Aqbeż għall-kontentut

Vitorin Galea

Dan l-artiklu ġie ppubblikat l-ewwel fil-Wikipedija bil-Malti
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Vitorin Galea
Ħajja
Twelid L-Isla, 31 Diċembru 1926
Nazzjonalità Kolonja ta' Malta
Stat ta' Malta
Malta
Mewt 17 Marzu 1996
Post tad-dfin Ċimiterju tal-Addolorata
Edukazzjoni
Lingwi Malti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni attur
Xogħlijiet importanti Gaġġa (en) Translate

Vitorin Galea (l-Isla, 31 ta’ Diċembru, 1926 - 17 ta' Marzu, 1996) kienet attriċi Maltija, waħda mill-aqwa attriċi tat-tieni nofs tas-seklu 20. Kellha karriera ta’ 54 sena. L-aqwa tal-karriera tagħha kien fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet.

Kienet it-tifla ta’ Manwel Casha u Karmena mwielda Bonello. Missierha, imlaqqam Bronk (taqsira ta’ isem ommu li kien jisimha Veronika), kien kummidjant magħruf fil-Kottonera. Kienet tifla fuq tagħha, kellha vuċi tajba, u kienet titgħallem il-vjolin għal ftit żmien. Imma l-gwerra bidlet kollox. Ta’ 13-il sena marret mal-familja toqgħod l-Imdina biex jitbieghdu mill-qilla tal-attakki fuq il-port. L-imħabba lejn il-palk nibtet fiha t’età` żgħira, għax il-familja kollha kienu jirreċtaw. It-tbatija tal-gwerra għafset fuq il-familja Casha, u Vitorin tilfet lil missierha waqt il-gwerra. Ħuha l-kbir Benny, li f’idejh kellu d-direzzjoni tal-kumpanija, xorta ma qatax qalbu mill-gwerra. Baqgħu jtellgħu xogħlijiet fis-sala tal-Astoria r-Rabat. In-nies kienet tattendi, għax kulħadd kien jixtieq itajjar ftit id-dwejjaq li ġġib magħha l-gwerra. B’hekk il-familja ta’ Vitorin baqgħu attivi, jirreċtaw għalkemm b’ċertu limitazzjonijiet.

L-ewwel debutt serju ta’ Vitorin, kien fl-1942, meta mardet il-prim’attriċi (Ġuża Caruana), f’operetta li kienu se jtellgħu, u Vitorin ħadet postha malajr malajr. Beżgħet ħafna, imma l-parti qaxxritha, u ħarġet bl-unuri. Minn dak iż-żmien, ħuha beda jagħti l-partijiet ewlenin lilha.

Passatemp li kellha kien il-qari. Kienet tħobb taqra wisq! Fix-xogħol li kellha ta’ salesgirl ma’ Abela Lowinger fir-Rabat, kienet taqdi ħafna nisa tal-Ingliżi. Dawn kienu jtuha ħafna magazines, u kotba ta’ stejjer ta’ mħabba. Dawn il- kotba kienu ħeġġuha li tikteb xi sketches, u aktar tard xi kummiedji wkoll. Għax barra li kienet attriċi, Vitorin kellha wkoll it-talent tal-pinna. Ma jonqosx li fil-hajja ta’ Vitorin tidhol l-imħabba. Hija żżewget lil Ġużeppi Galea, li kien magħruf bħala Ġużeppi r-Rabti, meta niżlu joqgħodu l-Isla. Lil Ġużeppi ltaqgħet miegħu fuq il-palk ukoll, għax ħuha kien ġabu bħala għalliem taż-żfin, għall-operetti li kienu jtellgħu. Lil Vitorin kien jiżfen magħha hu fuq il-palk, u hemm nibtet l-imħabba tagħhom. Aktar tard, Ġużeppi kien jagħmilha ta’ suġġeritur mal-kumpanija. Kellhom tifla waħda, Norma li minn età’ żgħira trawwmet ukoll fid-delizzju tat-teatru.

Meta beda r-Rediffusion, Vitorin kienet minn tal-ewwel li sejħulha biex tagħti kontribut. Kienet tieħu sehem f’għadd kbir ta’ radio plays, u serje ta’ radju kummiedji, fosthom Fredu Frendo Zgendo. Fl-1969 rebħet ix-Shield tal-aħjar attriċi tar-radju. Ferħet ħafna meta ċemplilha Francis Ebejer biex tieħu sehem miegħu fid-drammi tiegħu. Irreċtat f’Menz u f’Boulevard fit teatru Manoel. Ħadet sehem ukoll ma ħafna kumpaniji diversi, u magħhom ukoll rebħet premjijiet tal-aħjar attriċi. Xi kumpaniji milli rreċtat magħhom huma l-Kaballeros ta’ Mro. Ciappara f’Ħal Qormi, Golden Rose tar-Rabat, Anici ta’ Ħal Qormi, Hit Paraders taż-Żurrieq, Unitas tal-Birgu, u kumpaniji oħrajn f’Haz Żabbar, Marsaxlokk, l-Imsida, l-Ħamrun u Għawdex. Hi u tliet atturi oħra magħrufa, Armando Urso, Johnny Navarro u Charles Thake, kienu ffurmaw kumpanija bejniethom (GUNT) u damu għal ħafna snin iduru Malta u Għawdex b’raprezentazzjonijiet brillanti fejn kienu ferrħu eluf ta’ nies fis-sebgħinijiet.

Barra li kienet attriċi, kienet ukoll ħajjata. Omm Vitorin, kienet magħrufa l-Isla bħala ħajjata tajba. Vitorin ħadet is-sengħa minn għandha. Xhieda ta’ dan huma l-kustumi numerużi li hietet għaliha u għall- atturi kollha ta’ xi operetta li kitbet. Kienet tħit il-kustumi li se tilbes f’kull reċta hi stess. Dawn il-kustumi għadhom għand bintha sal-lum, u tgħożżhom ħafna.

Il-hajja ta’ Vitorin ma kinitx ward biss. Kellha x-xewk ukoll. Kienet tilfet lil missierha ta' 14-il sena. Kienet batiet b’ħuha ta’ warajha meta kienet tifla, għax kien marad u kienet terfgħu hi fuq dahrha. Kienu batew il-ġuħ fil-gwerra, u mhux l-ewwel darba li kienet isseffaq wiċċha biex tiddobba x’jieklu. Kienet tieħu ħsieb żewġha li tilef id-dawl t’għajnejh fl-1983. Imma dan qatt ma qatgħalha qalbha. Vitorin kienet bniedma ta’ kuraġġ, b’qalb kbira u ħanina; kienet mara sempliċi u dħulija ma' kulħadd; il-gost tagħha kien li trawwem atturi ġodda fuq il-palk. Ħafna mill-atturi li għandna llum fuq it-TV kienu bdew id-debutt tagħhom magħha.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]