Daphne Caruana Galizia
Daphne Caruana Galizia | |
---|---|
Ħajja | |
Isem propju | Daphne Anne Vella |
Twelid | Tas-Sliema, 26 Awwissu 1964 |
Nazzjonalità | Malta |
Residenza | Bidnija |
Mewt | Bidnija, 16 Ottubru 2017 |
Post tad-dfin | Ċimiterju tal-Addolorata |
Kawża tal-mewt | omiċidju (karozza bomba) |
Edukazzjoni | |
Alma mater |
Università ta' Malta Kulleġġ ta' San Alwiġi |
Lingwi | Ingliż |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
ġurnalist investigattiv bloggej attivist kronista ġurnalist |
Impjegaturi |
The Malta Independent Times of Malta (1987 - |
Xogħlijiet importanti | Panama Papers |
Premjijiet |
Daphne Caruana Galizia (Tas-Sliema, 26 ta' Awwissu 1964 – Bidnija, 16 t'Ottubru 2017) kienet ġurnalista, opinjonista, u blogger Maltija. Mill-2008 sa meta nqatlet, hija ffukat ħidmietha b'kummentarju frekwenti fuq il-blogg tagħha li fih sikwit kienet tistħarreġ u tiżvela bosta stejjer. Minħabba l-istil tagħha, kien qed tiffaċċja wkoll numru ta' libelli fil-Qorti fuq diversi rapporti. Fl-2016, kienet l-unika Maltija f'lista tal-portal tal-aħbarijiet internazzjonali Politico tal-aktar 28 persuna influwenti fl-Ewropa.
Tfulija
[immodifika | immodifika s-sors]Bint Michael Alfred Vella u Rose Marie imwielda Mamo, Daphne studjat fl-Iskola tas-Sorijiet Dorotej fl-Imdina u fil-Kulleġġ San Alwiġi Birkirkara.
Żgħożija
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1982, inżammet arrestata mill-Pulizija għal 48 siegħa wara li ħadet sehem fi protesta favur id-demokrazija. Fl-1985, iżżewġet lill-avukat Peter Caruana Galizia u kellha tliet ulied subien: Matthew, Andrew u Paul.
Ġurnaliżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Bdiet taħdem fil-mezzi tax-xandir fl-1987, u malajr stabbilixxiet lilha nnifisha bħala waħda fost l-aktar ġurnalisti kontroversjali ta' Malta bil-kolonna tagħha fis-Sunday Times.
Caruana Galizia tkeċċiet mit-Times fl-1996 wara li l-gazzetta rrifjutat li tippubblika artiklu li kitbet fuq il-President Emeritus Guido de Marco u t-tifla tiegħu, Gianella Demarco (avukata). Dan l-artiklu mbagħad deher fuq the Malta Independent.
Fl-1992 kienet editur assoċjat ma' The Malta Independent. Hija saret opinjonista regolari f'The Malta Independent on Sunday u editur tar-rivista Taste & Flair.
Fl-2016, wara l-investigazzjoni li għamlet fuq il-Panama Papers, Daphne Caruana Galizia kienet l-unika Maltija li ntgħażlet mill-portal tal-aħbarijiet internazzjonali, POLITICO f'lista tal-aktar 28 persuna influwenti fl-Ewropa. Hija kienet ġiet imfissra bħala mara li waħidha tista' titqies ‘wikileaks' li taħdem favur it-trasparenza u kontra l-korruzzjoni.
Kontroversjali
[immodifika | immodifika s-sors]Caruana Galizia mill-ewwel saret magħrufa għall-veduti liberali u ħorox tagħha dwar kwistjonijiet politiċi u soċjali. Il-kitba tagħha tvarja minn gossip fuq persunaġġi pubbliċi Maltin sa analiżi kritiċi tar-realtà soċjo-politika Maltija.
Flimkien ma' Andrew Borg-Cardona, kienet waħda mill-kittieba li kkritikaw bl-aħrax lil-lemin estrem Malti, speċjalment dak assoċjat mal-fehmiet ta' Norman Lowell dwar l-immigranti illegali.[1]
Il-perspettiva femminista ta' Caruana Galizia kienet waħda kemmxejn aggressiva; kienet tħeġġeġ lin-nisa ma jivvittimizzawx ruħhom. Meta impjegata Maltija rebħet l-ewwel każ ta' molestji sesswali ta' natura verbali fuq il-post tax-xogħol,[2] – rebħa li kienet meqjusa bħala suċċess għall-mara Maltija – Daphne qalet li f'każijiet bħal dawn il-mara għandha tirreaġixxi u mhux iġġib ruħha b'mod, li skont kif tifhimha hi, hu "infantili".[3]
Running Commentary
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2008, hija bdiet tikteb il-blogg popolari tagħha Running Commentary.
Fi Frar tal-2010, il-Maġistrat Consuelo Herrera ħassitha mmalafamata b'għadd ta' artikli li dehru fuq il-blogg tagħha u fittxitha għal libell.[4]
Nhar it-8 ta' Marzu 2013, Caruana Galizia ġiet arrestata filgħaxija wara li kisret il-jum ta' riflessjoni ta' qabel l-elezzjonijiet ġenerali.[5] Dan wara li kitbet artikli fuq il-blogg tagħha meqjusa bħala ta' natura politika.[6]
Allegazzjoni Egrant
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar l-20 ta' April 2017 Caruana Galizia kitbet fil-blogg tagħha li dokument f'safe fil-bank Pilatus juri li l-Egrant hi tas-Sinjura Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru, u li kienu imtennija mill-Partit Nazzjonalista, li fihom implikaw li l-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Sinjura Muscat huma s-sidien tal-kumpanija Egrant li hija registrata fil-Panama. Għaxart ijiem wara din l-allegazzjoni, Muscat sejjeaħ elezzjoni bikrija. F'inkjesta maġisterjali li l-konklużjonijiet tagħha ħarġu wara l-assassinju ta' Caruana Galizia, instab li Muscat u l-familja tiegħu ma kinux sidien ta' din il-kumpanija.
Assassinju
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar it-Tnejn 16 ta' Ottubru 2017, fit-3.00 p.m., Caruana Galizia rikbet il-karozza biex tmur tħallas xi pagamenti lill-kumpanija minn fejn kienet qed tikri l-karozza. Ftit wara li Caruana Galizia rikbet fil-karozza u bdiet issuq, ħarġet mill-isqaq li hemm mad-dar, daret fuq ix-xellug, u bdiet issuq fit-triq ewlenija tal-Bidnija u minn hemm niżlet in-niżla fid-direzzjoni lejn il-Mosta.
Kien f'dan il-mument li wara li saqet madwar 100 metru, il-karozza li fiha kienet Caruana Galizia splodiet. L-isplużjoni nstemgħet minn diversi partijiet. Tant kienet b'saħħitha li l-karozza spiċċat f'mitt biċċa li nfirxu fl-għelieqi li hemm qrib ir-residenza tagħha.
Wieħed mill-aħħar messaġġi li Caruana Galizia bagħtet lil waħda mill-ħbieb tagħha, Caroline Muscat, kien jgħid hekk: “Inħoss li ż-żmien hawn qed jiskadili. Hemm ħafna affarijiet li xtaqt nagħmel, imma li għadni ma għamiltx.”
Reazzjonijiet għall-Assassinju
[immodifika | immodifika s-sors]Joseph Muscat
[immodifika | immodifika s-sors]Fi stqarrija f'Kastilja madwar siegħa u nofs wara d-delitt, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dak li seħħ hu inaċċettabbli fuq kull livell. Ikkundanna bla riżervi dan "l-attakk barbaru fuq il-persuna u l-libertà tal-espressjoni f'pajjiżna".
Joseph Muscat qal li Caruana Galizia kienet kritika ħarxa tiegħu, kemm politikament kif ukoll personalment. “Madanakollu ma nista' nuża qatt dan il-fatt biex jiġġustifika bl-ebda mod possibbli dan l-att barbaru li jmur kontra kull dinjità u kull ċiviltà.”
Il-Prim Ministru qal li ta struzzjonijiet lill-pulizija kif ukoll lis-servizzi kollha tas-sigurtà fil-pajjiż biex jieħdu kull miżura biex il-ħati jew ħatja jitressqu quddiem il-ġustizzja. Ta struzzjonijiet biex tiġi mitluba assistenza minn korpi tas-sigurta' minn pajjiżi oħra fl-investigazzjonijiet.
Muscat qal li kkomunika mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u qasam miegħu l-informazzjoni li għandu sa issa. Għaldaqstant, bi qbil bejn iż-żewġ naħat, id-diskors ta' Adrian Delia b'replika għad-diskors tal-baġit kellu jiġi pospost u minflok se jsiru stqarrijiet miż-żewġ naħat tal-Kamra f'din li ġiet deskritta bħala “ġurnata sewda għall-liberta' tal-espressjoni f'pajjiżna”.
Il-PM qal li hu l-Prim Ministru ta' kulħadd u s-saħħa tad-demokrazija tagħna toħroġ f'mumenti bħal dan, fejn irridu nkunu lesti niddefendu l-prinċipji tagħna u d-drittijiet ta' kull wieħed u waħda minna.
Hu appella għall-għaqda nazzjonali u mhux se jistrieħ sakemm issir ġustizzja għaliex il-pajjiż jistħoqqlu ġustizzja.
“Kulħadd għandu dritt jikteb u jgħid li jrid f'pajjiżna u min iħossu nġurjat, għandu d-dritt tal-protezzjoni tal-Qrati u ebda rimedju ieħor. Mhux se nistrieħ qabel nara li ssir ġustizzja f'dan il-każ. Għaliex pajjiżna jistħoqqlu ġustizzja,” temm il-Prim Ministru.
Adrian Delia
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li fil-pajjiż hawn responsabiltajiet legali u politiċi. Qal li Daphne Caruana Galizia ma kinitx persuna kwalunkwe iżda kellha impatt fuq is-soċjeta' Maltija. Dr. Delia qal li ilu ġimgħat sħaħ jgħid li mhux qed ngħixu f'pajjiż normali. Qal li dak li seħħ illum ma nistgħux narawh x'perspettiva li seħħet illum stess. Qal li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ilhom 4 snin u nofs jitmermru. Qal li dak li seħħ illum huwa konsegwenza ta' ħafna deċiżjonijiet li seħħu matul dawn l-aħħar snin.
Dr. Delia sejjaħ il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia bħala qtil politiku li għalih trid tintrefa ir-responsabilità politika. Qal li din hija traġedja nazzjonali, assalt fuq id-demokrazija. Qal li sfortunatament qed nitgħallmu bl-iktar mod tan-niket u viljakk għax mietet persuna Maltija li kellha opinjoni u li riedet iġġib il-verità il-quddiem. Qal li l-pajjiż naqas meta l-korp tal-pulizija ma investigax, qal li nqassna meta l-Avukat Ġenerali ma nvestigax. Qal li dan sar minħabba deċizjonijiet zbaljati tal-Gvern. Huwa sejjaħ lill-Maltin biex iqumu illum qabel għada biex isemmghu leħinhom fejn il-Gvern irid jibqa' sieket.
Fil-ġimgħat ta' qabel l-assassinju, Caruana Galizia kienet kritika ħarxa ta' Delia tant li Delia kien fetħilha ħames libelli. Wara l-assassinju, huwa irtira dawn il-libelli u għamel apoloġija lill-familja tagħha għall-kliem iebes li kien qal fil-konfront tagħha, apoloġija li ma ntlaqgħetx mill-familja.
L-Arċisqof Charles J. Scicluna
[immodifika | immodifika s-sors]“It-telfa ta' Daphne Caruana Galizia timliena bi swied il-qalb u bid-determinazzjoni li niddefendu d-demokrazija sal-aħħar”, sostna l-Arċisqof. Huwa insista li l-poplu jrid iqum u jiddefendi d-dinjità ta' kull wiehed sabiex jiġi difiż l-valur tad-demokrazija ħalli bil-kliem issa ngħaddu għall-fatti.
Filwaqt li wera solidarjetà mal-qraba tal-vittma, l-Arċisqof Scicluna ħeġġeġ lill-ġurnalisti sabiex ma jibżgħu minn ħadd u jiddefendu l-verità.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin
[immodifika | immodifika s-sors]L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ikkundanna bil-qawwa kollha l-qtil tal-ġurnalista. Fi stqarrija spjegat li għall-komunità tal-ġurnalisti lokali dan hu każ xokkanti u li jolqot direttament id-dritt tal-liberta' tal-espressjoni. Dan filwaqt li ġiet enfasizzata li ankè jekk mhux dejjem wieħed qabel ma' dak li kitbet Caruana Galizia, bla dubju ta' xejn, bħal kull ċittadin ieħor kellha dritt tesprimi ruħha u terfa' r-responsabbilta' għal dak li kitbet.
L-istitut tal-Ġurnalisti Maltin appella lill-Pulizija biex tagħmel dak kollu possibbli biex jinstabu l-ħatja ta' dan id-delitt gravi biex jieħdu dak li ħaqqhom skont il-liġi. Dan hu jum ikrah għad-demokrazija fil-pajjiż li għandu jsib il-kundanna ta' kulħadd.
L-IGM, appellat għal kull ġurnalist u ġurnalista sabiex ma jħallux din it-traġedja tkiddhom milli jkompli jaqdi d-dmir tiegħu lejn is-soċjeta' u jkompli jirrapportaw bla biża' jew favuri dak kollu li hu fl-interess pubbliku u ta' interess għas-soċjeta'.
Reazzjonijiet oħra
[immodifika | immodifika s-sors]L-MGRM, aditus Foundation, Integra Foundation, Iil-Critical Institute u l-Platform of Human Rights Organisation f'Malta esprimew il-kondoljanzi tagħhom lill-familja ta' Caruana Galizia filwaqt li saħqu li dan il-qtil huwa attakk dirett fuq il-libertà tal-espressjoni. Huma wkoll ħeġġew lill-Gvern sabiex jiżgura li l-id wara dan l-attakk faħxi jinqabad sabiex issir ġustizzja.
Strickland Foundation iddeskrivew lil Caruana Galizia bħala ġurnalista li kienet twettaq xogħolha mingħajr biża' jew favuri. Huma kkunsidraw dan il-qtil makabru bħala attakk faħxi u dirett fuq il-libertà tal-espressjoni u insistew li sseħħ azzjoni immeddjata u effetiva mill-istituzzjonijiet tal-pajjiż bil-għan li l-awturi ta' din l-oxxenità jitressqu quddiem il-ġustizzja. Dan sabiex il-ġurnalisti Maltin iħossuhom siguri u liberi li jistgħu jwettqu xogħolhom mingħajr ma ħajjithom tkun fil-periklu.
Investigazzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-investigazzjoni tal-pulizija Maltija fuq il-qtil ta' Caruana Galizia qed jieħdu sehem ukoll esperti Amerikani mill-FBI, oħrajn Olandizi u Taljani, u esperti tal-Europol. Dawn l-esperti barranin b'kompitenzi varji fl-investigazzjonijiet kriminali qed jassistu lill-Pulizija Maltija f'oqsma partikulari tal-investigazzjoni.
X'ħareġ mill-Investigazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tlieta 15 ta' Novembru 2016
Jinxtraw iż-żewġ simcards Vodafone li permezz tagħhom ġiet attività l-Bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia
It-Tlieta 10 ta' Jannar 2017
Iż-żewġ SIMCARDS jiġu attivati f'Ħaż-Żebbuġ.
Fil-ġimgħat u x-xhur ta' wara kien hemm komunikazzjoni bejniethom biss u minima.
It-Tnejn 21 ta' Awwissu 2017
L-Imputtati allegatament jippruvaw is-SIMCARDS fl-inħawi tal-Bidnija.
Il-Ħadd 15 ta' Ottubru 2017
6:00pm: Iben il-vittma, Matthew Caruana Galizia, jipparkja l-karozza tal-vittma barra r-rixtellu tad-dar fil-Bidnija – dan kuntrarju għal dak li kienet tagħmel ommu Daphne li kienet idaħħalha l-ġewwa mir-rixtellu. Il-karozza ma ntużatx iżjed.
It-Tnejn 16 ta' Ottubru 2017
01:41am: Tiġi attivata l-bomba mal-karozza ta' Daphne Caruana Galizia fil-Bidnija. Il-bomba allegatament tpoġġiet fuq ġewwa tal-karozza eżattament taħt is-seat tal-istess karozza.
05:00am: Miguel Caruana, impjegat tal-GO, jagħmel tliet kwarti jistenna lil George Degiorgio biex imorru jistadu. Ċempel lil Degiorgio u ma weġbux, u wara rċieva SMS mingħandu li ma jistax imur.
06:14am: Fl-inħawi tal-Kurja tal-Furjana inxtegħel il-mobile Nokia li fih kien hemm is-SIM CARD li minnu ntbagħat l-SMS qattiel li eventwalment attiva l-bomba.
07:55am: Id-dgħajsa MAYA propjeta' ta' Alfred Degiorgio l-Fulu ħarġet mill-Port il-Kbir u ġibdet lejn in-nofsinhar ta' Malta. Id-dgħajsa kienet misjuqa minn George Degorgio magħruf bħala iċ-Ċiniz.
08:58am: Meta allegatament George kien fuq il-baħar fl-inħawi ta' Baħar iċ-Ċagħaq, jagħmel telefonata mill-mobile personali tiegħu lil Miguel Caruana biex jibgħatlu l-kreditu. Caruana barax in-numru u bagħtulu SMS. Għalkemm kien jidhirlu li George kien bil-kuntratt, ħaseb li forsi għandu bżonn għat-tfal.
09:30am: Resident fil-Bidnija jilmaħ il-karozza bajda suspettuża li kien ilu jara għall-aħħar 3 ġimgħat. Karozza żgħira u tal-kiri li dehret ukoll fin-12.30pm u allegatament nofs siegħa qabel id-delitt. Il-karozza ma baqgħetx tidher iżjed fl-inħawi wara d-delitt. Ġieli din il-karozza kienet tkun ipparkjata ħdejn il-barriera, fiż-żona jgħidulha Ta' Maċedonja. Mal-karozza kien hemm imwaħħla sticker bid-ditta tal-kumpanija tal-kiri. Mitlub mill-Prosekuzzjoni dwar id-dehra tal-persuna li kienet fil-karozza, ix-xhud qal li mill-karnaġġjon kien jidher Għarbi jew Libjan. Stqarr li barra l-karozza qatt ma rah u kien jidher ‘stiff' fis-seat tax-xufier.
2:00pm: Daphne Caruana Galizia tagħmel l-aħħar kuntatt permezz tal-mobile tagħha.
2:50pm: Id-dgħajsa MAYA tibda dieħla lura fil-Port il-Kbir.
Resident fil-Bidnija ħareġ jiċċekkja l-posta u ra karozza bajda mal-grada tiegħu, ipparkjata b'wiċċha lejn l-Imġarr. Dan stqarr li l-karozza, li kellha pjanċi tal-kiri, bl-ittri DQZ, kienet vojta.
2:55pm: Caruana Galizia toħroġ mid-dar, f'dan il-ħin issir telefonata bejn Alfred il-Fulu fil-Bidnija u George ċ-Ċiniż fil-Port il-Kbir. It-telefonata ddum ftit sekondi, fejn żewġ minuti wara saret oħra li damet iktar minn mitt sekonda.
2:58pm: SMS jgħaddi fil-module imqabbad mal-bomba u eventwalment tisplodi. F'din il-minuta is-SIM Card fil-bomba taqta' kull kuntatt minn mat-torri ċellulari.
3:15pm: Id-dgħajsa misjuqa minn George Degorgio ċ-Ċiniż, tinqabad dieħla lura fil-Menqa fil-Marsa.
3:19pm: L-Ispettur tal-Pulizija Maltija Antoine Cilia jasal fuq il-post tad-delitt wara li fuq ir-radio sema' messaġġ li jgħid li raġel li kien fl-inħawi tal-Ġnien tal-Għarusa tal-Mosta, qal li kienet qed tidher karozza tisplodi. Wasslitlu ukoll informazzjoni li seta' kien hemm persuna maqbuda fil-karozza. Kif wasal ra l-biċċiet tal-karozza mifruxa ma' kullimkien, kif ukoll parti mill-ġisem, li wara rriżulta li kien ta' Daphne Caruana Galizia. Ra wkoll argument bejn iben il-vittma, Matthew Caruana Galizia u Mario Vella, minħabba teħid ta' ritratt.
Cilia ra l-ġisem bla ħajja ta' Caruana Galizia jserraħ fuq il-bieba tal-karozza fuq in-naħa tal-passiġġier. Ftit wara, waslu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili li bdew jitfu n-nirien. L-Ispettur, meta kien għaddej, innota karozza bin-numru tal-pjanċi QQZ668.
Il-kuntistabbli Malcolm Cefai mid-Distrett tal-Mosta jgħid li kif waslu fuq il-post kien hemm Matthew Caruana Galizia, iben il-vittma. Matthew qalilhom, "My mum is in the car". Il-pulizija resqu lejn il-karozza imma ma setgħu jagħmlu xejn f'dak l-istadju, peress li n-nar kien kbir u ma setgħux jitfgħuh bil-fire extinguisher. "Ippruvajna nikkalmaw ftit lil Matthew". Ħin minnhom, kien hemm ċertu Mario Vella, u Matthew talbu biex jinterrogawh għax kien qed jieħu r-ritratti tal-karozza ta' ommu. Cefai qal li hu mar ikellem lil Mario u qallu biex jitlaq mill-post, talbu l-mowbajl. Jgħid ukoll li Mario ta l-mowbajl iPhone 7 lil Matthew, li tefgħu mal-art.
4.00pm: F'dan il-ħin jew qabel, Miguel Caruana ra lil George qrib it-Tinda tal-Patata fil-Marsa.
It-Tlieta 17 ta' Ottubru 2017
Jissoktaw l-Investigazzjonijiet b'rabta ma' dan id-delitt u jibdew jaslu f' Malta investigaturi barranin fosthom dawk Olandizi.
Il-Ġimgħa 20 ta' Ottubru 2017
Tinfetaħ ix-xena tar-reat – l-investigaturi barranin ġabru biżżejjed evidenza waqt li l-FBI tibda tipprova tgħaqqad il-biċċiet sabiex tistabbilixxi minn għamel il-bomba.
Is-Sibt 2 ta' Diċembru 2017
L-investigaturi jaslu għalll-aħwa Alfred u George Degorgio flimkien ma' Vince Muscat. L-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra jitolbu lill-Maġistrat Anthony Vella joħroġ mandat ta' arrest.
Arresti
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tnejn 4 ta' Diċembru 2017
8:00pm
Operazzjoni kbira fl-inħawi tal-Menqa fil-Marsa twassal biex jiġu arrestati t-tliet imputati flimkien ma' seba' oħra li jingħataw il-police bail wara 48 siegħa ta' interrogazzjoni. Din l-operazzjoni kienet fost l-akbar li qatt saret f'Malta u li rat is-sehem tal-Pulizija u l-Forzi Armati.
9:00pm
Il-Prim Ministru Joseph Muscat jindirizza konferenza tal-aħbarijiet f'Kastilja li bi kliem meqjus jagħti dettalji dwar l-operazzjoni. 7 ġimgħat wara l-assassinju ta' Caruana Galizia, Muscat żvela li fl-għodwa tal-4 ta' Diċembru kienu ġew arrestati 8 persuni suspettati bil-qtil ta' Caruana Galizia. Jirriżulta li l-persuni arrestati huma kollha Maltin.
Il-Prim Ministru qal li dawn l-arresti saru waqt li kienet għaddejja operazzjoni li ilha għaddejja għal dawn l-aħħar ġimgħat. Muscat qal li l-Pulizija għandha 48 siegħa ċans biex tinterroga lis-suspettati u tiddeċiedi jekk hux se jitressqu l-Qorti.
Meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li l-operazzjoni li kienet għaddejja dak il-ħin fil-Marsa kellha x'taqsam ma' dak li kien għadu kif ħabbar. Qal li minbarra fil-Marsa, l-arresti saru f'Ħaż-Żebbuġ, Buġibba u f'postijiet oħra, tant li l-operazzjoni kienet għadha mhix konkluża.
Muscat qal li wħud mill-persuni arrestati diġà dehru fil-Qorti f'każi oħrajn, oħrajn kienu magħrufa sew mal-Pulizija, u hemm persuni li mhux bilfors li għandhom każi li fil-passat xellfu difrejhom mal-ġustizzja.
Il-PM appella lill-mezzi tax-xandir biex jifhmu li l-informazzjoni li jista' jagħti hija limitata għax irid jintlaħaq bilanċ bejn l-interess pubbliku u l-bżonn li tiġi rispettata l-innoċenza tal-presunti suspettati. Qal li fis-sigħat li ġejjin kienu se jagħtu iktar tagħrif dwar dan il-każ.
Huwa rringrazzja l-ħidma li saret mill-investigaturi Maltin, fi sforz konġunt bejn il-Pulizija, il-Forzi Armati u s-Servizzi Sigrieti, flimkien mal-FBI, il-Europol, u uffiċjali Finlandiżi.
Il-PM tenna li qed iġedded l-impenn tal-istat biex il-presunti suspettati jitressqu quddiem il-ġustizzja. Mistoqsi jekk ġewx infurmati l-familjari tas-Sinjura Caruana Galizia, Muscat wieġeb li huwa m'għandux kuntatt magħhom, iżda spjega kif kien il-Maġistrat inkwerenti li ffirma l-mandati biex isiru t-tfittxijiet meħtieġa f'din l-operazzjoni.
Rikużi ta' Maġistrati
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tlieta 5 ta' Diċembru 2017
L-Ispetturi li qed imexxu l-każ jinterrogaw lill-imputati li ma nisslux kelma waqt l-interogazzjoni
10.00 p.m. Il-Pulizija tressaq lit-tliet imputati l-qorti u li tixlihom bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Il-Ħamis 14 ta' Diċembru 2017
9:00am L-akkużati jitressqu l-qorti quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
Iżda jitfaċċa l-ewwel skoll minħabba li l-Maġistrat tiddikjara potenzjal ta' konflitt ta' interess għax meta kienet tifla kienet fl-istess klassi ta' oħt il-vittma u dan l-aħħar taw il-kondoljanzi lil xulxin. Fi tmiem is-seduta, il-Maġistrat tirtira mis-smigħ tal-provi. Minflokha, il-każ jiġi assenjat lill-Maġistrat Charmaine Galea.
It-Tnejn 18 ta' Diċembru 2017
09:00am L-akkużati jiġu quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, li wkoll tirrikuża mill-każ, għax kienet ikkritikata mill-istess vittma fil-blogg tagħha.
Kumpilazzjoni tax-Xiehda
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tlieta 19 ta' Diċembru 2017
10:30am Il-każ jiġi assenjat lill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Id-difiża titlob ir-rikuża, iżda l-Qorti tirrifjuta t-talba u jibdew ħerġin il-provi tal-prosekuzzjoni minn fomm l-Ispettur Keith Arnaud. F'awla ppakkjata bin-nies, it-tliet akkużati ma juru ebda emozzjoni.
Il-Prosekuzzjoni f'dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra.
L-Avukat Martin Fenech qed jidher għal Vincent Muscat.
L-Avukati William Cuschieri u Martha Muscat qed jidhru għal Alfred Degiorgio.
L-Avukat Josette Sultana qed tidher għal George Degiorgio.
Għall-familja ta' Caruana Galizia, parte civile, qed jidhru l-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia.
L-Erbgħa 20 ta' Diċembru 2017
10:00am Tkompli l-kumpilazzjoni fil-konfront tat-tliet akkużati. Jixhdu l-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra flimkien mal-Assistent Direttur tal-Ħabs u r-raġel tal-vittma, Peter Caruana Galizia.
Il-Ħamis 21 ta' Diċembru 2017
10:00am Il-Qorti tiddikjara li hemm biżżejjed provi biex it-tliet imputati jitpoġġew taħt att ta' akkuża.
Il-Ħamis 1 ta' Frar 2018
Jixhdu żewġ residenti mill-Bidnija, żewġ rappreżentanti tal-kumpanija tal-kiri tal-karozzi li kriet il-karozza lil Caruana Galizia, sprayer ta' garaxx f'Ħaż-Żebbuġ, Miguel Caruana ħabib tal-akkużati, l-Ispettur Antoine Cilia, u 5 uffiċjali oħra tal-pulizija.
L-Erbgħa 7 ta' Frar 2018
Jixhdu sid il-kera tal-post fejn joqgħod l-akkużat Alfred Degiorgio, u panel beater mill-Imrieħel.
Il-Ħamis 15 ta' Frar 2018
Jixhdu tliet pumpieri tat-tifi tan-nar, uffiċjal tas-CID, uffiċjal tal-isplussivi, Francis Sant resident il-Bidnija.
It-Tnejn 26 ta' Marzu 2018
Jixhdu madwar 20 xhud fosthom tobba, infermiera, pulizija, membri tal-Protezzjoni Ċivili u tal-Armata li kellhom sehem fl-investigazzjonijiet li waslu għall-arrest ta' tat-tliet akkużati. Xhieda li damet mat-tliet sigħat u nofs.
Il-Kuntistabbli Duncan Dimech qal li l-għada li nqatlet Caruana Galizia mar ifittex filmati mill-kameras tas-sigurtà fil-Bidnija u resident qallu li fit-tliet ġimgħat qabel id-delitt kien innota karozza bajda – x'aktarx tal-kiri – fil-parti ta' fuq tal-Bidnija fejn il-ġnien l-Għarusa tal-Mosta. Il-Kuntistabbli qal li meta mar ifittex fiż-żona sab ċint imwaqqa' u loqma ta' sigarett li ġiet elevata għal iktar stħarriġ.
L-Ispettur Kevin Pulis qal li fl-4 ta' Diċembru meta ġew arrestati t-tliet akkużati, flimkien ma membri tas-CID u l-forensika marru fl-appartament ta' Alfred Degiorgio f'San Pawl il-Baħar u fil-preżenza ta' Degiorgio stess u ta' espert barrani saru tfittxijiet u ġew elevati tagħmir elettroniku u teknoloġiku u €4,800 fi flus kontanti li kienu moħbija wara gwarniċ.
Il-Kuntistabbli Oliver Borg xehed li hu kien mar jagħmel tfittxijiet f'Wied il-Għajn u Ħaż-Żabbar. Il-kuntistabbli qal li l-mandati għat-tfittxijiet saru fil-preżenza tal-espert tal-Europol li hu u sħabu bdew isejħu ‘Mr Israel'.
Xehed ukoll Mario Vella li joqgħod il-Bidnija li rrakkonta kif hu u Matthew Caruana Galizia għal ftit ma ġewx fl-idejn minħabba li Matthew ssuspetta fih li kien ħa xi ritratti tal-karozza sploduta bil-vittma. Xehed li l-Pulizija ċċekkja l-mobile tar-raġel u ma sab xejn, iżda Matthew baqa' jinsisti li kien ħa r-ritratti u meta stiednu jara l-mobile hu stess, dan sabatulu fl-art. Vella qal li hu jifhem li ż-żagħżugħ kien f'dagħdija kbira u l-kwistjoni waqfet hemm.
Il-Kuntistabbli Jeffrey Gerada u Duncan Dimech xehdu li waqt it-tfittxija fl-imħażen magħrufa bħala ‘tal-patata' fil-Marsa, George Degiorgio talabhom tazza ilma u kif il-Pulizija qabad tazza u kien se jtih l-ilma fiha, Degiorgio għamillu sinjal għal tazza oħra. Il-Kuntistabbli qalu li dan minkejja li huwa kien qal li ma kien jaf xejn dwar dik il-kamra.
Xehdu wkoll il-Konsulent Michael Spiteri u membri oħrajn mid-Dipartiment tal-Emerġenza f'Mater Dei li kif waslu fuq il-post raw karozza taqbad u xena makabra, b'persuna tiġi ċċertifikata mejta fuq il-post.
Il-Ħamis 12 ta' April 2018
Mix-xhieda ta' esperti tal-Qorti ħareġ kif mil-laptop elevat mid-dar ta' Caruana Galizia – l-uniċi dokumenti u informazzjoni fuq dan il-laptop imorru lura għas-sena 2015 u b' hekk ma setgħetx tiġi elevata informazzjoni tal-aħħar sentejn. Rapport tal-informazzjoni elevata minn dan il-laptop flimkien ma' memory card u żewġ kameras diġitali għaddew f' idejn il-Qorti mill-espert nominat mill-inkjesta Alvin Cardona.
Intant l-avukati li qed jidhru parte civile għall-familja talbu biex f'kull stadju tiġi protetta l-identità tas-sorsi li kellha Caruana Galizia.
Intant, espert ieħor tal-Qorti, din id-darba, Keith Cutajar preżenta wkoll il-filmati kollha tal-kameras tas-sigurtà elevati minn bnadi differenti lill-Qorti. Fost il-filmati preżentati lill-Qorti hemm dawk elevati minn dar fil-Bidnija, minn Burmarrad Road, Valletta Cruise Port, Transport Malta mill-Portijiet fuq sitt kameras, 20 kamera mit-toroq u kif ukoll entitajiet oħra bħal Percius Car Hire – il-kamera li tagħti fuq il-kaxxa taċ-ċwievet, Mount St Joseph u Identity Malta b' total ta' bejn 60 u 70 kamera.
Fis-seduta, xehdu wkoll l-uffiċjali tal-Forzi Armati ta' Malta li bejn l-4 u t-8 ta' Diċembru għamlu tfittxija intensiva taħt il-baħar fl-inħawi tat-tinda tal-patata fil-Marsa – huma qalu kif b' kollox minn taħt dan il-baħar ġew elevati mobile phones, batteriji u kif ukoll simcard holders – liema oġġetti għaddew f' idejn il-Pulizija mit-taqsima forensika. Huma ddiskrivew ix-xena ta' taħt il-baħar f' dawk l-inħawi bħala waħda maħmuġa u mimlija ħama, tant li kienet diffiċli ferm għalihom sabiex jagħmlu dawn it-tfittxijiet.
Intant, fuq il-pedana tax-xhieda, l-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Keith Arnaud, ressqet ukoll għadd ta' uffiċjali tal-Pulizija li kienu nvoluti f' għadd tal operazzjonijiet nhar l-4 ta' Diċembru. B' mod partikolari fit-tfittxija li saret fid-dar ta' George Degorgio ċ-Ċiniz u Vince Muscat il-Koħħu. Mix-xhieda ħareġ ukoll kif fit-tfittxijiet li saru dejjem kien hemm il-preżenza ta' uffiċjali tal-Europol jassistu lill-Pulizija Maltija.
L-Erbgħa 18 ta' April 2018
Isir l-aċċess fil-Bidnija bħala parti mill-Kumpilazzjoni tax-Xhieda. Il-prosekuzzjoni tat spjegazzjoni lill-Qorti dwar kif u minn fejn inġabret l-evidenza dwar il-każ mill-Bidnija. Fuq il-post kien hemm il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, it-tliet akkużati u l-avukati tagħhom, l-avukat tal-familja Caruana Galizia Jason Azzopardi, u numru ta' pulizija armati.
Il-Ġimgħa 20 ta' April 2018
Loqma ta' sigarett li ġiet elevata minn taħt ċint taħt siġra fil-Bidnija nstab li kellha traċċi ġenetiċi jew aħjar id-DNA ta' Alfred Degiorgio. Dan ġiet żvelata mill-espert forensiku Dr Marisa Cassar. Fil-bidu tas-seduta, Dr Cassar dehret dieħla fl-awla b'żewġ xkejjer kbar b'oġġetti li nġabru mill-Bidnija kif ukoll minn dawk li kienu l-imħażen tal-patata fil-Marsa. Fil-Qorti, l-esperta nnominata mill-Maġistat Anthony Vella xehdet kif fl-esebiti kien hemm profili ġenetiċi ta' 12-il persuna li tqabblu ma' tal-aħwa Alfred u George Degiorgio. Kien hawn li rriżulta li s-sigarett li nġabar minn taħt iċ-ċint fil-Bidnija kien ta' Alfred Degiorgio.
Ħareġ ukoll li l-filmati li ttieħdu mill-bugħaddasa tal-Armati bejn l-4 u t-8 ta' Diċembru li għadda b'camera GO PRO- u li kienu miżmuma kemm fil-kompjuter tal-armata kif ukoll f'SD CARD, intilfu minħabba ħsara. Dan il-fatt xehdu Matthew Sant fejn qal li hu ra b'għajnejh dawn il-filmati li ttieħdu fuq l-istess kompjuter iżda jidher li għal xi raġuni l-informazzjoni inqerdet. Spjega li saru diversi tentattivi sabiex l-informazzjoni tiġi salvata – fejn saħansitra kien hemm ukoll l-involviment tal-esperti tac-CyberCrime- iżda dan kien kollu ta' xejn.
L-Ispettur John Spiteri li fit-tfittxija fl-appartament ta' George Degiorgio f'San Pawl il-Baħar instab apparat elettroniku fosthom telefons ċellulari u sim cards fost l-oħrajn. Semma li fil-kamra tas-sodda matrimonjali ta' Degiorgio instabu xi karti fosthom dokument bl-akkużi li jmorru lura għall-2008.
Il-Ħamis 26 ta' April 2018
Xehed il-kriminologu Prof. Saviour Formosa, li kien innominat mill-Maġistrat Anthony Vella biex jagħmel analiżi taż-żona fejn fis-16 ta' Ottubru li għadda seħħ id-delitt. Parti mill-istudju kien li analizza minn fejn jidhru ċertu postijiet ta' interess, bil-Prof. Formosa jgħid li ħoloq mudell tridimensjonali (3D) taż-żona.
John Gera, li kien innominat mill-Qorti biex jieħu ħsieb is-sigurtà tal-post tal-inċident qal li huwa kien inkarigat biex jirrapporta xi ċaqliq tal-vettura tal-ġurnalista u biex tkun ippriservata l-evidenza.
Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Antoine Cilia ppreżenta GPS data tat-tliet karozzi tal-Pulizija li waslu l-Bidnija dakinhar tal-inċident filwaqt li ppreżenta wkoll ritratti li ħadu l-Pulizija hekk kif waslu fuq il-post.
Xehed ukoll warrant officer tal-Explosive Ordinance Disposal (EOD) Alex Smith, li spjega kif fil-ġurnata tal-inċident evakwa ż-żona u ra jekk kienx hemm tagħmir ieħor splussiv fl-inħawi. Qal li kien involut ukoll fi tfittxija li saret f'garaxx fil-Mosta nhar is-6 ta' Diċembru iżda ma sabu xejn suspettuż u li tela' wkoll l-Olanda b'xi materjal biex jiġi analizzat.
It-Tlieta 22 ta' Mejju 2018
Żewġ membri tal-FBI (Federal Bureau of Investigation), Richard Fennern u William Schute, xehdu kif il-messaġġ li ntbagħat mit-telefown ċellulari biex tieħu l-bomba kien #REL1 = ON. L-Aġenti Speċjali qalu kif intużaw żewġ linji differenti, li ma ntużaw qatt aktar minn wara li ntbagħat il-messaġġ.
Iż-żewġ aġenti ppreżentaw rapport dettaljat, li jispjega l-użu tat-telfowns ċellulari li kienu użati dakinhar. L-aġenti qalu li f'dak il-ħin tal-isplużjoni, kien hemm 53 telefonata ċellulari, madanakollu kien hemm numru wieħed biss li ntuża dak il-ħin u li dan ma reġax ntuża aktar. Il-messaġġ li ntbagħat biex splodiet il-bomba kien mibgħut fuq il-baħar.
Espert tal-Europol li kien qiegħed jixhed illum stqarr li mill-eżamijiet li saru rriżulta li l-bomba kienet ġewwa l-vettura, taħt is-sit tal-istess vittma. L-espert tenna kif l-evidenza fuq il-vettura eskludiet inċident jew użu ta' pitrolju, imma li dan it-tip ta' splussiv kien "high grade military explosive", li huwa stmat ta' bejn 300 gramma u 400 gramma.
Żied jgħid ukoll l-Europol waslet għall-konklużjoni li din il-bomba kienet intenzjonata u kapaċi tikkawża l-mewt jew uġigħ serju fuq dik li kienet qiegħda tuża l-vettura, u din kienet tiddependi fuq il-pożizzjoni tal-persuna. Il-fatt li din il bomba tpoġġiet taħt is-sit tas-sewwieq kienet tikkawża kważi mija fil-mija l-mewt tas-sewwieq. Passiġġieri fuq quddiem kellhom 50% li jmutu, kif ukoll fuq dawk bilqiegħda fuq wara.
Il-Ħamis 14 ta' Ġunju 2018
Ix-xhud tal-lum kienet mara, Charlene Abela, li nzertat għaddejja bil-karozza lejn il-Bidnija u rat l-isplużjoni sseħħ quddiemha. Meta bdiet tirrakkonta dak li rat, ix-xhud infaqgħet tibki u qalet li tiftakar splużjoni u ftit wara l-affarijiet bdew itiru ma' kullimkien. Spjegat kif kienet madwar 30 metru ‘l bogħod mill-karozza u meta rat l-isplużjoni daħlet f'drive in. L-Ispettur Arnaud talabha tiddeskrivi l-isplużjoni u hi spjegat kif l-ewwel splużjoni seħħet fuq wara tal-karozza. Ftit wara l-karozza splodiet u baqgħet tinqaleb sakemm spiċċat fl-għalqa.
L-Erbgħa 4 ta' Lulju 2018
Wieħed mill-erba' esperti mill-Istitut Forensiku Olandiż, li kellu r-responsabbilità li joħroġ il-ġisem ta' Caruana Galizia mill-karozza, qal li l-ġisem tal-vittma tant kien maħruq li ma kienx possibbli li jagħmel testijiet fuqu dwar l-isplussiv li ntuża. Huwa kien fost diversi esperti li xehdu llum.
L-espert Olandiż ta deskrizzjoni ta' x'sabu fuq ix-xena tad-delitt, kif instabet il-karozza, il-ġisem u affarijiet l-oħra li nstabu fuq il-post. Huwa qal li s-sieq il-leminija tal-vittma instabet fuq il-post u minn fuq is-sieq irnexxielhom jieħdu kampjuni tar-residwi tal-isplussiv.
L-espert ikkonferma li l-bomba kienet tpoġġiet fuq ġewwa tal-karozza, preċiżament taħt is-seat tax-xufier u li l-metall tal-karozza kien mgħawweġ minn ġewwa għal barra. Qal li l-post kollha ġie mfittex b'reqqa kbira mill-esperti.
Sadanittant, xehdu wkoll diversi esperti tal-Europol, li tkellmu fuq ix-xogħol individwali tagħhom u ġew ippreżentati diversi oġġetti fil-Qorti. Wieħed mix-xhieda tal-Europol spjega kif l-evidenza miġbura inqasmet fi tlieta: dik li ġiet eżaminata f'Malta, dik li ttieħdet fil-kwartieri tal-Europol u dik li ma kellha l-ebda importanza. L-evidenza li ttieħdet barra minn Malta inġiebet lura personalment taħt sigurtà massima.
3 ta' Settembru 2018
Illum xehdu numru ta' rappreżentanti tal-kumpaniji li jipprovdu servizzi ta' telefonija, esperti mqabbda mill-Qorti, esperti barranin kif ukoll uffiċjali tal-Pulizija. L-espert tal-Qorti Keith Cutajar xehed dwar id-dgħajsa Maya filwaqt li ppreżenta għadd ta' kopji ta' evidenza ppreżentata mill-Europol aktar kmieni din is-sena.
Fil-Qorti ġew ippreżentati wkoll informazzjoni relatati mat-telefonati, SMS's u data tal-akwati tal-Bidnija tas-16 ta' Ottubru bejn is-2.30 p.m. u t-3.15 p.m. L-evidenza ġiet ippreżentata minn rappreżentanta tal-kumpanija Melita.
Warajha xehed rappreżentant tal-GO li ppreżenta wkoll informazzjoni kif mitluba mill-esperti u l-Prosekuzzjoni. Huwa wkoll ippreżenta data maqbuda mill-antenni tal-kumpanija fl-inħawi msemmija.
Sadanittant, iddaħħlu wkoll numru ta' kaxxi bl-evidenza miġbura minn fuq ix-xena tar-reat. Dawn bdew jinfetħu waħda wara l-oħra, bil-proċess ħa kemmxejn fit-tul hekk kif beda jkun spjegat x'fiha kull kaxxa.
11 u 12 ta' Ottubru 2018
Numru ta' esperti forensiċi komplew jixhdu dwar l-involviment tagħhom fil-ġbir ta' provi forensiċi mit-tinda tal-patata fejn ġew arrestati t-tliet akkużati, minn żewġ dgħajjes ta' tnejn mill-akkużati u mid-djar tagħhom. Huma xehdu kif elevaw, fost oħrajn, marki tas-swabi mill-imsemmija tinda u anke telefons ċellulari u għaddewhom lil esperti oħra għal aktar stħarriġ.
L-għada taw ix-xhieda tagħhom żewġ uffiċjali tal-forensika dwar it-tiftix li kienu għamlu f'appartament f'San Pawl il-Baħar, li s-sid tiegħu huwa George Debono, wieħed mit-tliet akkużati. Huma spjegaw kif mill-appartamenti kienu elevati diversi marki tas-swaba' u kampjuni li kienu sottoposti għat-testijiet tad-DNA.
Fuq il-pedana tax-xhieda telgħu wkoll żewġ uffiċjali oħrajn li kieni appuntati f'Diċembru li għadda biex jagħmlu tiftix fl-uffiċini tal-GO fil-Marsa, f'vettura tat-tip Toyota Aygo, u proprjetà f'Ħaż-Żabbar.
Talbiet għall-Ħelsien mill-Arrest Miċħuda
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tlieta 17 ta' April 2018
Il-Qorti tiddiskuti t-talba tal-ħelsien mill-arrest tat-tlett akkużati bil-qtil ta' Caruana Galizia. Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu, u l-aħwa George u Alfred Degorgio magħrufa bħala ċ-Ċiniż u l-Fulu, permezz tal-avukati tagħhom fis-seduta li għaddiet talbu l-ħelsien mill-arrest. Wara s-smigħ tad-difiża u tal-prosekuzzjoni, il-Maġistrat issospendiet is-seduta u qalet li ser tkun qed tagħti d-digriet tagħha fil-jiem li ġejjin.
Il-Ħamis 19 ta' April 2018
It-tliet suspettati ma jingħatawx il-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti ma laqgħetx it-talba li saritilha mid-difiża jumejn qabel, bl-akkużati jibqgħu miżmuma fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit waslet biex tieħu din id-deċiżjoni wara li kkunsidrat il-gravità tal-każ u r-riskju li l-akkużati jistgħu jaħarbu mill-pajjiż jew possibilment iwettqu reati oħra fost l-oħrajn.
L-Erbgħa 11 ta' Lulju 2018
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit terġa' tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest tat-tliet irġiel li jinsabu akkużati bil-qtil ta' Caruana Galizia. Stafrace Zammit reġgħet għamlet referenza għall-punti msemmija fid-digriet preċedenti (ta' April) u rrimarkat ukoll li l-kondotta tal-akkużati turi li dawn kienu ġew ikkundannati fuq diversi reati oħra.
Il-Maġistrat Stafrace Zammit irrimarkat kif il-vittma f'dan il-każ ma kinitx persuna ordinarja, iżda ġurnalista u għalhekk il-qtil tagħha kellu jitqies bħala attakk fuq il-libertà tal-espressjoni, pilastru f'soċjetà demokratika.
“Jidher ukoll li l-akkużati ma aġixxewx waħedhom u għalhekk jista' jkun li hemm persuni oħra involuti fir-reat. L-għoti tal-ħelsien mill-arrest lill-akkużati jista' jippreġudika l-arrest ta' persuni oħra.”
Il-Kwistjoni tal-Laptops
[immodifika | immodifika s-sors]Artiklu fuq is-sit Times of Malta tat-23 ta' Mejju 2018 ħabbar li l-Maġistrat Aaron Bugeja ġie infurmat mill-Pulizija Ġermaniża li dawn għandhom fil-pussess tagħhom żewġ laptops u tliet hard drives li kienet tuża Daphne Caruana Galizia qabel inqatlet. Il-Pulizija Ġermaniża infurmat lill-Maġistrat dwar dan l-iżvilupp hekk kif, is-sena li għaddiet, hu talabha l-għajnuna dwar l-inkjesta ta' Egrant.
Malli rċevew din it-talba, il-Pulizija Ġermaniża taw aċċess lil Bugeja għal data mill-Panama Papers dwar it-tliet kumpaniji fil-Panama, li nfetħu minn Nexia BT. Issa Bugeja jista' formalment jitlob kopji tal-informazzjoni li tinsab fil-laptop ta' Caruana Galizia.
Il-Pulizija Ġermaniża qalet ukoll lill-ġurnal Suddeutsche Zeitung li jista jagħti l-każ li issa awtoritajiet oħra Maltin jitolbu li anke huma jingħataw kopji ta' informazzjoni mill-laptop, f'każijiet li mhumiex relatati mal-inkjesta Egrant. Minkejja dan ma qalux jekk hux se jaċċettaw dawn it-talbiet.
Ftit ġranet qabel, il-'Fulu,' wieħed mit-tliet akkużati tal-qtil ta' Caruana Galizia kien fetaħ Kawża Kostituzzjonali illi fiha akkuża lill-Kummissarju tal-Pulizija li mhux jagħmel biżżejjed biex tinġabar l-evidenza kollha. Qal ukoll li l-familja ta' Caruana Galizia qed titħalla tiddetta hi x'evidenza tinġabar waqt li saħaq illi l-laptop jista' jkun jinkludi evidenza sensittiva dwar terzi persuni involuti fil-qtil tal-ġurnalista.
Oħt Daphne Caruana Galizia, Corinne Vella, kienet qalet lill-Proġett Daphne li l-aħħar laptop li kienet qed tuża Caruana Galizia kien għand il-familja u għax ma għandhomx fiduċja fil-pulizija rrifjutaw li jgħadduh. Matthew Caruana Galizia kien qal ftit qabel li jippreferi jaħraq il-laptop milli jgħaddih lill-pulizija. Kien saħaq li l-Pulizija għandhom minflok jiġbru l-laptop tal-Prim Ministru Joseph Muscat
Każ b'rabta mal-Kutrabandu ta' fuel mil-Libja?
[immodifika | immodifika s-sors]Il-ġurnalista Amerikana Ann Marlowe qalet fuq l-istazzjon Rainews 24 li l-materjal użat biex saret il-bomba li tpoġġiet taħt il-karozza ta' Caruana Galizia, maħsub li kien Semtex, kien ġej mil-Libja, speċifikament mill-port ta' Zwara. Dan ma kienx ikkonfermat mill-Pulizija Maltija. Marlowe kienet propju l-ewwel ġurnalista li fl-2015 tkellmet dwar it-trasport ta' fjuwil b'kuntrabandu mil-Libja lejn l-Ewropa.
“Sirt naf mis-sorsi Libjani tiegħi li l-isplussiv Semtex, li qatel lil Daphne Caruana Galizia kien ġej mill-port ta' Zwara, fejn hemm il-Kwartieri Ġenerali ta' Fahmi Mousa Saleem Ben Khalifa, li huwa magħruf bħala r-re tal-kuntrabandu tal-fjuwil mil-Libja, u numru ta' traffikanti tal-mafja li jaħdmu qrib kriminali Maltin u Taljani ,” qalet il-ġurnalista Amerikana.
Hija żiedet tgħid li l-materjal Semtex huwa bħal firma tat-terroriżmu Libjan u spjegat li dan l-isplussiv intuża f'każijiet simili fis-snin tmenin u disgħin, l-istess materjal użat f'lockerbie. Bil-midja Taljana qed torbot id-delitt ta' Daphne Caruana Galizia mal-kuntrabandu tal-fjuwil.
Kuntrabandu li dwaru ġie arrestat l-ex plejer internazzjonali Malti, Darren Debono, fil-gżira ta' Lampedusa.
Arrest li dwaru fuq Rai News 24, intqal mill-Kmandant tal-Pulizija tat-Tribunal Francesco Ruis, li Debono x'aktarx prova jaħrab lejn port sigur wara li l-awtoritajiet ġudizzjarji fi Sqallija ħarġu mandat ta' arrest Ewropew fil-konfront tiegħu u ta' Malti ieħor b'rabta ma' traffikar ta' fjuwil tal-kutrabandu mil-Libja. Madankollu ngħad li Debono kien kostrett jieqaf Lampedusa minħabba l-maltemp.
Ruis qal li lil Malti sabuh wara li segwew bis-satelliti tagħhom il-movimenti ta' Debono li nstab f'lukanda. Żied jgħid li bħalissa għaddejja l-investigazzjoni biex jiġi stabbilit fejn kien sejjer qabel kien kostrett jieqaf fuq din il-gżira. Il-Kmandant spjega li l-awtoritajiet ġudizzjarji mhux biss kienu qed isegwu l-passi tiegħu iżda anke ta' dawk viċin tiegħu li setgħu kienu qed jassistuh.
Huwa sejjaħ lil Darren Debono bħala ċ-ċavetta ta' din l-inkjesta dwar it-trasport ta' żejt ta' kuntrabandu mil-Libja u li kien qed jinbiegħ fl-Ewropa.
Qed ikun irrappurtat li Debono kellu lil Fahmi Mousa Saleem Ben Khalifa bħala kuntatt ewlieni, l-istess persuna li viċin il-kwartieri tiegħu hemm il-port Zwara li l-ġurnalista Amerikana Ann Marlow qalet li kien il-punt tat-tluq tal-materjali Semitex li intuża fid-delitt ta' Daphne Caruana Galizia.
L-operazzjoni magħrufa bħala Dirty Oil qed jintqal li kienet tinvolvi aktar minn tletin vjaġġ li matulhom ġew trasportati aktar minn tmenin miljun kilogramma ta' żejt bil-kuntrabandu għall-valur ta' tletin miljun ewro.
Kaz b'rabta ma' Investigazzjoni fuq Ħasil ta' Flus f'bank fil-Latvja?
[immodifika | immodifika s-sors]F'Ġunju 2019, il-familja Caruana Galizia qalet li hemm ċans li hemm rabta bejn il-qtil tagħha u l-investigazzjoni li kienet qed tagħmel fuq il-bank ABLV fil-Latvja, li allegatament kien qed jipprovdi spazju għal network ta' ħasil tal-flus għal persuni esposti politikament f'Malta u fl-Ażerbajġan.
Dan qalitu fi stqarrija wara li fit-30 ta' Mejju 2019 ssottomettiet rapport dwar tranżazzjonijiet suspettużi, twil 31 paġna, lill-uffiċju għall-Prevenzjoni tal-ħasil ta' flus li jinġiebu minn attività kriminali fil-Latvja. Ir-rapport isemmi membri tan-network tal-ħasil tal-flus li Daphne Caruana Galizia kienet qed tinvestiga u li hu maħsub li kellhom konnessjoni mal-qtil tagħha.
L-istqarrija tgħid li Caruana Galizia tħalliet tiddokumenta waħedha l-kriminalitajiet dwar Pilatus Bank u l-ħabi ta' dawn il-kriminalitajiet mill-Gvern Malti. Il-familja spjegat kif Martins Bunkus, avukat mil-Latvja li wkoll ħadem sabiex ABVL Bank jiġi likwidat involuntarjament, spiċċa maqtul wara attakk ippjanat, seba' xhur biss ‘il bogħod mill-qtil ta' Caruana Galizia. Qalu li l-assassinju tiegħu wkoll għadu mhux solvut.
Il-familja sostniet li minħabba li żewġ persuni li bdew jippruvaw jikxfu l-fatti tal-każ spiċċaw maqtula ftit inqas minn sena ‘l bogħod minn xulxin, u fiż-żewġ każijiet il-mandanti għadhom mhux magħrufa, huwa ċar li l-Ewropa qed tesperjenza emerġenza kriminali u korrotta u hemm ċans kbir li jkomplu jinqatlu aktar persuni minħabba dan.
Il-familja tenniet li hija kommessa li tikseb ġustizzja sħiħa għal Caruana Galizia u l-investigazzjonijiet tagħha. Qalet li temmen li l-unika mod kif tista' titwaqqaf il-kriminalità hija permezz tal-kontabbiltà u l-użu ta' awtoritajiet ġudizzjarji.
Il-Ġuri
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar is-16 ta' Lulju 2919, l-Avukat Ġenerali ressaq formalment l-att ta' akkuża kontra Vince Muscat, George Degiorgio u Alfred Degiorgio, it-tliet irġiel li huma mixlija bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, wara li l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontrihom ilha għaddejja sena u nofs, minn Diċembru 2017. Dan ifisser li nġabru biżżejjed provi biex it-tliet irġiel jgħaddu ġuri.
17 Black
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2018, il-ġurnal Times of Malta żvela li l-kumpanija 17 Black f'Dubaj hija ta' Yorgen Fenech, li kien id-Direttur tal-Power Station tal-Electrogas f'Malta. Fenech kien ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Tumas Group.
The Daphne Project: “€1.3m f'17 Black – klijent prospettiv ta' Mizzi u Schembri”. It-Times of Malta f'ħidma konġunta mal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, kisbet din l-informazzjoni minn imejl li identifikat lil 17 Black bħala wieħed mis-sorsi ta' qligħ għall-kumpaniji sigrieti fil-Panama Hearnville u Tillgate, li kienu tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rispettivament. Mizzi u Schembri ċaħdu din l-allegazzjoni.
F'Novembru 2019, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rtira l-libell dwar 17 Black wara seduta mqanqla fil-Qorti tal-Maġistrati dalgħodu. Schembri kien mistenni jixhed dwar il-kumpanija bbażata f'Dubaj, bħala parti minn libell li fetaħ lil Simon Busuttil, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista, fuq allegat tixħim fl-2016.
Arresti Importanti
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar id-19 ta' Novembru 2019, il-Prim Ministru Joseph Muscat iffirma ittra fejn irrakkommanda lill-President sabiex jagħti l-maħfra presidenzjali lil ċertu Melvin Theuma li serva bħala s-sensar għall-assassinju ta' Caruana Galizia. Dan hekk kif hu deher li kien lest li jagħti l-isem tal-mandant tal-assassinju tal-ġurnalista.
L-għada, nhar l-20 ta' Novembru 2019, Yorgen Fenech, negozjant ewlieni f'Malta tat-Tumas Group, is-sid tal-kumpanija 17 Black u d-Direttur tal-kumpanija Electrogas ġie arrestat b'rabta mal-assassinju ta' Caruana Galizia. Dan wara li skont rapporti pprova jaħrab minn Malta bil-jott tiegħu kmieni filgħodu. Il-jott ta' Fenech, ġie interċettat mill-Forzi Armati ta' Malta għall-ħabta tal-5.30am fil-marina ta' Portomaso.
Isem Yorgen Fenech issemma' fil-konverżazzjonijiet li kellhom il-Pulizija ma' Melvin Theuma is-suspettat sensar tal-assassinju ta' Caruana Galizia.
Ix-xhieda ta' Melvin Theuma
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar l-4 ta' Diċembru 2019, Melvin Theuma, ta l-evidenza tiegħu fil-qorti. Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali mill-Prim Ministru Joseph Muscat wara rakkomandazzjoni mill-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija biex jikxef dak kollu li jaf dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Huwa beda jagħti x-xhieda tiegħu quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Huwa ħalef li jgħid il-verità.
Huwa kien qiegħed jixhed fil-kumpilazzjoni tax-xhieda tal-eżekuturi fil-qtil ta' Caruana Galizia, Alfred u George Degiorgio u Vincent Muscat, li kienu preżenti f'awla sebgħa fl-ewwel bank quddiem il-maġistrat.
Fil-bidu tas-seduta l-Kap tal-Iskwadra tal-Omicidji l-ispettur Keith Arnaud informa lill-Maġistrat li x-xhud li se jitla' ma jistgħux jittieħdu passi kontrih minħabba li ġimgħa ilu huwa ngħata l-maħfra presidenzjali, wara Ii ta biżżejjed evidenza fil-każ ta' qtil ta' Caruana Galizia u tliet każijiet oħra fosthom relatati ma' ħasil ta' flus.
L-ispettur Arnaud qal lill-Maġistrat li f'każ li Theuma ma jgħidx il-verità, il-maħfra presidenzjal taqa' u jittieħdu passi fil-konfront tiegħu.
Melvin Theuma identifika lit-tlett eżekuturi b'isimhom u bil-laqam tagħhom. Qal li sar jaf l-ewwel lil Alfred imbagħad sar jaf lil ħuh George u imbagħad sar jaf lil Vince.
Qal li sar jafu għax kien hemm wieħed Darren Debono u kellmu Alfred biex krielhom flat.
Qal li huwa kien ħabib ma' Yorgen Fenech u kien isiefer miegħu, Franza u Fenech kien iħallaslu kollox. Qal li sar jaf lil Yorgen wara li kien jaf lil zijuh Ray Fenech.
Qal li ħames snin ilu Yorgen Fenech tah permess biex ikun jista jibda jaħdem bit-taxi tiegħu minn ħdejn il-Hilton.
Theuma xehed li f'Mejju tal-2017, Yorgen Fenech cempillu biex jiltaqgħu barra r-ristorant Blue Elephant.
Hemmhek qallu biex ikellem lil George Degiorgio, iċ-Ċiniz biex joqtol lil Caruana Galizia għax kienet se toħroġ informazzjoni dwar zijuh Ray Fenech.
L-għada Melvin Theuma ltaqa' maċ-Ċiniż u ħuh il-Fulu fit-tinda tal-patata l-Marsa u spjegalu li hemm persuna li tħallas tajjeb li ried joqtol lil Caruana Galizia.
Jumejn wara iltaqa' ma' Alfred fil-ħanut tal-Busy Bee. Alfred qallu li tkellem ma' sħabu u qablu li joqtluha u jitħallsu €150,000, u depożitu ta' €30,000.
Theuma qal li mal-eżekuturi qatt ma semma li Yorgen Fenech ried joqtolha.
Jumejn wara, Yorgen Fenech ċempillu u qallu li se jċempillu Sandro Craus biex jiltaqa' ma' Keith Schembri f'Kastilja. Schembri dawru ma' Kastilja u ħadu ritratt flimkien. Hemmhekk huwa ltaqa' wkoll ma' Sandro Craus li qallu li tawh job mal-Gvern.
Qal li hu kien jaf lil Keith Schembri għax kien rah darb'oħra qabel, f'ikla li organizza Yorgen fil-farmhouse tiegħu f'Ħaż-Żebbuġ.
Qal li ltaqa' ma' Schembri darbtejn, darba fl-ikla u darba meta ltaqa' miegħu Kastilja.
Melvin Theuma qal li mar f'ministeru fejn bagħtu Schembri, fejn tkellem ma' wieħed Toni Sammut. Minn hemm 'il quddiem huwa beda jirċievi ċekk mingħajr ma jmur għax-xogħol.
Theuma qal li meta tħabbret l-elezzjoni ġenerali Yorgen Fenech qallu biex iwaqqaf kollox. Huwa informa lil Alfred biex iwaqqaf kollox u ma joqtlux lil Caruana Galizia.
Qal li fil-kampanja elettorali lagħab għal ħafna drabi, b'total ta' 150,000 flus lil Yorgen Fenech. Fenech beda jilgħab li l-Parit Laburista se jitla' fil-Gvern.
Il-Ħadd meta l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni waranofsinhar Yorgen Fenech cempillu u qallu biex imexxi u joqtol lil Caruana Galizia.
Iżda Melvin Theuma ma bediex jemmen lil Fenech għax beda jħossu li kien xurban
Ġimagħtejn wara l-elezzjoni ġenerali, Theuma mar iwassal lil Fenech l-airport u qabel ma telaq Yorgen Fenech ħareġ pakkett bil-flus u qallu biex jagtihom lil dawk biex imexxu u joqtlu lil Caruana Galizia. Fl-envelop kien hemm 150,000 ewro.
Huwa ltaqa' ma' Alfred ftit wara u tah €30,000.
Minn dakinhar 'l hawn, Yorgen beda jċempillu waħda f'waħda lil Melvin Theuma u kien jgħidlu “mur għaġġel oqtolha għax se toħroġli l-informazzjoni”.
Qal li Fenech beda jagħmillu pressjoni kbira biex joqtluha imma Alfred Degiorgio ried il-ħin tiegħu.
Yorgen Fenech qallu biex il-bomba jagħmluha sew biex Daphne tmut u ma jiġriliex bħal Romeo Bone, li kien vittma ta' karozza bomba.
Alfred Degiorgio kien qal lil Melvin “Qed tkiddna dik, imma mietu daqstant bullies ma tmutx din.”
Melvin informa b'dan lil Fenech. B'Fenech tah informazzjoni fejn tkun Caruana Galizia. Hawnhekk issemma' ristorant in-Naxxar u r-Rabat.
Melvin Theuma qal li darba minnhom Alfred kien tah mobile.
Darba minnhom ukoll Alfred kien ħadu bil-karozza ta' Vince Muscat il-Bidnija, biex juruh li qegħdin jagħmlulu x-xogħol.
Qal li darba minnhom Alfred kien ċempillu u qallhom li kellu kollox lest biex jitfgħu l-bomba imma sabu road block u kellhom imorru lura.
Theuma qal li hu ma kienx jaf meta se tinqatel Daphne Caruana Galizia. Imma Yorgen Fenech kien qiegħed iċempillu waħda f'waħda biex jgħaġġlu għax jekk toħroġlu l-informazzjoni għal xejn.
Melvin Theuma qal li fis-sittax ta' Ottubru, waranofsinhar mar id-dar u xi tlieta xegħel it-television u sab li Daphne mietet. Qal li beda jibża' li se jinqabad u l-għada mar ikellem lil Yorgen. Beda jgħidlu li qed jibża' għax ġejjin tal-FBI. Imma Yorgen beda jgħidlu li m'għandux għalfejn għax l-istess se jaħdmu l-pulizija.
Mistoqsi mill-ispettur Arnaud jekk kienx hemm persuna oħra li kellmitu biex joqtol lil Caruana Galizia, Melvin Theuma qal li le. Qal li Yorgen Fenech biss kellmu biex joqtolha.
Ġimagħtejn wara li mietet, ċempillu Yorgen u qallu biex jiltaqgħu qrib tar-razzett tiegħu f'Ħaż-Żebbug.
Yorgen qallu li hemmhekk għandna l-inkwiet għax ġabu messaġġ. Huwa informa lil Alfred.
Darba minnhom Yorgen, hu u jipparkja qallu li dawk għandhom il-problemi. Yorgen qal lil Theuma li fil-ħamsa ta' Diċembru se jagħmlu raid kbir u se jarrestawhom.
Fenech tah din l-informazzjoni l-Ħamis qabel il-5 ta' Diċembru. B'Theuma informa lil Alfred Degiorgio.
Melvin Theuma qal li mill-mument li ġew arrestati, hu minn flusu beda jagħti €300 lill-eżekuturi, mija kull wiehed. Il-flus bdew jingħaddu lill-qraba tagħhom u jagħtuhomlhom meta jmorru l-ħabs.
Wara l-qtil Melvin Theuma qal li kien imbeżża' u beda jixrob u jieħu l-pilloli.
Qal li Yorgen Fenech beda jarah ħazin u beda jibża' li se jikxef.
Fil-fatt, Fenech tah €5,000 biex imur btala londra mal-familja.
Theuma qal li anki hu beda jibża' għax beda jibża' li Fenech seta' jeħles minnu. Qal li ladarba ħeles minn Caruana Galizia għax kieent se toħroġ l-informazzjoni.
Darba minnhom f'ħanut fil-Ħamrun, kien hemm wieħed Mario Degiorgio u qal lil Theuma li dawk għandhom bżonn €30,000 ħabba l-avukat. Qal li hawn mar għand Yorgen u qallu li kien qiegħed jistennieha.
Theuma xehed li wara li għadda ftit żmien, talbuh €30,000 oħra.
B'Fenech qallu li dawn jidher li kienu se jeħduha drawwa u tah €25,000 u l-€5,000 l-oħra ħariġhom hu.
Qal li Mario Degiorgio, li jiġi ħu l-aħwa Degiorgio, baqa' jitolbu l-flus għall-avukati u esperti barra minn Malta. Qal li baqa' jagħti flus ukoll lil mara ta' Vince Muscat. Qal li hawnhekk Yorgen Fenech beda jgerger. Theuma qal li lil Mario xtarlu kelb jiswa €5,000.
Melvin Theuma qal li dan l-aħħar Yorgen Fenech kien qiegħed issegwi programm tad-droga fi sptar f'Londra u fl-Iskozja sabiex jegħleb il-vizzju tad-droga kokaina.
Mill-mument li ġew arrestati sentejn ilu, Melvin Theuma qal li Mario Degiorgio, ħu l-aħaw Degiorgio, beda l-ħin kollu jitolbu l-flus.
Theuma qal li riċenti Fenech tah €20,000 tal-flus li ħareġ minn butu waqt li Fenech kien qiegħed isegwi programm tad-droga.
Melvin Theuma qal li hu ma ħax ċenteżmu sabiex tinqatel Caruana Galizia, iżda ħareġ ħafna flus.
Viżibbilment imbikkem qal li wara li ġara dan kollu, ħajtu kienet spiċċat. Saħansitra pprova jitla' fuq il-bejt biex jaqbeż.
Melvin Theuma riċenti qal li Fenech qallu li l-Koħħu qed jikxef kollox u semma' lil Theuma.
Wara li Fenech kien qallu li Vince Muscat se jikxef, Theuma qal li beda jirrekordja lil Fenech. Huwa rrekordja konverżazjonijiet li kellu ma' Fenech fosthom konverżazzjonijiet li kellhom fl-uffiċċju Level 21 Portomaso.
Melvin qal li darba minnhom lil Yorgen tah recording f'pendrive, li fiha kien hemm ritratt ma' Keith Schemrbi u ittra.
F'din l-ittra kiteb li hu l-middleman u li Yorgen u Keith se jeliminah. Qal li daħħal lil Keith fl-istorja għax Yorgen dejjem kien isemmi kemm huma ħbieb u għax kien kellmu xi ħadd li kien jaħdem miegħu. Sostna li huwa ltaqa' biss ma' Schembri darbtejn.
Ħajja Personali
[immodifika | immodifika s-sors]Daphne Caruana Galizia kienet miżżewġa lil Peter u kellha tliet ulied. Studjat l-arkeoloġija fl-Università ta' Malta u ggradwat fl-1997. Kienet tiddeskrivi ruħha bħala ġardinara akkanita u li tħobb il-qari aktar minn kull ħaġa oħra.
Ktieb
[immodifika | immodifika s-sors]Id-dar tal-pubblikazzjonijiet Ingliża The Pertinent Press ħarġet il-ktieb Invicta: The Life and Work of Daphne Caruana Galizia fl-2017.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Daphen Caruana Galizia (4 Settembru 2010). DaphneCaruanaGalizia.com (ed.). "Dying in the desert" (bl-Ingliż).
- ^ Matthew Xuereb (2 Awwissu 2010). TimesOfMalta.com (ed.). "Awarded €2,000 in first case of verbal sexual abuse" (bl-Ingliż).
- ^ Daphne Caruana Galizia (8 Awwissu 2010). DaphneCaruanaGalizia.com (ed.). "It's not sexual harrassment. It's bullying" (bl-Ingliż).
- ^ Waylon Johnston (12 Frar 2010). Times of Malta (ed.). "Daphne Caruana Galizia expected to face charges of defamation" (bl-Ingliż).
- ^ "Caruana Galizia questioned by police for breaching 'political silence'". Times of Malta (bl-Ingliż). 8 Marzu 2013.
- ^ Daphen Caruana Galizia (8 Marzu 2013). DaphneCaruanaGalizia.com (ed.). "Arrested at 9.30pm for posting three videos mocking Joseph Muscat at 7.30pm: THE GOLDEN YEARS OF LABOUR+POLICE HELL" (bl-Ingliż).
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]- Blogg uffiċjali ta' Daphne Caruana Galizia
- Aġġornata (2): Chris Cardona jitlob il-Qorti tiffriża €47,000 ta' Daphne Caruana Galizia
- "Gvern Nazzjonalista jneħħi kull sarima minn fuq il-libertà tal-espressjoni" - Simon Busuttil
- Il-każ ta' Daphne Caruana Galizia quddiem il-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa
- "L-iffriżar tal-assi ta' ġurnalist imur kontra l-libertà tal-istampa u d-demokrazija"
- EDITORJAL NEWSBOOK: Ħadd ma għandu dritt joħnoq in-naħqa ta' ħadd