L-Isla
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
L-Isla / Senglea | |||
---|---|---|---|
Malta | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Stat sovran | Malta | ||
Reġjuni ta’ Malta | Port Region (Port) (en) | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 35°53′16″N 14°31′01″E / 35.8878°N 14.5169°EKoordinati: 35°53′16″N 14°31′01″E / 35.8878°N 14.5169°E | ||
Superfiċjenti | 0.2 kilometru kwadru | ||
Għoli | 18 m | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 2,784 abitanti (31 Marzu 2014) | ||
Informazzjoni oħra | |||
bliet ġemellati | Cassino (en) | ||
islalocalcouncil.com |
L-Isla hi waħda mit-Tlett Ibliet li jinsabu madwar il-Port il-Kbir u li jinsabu fuq in-naħa ta' ġewwa tas-swar tal-Kottonera. L-Isla tinsab fuq ilsien art li jinsab spalla ma' spalla mal-Birgu, u jħares lejn il-Belt Valletta. Din il-belt hi wkoll magħrufa bħala Senglea. Fl-antik dan l-ilsien art kien magħruf bħala l-Għolja ta' San Ġiljan minħabba l-kappella żgħira li kien hemm iddedikata lil dan il-qaddis.
L-Isla għandha t-titlu ta' Città Invicta, minħabba l-episodju fl-Assedju l-Kbir tal-1565, meta id-difensuri ta' din il-peniżola rnexxielhom jirreżistu u jirribattu l-attakki tat-Torok minn fuq is-swar tagħha. L-isem ta' din il-belt hu x'aktarx ġej mit-Taljan, penisola, li fuq il-mapep antiki seta' tqassar għal 'isola' u wara sar Isla. Intant jista' jkun ukoll li l-isem ġej mix-xebħ tal-art ma' 'lsien' ħiereġ 'il barra.
Fi żmien meta l-Ordni ta' San Ġwann kien il-Birgu, din l-art kienet tintuża għall-kaċċa. Fl-1555 il-Gran Mastru Claude De La Sengle ta l-bidu tal-urbanizzazzjoni fuq din l-art u tħejja anki pjan forma ta' skakkiera, l-istess bħal ma wara sar biex inbniet il-Belt Valletta. Hu għalhekk li l-Isla bdiet tissejjaħ Senglea.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, l-Isla sofriet bumbardamenti kbar li qerdu ħafna mill-belt u qatlu ħafna abitanti. Fis-16 ta' Jannar 1941, blitz mil-Luftwaffe fuq l-HMS Illustrious, li kien irmiġġat ma' Parlatorio Wharf, taħt Kordin, ikkawża distruzzjoni kbira ta' din il-belt. Il-knisja parrokkjali ntlaqtet ukoll. Ir-Re Ġorġ VI żar l-Isla meta kien Malta, fl-20 ta' Ġunju 1943.
Fl-24 ta' Awwissu 1957, ġiet ikkonsagrata l-Bażilika l-ġdida li nbniet flok dik li waqgħet fil-gwerra.
Postijiet ta' interess
[immodifika | immodifika s-sors]- Il-Bażilika u knisja parrokkjali ddedikata lit-Twelid tal-Madonna.
- Ix-xatt tal-Isla.
- Il-Ġnien tal-Gardjola bil-veduta tal-Port il-Kbir.
- Il-knisja tal-Portosalvu (San Filippu Neri).
- L-akkwati tal-Maċina li jagħtu għall-Baċir Nru 1 f'Bormla (illum ambjent ta' rilassament).
Nies magħrufa li twieldu jew għexu fl-Isla
[immodifika | immodifika s-sors]- Juan Bautista Azopardo (20 ta' Frar 1772 – 23 ta' Ottubru 1847), fundatur tal-Flotta Navali Arġentina (1810).
- Francesco Zahra (1710–1773), pittur.
- Fortunato Panzavecchia (1779–1850), qassis, storiku, edukatur u lingwista.
- Giorgio Mitrovich (1795–1885), politiku.
- Louis Shickluna (1808–1880), bennej tal-bastimenti fil-Kanada.
- Andrea De Bono (1821–1871), esploratur tax-xmara Nil u x-xmara Sobat fl-Afrika.
- Ignazio Panzavecchia (1855–1925), qassis u politiku.
- Mauro Inguanez (1887–1955), qassis u librar.
- John F. Marks (1894–1954), bniedem intellettwali u attivist fil-Partit Laburista.
- Erin Serracino Inglott (1904–1983), lessikografu, lingwista, traduttur, awtur.
- Gigi Gauci (1911–2003), politiku u wieħed mill-fundaturi tal-Partit Laburista.
- Charles Clews (27 ta' Settembru 1919 – 29 ta' Jannar 2009), attur komiku, kittieb u editur, imwieled l-Isla.
- Vitorin Galea (31 ta' Diċembru 1926 – 17 ta' Marzu 1996), attriċi.
- Anthony Perici (1920–2010), politiku u sindku ta' Twinsburg, Ohio.
- Charles Thake (21 ta' Diċembru 1927 – 12 ta' Mejju 2018), attur komiku.
- Michelangelo Vella (7 ta’ Novembru 1710 – 25 ta’ Diċembru 1792), kompożitur, organista u pedagogu.
- Maurits Cornelis Escher (17 ta' Ġunju 1898 – 27 ta' Marzu 1972), inċiżur u litografu.