Chris Fearne

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search

Christopher Fearne, magħruf bħala Chris Fearne, (Ħ'Attard, 12 ta' Marzu 1963) huwa d-Deputat Prim Ministru ta' Malta u l-Ministru għas-Saħħa attwali. Huwa Kirurgu tat-Tfal bi professjoni u ħadem bħala Consultant Paediatric Surgeon fl-isptarijiet tal-Gvern.

Studji[immodifika | immodifika s-sors]

Bin Frederick, li kien surmast ta' skola u wara kien Direttur tal-Edukazzjoni, u Carmen, li kienet għalliema u social worker, Chris studja l-Kulleġġ ta’ San Alwigi u l-Università ta’ Malta minn fejn iggradwa fil-mediċina u l-kirurġija tat-tfal fl-1987. Wara sar Fellow of the Royal Collage of Surgeons of Edinburgh u ħadem f’numru ta’ sptarijiet tat-tfal fl-Ingilterra, fosthom f'Liverpool u fi Great Ormond Street, Londra.

Huwa ukoll lettur fil-kirurġija fl-Università ta’ Malta u huwa eżaminatur tat-tobba. Għal perjodu kien ukoll direttur tal-Malta Institiute for Medical Education. Għal xi żmien kien l-uniku kirurgu tat-tfal f'Malta.

Impenn soċjali[immodifika | immodifika s-sors]

Fearne kien iċ-Chairperson tas-Celebrities for Kids, għaqda volontarja favur id-drittijiet tat-tfal.

Meta kien student kien jimpenja ruħu f’numru ta’ għaqdiet, fosthom dawk universitarji, sportivi u politiċi.

Huwa serva għal numru ta’ snin bħala Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni tal-Għaqdiet taż-Żgħażagħ Maltin, kif ukoll bħala uffiċjal fil-Kunsill tal-iStudenti Universitarji, il-KSU, fl-għaqda tal-istudenti tal-mediċina l-MMSA, u fl-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti.

Kien jilgħab il-volleyball mal-Aloysians, għandu Green Belt fil-judo u qadef fir-regatta tal-1986.

Politika[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa ħareġ mal-Partit Laburista għall-Elezzjonijiet Ġenerali l-ewwel darba f'dawk tal-2013, fuq it-Tielet u r-Raba' Distrett, u kien elett mir-Raba' Distrett bi 3,759 vot. F'April 2014, kien maħtur Segretarju Parlamentari għas-Saħħa wara r-riżenja ta' Godfrey Farrugia.

F'April 2016 kien maħtur Ministru tas-Saħħa u kien konfermat f'din il-kariga wara l-elezzjoni ta' Ġunju 2017. F'dik l-elezzjoni, huwa kien elett minn żewġ distretti: fit-Tielet Distrett kien elett mal-ewwel għadd u ġab 4,693 vot; u fir-Raba' Distrett kien elett ukoll mal-ewwel għadd u ġab 5,405 vot: b'kollox iktar minn 10,000 vot.

Fl-istess xahar, huwa kkontesta għall-kariga ta' Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet Parlamentari u f'Mejju kien elett f'din il-kariga u sar ukoll Deputat Prim Ministru.

Mill-Ministeru tas-Saħħa, huwa għamel suċċess, tant li l-Kummissjoni Ewropea tat ċertifikat tajjeb lil Malta bħala wieħed mill-aqwa pajjiżi li għandu healthy life living

Elezzjoni għall-Ħatra ta' Mexxej[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar il-11 ta' Diċembru 2019, Chris Fearne tefa' n-nomina għall-ħatra ta' Mexxej tal-Partit Laburista, f'elezzjoni interna bejn it-tesserati tal-Partit Laburista li se ssir fil-11 ta' Jannar 2020. Huwa kellu endorsments importanti, bħal dak tal-eks President ta' Malta, Marie Louise Coleiro Preca, l-eks Speaker Miriam Spiteri Debono u ħafna mill-ministri u membri parlamentari tal-Kabinett Laburista.

Ħajja Personali[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa miżżewweg lil Astrid imwielda Sammut (bint Joe Sammut li kien Ombudsman) u għandhom tliet ulied; Dawn, Julian u Rafael. Għal xi żmien kien anke t-tabib personali tal-Prim Ministru Dom Mintoff u fl-ewwel Konferenza Ġenerali tal-Partit li fiha tkellem, dik ta' Jannar 2012, wassal l-awguri tiegħu lill-Konferenza.

Huwa sapporter tat-team Ingliż tal-futbol, iċ-Chelsea.