Joseph Muscat

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Joseph Muscat
Joseph Muscat, Leader, Partit Laburista, Malta.jpg
Kariga: Prim Ministru ta' Malta
Perjodu fil-Kariga: 2013 - Illum
PM Predeċessur: Lawrence Gonzi
Data tat-Twelid: 22 ta' Jannar, 1974
Post tat-Twelid: Burmarrad
Partit Politiku: Partit Laburista
Mexxej tal-Partit Predeċessur: Alfred Sant

 … Joseph Muscat għandu futur hu personali bħala politiku f'Malta...Mhemmx dubbju li l-pajjiż qiegħed miexi, il-pajjiż ma waqafx, il-pajjiż għandu futur quddiemu,u d-deċiżjonijiet li jieħu jkunu dawk li fil-fehma tiegħu ikunu fl-aqwa ġid tal-pajjiż... 

Eddie Fenech Adami, eks-Priministru

 …Joseph Muscat għandu s-saħħa tal-konvinzjoni, jaf jitkellem tajjeb ħafna u eċċellenti kif jikkomunika messaġġi diversi lil udjenzi diversi bla ma jinsa li l-elettorat huwa wieħed. Jasal bħala frisk u modern u bl-għeruq tiegħu fit-tradizzjoni kif għandu jkun... 

Oliver Friggieri, awtur u ħassieb

 …Joseph Muscat bħala MEP wera li kapaċi jieħu deċiżjoni politika u li kapaċi jġib interessi differenti madwar il-mejda għall-pożizzjoni komuni. U dan grazzi għall-karattru moderat tiegħu mexxi minn determinazzjoni qawwija. Bħala Prim Ministru naħseb li Muscat se jkun bniedem li jaf jisma' u jkollu relazzjoni kontinwa mal-elettorat. Naħseb ukoll li Muscat huwa kapaċi li jogħla 'l fuq mill-politika partiġġjana... 

Martin Schulz, President attwali tal-Parlament Ewropew



Joseph Muscat (Burmarrad, 22 ta' Jannar 1974) huwa l-Priministru ta' Malta u l-mexxej tal-Partit Laburista Malti. Huwa ħa l-ġurament ta' Prim ministru nhar il-11 ta' Marzu 2013, wara li l-Partit Laburista għamel waħda mill-akbar rebħiet elettorali fl-istorja politika ta' Malta, meta rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013 b'maġġoranza ta' 55% jew 36,000 vot u jista' jkollu vantaġġ ta' disa' siġġijiet fil-Parlament. Muscat ġab l-ikbar ammont ta' voti li qatt seta' jikseb kandidat fl-Elezzjonijiet Ġenerali kollha li saru f'Malta, 26,000 vot minn fuq żewġ distretti. Ta' 39 sena, huwa sar l-iżgħar Prim Ministru minn wara l-Gwerra ’l hawn għalkemm mhux l-iżgħar fl-istorja għax fl-1924 Sir Ugo Mifsud kien sar Prim Ministru fl-età ta’ 35 sena.

Edukazzjoni[editja]

Bin Salvu, negozjant, u Grace, ħajjata, Joseph Muscat irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola ta' St Francis, l-Iskola Primarja ta' San Pawl il-Baħar, l-Iskola Stella Maris, fil-Kulleġġ San Alwigi, u fl-Università ta' Malta. Fl-1995, huwa ggradwa bil-Baċellerat tal-Kummerċ, bi speċjalizzazzjoni fil-Management u Public Policy. Fl-1996 iggradwa fil-Baċellerat tal-Arti bl-Unuri fil-Public Policy. Fl-1997 ġab il-Masters tal-Arti fl-Istudji Ewropej u d-Dottorat fil-Management Research mill-Università ta' Bristol, b'teżi dwar riċerka innovattiva fuq intrapriżi żgħar u l-multinazzjonali, fl-2007.

Fil-Politika[editja]

Fl-1992, meta Muscat kien għad kellu 18-il sena ngħaqad ma' ONE Radio, l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista, li dak iż-żmien kien jismu Super One Radio u sar ġurnalist. Fl-1994 daħal fil-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL) u nħatar Segretarju Finanzjarju, Deputat Chairperson u Aġent Chairperson. Fl-1995, kien elett fl-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista, fejn dam sal-2001 meta nħatar Segretarju Edukattiv tal-Partit Laburista, kariga li żamm sal-2004.

Bejn l-1997 u 1998 huwa ta sehem fl-implimentazzjoni tal-istrateġija industrijali tal-Gvern Laburista ta' Alfred Sant. Kien parti mill-grupp li waqqaf l-Istitut għall-Promozzjoni tal-Intrapriżi ż-Żghar (IPSE), li ngħata fondi Ewropej għar-ristrutturar tal-industrija.

Muscat kien membru tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, membru tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Moralità Fiskali u membru tad-Djalogu Ewro-Għarbi tal-Kunsill tal-Ewropa. Kien iċ-Chairperson tal-Kumitat tal-Mediterran tal-International Union of Socialist Youth (IUSY) waqt il-laqgha ta' Malta fl-1999, u attenda bosta laqgħat tal-European Young Socialists (ECOSY) f'isem il-Forum Żgħażagħ Laburisti.

Fl-2001, Muscat tqabbad mill-Partit Laburista biex jagħmel sit elettroniku tal-aħbarijiet bl-Ingliż, maltastar.com.

Fl-2003, Joseph Muscat inħatar membru fi grupp ta' ħidma, immexxi minn George Vella u Evarist Bartolo, li fassal il-politika Laburista dwar l-Unjoni Ewropea, li ħareġ id-dokument Il-Partit Laburista u l-Unjoni Ewropea: Għall-Ġid tal-Maltin u l-Għawdxin li f'Novembru ta' dik is-sena kien aċċettat mill-Konferenza Ġenerali. Fl-istess konferenza, Muscat kien approvat bħala kandidat tal-Partit Laburista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Membru tal-Parlament Ewropew[editja]

Muscat kien elett fil-Parlament Ewropew f'Ġunju 2004 bi kważi 37,000 vot, l-iktar kandidat li ġab voti għall-Partit Laburista. Fil-Parlament Ewropew, Muscat kien membru tal-Kumitat għall-Ekonomija u Affarijiet Monetarji, il-Kumitat għas-Suq Intern u Protezzjoni tal-Konsumatur. Fl-2007, kien elett Viċi President tal-Kumitat għall-Ekonomija u Affarijiet Monetarji tal-Parlament Ewropew. Muscat tqabbad ukoll jagħmel rapporti fuq il-kontijiet tat-telefonija ċellulari (Roaming) u rapport fuq il-bejgħ u xiri tal-banek. Ħadem fuq it-tneħħija tat-taxxa fuq id-dixxijiet tas-satelliti, d-dritt li konsumaturi jaraw avvenimenti sportivi ewlenin mingħajr ħlas, u l-kwistjoni tar-reġistrazzjoni tal-mediċini.

Muscat irriżenja mill-Parlament Ewropew fil-25 ta' Settembru 2008 biex jieħu postu fil-Parlament Malti u jassumi l-irwol ta' Kap tal-Oppożizzjoni wara li kien elett Mexxej tal-Partit Laburista.

Mexxej tal-Partit Laburista[editja]

Nhar l-24 ta' Marzu 2008 Muscat ħabbar il-kandidatura tiegħu għal mexxej wara r-riżenja ta' Alfred Sant. Nhar il-5 ta' Ġunju 435 minn 879 delegat ivvutaw għal Joseph Muscat, 3 voti biss inqas mill-kwota meħtieġa, jiġifieri 50% u wieħed tal-voti validi mitfugħin, li kienet ta' 438 vot. It-tieni l-eqreb kontestant lejn Joseph Muscat kien George Abela, li kiseb 200 vot. It-tliet kontestanti l-oħra li kienu eliminati mit-tiġrija għall-ħatra ta' Mexxej Laburista - Michael Falzon, Evarist Bartolo u Marie Louise Coleiro Preca kisbu 181 vot, 32 vot u 26 vot rispettivament. L-għada 865 delegat reġgħu vvutaw f'votazzjoni oħra bejn Joseph Muscat u George Abela biss, li fiha Muscat kiseb 574 vot, 66%. George Abela kiseb 291 vot, 34%. Dan kien żieda ta' 139 vot fuq l-ammont tal-jum ta' qabel fil-każ ta' Joseph Muscat u żieda ta' 91 vot fil-każ ta' George Abela. Mat-tħabbira tar-rebħa tiegħu, Muscat talab lil dawk kollha li kienu fis-sala biex jagħtu applaws kbir lil George Abela. B'messaġġ dirett lejn Abela, Muscat qallu li dik hija daru u li fil-Partit Laburista hemm post għalih.

Nhar it-8 ta' Ġunju 2008, Muscat għamel mass rally fil-Kwartieri tal-Partit fil-Ħamrun li fih dehru eks-Membri Parlamentari Laburisti u eks-Ministri Laburisti li kienu ilhom ma jidhru fil-Partit Laburista bħal John Dalli, Salvu Sant, Lino Debono, Bertu Pace, Joe Abela, Joe Brincat, Maria Camilleri, Joe Micallef Stafrace, Joe Grima, Reno Calleja, Louis Buhagiar, Philip Muscat, Joseph Saliba, Carmelo Brincat u Paul Chetcuti Caruana. Bagħtu t-tislijiet tagħhom, imma minħabba impenji oħrajn ma setgħux jiġu Carmen Sant, Carmelo Borg, Daniel Piscopo, Cettina Darmenia Brincat, Alex Sciberras Trigona u Carmelo Buttigieg. Muscat qal li hu kien stieden b'mod personali lil dawk kollha li kienu jirrappreżentaw lil Partit Laburista fil-Parlament tul iż-żmien kollu u lil dawn qalilhom li:

 Intom postkom magħna, kollha kemm intkom. Stedint ukoll lil dawk li huma membri Parlamentari tal-lum - it-tim tal-azzar – għax il-Partit Laburista, bl-għażla tiegħi bħala mexxej, qiegħed jiftaħ staġun politiku ġdid. Għalhekk mal-poplu Malti rridu nkunu onesti miegħu u ngħidulu li fejn fil-passat żbaljajna jiddispjaċina, imma fil-passat għamilna ħafna affarijiet tajbin u se nfakkruhom. 

Joseph Muscat, għamel diskors li baqa' magħruf, meta qal lil dawk preżenti:

 Inħobbkom u ejjew inħobbu lil xulxin. Ir-reposnsabbilità li fdajtuli jumejn ilu hija unur, piż u privileġġ għax naf li qabli kien hemm nies ta' stoffa enormi. Bl-għażla tiegħi qed jiftaħ bil-fatt staġun politiku ġdid. 

Muscat semma l-mexxejja tal-Partit Laburista, lil Willie Savona li ħoloq u mexxa lill-Partit Laburista fi żmien meta l-ħsibijiet tiegħu ma kinux jiġu milqugħin. Semma li qed jimla l-post ta' Pawlu Boffa li kien il-bniedem li ta tifsira lid-demokrazija soċjali bil-fatti. Qal li huwa ġej wara dak li kien, għadu, u jibqa' Missier il-Partit Laburista, Dom Mintoff, liema isem ħadd mhu se jħassru minn qalbu. Semma li dieħel fl-istess post tal-bniedem li żamm flimkien lill-Partit Laburista fi żmien tant delikat, Karmenu Mifsud Bonnici u finalment qal li huwa qiegħed jiġi fdat bil-fiduċja biex jimla l-post tal-bnidem li għaqqad lill-Partit Laburista, Alfred Sant. Iżda qal li

 Iż-żmien ta' qabel, fejn kien hemm xi ħadd minna li kellu jagħmel għażla jekk hux ta Mintoff, ta' Sant jew ta' ħaddieħor spiċċa. Aħna kollha tal-Labour. Irridu nħarsu 'l quddiem...

It-terrimot intern li se nwettaq forsi mhux se jogħġob lil kulħadd u se jdarras lil min qiegħed hawn ġew. Imma huma bidliet bżonnjużi. L-istaġun politiku ġdid ifisser ukoll li l-Gvern se jsib quddiemu oppożizzjoni soda li mhix se ċċedi. Imma n-nies tal-età tiegħi, jien inkluż, għax irrid inbiddel l-affarijiet, se mmexxi lill-Partit fl-interess nazzjonali, naħdmu id f'id mal-Gvern. Dan huwa stil ta' politika li hawn għatx għalih f'Malta u f'Għawdex. 

Muscat kien ko-optjat fil-Parlament Malti nhar l-1 ta' Ottubru 2008 biex jimla s-siġġu tad-Deputat Laburista Joseph Cuschieri.

Ġimgħa wara l-ħatra tiegħu bħala Mexxej, Muscat stieden lil Dom Mintoff iżur il-Kwartieri Ġenerali tal-Partit. Nhar il-31 ta' Marzu 2009, Mintoff attenda għaċ-ċele­b­razzjonijiet tat-30 sena ta' Jum il-Ħel­sien organizzati mill-Partit Laburista fil-Birgu. Nhar il-5 ta' Dicembru, 2009, Dom Mintoff għamel żjara fiċ-Ċentru Naz­zjonali Laburista l-Ħamrun, l-ewwel darba li Mintoff daħal f'dan il-bini li ilu jservi ta' kwartieri tal-Partit Laburista sa mill-1995. Mintoff intlaqa' fiċ-Ċentru minn Muscat li mbagħad kellhom laqgħa privata flimkien fl-uffiċċju tiegħu.

Uċuh ġodda fil-Partit Laburista[editja]

Fl-ewwel tliet snin tat-tmexxija ta' Joseph Muscat ingħaqdu mal-Partit Laburista persuni li qabel kienu jaħdmu fil-kamp Nazzjonalista bħal Manuel Mallia (li fl-2013 sar il-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali)Marisa Micallef Leyson, Mario Farrugia Borg, Deborah Schembri (li fl-2013 telgħet fil-Parlament) u Cyrus Engerer (li ħiereġ għall-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014). Ħareġ ukoll mal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet Ewropej il-Professur Edward Scicluna, li qabel ma kienx fil-politika u li fl-2013 sar Ministru tal-Finanzi, u Dr. Konrad Mizzi (li fl-2013 sar Ministru għall-Enerġija). Lydia Abela, mart iben il-President George Abela saret is-segretarju eżekuttiv tal-Partit Laburista. Robert Abela, bin il-President, ikkampanja fl-elezzjoni ġenerali favur il-Partit Laburista. John Bundy, eks-kandidat tal-PN, beda jippreżenta programm fuq ONE TV. Fil-Konferenza Ġenerali tal-2011, ħabbru li se joħorġu għall-ewwel darba għall-elezzjoni mal-Partit il-mużiċista Sigmund Mifsud, l-avukat tal-General Workers' Union Joanne Vella Cuschieri, u t-tobba Deo Debattista (li fl-2013 tela' fil-Parlament) u Silvio Grixti.

L-Elezzjonijiet Ewropej tal-2009[editja]

Nhar is-6 ta' Ġunju 2009, Muscat iffaċċja l-ewwel elezzjoni tiegħu bħala Mexxej tal-Partit Laburista, sena wara l-ħatra tiegħu. Il-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjonijiet Ewropej b'55% tal-voti, 35,600 vot iktar mill-Partit Nazzjonalista, li ġab 40% tal-voti. Il-Partit Laburista ġab 7% aktar minn kemm kien ġab fl-2004. Reġa' ġab 3 siġġijiet minn 5, u jieħu anke s-sitt siġġu meta dan jiġi approvat it-Trattat ta' Lisbona.

Il-kandidat minn fost it-tnax li kienu qegħdin jikkontestaw f’isem il-Partit Laburista bl-akbar għadd ta’ voti fl-ewwel għadd kien Louis Grech, il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija għall-Parlament Ewropew li kiseb 27,753 vot, 20% tal-voti li kiseb il-Partit Laburista jew 11% tal-voti kollha miftugħin f’din l-elezzjoni; żieda ta’ 12,382 vot fuq kemm kien ġab fl-ewwel Elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2004.

Il-Professur Edward Scicluna li kkontesta l-ewwel darba f'isem il-Partit Laburista, ġab 24,574 vot (9.7% tal-voti mitfugħin u 18% tal-voti Laburisti).

John Attard Montalto naqqas 12,407 vot u ġab 12,880 jew 9.5% tal-voti kollha li nkisbu mill-Partit Laburista, imma xorta kien elett bil-voti li wiret.

Joseph Cuschieri ġab 19,672 vot (7.7% tal-voti miftugħin u 14.5% tal-voti tal-Partit Laburista.

Glenn Bedingfield ġab 4,982 vot u ma kienx elett, 8,453 inqas mill-voti li kien kiseb fl-ewwel għadd ta’ ħames snin ilu meta dakinhar huwa kiseb 13,435 vot.

Marlene Mizzi li ukoll ikkontestat għall-ewwel darba f'isem il-Partit Laburista, ġabet 17,724 vot (7% tal-voti mitfugħin jew 13% tal-voti Laburisti) imma ma kinitx eletta.

Il-Liġi tad-Divorzju (2011)[editja]

Sa minn qabel il-ħatra tiegħu bħala mexxej tal-Partit Laburista f'Ġunju 2008, Joseph Muscat wiegħed kemm-il darba li fl-ewwel darba li jkun hemm Gvern Laburista hu personalment (Private Member’s Bill) kien se jressaq liġi tad-divorzju għall-approvazzjoni tal-Parlament. Nhar is-6 ta' Lulju 2010, id-Deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando ressaq Private Member’s Bill fil-Parlament biex jiġi introdott id-divorzju. F'Novembru 2010 twaqqaf il-Moviment Iva għad-Divorzju, b'Deborah Schembri, ċerpersin tal-moviment, u b'membri prominenti bħall-Membru Parlamentari u eks-Ministru Laburista Evarist Bartolo, u Jeffrey Pulli­cino Orlando, iċ-Ċerpersin tal-Alternattiva Michael Briguglio, l-eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon u Marlene Mizzi.

Nhar is-16 ta' Marzu 2011 tressqet mozzjoni tal-Oppożizzjoni quddiem il-Parlament dwar kif għandha tkun il-mistoqsija tar-referendum li se jsir fit-28 ta' Mejju 2011, jiġifieri “Taqbel mal-introduzzjoni tal-għażla tad-divorzju f’każ ta’ koppja miż­żewġa li tkun ilha sseparata jew tkun ilha ma tgħix flimkien għal mill-inqas erba’ snin u meta ma jkun hemm l-ebda tama raġjonevoli ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-miżżewġin, fil-waqt li jkun garantit manteniment adegwat u jkunu mħarsa t-tfal?” Din għaddiet għax ivvutat għaliha l-Oppożizzjoni kollha u żewġ Membri Parlamentari Nazzjonalisti, Jeffrey Pullicino Orlando u Jesmond Mugliett. Għar-Referendum tat-28 ta' Mejju ħarġu jivvutaw 232,691 persuna jew 73% ta' dawk li kellhom dritt jivvutaw, u dan għadda b’maġġoranza ta’ 53.2%, b'distakk ta' 14,576 vot. L-għada, Muscat sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet li fiha ddikjara li b’dan ir-riżultat, bdiet titwieled Malta differenti, Malta ġdida. Huwa wera ruħu sodisfatt li fil-ġimgħat li għaddew, tkellem fil-beraħ dwar il-pożizzjoni tiegħu, minflok għażel li jistaħba. Joseph Muscat qal li huwa kburi li għamel dak kollu li huwa sewwa, minflok għażel li jagħmel dak li kien ikun l-inqas politikament riskjuż u l-aktar politikament konvenjenti.

Nhar it-2 ta' Ġunju 2011, id-deputata Laburista Marie Louise Coleiro Preca ħabbret li fiċ-ċirkostanzi kif żviluppaw mhux se tkun qed tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss bħala kandidata elettorali f'isem il-Partit Laburista. Qalet li kienet diġa' infurmat lill-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat b'din id-deċiżjoni nhar it-Tlieta 31 ta' Mejju, jiġifieri jumejn wara li tħabbar ir-riżultat tar-referendum. Fi stqarrija l-ġurnata ta' qabel, hija kienet semmiet kif kien hemm min hedded, immalafama u intimida lilha u lill-familja tagħha dwar il-pożizzjoni li kienet ħadet fil-kampanja għar-referendum, kontra d-dħul tad-divorzju. Iżda tmintax-il jum wara din l-istqarrija, nhar l-20 ta' Ġunju, Coleiro Preca ħabbret li se terġa' tikkontesta mill-ġdid l-elezzjoni ġenerali li jmiss mal-Partit Laburista wara t-turija kbira ta' appoġġ u solidarjeta' li l-elettorat tas-Sitt Distrett u l-insistenza u l-ħeġġa li urew l-eluf ta' familji fid-distrett u barra minnu biex terġa' tikkounsidra d-deċiżjoni tagħha, ġabuha f'qagħda li kellha tirrifletti bis-sħiħ fuq id-deċiżjoni li kienet ħadet. Hi semmiet ukoll l-istqarrijiet tal-Mexxej Laburista Joseph Muscat li ikkonferma li hi kienet konformi mal-linja tal-partit komplew għabbewha bil-piż biex tirrevedi d-deċiżjoni dwar il-kandidatura tagħha.

Nhar it-3 ta' Ġunju, l-avukatessa Deborah Schembri, ċerpersin tal-moviment Iva għad-Divorzju, ħabbret li fl-elezzjoni ġenerali li kien imiss kienet se tikkontesta f'isem il-Partit Laburista wara talba li saritilha minn Muscat.

Nhar it-13 ta' Lulju 2011, għadda mill-Parlament it-tieni qari tal-abbozz ta' liġi dwar id-dħul tad-divorzju f'Malta, b'44 vot favur, 13-il vot kontra u 12-il astensjoni. Il-Prim ministru Gonzi u l-Ministri kollha, barra wieħed (Joseph Cassar) ivvutaw kontra jew astjenew. Il-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni vvutaw kollha favur, ħlief Adrian Vassallo li vvota kontra u Marie-Louise Coleiro Preca li astjeniet. Tnax -il Membru Parlamentari Nazzjonalista vvutaw favur.

Nhar il-15 ta' Lulju 2011 il-Viċi Sindku ta' Tas-Sliema Cyrus Engerer irriżenja minn kull kariga fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u ngħaqad mal-Partit Laburista. Dan għamlu għax iddiżappunta ruħu għall-mod kif il-Prim Ministru vvota fil-parlament dwar it-tieni qari tal-abbozz tal-liġi dwar id-divorzju u "l-prinċipji u l-valuri liberali u demokratiċi tiegħi huma f'kunflitt mal-prattiċi li qed jippersistu fil-Partit Nazzjonalista".

L-Elezzjonijiet Lokali tal-2012[editja]

Nhar l-10 ta' Marzu 2012, il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li saru f’35 lokalità madwar Malta u Għawdex bi swing ta’ 5.5% fil-voti għall-Partit Laburista u tnaqqis ta’ 5.26% fil-voti għall-Partit Nazzjonalista. F’dawn l-elezzjonijiet ħarġu jivvotaw ftit aktar minn 59%, bi kważi 56% tal-voti jmorru għall-PL. Il-PL rebaħ lokalitajiet li tradizzjonalment dejjem kienu f’idejn il-PN, f'San Pawl il-Baħar, Ħal Safi u l-Qala. F’lokalitajiet oħrajn tradizzjonalment Nazzjonalisti, il-PL irnexxielu jżid il-voti b’persentaġġi sostanzjali fosthom f’Ħal Balzan, is-Siġġiewi u San Ġiljan fejn żied il-voti b’7%, b’4% u 10.7% rispettivament. Minn 35 lokalità li fihom saru l-elezzjonijiet, f’21 minnhom il-Partit Laburista ġab maġġoranza tal-voti. B'kollox kien hemm 61,751 li vvutaw għall-Partit Laburista, 46,409 li vvutaw għall-Partit Nazzjonalista, 1,797 vot għall-Alternattiva Demokratika u 960 għall-kandidati indipendenti. Il-PL ġab 15,342 vot iktar mill-PN, 14% iktar.

L-Elezzjonijiet Ġenerali tal-2013[editja]

Nhar l-10 ta' Diċembru 2012, Franco Debono flimkien mal-Oppożizzjoni Laburista vvutaw fil-Parlament kontra l- Baġit imressaq ġimagħtejn qabel u allura dan m’għaddiex b’35 vot kontra l-34 favur, u l-Gvern Nazzjonalista waqa’. Dan ġiegħel lill-Prim ministru Lawrence Gonzi imur l-għada għand il-President tar-Repubblika Dr George Abela fil-Palazz il-Belt biex jissuġġerilu li l-Parlament jiġi xolt u tissejjaħ elezzjoni ġenerali bil-Parlament ixolji fis-7 ta’ Jannar, 2013, waqt li l-elezzjoni ġenerali ssir fl-istess jum mal-elezzjoni tal- kunsilli lokali, jiġifieri s-Sibt 9 ta’ Marzu 2013.

Il-Partit Laburista għamel waħda mill-akbar rebħiet elettorali fl-istorja politika ta' Malta, meta rebaħ l-Elezzjonijiet Ġenerali 2013 b'maġġoranza ta' 167,533 vot, 35,107 aktar mill-Partit Nazzjonalista li kiseb 132,426 vot f’dik li tista’ tiġi meqjusa bħala l-ikbar differenza għal diversi snin tant li bħala persentaġġi l-PL ġab kważi 55% u l-PN 43%, kif kien ħabbar kull stħarriġ li sar qabel l-elezzjoni. Il-PL se jkollu vantaġġ ta' disa' siġġijiet fil-Parlament

Muscat li nħatar Prim ministru fil-11 ta' Marzu 2013, kiseb 26,170 vot bħala l-ewwel preferenza miż-żewġ distretti li kkontesta fuqhom, 13,968 vot mit-Tieni Distrett u 12,202 vot mir-Raba’ Distrett, ifisser li Muscat kiseb aktar voti personali milli qatt kisbu żewġ persuni meqjusin kbar fix-xena politika lokali, Dom Mintoff u [[Eddie Fenech Adami

L-Elezzjonijiet Lokali tal-2013[editja]

F'Marzu 2013, fl-istess jum tal-Elezzjonijiet Ġenerali 2013, il-Partit Laburista reġa' rebaħ l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li saru fi 33 lokalità u żied il-voti fuq l-elezzjonijiet ta’ erba' snin qabel fl-istess lokalitajiet bi 2.2% biex issa ġab kważi 57%. Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista naq­qas il-voti bi kważi 2% u ġab 42%. F’dawn l-elezzjonijiet, il-Partit Laburista rebaħ għall-ewwel darba il-kunsill lokali ta’ Birkirkara u kien hemm ħames lokalitajiet oħra li fihom il-Partit Nazzjonalista tilef il-maġġoranza: l-Imtarfa, Tal-Pietà, il-Mellieħa, l-Imqabba u Santa Venera.

Hekk fl-2013, il-Partit Laburista għandu kważi żewġ terzi, 65%, tal-lokalitajiet kollha f'idejh, 44 lokalità minn 68.

Prim ministru ta' Malta 2013-[editja]

Joseph Muscat ħa l-ġurament ta' Prim ministru nhar il-11 ta' Marzu 2013 fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta. Bħala Prim ministru huwa responsabbli ukoll mill-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet, l-Amministrazzjoni Pubblika, il-Ko-ordinazzjoni ta’ Politika Strateġika, it-Taqsima tal-Immaniġġjar tal-Effiċjenza, l-Informazzjoni, l-Ippjanar u Kordinazzjoni ta’ Prijoritajiet, il-MEPA, l-Istamperija tal-Gvern, id-Dipartiment tal-Artijiet, ir-Reġistru tal-Artijiet u l-Uffiċċju Konġunt.

Jumejn wara ġie ffurmat il-kabinett ta' gvern ġdid, magħmul minn 14-il Ministru u 8 Segretarji Parlamentari, wieħed mill-akbar kabinetti fl-istorja politika Maltija. F'dan il-Kabinett inħolqu żewġ Ministeri ġodda: dak għall-Affarijiet Ewropej, u l-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Drittijiet Ċivili. Inħolqu 7 segretarjati parlamentari ġodda: dak għall-Ippjanar, dak għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Presidenza Ewropea 2017, dak għall-Kultura u Gvern Lokali, dak għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, dak għall-Agrikoltura s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, dak għall-kompetittivita' u t-Tkabbir Ekonomiku, dak għall-Anzjanita' Attiva u d-Drittijiet ta' Persuni b' Diżabilita', u dak għall-Ġustizzja.

L-ewwel 100 Jum[editja]

Fl-ewwel xhur tal-Gvern, saru diversi ħatriet ġodda fosthom Kummissarju ġdid tal-Pulizija, Peter Paul Zammit. Franco Debono inħatar Kummissarju għal-Liġijiet, u Giovanni Bonello inħatar President tal-Kummissjoni għar-Riforma fil-Ġustizzja. Tonio Portughese sar iċ-Ċermen ġdid tal-PBS, ix-Xandir Pubbliku, u Reno Bugeja sar il-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet. Wara li nstabu serje ta' abbużi fil-ħabs, irriżenja d-Direttur tal-Ħabs. Oliver Friggieri nħatar ċermen tal-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali Maltin. Helen D'Amato kienet konfermata Kummissarju għat-tfal. John Dalli kien maħtur mill-Gvern biex jagħmel riforma fl-Isptar Mater Dei.

Fil-qasam tal-edukazzjoni, il-Gvern Laburista beda strateġija nazzjonali kontra l-illitteriżmu u ħareġ żewġ miljun ewro f’opportunitajiet ġodda ta’ scholarships ta’ Masters u Dottorat.

Fil-qasam tax-xogħol beda l-istrateġija Jobs+ bil-għan li l-ħaddiema, b’mod partikolari żgħażagħ, ikunu iktar imħarrġa u jagħtu iktar valur lil min jimpjega. Nieda l-Global Residence Scheme u għamel sejħa għall-interess fl-iżvilupp tal-eks-shipbuilding, bħala parti mill-istrateġija li jagħmel minn Malta hub marittimu tal-aqwa kwalità fil-Mediterran.

Naqqas it-tariffi tal-MEPA biex jitnaqqsu l-piżijiet fuq kull min irid jinvesti f’daru jew fuq in-negozju tiegħu.

Saret sejħa għall-interess biex ikun żviluppat cruise terminal f’Għawdex u l-pjan ġdid tal-enerġija, li għalih dsatax-il kumpanija li wrew interess u ħdax li issa ntgħażlu biex jikkompetu għal dan il-proġett.

Fil-qasam tad-drittijiet ċivili, il-Gvern emenda l-liġi biex persuna transesswali tkun tista’ tiżżewweġ. Waqqaf ukoll Kunsill Konsultattiv li se jkun qed ifassal il-liġi tal-unjoni ċivili għal koppji tal-istess sess. Ta d-dritt tal-vot lil żgħażagħ ta’ sittax-il sena fl-elezzjonijiet lokali.

Neħħa l-liġi tal-preskrizzjoni fuq reati ta’ korruzzjoni politika għall-politiċi u dawk kompliċi magħhom.

Bejn it-3 u l-25 ta’ Ġunju 2013, fil-Berġa ta’ Kastilja, saret il-konsultazzjoni pubblika bit-tema Gvern Li Jisma', bl-għan li l-membri kollha tal-Kabinett jisimgħu lin-nies sa mill-bidu nett tal-leġislatura u mhux lejliet l-elezzjoni ġenerali sabiex il-Gvern jasal għad-deċiżjonijiet tiegħu wara li jkun sema’ bir-reqqa dak li għandhom xi jgħidu l-Maltin. Kull Ministru u kull Segretarju Parlamentari poġġa lilu nnifsu għad-dispożizzjoni ta’ dawk kollha li xtaqu jaqsmu magħhom il-ħsibijiet, l-ideat u l-proposti tagħhom. B'kollox għal dawn il-laqgħat attendew madwar 3,200 persuna minn Malta, Għawdex u anki barranin residenti Malta. Dawn il-laqgħat damu tletin siegħa mifruxin fuq erba' ġimgħat. Waqthom, kien hemm xejn inqas minn 600 intervent. Dawn il-konsultazzjonijiet pubbliċi ser jibqgħu jsiru kull sitt xhur, bis-sensiela ta' laqgħat li jmiss ippjanata li tibda f'Jannar 2014.

Il-Kabinett ma baqax biss jiltaqa' Kastilja iżda wkoll f'diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex matul il-legiżlatura biex jagħti ċ-ċans liċ-ċittadini u r-rapprezentanti taghhom fil-Kunsilli Lokali biex jsemmu lehinhom.

Fl-elezzjonijiet każwali tal-Elezzjonijiet Ewropej li saru f'April 2013, il-Partit Laburista tella' l-ewwel Membru tal-Parlament Ewropew mara fl-istorja politika Maltija, Marlene Mizzi, li kienet ċermen tas-Sea Malta, u ġabet kważi 24,000 vot.

Ħidma tal-Gvern fl-ewwel sitt xhur tiegħu[editja]

  • Nhar it-2 ta' Settembru 2013, il-Gvern Malti ffirma ftehim importanti mal-Libja li permezz tieghu Malta ser tkun qed tieħu prodotti taż-żejt b'rati favorevoli. Ġie miftiehem ukoll bejn iż-żewġ pajjiżi li jkun hemm l-esplorazzjoni konġunta f'żoni fejn hemm nuqqas ta' qbil dwarhom.
  • Nhar il-11 ta' Settembru 2013, iffirma ftehim importanti ieħor maċ-Ċina li din tinvesti fil-qasam tal-enerġija f'Malta, fosthom permezz ta' investment dirett fl-Enemalta, bil-possibilità wkoll li titwaqqaf kumpanija li tgħaqqad il-panelli solari Ċinizi għall-Ewropa f'Malta u li Malta tintuża bħala ċentru minn fejn iċ-Ċina tagħmel servicing ta' power stations li għandha fil-Mediterran. Permezz ta' dan il-ftehim, Malta se jkollha kumpanija kbira miċ-Ċina, li hija t-tieni l-akbar ekonomija fid-dinja, bħala msieħba strateġika tagħha.
  • Skont statistika tal-Unjoni Ewropea, f'Awwissu 2013 il-qgħad f’Malta kien jinsab fl-anqas livelli mill-2007 'l hawn. Malta rreġistrat żieda ta’ 3.6% fl-impjiegi, l-akbar żieda fl-impjiegi fl-Unjoni Ewropea kollha.
  • Fil-qasam edukattiv, il-Gvern iffirma ukoll ftehim li permezz tiegħu studenti Maltin jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom fiċ-Ċina u studenti Ċiniżi jistgħu jsegwu korsijiet fl-Universita' ta' Malta. Laħaq ukoll ftehim mal-Gvern Żvizzeru li permezz tiegħu Malta tpoġġiet fil-lista ta’ pajjiżi li r-residenti tagħhom saru eleġibbli għal ‘scholarships’ mill-Gvern Żvizzeru għal ‘post graduate studies’ u riċerka fl-Iżvizzera. Ingħataw scholarships fl-arti lil 11-il student. Ittieħdet id-deċiżjoni li ċ-children’s allowance ta' Settembru tingħata kmieni fix-xahar, biex b’hekk il-familji jkollhom biex iħallsu għall-ispejjeż marbutin mal-edukazzjoni, wara suġġeriment ta' omm partikulari.
  • Fil-qasam tas-saħħa, il-Gvern alloka €3.6 miljun biex jin­xtara apparat ġdid għall-Isptar Ġe­nerali ta’ Għawdex. Alloka wkoll €3.4 miljun biex jinxtara apparat relatat mal-‘iscreening’. Alloka €8.4 miljun biex jinbnew żewġ swali ġodda fl-Isptar Mater Dei bi 68 sodda, li fihom se jilqgħu pazjenti li jkunu daħlu f’sitwazzjoni akuta. Infetħet klinika ghal individwi Down Syndrome fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Birkirkara. Tnieda t-tender sabiex ikun provdut is-servizz tal-IVF fl-isptar Mater Dei.
  • Fil-Ħabs għamel kamra apposta għat-tfal li jżuru lill-ġenituri tagħhom, kamra li se tkun qisha bħal ‘playroom’ addattata għat-tfal.
  • Għamel sejħa internazzjonali għall-iżvilupp tas-sit fejn kienet ix-Shipbuilding, u 28 investitur urew interess fiċ-Ċentru Marittimu.
  • Approva 39 applikazzjoni għal fabbriki ġodda u estensjonijiet
  • Fetaħ ambaxxata ġdida fil-Qatar, kif ukoll żewġ konsolati, wieħed f’Misurata u ieħor fil-Brażil.
  • Fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari, il-Prim Ministru Muscat kellu kuntatti kontinwi mal-Prim Ministri tal-Libja, Greċja u l-Italja. Min-naħa tiegħu l-Ministru Manwel Mallia kellu taħdi­tiet mal-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni Cecilia Malmstrom filwaqt li l-Ministru George Vella kellu taħditiet mal-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Barranin Catherine Ashton.
  • Nieda s-sejħa ta’ interess għar-reklamazzjoni tal-art intiża biex kumpaniji privati joħorġu b’ideat dwar proġetti li jistgħu jsiru fuq art mibnija fil-baħar.
  • Iffirma ftehim mal-Gvern ta' New Zealand li bih ċittadini Maltin li jgħixu fi New Zealand u jirritornaw Malta jibqgħu jgawdu l-pensjoni li kienu jieħdu fi New Zealand.
  • Nieda skema għall-pannelli fotovoltajċi. Wara 3 xhur daħlu 4,546 applikazzjoni.
  • Laħaq ftehim biex il-kumpanija Genel tibda tħaffer għaż-żejt fit-territorju Malti fl-ewwel kwart tas-sena 2014.
  • Lesta xogħolijiet infrastrutturali fi 30 triq differenti. Sar xoghol ta' tindif kbir fil-Bajja ta' San Blas f'Ghawdex u xoghol ta' tisbih fil-bajja tar-Rinella fil-Kalkara. F'Ottubru 2013 jibda x-xoghol ta' kostruzzjoni ta' pont bejn Bormla u l-Isla. Ġie deciz li nofs il-Bajja tal-Ghadira tkun irritornata lin-nies, u azzjonijiet simili se jittiehdu fil-futur fil-kaz tal-bajjiet ta' Kemmuna, Paradise Bay, l-Armier u Little Armier.
  • Ħames bajjiet f' Malta u Ghawdex gew iddikjarati bhala zoni tal-għawm għall-klieb. Ġew introdotti regolamenti ġodda għall-protezzjoni tal-annimali fil-pet shops.
  • Żieda ta' 10.6% fin-numru ta' Maltin li siefru matul ix-xahar ta' Gunju meta paragunat ma' Gunju tas-sena l-ohra.
  • Malta u l-Ukrajna jiffirmaw ftehim dwar it-Tneħħija tat-Taxxa Doppja, liema ftehim kien iffirmat waqt zjara li l-Prim Ministru Joseph Muscat ghamel fl-Ukrajna, fejn iltaqa' mal-President Victor Yanukovych u l-Prim Ministru Mykola Azarov.
  • Iddeċieda li studenti Għawdxin li qed jistudjaw Malta u studenti Maltin li qed isegwu xi korsijiet f'Għawdex ikunu ssussidjati għall-prezz tal-vapur, liema. Sar xogħol ta' tisbiħ fil-Heliport li hemm fl-inħawi ta' Lambert fix-Xewkija Għawdex.

Ħidma tal-Gvern fit-tieni sitt xhur tiegħu[editja]

Muscat żar l-Istati Uniti u l-Kanada, fejn filwaqt li fl-Istati Uniti ndirizza l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda u kellu għadd kbir ta’ laqgħat ma’ mexxejja diversi minn pajjiżi minn madwar id-dinja u anke laqgħat mal-kommunità Maltija, fil-Kanada ffokka l-attenzjoni tiegħu fuq il-laqgħat mal-komunitajiet Maltin.

Muscat għamel l-ewwel żjara li qatt għamel Priministru Malti f'Iżrael. Huwa tella' miegħu delegazzjoni kummerċjali fl-Iżrael u l-Palestina.

Kellu taħditiet mal-Gvern tal-Kuwajt dwar diversi opportunitajiet għaż-żewġ pajjiżi fejn ukoll il-kumpanija tal-investiment tal-Gvern tal-Kuwajt xtrat il-maġġoranza tal-ishma fil-Fimbank.

Wara taħditiet mal-Gvern Laburista Malti, l-Istati Uniti għażlu lil Malta biex f’pajjizna jkun ibbażat Istitut dwar il-Ġustizzja.

Fuq it-tħaffir għaż-żejt f’żoni kkontestati, il-Gvern laħaq ftehim ta’ strateġija, biex issir ħidma flimkien mal-Libja fuq esplorazzjoni taż-żejt fin-Nofsinhar u ftehim simili ġie reġistrat mal-Italja biex jittieħdu inizjattivi flimkien fit-Tramuntana.

Tibdil fis-sistema li biha jiġu determinati l-prezzijiet taċ-ċilindri tal-gass biex ikun hemm aktar stabbilità fil-prezz fuq medda ta’ xhur, bl-iskop li l-konsumatur ikun jista’ jippjana aħjar.

€3 miljun fi proġetti fil-lokalità ta’ Birżebbuġa.

Iddeċieda li aktar minn 40,000 familja jirċievu ċ-Children’s Allowance u s-Supplementari qabel iż-żmien biex ikunu jistgħu jixtru l-bżonnijiet ta’ wliedhom qabel il-bidu ta’ sena skolastika ġdida.

Malta rreġistrat it-tieni l-ogħla rata ta’ żieda ta’ kummerċ fil-ħwienet fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea f’dawn l-aħħar xhur.

Il-proġett ġdid tal-­enerġija kif propost se jkun ifisser 50% inqas emissjonijiet u 90% inqas ta’ trab fl-arja.

It-telf fl-Air Malta niżel minn €6.1 miljun għal €3.3 miljun.

Bini ta' sptar għall-kura mentali viċin l-Isptar Mater Dei, biex il-pazjent iħossu aktar integrat fis-sistema tas-saħħa.

"L-ewwel" Budget tal-Gvern[editja]

Wara li f'Marzu 2013, il-Gvern Laburista għadda mill-Parlament il-Budget li ma kienx għadda fil-Leġislatura ta' qabel meta waqa' l-Gvern Nazzjonalista, il-Gvern immexxi minn Muscat ressaq l-ewwel veru budget tiegħu fl-4 ta' Novembru 2013. Dan kien budget imfaħħar mill-korpi kostitwiti kollha, u f'ħafna elementi tiegħu anke mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Fost l-aktar miżuri li ssemmew f'dan il-budget kien hemm li :

fil-qasam tal-enerġija

  • Iraħħas il-kontijiet tad-dawl b’25%.
  • Iraħħas il-kont tal-ilma b’5%.

fil-qasam tax-Xogħol

  • Inaqqas il-piż tal-Income Tax
  • Jiffranka kważi €6,000 lil sidien li jimpjegaw persuni bejn il-45 u l-65 sena.
  • Jgħin lil min ilu jirreġistra għax-xogħol biex jidħol fid-dinja tax-xogħol, u fl-ewwel snin xorta jagħti persentaġġ tal-benefiċċju soċ­jali.
  • Inaqqas it-taxxa lil min jaħdem partajm.
  • Jassigura li dawk bil-paga minima ma jħallsux taxxa.
  • 350 żagħżugħ li huma inattivi jew qegħdin ifittxu x-xogħol se jibbenefikaw minn attenzjoni individwali biex jintegraw fid-dinja tax-xogħol jew jibdew xi kors f’xi istituzzjoni edukattiva. Dawn iż-żgħażagħ se jibbenefikaw minn ħlas ta’ madwar €1,500 kull wieħed.
  • Se jħarreġ u jsib xogħol lil dawk il-persuni li għandhom 45 sena u aktar.
  • Naqqas il-ħlas tat-taxxi ndiretti bi €11-il miljun.
  • Iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma lin-negozji f’Marzu 2015.
  • Titwettaq riforma fil-Pitkalija fl-interess tal-bidwi u l-konsumatur.
  • Joħloq postijiet ġodda għal persuni b’diżabilità.
  • Iżid l-‘allowance’ tat-tfal b’diżabilità.
  • Jeħles mill-ħlas tal-bolla lil carers impjegati minn persuni b’diżabilità.

F’Għawdex

  • jingħata sussidju ta’ nofs il-paga għal min jimpjega persuni b’diżabilità.
  • jingħata sussidju tal-pagi ta’ dawk l-impjegati li jinżammu jaħdmu full-time fl-offpeak tal-istaġun turistiku.
  • jiftaħ dar għall-anzjani li takkomoda 140 anzjan.

Fl-Edukazzjoni

  • Joffri Child Care b’xejn għat-tfal ta’ kull min jaħdem.
  • Jagħti żieda ta’ €700 f’‘tax credit’ lil dawk il-ġenituri li jibagħtu t-tfal tagħhom f’Child Care Centres privati.
  • Iniedi servizz ġdid ta’ kolazzjon nutrittiv għat-tfal siegħa qabel tibda l-iskola.
  • Jagħti bidu għall-implimentazzjoni tal-għoti tat-‘tablets’ lill-istudenti.
  • Jibni ħames skejjel ġodda u jkompli jirranġa u jsebbaħ oħrajn eżistenti.
  • Impenja ruħu li mhux biss iżid l-istipendji s-sena d-dieħla, imma jkompli jżid­hom ukoll fis-snin ta’ wara, kull sena.
  • Jibda jagħti għall-ewwel darba stipendju lil studenti veterinarji Maltin li qegħdin jistudjaw barra minn Malta.
  • Jassigura stipendju lil dawk l-istudenti li jirrepetu sena fil-kors tagħhom.
  • Jagħti opportunità lill-għalliema li jagħmlu sena jistudjaw barra minn Malta u jassiguralhom is-salarju tagħ­hom.

Fit-trasport

  • Jibda jħallas il-flus lil dawk kollha li ħallsu taxxa fuq ir-reġistrazzjoni tal-vettura tagħhom.
  • Se jipprojbixxi vetturi industrijali kbar u żwiemel mit-toroq arterjali waqt il-ħinijiet tal-ġurnata.
  • Minn Diċembru li ġej id-dħul tal-karozzi fil-Belt se jkun b’xejn wara s-2.00p.m. matul il-ġimgħa, u s-Sibt il-ġurnata kollha. Dan biex ikun mgħejjun in-negozju fil-Belt.
  • Se titnaqqas it-taxxa tar-reġistrazzjoni fuq il-karozzi u l-muturi.

Fis-saħħa

  • Se jinbnew żewġ swali ġodda fl-Isptar Mater Dei li jakkomodaw 68 pazjent.
  • Mis-sena d-dieħla s-servizz tal-kimoterapija se jibda jingħata f’Għawdex ukoll.
  • Se jingħataw mediċini ġodda b’xejn għal diversi kundizzjonijiet ta’ mard.
  • Se jibda jħallas għal żewġ ġenituri flok għal wieħed meta tfal ikollhom bżonn jitilgħu barra minn Malta għall-kura.

Fil-qasam tad-djar

  • Jiffranka madwar €5,000 lil dawk kollha li se jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom.
  • Kien deċiż li jinbnew aktar appartamenti għal dawk il-persuni b’mezzi li­mi­tati.
  • Se ssir manutenzjoni u tisbiħ ta’ numru ta’ Housing Estates.

Fil-qasam tal-anzjani u r-romol

  • Ir-romol jirċievu l-pensjoni sħiħa bla tnaqqis.
  • Se jingħata benefiċċju ta’ €300 lill-anzjani li għandhom 78 sena jew aktar u mis-sena d-dieħla dan il-benefiċċju se jingħata lil dawk l-anzjani li għandhom 75 sena u aktar.
  • Se jinfetħu żewġ ‘day centres’ ġodda għall-anzjani, wieħed fil-Birgu u ieħor f’Ħal-Balzan.
  • Se jimmodernizza l-qasam tat-Telecare.

Ħajja Personali[editja]

Joseph Muscat huwa miżżewweġ lil Michelle imwielda Tanti (kienet Assistenta Personali ta' Alfred Sant), u għandu żewġ bniet tewmin: Etoile Ella u Soleil Sophie.

Ħoloq esterni[editja]


Predeċessur
Lawrence Gonzi
Prim Ministru ta' Malta
2013–

Suċċessur
kariga attwali

Predeċessur
Alfred Sant
Kap tal-Oppożizzjoni
2008-2013

Suċċessur
Lawrence Gonzi

Predeċessur
Alfred Sant
Mexxej tal-Partit Laburista
2008 -

Suċċessur
kariga attwali