Johnny Navarro
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Johnny Navarro | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Valletta, 23 Ottubru 1912 |
Nazzjonalità |
Kolonja ta' Malta Stat ta' Malta Malta |
Mewt | 5 Awwissu 1997 |
Post tad-dfin | Ċimiterju tal-Addolorata |
Edukazzjoni | |
Lingwi |
Malti Taljan Ingliż |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni | attur |
Johnny Navarro (Valletta, 23 ta’ Ottubru 1912 - 5 ta’ Awwissu 1997) kien wieħed mill-aqwa atturi li qatt ħarġu minn Malta, li jibqa’ magħruf għall-versatilità tiegħu u l-kapaċità kbira li kellu li b’ħarsa biss jifqa’ l-udjenza f’daħka jew f’bikja waħda.[1][2]
Tfulija
[immodifika | immodifika s-sors]Bin Enrico Navarro u Pasqualina neè Cutajar, Johnny studja fl-iskola Umberto Primo u wara għadda għal Flores College fejn is-suġġett preferut tiegħu kien it-Taljan.
Bħala żagħżugħ kien membru attiv tal-Azzjoni Kattolika tal-Belt, imbagħad kien mid-ħla sew tas-Salesjani. Kien bniedem li jħobb ix-xogħol u jieħu kollox bis-serjetà, speċjalment fl-għajnuna siewja li kien jagħti lill-missieru fin-negozju tiegħu.
Sa minn età żgħira bdiet titrawwem fih il-passjoni lejn il-palk, fejn fil-fatt ħa parti f’reċta fl-għaqda tal-Gioventù Kattolika (tal-Pawlini) ta’ 12-il sena. Sentejn wara ħa sehem fir-reċta “Il Ventaglio” ta’ Carlo Goldoni fit-Teatru Rjal, il-Belt u minn hemm ma waqaf qatt.
Teatru
[immodifika | immodifika s-sors]Ħadem ħafna operetti bl-Ingliż bħal “Maid of the Mountains” u anke bit-Taljan ta’ Pirandello kif ukoll ta’ Eduardo de Filippo.
Johnny Navaro kellu karriera twila ta’ attur ‘self-made’ b’rappreżentazzjonijiet fuq il-palk f’diversi teatri f’Malta u Għawdex, il-Kanada u l-Awstralja. Fil-Manoel kellu ħafna ‘plays’ tqal u serji bħal “La Torre sul Pollaio”, “Lo Sbaglio di essere vivo” u “Nina non Far La Stupida”.
Minbarra dan, kellu wirjiet għall-emigranti Maltin fejn tela’ jferraħ lil ħutna Maltin u Għawdxin tliet darbiet f’Sydney u f’Melbourne l-Awstralja, fi New York l-Istati Uniti u f’Ontario l-Kanada.
Atturi li ħadmu ma’ John-ny Navarro jgħidulek li kien jibrilla fl-improvizzazzjoni. Skript li kien mejjet kien jagħtih il-ħajja u jagħmlu aktar rikk. L-udjenza kienet f’idejh, tistenna xi qabża bla ħsieb minn fuq xi attur ieħor jew għal fuqhom. Kien flessibbli u l-istatura tiegħu kienet tgħinu biex fi ftit mumenti kapaċi joħloqlok paradossi billi jitgħawweġ, jaqbeż u jċaqlaq ġismu bl-aktar mod tad-daħk.
Ħajja personali
[immodifika | immodifika s-sors]Iżda dan kollu kien jagħmlu fit-teatru, mhux fit-triq jew id-dar. Kif kienet tispiċċa l-produzzjoni kien joħroġ is-Sur John Navarro. Peress li kien jagħmel xogħol bħala awditur qatt ma kien iħalli ċ-ċajt jidħol fl-affarjiet serji bħax-xogħol tiegħu.
Johnny Navarro żżewweġ ftit wara l-mewt ta’ missieru lil Maria Criscuoli hekk kif faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija. Kellhom erba’ wlied bniet – Gladys, Marlene, Marcelle u Valerie – u kienu joqogħdu fi Triq Dingli, Tas-Sliema.
Fl-1990, John u Mary Navarro iċċelebraw il-50 sena miż-żwieġ tagħhom. Ftit snin wara mietet ħesrem il-mara u disa’ xhur wara Malta tilfet wieħed mill-akbar atturi li qatt rat.
Johnny Navarro miet fl-għomor ta’ 84 sena.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Much loved funnyman can still make people smile". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-26.
- ^ "24 sena mill-mewt ta' Johnny Navarro". newsbook.com.mt (bil-Malti). 2021-08-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-08-26. Miġbur 2021-08-26.
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Johnny Navarro () |
- Johnny Navarro fuq Malta Media Memory Preservation (M3P)
- L-attur komiku Johnny Navarro fuq YouTube (ONE News Malta)