Sengħa

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ħaddiem tas-sengħa jaħdem l-injam

Sengħa hija passatemp jew okkupazzjoni li tirrikjedi ħiliet u għarfien partikolari fix-xogħlijiet tas-sengħa. F’sens storiku, partikolarment fil-Medju Evu u qabel, it-terminu kien jintuża l-iktar b’referenza għal nies okkupati fil-produzzjoni fuq skala żgħira tal-oġġetti, jew fil-manutenzjoni tagħhom, pereżempju l-landiera. It-terminu tradizzjoni “ħaddiem tas-sengħa” spiss illum tiġi sostitwita bit-terminu “artiġjan”.

Storikament, ix-xogħlijiet tas-sengħa (jew snajja’) iktar speċjalizzati bi prodotti ta’ valur għoli kellhom it-tendenza li jkunu kkonċentrati fiċ-ċentri urbani u kienu jiffurmaw xirkiet. Il-ħiliet meħtieġa mill-professjonijiet u l-ħtieġa ta’ involviment permanenti fl-iskambju tal-oġġetti, sikwit kien jitlob livell ġeneralment iktar għoli ta’ edukazzjoni, u l-ħaddiema tas-sengħa s-soltu kienu jkunu f’pożizzjoni iktar privileġġata mir-raħħala fil-ġerarkija tas-soċjetà. L-unitajiet domestiċi tal-ħaddiema tas-sengħa ma kinux daqshekk awtosuffiċjenti daqs in-nies li kellhom xogħol agrikolu u għalhekk kellhom iserrħu fuq l-iskambju tal-oġġetti għall-għajxien tagħhom. Xi xogħlijiet tas-sengħa, speċjalment f’oqsma bħall-fuħħar, ix-xogħol tal-injam, u diversi stadji tal-produzzjoni tat-tessuti, setgħu jiġu pprattikati fuq bażi part-time minn dawk li kienu jaħdmu wkoll fil-biedja, u spissa kienu jiffurmaw parti mill-ħajja fil-villaġġi.

Oġġetti tax-xogħol tas-sengħa mibjugħa fit-toroq tal-Messiku

Meta apprendist kien itemm l-apprendistat tiegħu, dan kien isir bejjiegħ fit-toroq u jfittex għal post fejn jista’ jiftaħ ħanut tiegħu stess biex jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum tiegħu. Wara li wieħed jistabbilixxi l-ħanut tiegħu, imbagħad seta’ jibda jsejjaħ lilu nnifsu tassew bħala ħaddiem tas-sengħa stabbilit.

Dan l-approċċ b’passi sabiex wieħed isir ħaddiem tas-sengħa stabbilit, li jinkludi l-ksib ta’ xi forma ta’ edukazzjoni u ħiliet, għadu jeżisti f’xi pajjiżi sa żminijietna. Iżda x-xogħlijiet tas-sengħa għaddew minn bidliet strutturali profondi matul ir-Rivoluzzjoni Industrijali u minn dak iż-żmien ’l hawn. Il-produzzjoni tal-massa tal-oġġetti mill-industrija fuq skala kbira llimitat is-snajja’ għal segmenti tas-suq fejn il-modalitajiet tal-funzjonament tal-industrija jew il-produzzjoni tal-massa tal-oġġetti ma jissodisfawx il-preferenzi tax-xerrejja potenzjali. Bħala eżitu ta’ dawn il-bidliet, illum il-ġurnata l-ħaddiem tas-sengħa kulma jmur qed jużaw komponenti jew materjali nofshom kompluti u jadattawhom skont ir-rekwiżiti jew id-domanda tal-klijenti tagħhom. B’hekk, jipparteċipaw f’xorta ta’ diviżjoni tax-xogħol bejn l-industrija u s-snajja’.

Klassifikazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Hemm tliet aspetti li flimkien jiffurmaw il-kreattività umana - l-arti, is-snajja’ u x-xjenza. Fil-qosor, l-arti tiddependi fuq sens ta’ intuwizzjoni, viżjoni u espressjoni, is-snajja’ jiddependu fuq teknika soffistikata u x-xjenza tiddependi fuq l-għarfien.

Xogħol tas-sengħa bl-idejn[immodifika | immodifika s-sors]

Ħaddiem tal-metall fit-toroq ta’ Agra, l-Indja

Ix-xogħol tas-sengħa bl-idejn jew manwali (bl-Ingliż: handicraft) huwa s-settur prinċipali “tradizzjonali” tas-snajja’. Huwa tip ta’ xogħol li fih jiġu prodotti apparati utli u dekorattivi li jsiru kompletament bl-idejn jew bl-użu ta’ għodod sempliċi. Is-soltu t-terminu jiġi applikat għal mezzi tradizzjonali tal-produzzjoni tal-oġġetti. L-artiġjanat individwali tal-oġġetti huwa kriterju ewlieni, tant li tali oġġetti spiss ikollhom importanza kulturali u/jew reliġjuża. L-oġġetti li jsiru bil-produzzjoni tal-massa jew bil-magni mhumiex oġġetti li jkunu frott ix-xogħol tas-sengħa bl-idejn. L-oġġetti jew il-prodotti tax-xogħol tas-sengħa bl-idejn isiru permezz ta’ proċessi tal-produzzjoni tax-xogħol tas-sengħa.

Ħaddiem tas-sengħa jaħdem bit-tafal

Il-bidu tax-xogħol tas-sengħa f’żoni bħall-Imperu Ottoman kien jinvolvi lil korpi tar-regolamentazzjoni li kienu jirrikjedu lill-membri ta’ belt li kellhom il-ħiliet li joħolqu xi oġġett biex jiftħu l-ħwienet tagħhom fiċ-ċentru tal-belt jew tar-raħal. Dawn in-nies bil-mod il-mod ma baqgħux jaħdmu bħala bdiewa għall-għajxien tagħhom (li kienu joħolqu l-oġġetti fid-djar tagħhom stess biex jiskambjawhom mal-ġirien) u bdew jirrappreżentaw dak li jiġina f’moħħna llum meta naħsbu fuq “ħaddiem tas-sengħa”.[1]

Dan l-aħħar, ix-xogħol tas-sengħa u l-ħaddiema tas-sengħa reġgħu bdew jirpiljaw bħala suġġett tal-istudju akkademiku. Stephanie Bunn kienet artista qabel saret antropologu, u kompliet tiżviluppa interess akkademiku fuq il-proċess tax-xogħol tas-sengħa, fejn argumentat li dak li jiġri lil oġġett qabel isir “prodott” huwa qasam li ta’ min jistudjah.[2]

Il-Moviment tal-Arti u tas-Snajja’[immodifika | immodifika s-sors]

Skarpan isewwi ż-żraben

It-terminu “snajja’” spiss jintuża biex jiddeskrivi l-familja ta’ prattiki artistiċi fi ħdan il-familja tal-arti dekorattiva li tradizzjonalment tiġi definita mir-relazzjoni tagħha mal-prodotti funzjonali jew utilitarji (bħal forom ta’ skulturi fit-tradizzjoni tar-reċipjenti) jew mill-użu ta’ materjali naturali bħall-injam, it-tafal, iċ-ċeramika, il-ħġieġ, it-tessuti u l-metall.

Il-Moviment tal-Arti u tas-Snajja’ oriġina fir-Renju Unit matul is-seklu 19 u kien karatterizzat minn stil ta’ tiżjin li jfakkar dak ta’ żmien il-Medju Evu. L-artist primarju assoċjat mal-moviment huwa William Morris, u x-xogħol tiegħu ġie msaħħaħ permezz tal-kitbiet ta’ John Ruskin. Il-Moviment kien jehmeż importanza kbira fuq il-kwalità tax-xogħol tas-sengħa filwaqt li kien jenfasizza l-importanza li l-arti tikkontribwixxi għar-riformi ekonomiċi.

Xogħlijiet tas-sengħa fi studjo[immodifika | immodifika s-sors]

Is-snajja’ pprattikati minn artisti indipendenti li jaħdmu għal rashom jew fi gruppi żgħar fi studjo spiss jissejħu xogħlijiet tas-sengħa fi studjo. Dan jinkludi x-xogħol fi studjo fuq il-fuħħar, il-metall, l-insiġ, l-intornjar tal-injam, il-karta u forom oħra ta’ xogħol bl-injam, l-infiħ tal-ħġieġ, u l-arti tal-ħġieġ.

Xogħol taċ-ċeramika ta’ Malta

Fieri tax-xogħlijiet tas-sengħa[immodifika | immodifika s-sors]

Fiera tax-xogħlijiet tas-sengħa hija avveniment li jiġi organizzat biex jintwerew u jinbiegħu l-oġġetti jew il-prodotti tax-xogħlijiet tas-sengħa. Ikun hemm ħwienet tax-xogħlijiet tas-sengħa fejn jinbiegħu l-oġġetti jew il-prodotti tagħhom, u jkun hemm komunitajiet tal-ħaddiema tas-sengħa, bħal Craftster, fejn l-esperjenza tiġi kondiviża. Minbarra fieri ġieli jiġu stabbiliti “villaġġi” turistiċi permanenti fejn it-turisti kif ukoll ir-residenti jkunu jistgħu jaraw u jixtru l-prodotti tal-ħaddiema tas-sengħa, pereżempju l-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali, Malta.

Ħaddiem tas-sengħa[immodifika | immodifika s-sors]

Ħaddiem tas-sengħa huwa bniedem li b’sengħa kbira jaħdem bl-idejn f’xogħol tas-sengħa partikolari. Ekonomikament u soċjalment, l-istatus ta’ ħaddiem tas-sengħa jitqies bejn ħaddiem li jaħdem ix-xogħol b’idejh u professjonist, b’livell għoli ta’ għarfien prattiku u teoriku tas-sengħa tagħhom. Fil-kulturi fejn il-karrieri professjonali b’pagi għoljin huma iktar attraenti, jaf ikun hemm nuqqas ta’ ħaddiem tas-sengħa li jagħmel xogħol manwali, u dan iwassal għal niċeċ li jaqilgħu ħafna mis-suq tas-snajja’.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Suraiya., Faroqhi (2014-01-01). Artisans of Empire : Crafts and Craftspeople Under the Ottomans. I.B. Tauris. p. 119. ISBN 9780857710628.
  2. ^ Ingold, Tim (2011). Redrawing Anthropology: Materials, Movements, Lines. Farnham: Ashgate Publishing Limited. pp. 21–22.