Raħal Ġdid

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Wara l-ewwel Gwerra Dinjija, l-popolazzjoni fir-Raħal Ġdid bdiet tiżdied u tinfirex malajr, Minn 7300 ruħ fl-1930 splodiet għal 15000 fl-1948. Il-bidu proprju tar-Raħal ġdid, jew Casal Paola kif kien magħruf fl-antik, beda fiż-żmien meta l-ordni ta' San Ġwann kien jaħkem Malta. Paola tinsab madwar 5 kilometri ‘l bogħod mill-Belt Valletta.

Lokalitajiet viċin ta’ din il-lokalita ħuma l-Marsa, Ħal Tarxien, Ħal Luqa, il-Fgura u Santa Luċia. Bħala lokalita ħi maqsuma f'żewġ parroċċi. L-akbar waħda u l-aktar antika ħi l-parroċċa ta' Kristu Re. L-oħra ħi l-parroċċa tal-Madonna ta' Lourdes. Malli l-Kappillan Dun Frangisk Xuereb sar kappillan tal-Parroċċa tar-Raħal Ġdid kellu l-ħsieb li jibni kappella qrib in-niċċa tal-Madonna ta` Lourdes li tinsab ftit l-isfel mill-ħabs ta` Kordin.

Skond irħama li hemm taħt din l-istatwa, jidħer ċar li d-devożżjoni min-nies ta` dan ir-raħal lejn il-Madonna ta` Lourdes kienet ilha tħeggeg fi qlub in-nies. F`din l-iskriżżjoni nsibu li fis-sena 1875 Mons. Conte Carmelo Scicluna , li f`dak iż-żmien kien isqof ta` dawn il-gżejjer, kien ta` indulgenzi lil min jgħid tliet Ave Marijiet quddiem din ix-xbieħa. Meta pajjiżna kien iservi ta` stazzjon tal-faħam għall-flotot u l-vapuri li kienu jbaħħru fil-Mediteran, id-devożżjoni lejn din in-niċċa kienet kompliet tinxtered. Ħafna ħaddiema li kienu jgħaddu minn quddiemħa, wara li jkunu spiċċaw mix-xogħol, kienu jtuha tislima u jitfu xi ħaga għall-mixegħla u l-kura ta` din ix-xbieha għażiża. Din il-qima kompla isaħaħha Mons. Mikiel Gonzi li fi żmien il-veskovat tiegħu rega` ġedded l-indulgenzi mogħtija b`digriet nħar il-15 ta` Settembru 1951.

Niċeċ u statwi fit-toroq tar-Raħal Ġdid[editja]

Fit-toroq ta’ l-ibliet u l-irħula maltin, l-aktar dawk qodma, insibu għadd kbir ta’ niċeċ u statwi li l-parti l-kbira tagħhom twaqqfu b’sens ta’ qima u devożżjoni. Mhux l-istess jista’ jingħad għar-Raħal Gdid, li l-bidu tiegħu ma jeħodniex daqstant ’il bogħod. Iżda minkejja dan in-nuqqas fin-numru, isebbħu l-lokal tagħna nsibu ’l fuq minn għoxrin u saħansitra waħda minnhħom, dik ta’ San Karlu Borromeo, hi unika għax fl-ebda post ieħor f’Malta jew f’Għawdex ma ssib oħra bħala dedikata lil dan il-qaddis.

Meta nsemmu n-niċeċ u statwi żgur li f’moħħ bosta Pawlisti tfeġġ dik dedikata lill-Madonna ta’ Lourdes fit-telgħa ta’ Raħal Gdid - Triq il- Belt Valletta, kantuniera ma’ Triq il-Gdida. Niċċa li d-devożżjoni kbira lejha ma juruhiex biss in-nies ta’ dawn l-inħawi iżda wkoll l-eluf ta’ Maltin li ta’ kull jum jgħaddu minn quddiemha fil-karozzi tal-linja. U bix-xieraq għax din hi l-eqdem fost dawk ix-xbihat li nsibu fostna. Skond kitba li nsibu taħtha dwar għoti ta’ indulgenżi mill-Isqof Carmelo Scicluna, fl-1875 ġà kienet tinsab f’dan il-post.

L-ewwel niċeċ u statwi f’Raħal Gdid issawru lejn tmiem is-seklu dsatax meta l-popolażżjoni f’dawn l-inħawi ħadet spinta ‘l quddiem bl-iżvilupp tal-proġett mibdi mill-Ammiraljat. Iżda l-akbar għadd minnhom saru fis-seklu li għadu kif intemm meta l-għadd ta’ nies f’dawn l-inħawi kotor qatigħ. Fil-fatt insibu biss żewġ statwi oħra li jmorru lura sas-seklu dsatax - in-niċċa tal-Kurċifiss li tinsab faċċata tal-knisja parrokkjali fil-misraħ u dik tal-Qalb ta’ Ġesù fi Triq Reġina kantuniera ma’ Triq Sant’Ubaldeska.

Bħal ma nsibu fi bliet u rħula oħra fil-gżejjer Maltin, fir-Raħal Ġdid insibu wkoll xi qaddis jew qaddisa li għandhom aktar minn niċċa jew statwa waħda dedikati għalih jew għaliha. Hawnħekk San Ġużepp jidħer li hu l-aktar qaddis popolari għax imxerrda fil-lokal tagħna nsibu ħamsa li twaqqfu f’gieħu. Dawn jinsabu fi Triq Ninu Ċremona/Triq il-Gdida, Triq l-Arkata/Triq Sant’Ubaldeska, Triq il-Foss, Triq Sammat u Triq San Ġużepp/Triq il-Karmnu. Il-Madonna ta’ Lourdes u l-Qalb ta’ Ġesù wkoll għandhom aktar minn niċċa jew statwa waħda dedikata lilhom.

Minbarra dik li semmejna fit-telgħa tar-Raħal Ġdid insibu oħra fi Triq Għajn Dwieli, filwaqt li dawk li twaqqfu b’qima lill-Qalb ta’ Ġesù jinsabu fi Triq Ħaż-Żabbar u Triq ir-Reġina/Triq Sant’Ubaldeska. Ma rridux ninsew li mat-twaqqif tal-parroċċa fl-1910 il-knisja ta’ Sant’Ubaldeska ġiet iddedikata lill-Qalb ta’ Ġesù’. Anke San Pietru sab aktar devoti hawnhekk b’żewgt inhawi fejn insibu xbihat tiegħu: Triq Sammat u Misraħ Antoine de Paule.

Imxerrda fit-toroq tagħna nsibu wkoll numru mħux ħażin ta’ statwi u niċeċ iddedikati lill-Madonna taħt titlu jew ieħor. Dik tal-Madonna tat-Grazzja tinsab fi Triq Sant’Ubaldeska/Triq Ninu Cremona; Madonna tal-Karmnu (Triq Ħaż-Żabbar); Marija Assunta (Triq Sammat); Marija Bambina (Triq il-Karmnu); Marija Immakulata (Triq Santa Monika/Triq it-Tarzna u oħra fi Triq l-Arkata).

Minbarra dawn l-istatwi u n-niċeċ hemm ukoll dik ta’ Sant’Antnin ta’ Padova fi Triq Bormla/Sqaq Sant’Antnin. Oħrajn huma dedikati lil San Franġisk t’Assisi (Triq l-Arkata); San Pawl (Triq Sammat); Santa Rita ta’ Cascia (It-Telgħa tar-Raħal Gdid) u San Vinċenz Ferrari li tinsab fi Triq Sammat/Triq it-Tarzna.


Ħoloq Esterni[editja]

Sit tal-paroċċa tar-Raħal Ġdid