Konrad Mizzi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
Konrad Mizzi

Dr. Konrad Mizzi (Raħal Ġdid, 4 ta' Novembru 1977) huwa l-Ministru tat-Turiżmu ta' Malta. Huwa kien il-Ministru tal-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma bejn 2013 u 2014, il-Ministru tal-Enerġija u tas-Saħħa bejn 2014 u 2016.

Studji[immodifika | immodifika s-sors]

Iggradwa b’distinzjoni mill-Università ta’ Nottingham fil-Masters u d-Dottorat fl-iStrategic Management. Huwa kien kiseb ukoll il-Baċellerat fix-Xjenza mill-Università ta’ Malta u għandu Diploma fil-Finanzi. Mizzi kien ingħata Chevening Scholarship.

Proġetti[immodifika | immodifika s-sors]

Qabel ma daħal fil-politika, Mizzi mexxa proġetti ewlenin kemm f’Malta kif ukoll fl-Ingilterra, fl-oqsma tal-enerġija, infrastruttura, telekomunikazzjoni u promozzjoni tal-industrija. Huwa kien partner u kap tas-sezzjoni tal-enerġija u infrastruttura għar-reġjun tal-Ewropa, Lvant Nofsani u l-Afrika (EMEA) tal-kumpanija Pcubed.

Qabel dan Mizzi kellu karigi għoljin fi ħdan Deloitte and Touche u kien Direttur tal-Programmi tal-British Telecom (Moorhouse) fir-Renju Unit. Fl-Ingilterra mexxa diversi proġetti fis-settur tal-enerġija. Ħadem ukoll ma’ kapijiet ta’ gvernijiet reġjonali biex titjieb il-qagħda f’inħawi li għadhom qed jiżviluppaw.

F’Malta, Mizzi kien minn ta’ quddiem fit-tim li waqqaf il-Malta Enterprise. Kien ingħaqad mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fi żmien Gvern Nazzjonalista bħala konsulent dwar management fejn mexxa diversi proġetti, fosthom dak ta’ public-private partnership biex titjieb id-dehra madwar it-toroq u r-roundabouts madwar Malta. Kien ukoll Chief Information Officer tal-Enemalta.

Politika[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-2013 ħareġ għall-elezzjoni f'isem il-Partit Laburista wara li ġie avviċinat mill-Mexxej tal-Partit Joseph Muscat. Huwa tela' fil-Parlament u nħatar Ministru tal-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma. Wara r-reshuffle li saret f'April 2014, żdiedlu ukoll id-dikasteru tas-Saħħa wara r-riżenja ta' Godfrey Farrugia.

Fi Frar 2016, huwa nħatar Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, wara li Toni Abela ġie nnominat mill-Prim Ministru għal membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Fit-28 ta' April 2016, wara li ismu deher fl-hekk imsejħa "Panama Papers", il-Ministru Konrad Mizzi tneħħewlu l-qasam tal-enerġija u s-saħħa u sar Ministru bla portafoll li jaqa' direttament taħt il-Prim Ministru. Il-Prim Ministru nnifsu, Joseph Muscat, ħa r-responsabbiltà tas-settur tal-enerġija. Xogħol Konrad Mizzi sar dak li jieħu ħsieb proġetti partikolari li jkunu assenjati direttament mill-Prim Ministru, partikolarment fil-qasam tal-enerġija.

Fl-istess jum tħabbar li Mizzi kien se jirriżenja minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u għalhekk reġa' nbeda l-proċess tal-għażla.

Ħajja Personali[immodifika | immodifika s-sors]

Mizzi huwa miżżewweġ lil Sai, ta' nazzjonalità Ċiniża, u għandu żewġt itfal.