence Gonzi

Predeċessur
Karmenu Mifsud Bonnici
Prim Ministru ta' Malta
1987–1996

Suċċessur
Alfred Sant

Predeċessur
Alfred Sant
Prim Ministru ta' Malta
1998–2004

Suċċessur
Lawrence Gonzi

Predeċessur
Guido de Marco
President ta' Malta
2004–2009

Suċċessur
George Abela