Aqbeż għall-kontentut

Emmy Bezzina

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Emanuel "Emmy" Bezzina (Tas-Sliema, 29 ta' Ottubru 1947) huwa avukat, politiku u personalità televiżiva kontroversjali Malti.

Bin Joseph, negozjant, u Joan imwielda Caruana, huwa l-ewwel wild minn sitta, ħames subien u tifla.

Studja l-Kulleġġ San Alwiġi fejn iddistingwa ruħu fl-oratorija u fid-drama. Kellu rwoli prinċipali fil-musicals The King & I u The Sound of Music. Kien ir-rebbieħ ta' Best Aloysian għall-perjodu kollu ta' tmien snin li qatta' fil-Kulleġġ.

Fl-1968 huwa kiseb Diploma in Effective English and Personal Efficiency minn The Regent Institute ta' Londra. Sena wara ggradwa fil-Baċellerat tal-Arti mill-Università Rjali ta' Malta.

Bezzina beda l-involviment tiegħu fix-xandir fl-1963 meta rebaħ konkors radjufoniku u xandar l-esej tiegħu. Fl-1976, intbagħat mill-United States Information Service [USIS], Salzburg biex jattendi kors tal-Mass Media.

Huwa beda jieħu sehem fi drammi fuq il-palk, fuq ir-radju u t-televiżjoni tal-Istat.

Fis-snin tmenin kien jippreżenta programmi fuq TVM fuq suġġetti li kienu meqjusin tabù bħad-divorzju u l-abort.

Fis-snin disgħin ippreżenta għal ħafna snin programmi, chat shows, fuq Live FM, radju propjetà tal-eks Ministru Joe Grima. Għal numru ta' snin ippreżenta programm bil-lejl bl-isem "Il-Parlament tal-Poplu". Verżjoni televiżiva ta' dal-programm bdiet tixxandar fuq Smash TV fl-2014. Fil-bidu tal-2016, kliem użat minnu biex jirribatti telespettaturi li jċemplulu fil-programm bħal ‘piżella’ u espressjonijiet bħal ‘basal immarinat fil-ħmieġ tal-ġrieden’, fost oħrajn, spiċċaw fuq ilsien kulħadd.

Fl-aħħar snin beda jippreżenta wkoll programm fuq każijiet legali fuq Smash TV.

Fl-1976, huwa sar Nutar, u sena wara avukat bit-teżi "Broadcasting Legislation - A Comparative Study".

Fl-1978, waqqaf l-Uffiċju Legali tiegħu li biż-żmien sar jismu Bezzina Law Services.

Fl-1980, ġab Diploma fit-Teoloġija u iktar tard fil-Liġi Kanonika fuq il-Proċedura taż-Żwieġ.

Beda bi pressure groups bħall-Moviment għad-Drittijiet tal-Irġiel u l-Moviment favur id-Divorzju.

Huwa ikkontesta l-Elezzjonijiet Ġenerali tal-1987 u tal-1992 f'isem il-Partit Laburista imma qatt ma kien elett.

Fl-1987, fl-elezzjoni mirbuħa mill-Partit Nazzjonalista, kissrulu l-uffiċċju tiegħu. “Dakinhar biex ħriġt minn hawn biex nara l-uliedi fid-9 ta’ Mejju 1987 kellhom ilibbsuni daqna falza, kowt tar-Russi u beritta biex ma jagħrfunix. Għax in-Nazzjonalisti farrkuli l-faċċata u l-bieb. Kuntent li dak iż-żmien għadda u spiċċa għax il-poplu mmatura.”

Għall-Elezzjonijiet Ewropej tal-2004, huwa waqqaf partit liberali bl-isem ta' ALPHA u ġab 717 vot fl-ewwel għadd, 0.3% tal-elettorat.

Fl-Elezzjonijiet Ewropej tal-2009 ġab 118 vot fl-ewwel għadd.

Ħajja Personali

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1979, iżżewweġ u llum huwa missier ta' sebat itfal.

Sa mis-snin disgħin huwa ngħaqad mal-moviment reliġjuż tal-Moonies.

F’Settembru tal-2014 tah attakk kbir f’qalbu “fejn żvinajt u kellhom jagħtuni 19-il borża demm. U kulħadd iddikjara li ma kontx se ngħix ġurnata oħra f’perjodu ta’ seba’ ġimgħat. Bdejt nisma’ lil ta’ madwari jgħidu ‘telaq’, ‘dan l-aħħar nifs tiegħu’. Mitt erba’ darbiet u rxuxtajt erba’ darbiet. Esperjenzajt xi tfisser li tkun qed tmut. Illum għall-grazzja t’Alla qiegħed hawn mimli enerġija anke jekk qed ngħix b’nofs qalb għax nofsha mejta u b’żewġ arterji jaħdmu flok tlieta.”