Professjoni
Professjoni hija okkupazzjoni stabbilita permezz ta’ taħriġ edukattiv speċjalizzat, bl-għan li jingħataw pariri u jiġi pprovdut servizz b’mod oġġettiv u mingħajr kunflitt ta’ interessi lill-oħrajn, għal kumpens dirett u definit, lil hinn għalkollox mill-aspettattiva ta’ gwadann kummerċjali ieħor.[1] It-tradizzjoni Medjevali u moderna bikrija kienet tirrikonoxxi tliet professjonijiet biss: id-divinità, il-mediċina u d-dritt, li kollettivament kienu jissejħu l-“professjonijiet tal-imgħallma”.[2][3][4] Professjoni mhix sengħa u mhix industrija.[5][6]
It-terminu professjoni hija forma mqassra tal-kunċett ta’ professjoni liberali, li oriġina mill-kunċett Franċiż profession libérale. Fis-sekli 19 u 20, it-terminu ssellef kemm-il darba. Fil-qasam tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, eżattament fid-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali, il-“professjonijiet liberali” huma “dawk il-professjonijiet li jiġu pprattikati abbażi ta’ kwalifiki professjonali rilevanti b’mod personali, responsabbli u indipendenti professjonalment minn dawk li jipprovdu servizzi intellettwali u kunċettwali fl-interess tal-klijent u tal-pubbliku”.
Xi professjonijiet ivarjaw kemxejn bħala status u poter, iżda l-prestiġju tagħhom ġeneralment jibqa’ stabbli tul iż-żmien, anke jekk il-professjoni jibda jkollha iktar rekwiżiti ta’ studju u ta’ edukazzjoni formali.[7] Iktar reċentement id-dixxiplini bħal pereżempju l-arkitettura ġew formalizzati u issa jirrikjedu perjodi twal ta’ studju bl-istess mod.[8]
Għalkemm il-professjonijiet jistgħu jgawdu minn status u prestiġju pubbliku relattivament għoljin, mhux il-professjonisti kollha jaqilgħu salarji għoljin, u anke fi ħdan professjonijiet speċifiċi jeżistu differenzi sinifikanti fis-salarji. Fid-dritt, pereżempju, avukat tad-difiża korporattiv li jaħdem bis-siegħa jaf jaqla’ diversi drabi iktar dak li jaqla’ prosekutur jew difensur pubbliku.
Studju u taħriġ
[immodifika | immodifika s-sors]Professjoni tiġi stabbilita permezz ta’ proċess ta’ professjonalizzazzjoni meta kwalunkwe sengħa jew okkupazzjoni tittrasforma ruħha permezz tal-“iżvilupp tal-kwalifiki formali abbażi tal-edukazzjoni, l-apprendistati u l-eżamijiet, it-twaqqif ta’ korpi regolatorji b’setgħat biex jiġu ammessi u ddixxiplinati l-membri, u xi grad ta’ drittijiet ta’ monopolju”.[9]
Hemm diversi punti importanti li permezz tagħhom okkupazzjoni tiġi identifikata bħala professjoni, fosthom:
- okkupazzjoni issir okkupazzjoni full-time
- l-istabbiliment ta’ skola tat-taħriġ
- l-istabbiliment ta’ università
- l-istabbiliment ta’ assoċjazzjoni lokali
- l-istabbiliment ta’ assoċjazzjoni nazzjoni tal-etika professjonali
- l-istabbiliment ta’ liġijiet statali tal-għoti tal-liċenzji
L-applikazzjoni ta’ dawn il-punti importanti mas-sekwenza storika ta’ żvilupp ngħidu aħna fl-Istati Uniti fil-professjoni ta’ servejer, wasslet biex il-professjoni kienet l-ewwel li kisbet status professjonali (George Washington, Thomas Jefferson, u Abraham Lincoln kollha ħadmu bħala servejers qabel ma daħlu fil-politika), segwita mill-mediċina, ix-xjenza attwarja, id-dritt, id-dentistrija, l-inġinerija ċivili, il-loġistika, l-arkitettura u l-kontabilità.[10][11][12][13]
Fis-seklu 19, biż-żieda tat-teknoloġija u tal-ispeċjalizzazzjoni okkupazzjonali, korpi oħra bdew jiddikjaraw status professjonali, fosthom l-inġinerija mekkanika, il-farmaċewtika, il-mediċina veterinarja, il-psikoloġija, l-indukrar, it-tagħlim, ix-xogħol fil-libreriji, l-optometrija u x-xogħol soċjali, li kollha saru professjonijiet sal-1900 permezz tal-ksib tal-punti importanti msemmija hawn fuq.[14]
Regolamentazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Oriġinarjament, kwalunkwe regolamentazzjoni tal-professjonijiet kienet tkun awtoregolamentazzjoni permezz ta’ korpi bħall-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet tat-tobba jew tal-prattikanti fil-qrati. Bir-rwol dejjem jikber tal-gvernijiet, il-korpi statutorji kulma jmur bdew jaqdu dan ir-rwol, u l-membri tagħhom kienu jinħatru mill-professjoni stess jew (kulma jmur) mill-gvernijiet. Il-proposti għall-introduzzjoni jew għat-titjib tar-regolamentazzjoni statutorja jaf jiġu aċċettati minn professjoni ladarba jipproteġu lill-klijenti u ttejjeb il-kwalità u r-reputazzjoni tagħhom, jew tirrestrinġi l-aċċess għall-professjoni u b’hekk twassal biex ikunu jistgħu jiġu imposti miżati iktar għoljin. Inkella jistgħu ma jiġux aċċettati peress li jillimitaw il-libertà tal-membri li jinnovaw jew li jipprattikaw kif iridu skont il-ġudizzju professjonali tagħhom.
Eżempju ta’ dan seħħ fl-2008, meta l-gvern Brittaniku ppropona regolamentazzjoni statutorja wiesgħa għall-psikologi. L-ispirazzjoni wara l-bidla kienu għadd ta’ problemi fil-qasam tal-psikoterapija, iżda hemm diversi tipi ta’ psikologi, inkluż fosthom ħafna li ma għandhomx rwol kliniku u fejn ir-raġuni wara r-regolamentazzjoni mhijiex daqshekk ċara. Il-psikoloġija tax-xogħol wasslet għal nuqqas ta’ qbil, u s-Soċjetà Psikoloġika Brittanika kienet favur ir-regolamentazzjoni statutorja tal-“psikologi okkupazzjonali” filwaqt li l-Assoċjazzjoni tal-Psikologi Korporattivi kienet kontra r-regolamentazzjoni statutorja tal-“psikologi korporattivi”.
Minbarra li jirregolaw l-aċċess għal professjoni, il-korpi professjonali jistgħu jistabbilixxu eżamijiet tal-kompetenzi u jinfurzaw kodiċi etiku. Jista’ jkun hemm diversi korpi bħal dawn għal professjoni waħda f’pajjiż wieħed, bħal pereżempju l-korpi tal-kontabilità tar-Renju Unit (ACCA, CAI, CIMA, CIPFA, ICAEW u ICAS), li kollha ngħataw ir-Royal Charter (l-ekwivalenti ta’ warrant), għalkemm il-membri tagħhom mhux neċessarjament kollha għandhom il-kwalifiki, u joperaw flimkien ma’ korpi ulterjuri (AAPA, IFA, CPAA). Eżempju ieħor ta’ korp regolatorju li jirregola professjoni huwa l-Unjoni tal-Għalliema Professjonali ta’ Hong Kong, li tirregola l-imġiba, id-drittijiet, l-obbligi u d-dmirijiet tal-għalliema bis-salarju li jaħdmu fl-istituzzjonijiet edukattivi f’Hong Kong.
Il-professjoni ta’ inġinier hija rregolata ħafna f’xi pajjiżi (eż. il-Kanada u l-Istati Uniti) b’sistema rigoruża tal-għoti tal-liċenzji għall-inġiniera professjonali li tikkontrolla l-prattika, iżda mhux f’pajjiżi oħra (eż. ir-Renju Unit) fejn it-titli u l-kwalifiki huma rregolati iżda l-prattika mhijiex.
Tipikament, l-individwi huma meħtieġa skont il-liġi jkunu kkwalifikati minn korp professjonali lokali qabel ma jitħallew jipprattikaw dik il-professjoni. Madankollu, f’xi pajjiżi, l-individwi ma jistgħux ikunu meħtieġa skont il-liġi jkunu kkwalifikati minn tali korp professjonali biex jipprattikaw, bħall-każ tal-kontabilità fir-Renju Unit (għajr xogħol tal-awditjar u tal-insolvenza li legalment jirrikjedu kwalifika minn korp professjonali). F’każijiet bħal dawn, il-kwalifika mill-korpi professjonali effettivament għadha kkunsidrata bħala prerekwiżit għall-prattika mill-biċċa l-kbira ta’ min iħaddem u l-klijenti jistipulaw li l-individwi għandu jkollhom il-kwalifiki qabel ma jqabbduhom għas-servizzi tagħhom. Pereżempju, sabiex wieħed isir professjonist tat-tagħlim bil-kwalifiki meħtieġa f’Hong Kong u jaħdem fi skola ffinanzjata mill-istat/gvern, wieħed jeħtieġ li jkollu Diploma ta’ wara l-Baċellerat fl-Edukazzjoni ("PGDE") jew Baċellerat fl-Edukazzjoni ("B. Ed") f’istituzzjoni edukattiva terzjarja jew f’università. Dan ir-rekwiżit ġie stabbilit mill-Uffiċċju tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni ta’ Hong Kong, li huwa d-dipartiment governattiv li jirregola s-settur tal-edukazzjoni ta’ Hong Kong.
Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- Abbott, A. (1998). The theory of professions. Chicago, IL: University of Chicago Press.
- Brint, Steven. 1994. In an Age of Experts: The Changing Roles of Professionals in Politics and Public Life. Princeton University Press.
- Penelope J. Corfield, Power and the Professions in Britain, 1700–1850, Routledge, Londra, 1995.
- Yves Dezalay and David Sugarman, Professional Competition and Professional Power, Routledge, 1995, ISBN 0-203-97721-1.
- Eliot Freidson, Professional Powers: A Study of the Institutionalization of Formal Knowledge, Chicago: University of Chicago Press, 1986, ISBN 0-226-26225-1.
- Joseph M. Jacob, Doctors and Rules: A Sociology of Professional Values, Transaction Publishers, New Brunswick u Londra, 1999.
- Montgomery, Jonathan (1989). "Medicine, Accountability, and Professionalism". Journal of Law and Society. 16 (3): 319–39.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "What is a Profession? | Professions Professionals Professionalism - Australian Council of Professions (ACoP)". www.professions.org.au. Miġbur 2021-07-05.
- ^ Popat, Nitin. Introduction to Accounting. ISBN 9781329911642.
- ^ Perks, R.W.(1993): Accounting and Society. Chapman & Hall (London); ISBN 0-412-47330-5. p. 2.
- ^ Fisher, Redwood, ed. (August 1846). "Statistics of the State of New-York". Fisher's National Magazine and Industrial Record. 3 (3): 234.
- ^ Colman, Richard (2021-07-05). "Medicine is a profession not a trade" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni journal għandha bżonn
|journal=
(għajnuna) - ^ The Industrial and Labour Law Digest, 1926-1959, Annotated 668; Sharma and Goyal, Hospital Administration And Human Resource Management, 5th Ed, PHI Learning, p. 445.
- ^ Fossum, John; Moore, Michael (December 1975). "The stability of longitudinal and cross-sectional occupational prestige rankings". Journal of Vocational Behavior. 7 (3): 305–311.
- ^ Ideas and Beliefs in Architecture and Industrial design: How attitudes, orientations and underlying assumptions shape the built environment. Oslo School of Architecture and Design. ISBN 82-547-0174-1.
- ^ Alan Bullock & Stephen Trombley, The New Fontana Dictionary of Modern Thought, London: Harper-Collins, 1999, p. 689.
- ^ "Washington as Public Land Surveyor | George Washington: Surveyor and Mapmaker | Articles and Essays | George Washington Papers | Digital Collections | Library of Congress". Library of Congress, Washington, D.C. 20540 USA. Miġbur 2021-07-05.
- ^ Springfield, Mailing Address: 413 S. 8th Street; Us, IL 62701 Phone:492-4241 Contact. "Lincoln's New Salem 1830-1837 - Lincoln Home National Historic Site (U.S. National Park Service)". www.nps.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-05.
- ^ "Surveying | Thomas Jefferson's Monticello". www.monticello.org. Miġbur 2021-07-05.
- ^ "Washington as Public Land Surveyor | George Washington: Surveyor and Mapmaker | Articles and Essays | George Washington Papers | Digital Collections | Library of Congress". Library of Congress, Washington, D.C. 20540 USA. Miġbur 2021-07-05.
- ^ Buckley, J.W. & Buckley, M.H. (1974): The Accounting Profession. Melville, Los Angeles. Quoted by Perks, p. 4.