Bennej
Bennej jew bennej ewlieni huwa figura ċentrali li twettaq il-proġetti tal-kostruzzjoni skont il-pjanta jew id-disinn tal-arkitett fiż-żminijiet premoderni. Jista’ jitqies bħala l-prekursur tal-arkitett u tal-inġinier modern li issa għandhom rwoli distinti u separati u anke ċertu ġerarkija fit-twettiq tax-xogħlijiet.[1]
Storikament, it-terminu kien jirreferi għall-"kap ta’ proġett ta’ kostruzzjoni fil-Medju Evu jew fir-Rinaxximent", u sors tal-1887 jiddeskrivi l-istatus tiegħu kif ġej:
Bennej (ewlieni) huwa rikonoxxut bħala tali, mhux biss għall-kapaċità tiegħu li jibni struttura mill-isbaħ skont il-pjanta mfassla mill-arkitett għall-gwida tiegħu, iżda għall-kapaċità tiegħu li jifhem dik il-pjanta, u bil-ħila u s-sengħa tiegħu jinseġ flimkien il-materja prima li twassal għas-saħħa, għall-armonija, għas-sbuħija u għad-dehra ta’ binja li permezz tax-xogħol manwali tiegħu mill-pedamenti ssir abitazzjoni mill-isbaħ.[2]
It-terminu jintuża b’mod usa’ wkoll biex jinkludi “d-disinjaturi u l-bennejja tax-xogħol tal-kostruzzjoni fuq skala kbira li tgħallmu s-sengħa tagħhom b’mod iktar formali mill-bennejja ta’ forom primittivi fis-soċjetajiet preteknoloġiċi... minn żmien l-Eġizzjani u s-Sumeri (u xi każijiet anke qabel) sar-Rivoluzzjoni Industrijali”.
Bħal fi snajja’ oħra, il-bennejja inizjalment kienu jiġu mħarrġa permezz ta’ apprendistati fit-tul għal persuni li diġà kellhom dak l-istatus, sikwit minn mindu jkunu żgħar, u s-sigrieti tas-sengħa tal-bennejja spiss kienu jkunu ttrattati bħala għarfien sagru".[1][3]
Illum il-ġurnata, bennej irid ikun imħarreġ mhux biss fis-sengħa manwali iżda spiss ikollu jkun imħarreġ fl-użu tal-makkinarju tal-kostruzzjoni u fit-teħid tal-prekawzjonijiet kollha biex jaħdem fis-sikurezza fil-post tax-xogħol tiegħu.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Bennej (Master builders) |