Toni Abela

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
Dr Toni Abela MT .jpg

L-Imħallef Toni Abela (2 ta’ Lulju, 1957) huwa Imħallef fil-Qrati Maltin. Kien President tal-Partit Laburista fis-snin tmenin, ko-fundatur tal-Alternattiva Demokratika fl-1989 u Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista mill-2008 sal-2016.  Ħafna jirrikonoxxu l-pożizzjonijiet qawwija li ħa tul iż-żmien rigward kontabilità, trasparenza u governanza korretta. Kien wieħed minn dawk li fassal l-Att dwar il-Whistleblower, l-Att dwar il-finanzjament ta’ partiti politiċi u l-liġi li neħħiet il-preskrizzjoni tal-politiċi f’każijiet ta’ abbuż u korruzzjoni li daħlu fis-seħħ fl-2016. Fil-21 ta' Novembru 2016, huwa nħatar Imħallef.

Politika[immodifika | immodifika s-sors]

President tal-Partit Laburista (1988–1989)[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1988, huwa ġie elett President tal-Partit Laburista u serva f’din il-kariga sal-1989 meta kellu jirriżenja mill-partit wara li ħa pożizzjoni kontra l-korruzzjoni u l-elementi kriminali fi ħdan il-partit.

Ko-fundatur tal-Alternattiva Demokratika (1989)[immodifika | immodifika s-sors]

F’din l-istess sena, huwa waqqaf l-Alternattiva Demokratika, pressure group (li iktar tard saret Partit) flimkien mal-eks whip ta’ dak iż-żmien tal-Partit Laburista, Wenzu Mintoff, li wkoll kien tkeċċa mill-Partit, flimkien ma' Carmen Spiteri. Fl-Alternattiva, Abela ħadem għal kwistjonijiet ambjentali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, it-trasparenza politika u sistema elettorali aktar ġusta bl-introduzzjoni ta’ kwota nazzjonali li tippermetti lill-partiti politiċi żgħar li jkunu rappreżentati fil-Parlament f’konformità mal-mudell Ġermaniż. Huwa kkampanja favur l-introduzzjoni tal-att tal-Whistle Blower, l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, it-tneħħija tal-preskrizzjoni għall-uffiċjali pubbliċi f’każ ta’ abbuż ta’ poter u korruzzjoni u favur il-ħtieġa ta’ Liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti.

Viċi Sindku tal-Ħamrun (1993)[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1993 huwa ġie elett Viċi Sindku tal-Ħamrun, belt ewlenija f’Malta, u kien responsabbli mill-infurzar tal-liġi u l-ġestjoni tal-uffiċju tal-ilmenti taċ-ċittadini, Huwa introduċa l-ewwel ordinamenti (bye-laws) u stabbilixxa l-ewwel qorti lokali.

Deputat Mexxej tal-Partit Laburista (Affarijiet tal-Partit) (2008-2016)[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa ġie elett Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit fit-12 ta’ Ġunju 2008. Minbarra r-responsabbiltajiet ġenerali tiegħu tat-tmexxija u l-ġestjoni tal-affarijiet interni tal-Partit, huwa mexxa wkoll il-65 fergħa politika tal-Partit Laburista. Huwa stabbilixxa standards ta’ tmexxija tajba fid-39 Kunsill Lokali bi tmexxija Laburista u ra li dawn l-istandards ikunu rispettati. Matul il-mandat tiegħu, il-Partit Laburista għadda minn bidliet radikali fil-livelli kollha ta’ organizzazzjoni.

Attakk fuq Toni Abela matul il-Kampanja Elettorali tal-2013[immodifika | immodifika s-sors]

Abela kien wieħed mill-miri ewlenin tal-attakki tal-Partit Nazzjonalista matul il-kampanja għall-Elezzjoni Ġenerali tal-2013 li rat lill-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni b’rekord ta’ voti u differenza ta’ 11.4% bejn iż-żewġ partiti.[1]  Il-Partit Nazzjonalista ddikjara li Toni Abela waqqaf barman ta’ ċentru politiku tal-Partit Laburista milli jiġi investigat mill-pulizija, wara allegat użu ta’ kokaina fil-bar, waqt il-ħin tax-xogħol.[2]  

Wara l-elezzjoni, kien hemm qbil ġenerali li dan ma kienx għajr attakk politiku skorrett waqt kampanja elettorali, bil-Partit Nazzjonalista stess jiddikjara fl-analiżi ta’ wara r-riżultat elettorali li l-attakk fuq Toni Abela kkontribwixxa għat-telfa tiegħu.[3]  Matul il-kampanja elettorali nnifisha, il-Kummissarju tal-Pulizija ddikjara li ma kien hemm ebda każ x’jittella’ kontra Toni Abela.[4]

Iktar milli ħamġitlu r-reputazzjoni, l-attakk fuq Toni Abela żvela l-korrettezza politika li mexa biha, fejn ħa azzjoni mill-ewwel u keċċa lill-barman.  Fl-istess waqt Toni Abela ma aċċettax li din il-persuna tidħol lura fiċ-ċentru politiku, minkejja numru ta’ ġustifikazzjonijiet li dan ipprova jagħmel. Toni Abela ma ħa l-ebda riskju u mingħajr esitazzjoni, keċċa lill-persuna kkonċernata minnu fih.[5]

Televiżjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-2003 ippreżenta l-programm ''Robin Hood'' flimkien ma' Wenzu Mintoff, fuq ONE TV, waħda mill-ftit drabi li stazzjon offra alternattiva vera għal Xarabank ta' TVM.

Abela ppreżenta ukoll ''Obelisk'' flimkien ma' Joe Mifsud, li fih intervisti personaġġi eċċentriċi bħal Ċikku Fenech, Norman Lowell u Emmy Bezzina fost l-oħrajn.

Mill-2006 sal-2016 ippreżenta rokna darba fil-ġimgħa fil-programm ''Kalamita'' li fiha kien jitratta każ legali ma' panel ta' nies komuni.

Ħajja Personali[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa miżżewweġ lil Marisa u għandu tlett itfal.

  1. ^ https://en.wikipedia.org/w/index.php?title=Maltese_general_election,_2013&oldid=654020704
  2. ^ http://daphnecaruanagalizia.com/2013/02/cocaine-dealing-at-a-labour-party-club-and-labour-deputy-leader-toni-abela-covers-it-up-listen-to-the-voice-recording-here/
  3. ^ http://www.timesofmalta.com/articles/view/20130606/local/Dissecting-the-PN-s-dramatic-defeat.472721
  4. ^ http://www.maltatoday.com.mt/news/elections2013/24702/police-commissioner-found-no-wrongdoing-in-abela-tape-mallia-20130212
  5. ^ http://www.independent.com.mt/articles/2013-02-24/opinions/the-government-we-deserve-953450510/