Fgura

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
Il-Knisja L-Gdida, Fgura
Il-Fgura
Emblema
Isem uffiċjali: Il-Fgura
Isem tal-abitanti: Fguri (m), Fgurija (f), Fgurin (pl)

Mappa

Latitudni: 35°52 '21" N
Lonġitudni: 14°31 '22" E
Erja: 1.1 km²
Popolazzjoni:
 – Total:
 – Densità:

11,258 (Novembru 2005)
9,852
Konfini: Bormla, Raħal Ġdid, Tarxien, Żabbar, Żejtun

Il-Fgura hija belt fin-nofsinhar ta' Malta u hija wieħed mit-68 kunsill lokali.

L-oriġini tal-isem tal-lokal mhux ċert. Uħud isostnu li ġej mill-kelma figura b'referenza għax-xbieha tal-Madonna tal-Karmnu li kienet teżisti fil-lokal sa mis-seklu sbatax, u li kienet tissejjaħ il-figura tal-Madonna. Oħrajn jaħsbu li l-isem oriġinali kien 'Tal-Fgura' u jaraw konnessjoni mal-istess isem ta' post fl-Gharb (Għawdex).

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Mill-apparenza l-Fgura tidher belt ġdida mibnija fis-sittinijiet, iżda minkejja dan hemm oriġini antiki mistura. Il-belt għandha għeruq preistoriċi (bosta oqbra fiż-żona jixhdu dan) u hemm biżżejjed provi sabiex wieħed jissuġġerixxi li kienet abitata fi żmien il-Feniċi. Il-prova hija li bejn it-28 ta' Ottubru u l-21 ta' Diċembru 1948, 6 oqbra Puniċi instabu fil-Fgura - l-aktar fi Triq il-Liedna. Dawn l-oqbra ilhom jeżistu sa mit-tielet u r-raba' seklu Q.K. - kollha għandhom forma irregolari u fihom instabu fdalijiet umani, fdalijiet tal-annimali, fuħħar u materjali oħra tal-bronż. Triq partikolari ssemmiet 'Triq is-Sejba Punika' bħala tifkira ta' din is-sejba storika.

Il-Fgura, li tinsab aktar 'il ġewwa mill-Kottonera, ġiet influwenzata mit-tkabbir tat-Tarzna, b'mod speċjali wara l-Ewwel Gwerra Dinjija. Il-Fgura tmiss mal-fortifikazzjonijiet tal-Kottonera fit-tramuntana, ma' Ħaż-Zabbar fin-nofsinhar u ma' Ħal Tarxien fil-Punent. Illum il-ġurnata l-Fgura għandha waħda mill-akbar densitajiet ta' popolazzjoni fil-pajjiż. Riċentement din kibret lejn in-naħat tal-Port il-Kbir u kienet waħda mill-ibliet li raw żvilupp mgħeġġel, tant li issa waslet biex tintemm l-espansjoni tagħha. Il-Fgura issa saret waħda mill-akbar ċentri kummerċjali fin-naħat tan-nofsinhar tal-gżira.

L-emblema tal-Fgura hija magħmula minn strixxa ħamra orizzontali bi 3 stilel ta' ħames ponot, iċċentrata fuq sfond abjad - din daħlet mat-twaqqif tal-Kunsill Lokali tal-Fgura fl-1993. Din l-arma ħadet post oħra preċedenti li kien inħolqot bl-inizjattiva tal-Kunsill Ċiviku. Jum il-Fgura ġie stabbilit mill-kunsill lokali fl-1994 u l-ewwel ċelebrazzjoni tiegħu saret fit-30 ta' Ottubru. Din hija issa ċċelebrata fl-aħħar Ħadd ta' Ottubru.

Il-qaddis patrun tal-Fgura hija l-Madonna tal-Karmnu u tiġi ċċelebrata festa annwali f'ġieħha fit-tieni Ħadd ta' Lulju. Il-Fgura għandha wkoll waħda mill-aktar knejjes partikolari f'Malta minħabba li l-knisja hija forma ta' tinda.

Fis-sena 1945 il-patrijiet Karmelitani tal-Provinċja Karmelitana Maltija waqqfu kunvent fl-istess lokal.

Il-Fgura saret Parroċċa fl-1965. Il-knisja parrokkjali preżenti nfetħet għall-pubbliku fl-1988, u kienet ikkonsagrata fl-1 ta' Frar 1990.

Kummissjoni Festa Esterna 16 ta' Lulju Fgura A.D.1993[immodifika | immodifika s-sors]

Poster for the External Feast Commission

Il-Kummissjoni Festa Esterna hija l-għaqda ta' l-armar tal-Parroċċa tal-Fgura. Qabel it-twaqqif tal-Kummissjoni Festa Esterna fil-Fgura kien hawn numru sabiħ ta’ dilettanti li kienu jarmaw it-toroq tagħhom fuq bażi separata. Fost dawn huma r-residenti tat-Triq Mater Boni Consilii u t-toroq tal-madwar. Dawn kienu toroq li kienu jintramaw mir-residenti nfushom. Iżda għall-ħabta tas-sena 1967 twaqqaf l-ewwel kumitat tal-festa f'isem il-parroċċa. Kienet fuq l-inizjattiva ta’ P. Innoċenz Zerafa O.Carm. li twaqqaf dan il-kumitat. Min dak in-nhar il-parroċċa bdiet tieħu ħsieb tarma u tixgħel l-inħawi tal-knisja u t-triq prinċipali. Kienet ukoll taħseb għal-banda il-Ħadd filgħaxija u n-nar ta` l-art u l-ajru. Iżda kienet fis-sena 1992 li l-parroċċa kienet ħasset il-ħtiega li twaqqaf Kummissjoni sabiex tieħu ħsieb tarma u torganizza il-festa tal-padruna tagħna Omm u Ġmiel tal- Karmelu. Din il-kummissjoni hija dik preżenti. L-ewwel Kummissjoni Festa Esterna twaqqfet fil-5 ta’ Marzu 1993 u l-ewwel prokuratur tal-festa kien P. Adrian Cassar Pulis O.Carm. F’ dawn iż-żminijiet kienet ukoll inħasset il-ħtieġa li jkollha post fejn isiru il-laqgħat u jinżamm l-armar tal-festa. Iżda ftit żmien wara l-kummissjoni akkwistat maħżen fi Triq il-Karmelitani fejn seta jinżamm l-armar tal-festa. F`għeluq il-5 snin mit-twaqqif tal-Kummissjoni ġiet imżanżna l-arma tal-Kummissjoni. Fis-sena 1998 lahaq it-2 prokuratur tal-Kummissjoni u dan kien P. Joe Saliba O.Carm. Għall-festa ta` l-1999, sar standard tal-Kummissjoni Festa Esterna u dan jinġarr fil-purċissjoni nhar il-festa. Fis-sena 2006 il-Kummissjoni reġa kellha prokuratur ġdid, P. Renald Lofreda O. Carm. Mit-twaqqif tal-Kummissjoni fil-Fgura sa llum tista' tgħid li l-ħidma ma waqfet qatt. Dan jidher biċ-ċar fil-jiem tal-festa bl-armar ġdid kull sena. Il-Fgura hija l-akbar parrocca li tkun qed tiċċelebra l-festa tagħha fit-2 Ħadd ta' Lulju.