Valletta

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Belt Valletta)
Jump to navigation Jump to search
Il-Belt Valletta
Valletta coa.svg
Valletta Montage.jpg
Muntaġġ ta' Valletta
Lokazzjoni ta' Valletta
Pajjiż Flag of Malta.svg Malta
Gvern
 • Sindku

Alfred Zammit (PL)[1]
Erja 0.8 km2 (0.3 mi kw)
Elevazzjoni 56 m (184 ft)
Popolazzjoni (Marzu 2011)
 • Total
 • Densità

6,966
8,700/km2 (23,000/mi kw)
Żona tal-ħin
 • Sajf
CET (UTC+1)
CEST (UTC+2)
Kodiċi postali VLT

Qaddis patrun
 • Ġurnata

Papa San Piju V Dumnikan
  28 ta' Mejju
Websajt www.cityofvalletta.org

 Jekk għandkom widnejn biex tisimgħu, Valletta għandha ħafna stejjer xi tgħid. 

Il-Belt Valletta, magħrufa min-nies tal-gżejjer Maltin aktar bħala l-Belt hi l-kapitali ta' Malta. Tinsab mifruxa fuq penisola fil-parti tal-Lvant ċentrali tal-gżira ta' Malta. Il-Belt għandha popolazzjoni ta' 5,719-il ruħ (sal-2012).

Il-Belt Valletta għandha arkitettura mħallta għax fiha hemm binjiet bi stil Manneristiku, Barokk, Neoklassiku u anki dawk b'arkitettura moderna. Il-Belt Valletta sofriet mill-attakki tat-Tieni Gwerra Dinjija; biss, minkejja li l-gwerra ħalliet ferita kbira, il-Belt hi ma tilfitx il-karattru storiku tagħha. Fl-1980 il-Belt Valletta ġiet magħżula u onorata mill-UNESCO bħala Sit ta’ Wirt Dinji.[2]

Isem[immodifika | immodifika s-sors]

Ll-Ordni ta' San Ġwann ta lill-belt it-titlu, Humilissima Civitas Valletta — 'Il-Belt l-Aktar Umli ta' Valletta'. Madanakollu, bil-bini ta' swar u ta' fortifikazzjonijiet, u flimkien mas-sbuħija tal-bini Barokk mat-toroq tagħha, din saret magħrufa bħala Superbissima — 'L-Aktar Kburija', fost is-sovrani tal-Ewropa.

Gvern Lokali[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Belt għandha l-Kunsill amministrattiv tagħha u Alfred Zammit huwa s-sindku ta' dan il-Kunsill Lokali, kariga li ilu jokkupa mill-2019. Zammit huwa l-ewwel sindku tal-Belt li ġie elett mill-Partit Laburista (PL), li hu partit affiljat mas-Soċjalisti u d-Demokratiċi Ewropej (S&D), li għandu l-maġġoranza fil-Kunsill Lokali. Bejn l-2008 u 2018, is-sindku kien Alexei Dingli li ġie elett f'isem il-Partit Nazzjonalista (Malta)|Partit Nazzjonalista]] (PN), li hu partit affiljat mal-Partit Popolari Ewropew.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel ġebla tal-Belt Valletta tqiegħet fit-28 ta' Marzu 1566, mill-Gran Mastru tal-Ordni ta' San Ġwann, Jean Parisot de la Valette. Wara l-Assedju l-Kbir tal-1565, l-Ordni ddeċida li jibni belt ġdida fuq il-peniżola ta' Xiberras, bl-intenzjoni li il-belt isservi wkoll bħala fortizza li tiddefendi kemm il-Port il-kbir kif ukoll il-port ta' Marsamxett. Dan il-proġett juri li issa l-Ordni kien iddeċida darba għal dejjem li jibqa' Malta b'mod permanenti. L-arkitett li ddisinja l-pjanta tal-belt il-ġdida kien Francesco Laparelli li ntbagħat mill-Papa Piju V. Meta Laparelli ħalla Malta, xogħlu komplieh l-assistent tiegħu, il-Malti Ġlormu Cassar. Il-pjanta tal-Belt kienet kollha kemm hi bbażata fuq linji rettilinji u l-binjiet kollha f'daqqa kienu jagħtu lid-disinn ta-Belt meta tarrah minn fuq xeħta tal-bord tal-iskakki.

It-toroq nbew dritti, b'dik tan-nofs, Strada San Giorgio (illum Triq ir-Repubblika) tibda minn Porta San Giorgio, ttawwal daqs 900 metru u tispiċċa quddiem il-Forti Sant'Iermu. La Valette ma leħaqx jara x-xogħol tas-swar tal-Belt komplut, għax miet fil-21 ta' Awwissu 1568 fl-età ta' 74 sena. Hu kien midfun fil-knisja, tan-Nattività (tal-Vitorja). Wara li nbniet il-Knisja Konventwali tal-Ordni, il-fdalijiet tiegħu ttieħdu hemm fejn hu midfun flimkien ma' xi Gran Mastri oħra fil-kripta ta' taħt l-altar maġġur.

Il-Belt saret il-kapitali ta' Malta, kif għada sal-lum, fejn isservi bħala il-belt amministrattiva, kummerċjali u kulturali tal-gżejjer Maltin.

Hekk baqgħet kemm sakemm l-Ordni baqa' Malta kif ukoll meta ġew l-Ingliżi. Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-Belt qalgħet ħafna bombi waqt bosta attakki mill-ajru. Bosta binjiet ġġarfu, fosthom iġġarraf it-Teatru Rjal li nbena qrib id-daħla tal-Belt fl-1866.

Illum il-ġurnata, il-Belt Valletta tilqa' fi ħdanha għadd ta' dipartimenti u ministeri governattivi, mijiet ta' ħwienet u uffiċiji ta' kumpaniji tal-kummerċ, knejjes u mużewijiet. Meta ma' dawk li jaħdmu f'dawn l-istabbilimenti ninkludu t-turisti, in- numru ta' nies li jidħlu l-Belt kuljum ilaħħaq mat-38,000 ruħ. F'din il-belt, tinsab ukoll il-Berġa ta' Kastilja minn fejn jopera l-Prim Ministru kif ukoll il-Palazz tal-Gran Mastru, fejn jiltaqa' l-Parlament.

Ġeografija[immodifika | immodifika s-sors]

Triq Mikiel Anton Vassalli, il-Belt Valletta

Il-peniżola tal-Belt Valletta hi mdawra minn żewġ portijiet naturali; il-Port ta' Marsamxett u l-Port il-Kbir. Dan tal-aħħar hu l-iktar port importanti ta' Malta.

Il-belt għandha diversi binjiet ta' importanza storika. Fosthom insibu l-Kon-Katidral ta' San Ġwann, magħruf qabel bħala l-Knisja Konventwali tal-Kavallieri ta' Malta, il-Berġa ta' Kastilja li fil-fatt kienet tilqa' fiħa il-Kavallieri ġejjin minn Kastilja, León u l-Portugal. Illum f'din il-binja jinsab l-uffiċċju tal-Prim Ministru ta' Malta. Fil-Belt jinsab ukoll il-Palazz Maġisterjali, mibni bejn l-1571 u l-1574, li qabel kienet ir-residenza tal-Gran Mastru tal-Ordni ta' San Ġwann, waqt li llum jospita l-Uffiċju tal-President tar-Repubblika ta' Malta.Fl-istess binja wieħed jista' jħur l-Armrija kif ukoll xi swali fl-ewwel sular. Fi Triq ir-Repubblika hemm il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fejn qabel kien hemm il-Berġa ta' Provenza. Fi Triq il-Merkanti hemm il-Mużew Nazzjonali tal-Arti (MUŻA) fil-binja li qabel kienet l-Berġa tal-Italja. It-Teatru Manoel, li kien inbena f'għaxar xhur biss fl-1731, b'ordni mill-Gran Mastru Antonio Manoel de Vilhena, hu wieħed mill-eqdem teatri fl-Ewropa; Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, magħruf qabel bħala s-Sacra Infermeria, mibni fl-1574, fejn kien wieħed mill-aktar sptarijiet rinomati matul iż-żmien tal-Kavallieri ta' Malta. Apparti dawn u ħafna binjiet oħra miftuħa għall-pubbliku wieħed jista' jammira il-fortifikazzjonijiet, mibnija bħala serje ta' bastjuni u ravellini, b'għoli li jvarja bejn 50 u 80 metru mill-foss li jdur madwar partijiet minnhom.

Fil-pjanijiet oriġinali, l-Ordni ried jibni menqa fiha jkunu jistgħu jirmiġġjaw xi bastimenti. Ix-xogħol ma rnexxiex u minflok fl-ispazju li kien diġà tħaffer inħolqot roqgħa bini li bdiet tissejjaħ "Il-Mandraġġ" ambjent li fejn bdew jgħixu nies foqra. Dan irriżulta f'diversi bini inadekwat b'kundizzjonijiet sanitarji ħżiena. Il-Mandraġġ kien ġie mwaqqa' mill-Awtoritajiet fis-snin sebgħin biex minflok inbnew flattijiet diċenti.

Demografija[immodifika | immodifika s-sors]

Il-popolazzjoni tal-Belt Valletta naqset drastikament matul is-snin, u illum il-l-abitanti tal-Belt ilaħqu mhux wisq aktar minn sitt elef ruħ. Dan minħabba li mit-Tieni Gwerra 'l hawn bosta familji u individwi ħarġu mill-Belt u marru joqgħodu fl'lokalitajiet oħrajn f'bini aktar modern u komdu.

Sit ta’ Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1980, il-Belt Valletta ġiet iddikjarata mill-UNESCO bħala Sit ta’ Wirt Dinji. Il-Belt Valletta għandha 320 monument, biex b’hekk hija waħda mill-iktar żoni storiċi b’konċentrazzjoni ta’ monumenti fid-dinja. Il-Belt ġiet iddikjarata Sit ta’ Wirt Dinji minħabba l-valur universali straordinarju tagħha abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO minn għaxra (fi kliem ieħor, abbażi ta’ terz tal-kriterji kulturali). Dawn il-kriterji huma l-kriterju (i), jiġifieri “Rappreżentazzjoni ta’ kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”, u l-kriterju (vi), jiġifieri “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma’ avvenimenti jew ma’ tradizzjonijiet ħajjin, ma’ ideat jew ma’ twemmin, jew ma’ xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta’ valur universali straordinarju”.

Il-Belt Valletta ġiet iddikjarata Sit ta’ Wirt Dinji abbażi tal-kriterju (i) peress li hija prevalentement kreazzjoni idealistika tal-aħħar tar-Rinaxximent bi pjanta urbana uniformi, ispirata mill-prinċipji Neoplatoniċi, bi swar u b’fortifikazzjonijiet mad-dawra kollha tad-daħliet naturali tagħha, u b’diversi monumenti f’postijiet strateġiċi. Min-naħa l-oħra, il-Belt Valletta ġiet iddikjarata Sit ta’ Wirt Dinji abbażi tal-kriterju (vi) minħabba r-rabta tagħha mal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, li bnewha fl-1566 u li ħadu ħsiebha u sebbħuha għal kważi żewġ sekli u nofs. B’hekk, il-Belt Valletta hija assoċjata mal-istorja ta’ waħda mill-ikbar forzi militari u morali tal-Ewropa moderna.

Il-belt hija mibnija fuq peniżola dejqa mdawra bl-ilma. B’hekk, il-perimetru tal-belt baqa’ prattikament l-istess mit-tluq tal-Kavallieri ’l hawn, bi ftit żviluppi moderni f’dawn l-aħħar snin. Id-daqs tagħha u l-integrità tal-bini u tal-monumenti tagħha kienu biżżejjed biex l-UNESCO tagħraf li għandha valur universali straordinarju. Minkejja xi proġetti tal-kostruzzjoni fis-seklu 19 u l-ħsarat li ġarrbet il-Belt Valletta fit-Tieni Gwerra Dinjija, proporzjon kbir tal-bini u tal-monumenti oriġinali, kif ukoll in-nisġa urbana tal-madwar, ġew ippreservati sa żminijietna jew ġew irrestawrati bir-reqqa. L-iżvilupp tal-bini u l-materjali li ntużaw matul is-snin ma biddilx wisq mill-pajsaġġ urban tal-Belt, speċjalment meta wieħed iqarreb u jħares lejha mill-baħar. Madankollu, il-valur universali straordinarju tagħha jiddependi wkoll fuq dan l-element tal-pajsaġġ urban, għalhekk il-proċess biex jinstab bilanċ tajjeb bejn dan l-element u l-ħtiġijiet ta’ belt ħajja, huwa proċess kontinwu. L-UNESCO kemm-il darba tintervjeni biex twissi lill-awtoritajiet li jieħdu ħsieb il-ġestjoni ta’ Sit ta’ Wirt Dinji, meta tħoss li xi proġett jista’ jipperikola xi waħda mill-kriterji tal-għażla tagħha. Fl-2015, l-NGO lokali Din l-Art Ħelwa ħasset il-ħtieġa li twassal it-tħassib tagħha lill-awtoritajiet Maltin li jekk il-pjanijiet ta’ lukanda ta’ 40 sular f’Tigné jitwettqu, dan jaf iwassal biex il-Belt Valletta saħansitra titlef l-istatus ta’ Sit ta’ Wirt Dinji, minħabba li l-proġett ikerrah il-pajsaġġ urban li baqa’ ftit li xejn mittiefes minn żmien il-Kavallieri ’l hawn.[3]

Toroq u pjazez prinċipali[immodifika | immodifika s-sors]

Triq ir-Repubblika, it-triq prinċipali u l-aktar kummerċjali tal-Belt Valletta.
  • Misraħ ir-Repubblika (Pjazza Reġina)
  • Pjazza San Ġorġ
  • Pjazza Kastilja
  • Pjazza Jean de Valette
  • Pjazza Indipendenza
  • Misraħ il-Ħelsien
  • Misraħ Sant'Iermu
  • Triq il-Fran
  • Triq il-Merkanti
  • Triq Zekka
  • Triq Nofsinhar
  • Triq il-Lanċa
  • Triq il-Lvant
  • Triq il-Punent
  • Triq il-Mediterran
  • Triq ir-Repubblika
  • Triq it-Teatru l-Antik
  • Triq l-Assedju l-Kbir
  • Triq Marsamxett
  • Triq Melita
  • Triq San Bastjan
  • Triq San Kristofru
  • Triq San Mark
  • Triq Spur
  • Xatt il-Barriera
  • Triq San Pawl
  • Triq San Duminku

Postijiet ta' interess[immodifika | immodifika s-sors]

Knejjes[immodifika | immodifika s-sors]

  • Knisja Kolleggjata San Pawl Nawfragu
  • Bażilka u Parroċċa Matriċi San Duminku
  • Knisja tal-Vitorja
  • Kon-Katidral ta' San Ġwann
  • Katidral Anglikan ta' San Pawl
  • Knisja ta' San Franġisk t'Assisi
  • Knisja tal-Ġiżwiti
  • Knisja ta' Santu Wistin
  • Knisja ta' Kristu Redentur
  • Knisja Franġiskana ta' Santa Marija ta' Ġesù, jew Ta' Ġieżu
  • Bażilika Madonna tal-Karmnu

Binjiet[immodifika | immodifika s-sors]

  • Palazz tal-Gran Mastru – (il-Palazz tal-President)
  • Berġa ta' Kastilja – L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ta' Malta
  • Berġa t'Aragona – Ministeru tal-Finanzi
  • Berġa tal-Italja – MUŻA (Mużew Nazzjonali tal-Arti)
  • Berġa ta' Provenza – Mużew tal-Arkeoloġija Nazzjonali
  • Berġa ta' Baviera –
  • Casa Rocca Piccola – residenza privata miftuħa biex iżuruha l-pubbliku
  • Palazzo Francia – Ministeru tal-Affarijiet Soċjali
  • Palazzo Parisio – Ministeru tal-Affarijiet Barranin

Teatri[immodifika | immodifika s-sors]

  • Teatru Manoel
  • Pjazza Teatru Rjal

Ġonna[immodifika | immodifika s-sors]

Mużewijiet u postijiet oħra ta' Interess[immodifika | immodifika s-sors]

  • Mużew Nazzjonali tal-Gwerra - Forti Sant'Iermu
  • Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija - Berġa ta' Provenza, Triq ir-Repubblika
  • Mużew Nazzjonali tal-Arti - MUŻA - Berġa tal-Italja, Triq il-Merkanti
  • Il-Palazz tal-Gran Mastri - L-Armerija u s-Swali tal-Palazz (daħla minn Pjazza San Ġorġ, Triq ir-Repubblika
  • Il-Konkatidral ta' San Ġwann - (daħla minn Triq ir-Repubblika)
  • Mużew tal-Posta f'Malta, Triq l-Arċisqof
  • Mużew tal-Ġugarelli, Triq ir-Repubblika
  • Casa Rocca Piccola, Triq ir-Repubblika
  • Lascaris War Rooms - il-Foss (Lascaris Ditch)
  • The Malta Experience - Triq il-Mediterrran
  • Sacra Infermerija, Triq il-Mediterran
  • Malta 5D - Triq l-Ifran
  • Valletta - Living History, Embassy Cinema, Triq Santa Luċija
  • Teatru Manoel - mużew u dawra bi spjega mat-Teatru, Triq it-Teatru l-Antik
  • Saluting Battery u l-passaġġi taħt il-Barrakka ta' Fuq
  • The Fortress Builders - Fortifications Interpretation Centre, Triq San Mark
  • Ċentru ta' Kreattivita - Cavalier ta' San Ġakbu (daħla minn Pjazza Kastilja

Oħrajn[immodifika | immodifika s-sors]

  • Putirjal (Id-daħla tal-Belt)
  • Funtana tat-Trituni (barra d-daħla tal-Belt)

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Mayor and Councillors" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-01-31.
  2. ^ "City of Valletta" (bl-Ingliż).
  3. ^ Debono, James (2015-12-04). "Heritage watchdog warns Valletta's UNESCO status undermined by Tigné 40-storey hotel". MaltaToday (bl-Ingliż). Miġbur 2021-01-31.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]

Koordinati: 35°53′52″N 14°30′45″E / 35.89778°N 14.5125°E / 35.89778; 14.5125