Ewropa tal-Lvant
L-Ewropa tal-Lvant hija reġjun tal-kontinent Ewropew bejn bejn l-Ewropa tal-Punent u l-Asja. Ma hemm l-ebda definizzjoni konsistenti dwar iż-żona preċiża li jkopri dan ir-reġjun, parzjalment għaliex it-terminu għandu firxa wiesgħa ta’ konnotazzjonijiet ġeopolitiċi, ġeografiċi, etniċi, kulturali, u soċjoekonomiċi. Ir-Russja, li tinsab ukoll fil-Ewropa tal-Lvant, hija l-ikbar pajjiż tal-Ewropa u l-iktar wieħed popolat; bejn wieħed u ieħor tirrappreżenta 40 % tal-massa tal-art totali tal-kontinent, b’iktar minn 15 % tal-popolazzjoni totali tagħha.[1]
Skont iċ-Ċentru għat-Teknoloġiji Edukattivi fl-Università tal-Ġiżwiti ta’ Wheeling, fl-Istati Uniti, hemm “definizzjonijiet tal-Ewropa tal-Lvant kważi daqs kemm hemm studjużi tar-reġjun”. Dokument relatat tan-Nazzjonijiet Uniti jżid li “kull valutazzjonit ta’ identitajiet spazjali hija essenzjalment kostrutt soċjali u kulturali”.[2]
Definizzjoni partikolari tiddeskrivi l-Ewropa tal-Lvant bħala entità kulturali: ir-reġjun fl-Ewropa b’karatteristiċi prinċipali li jikkonsistu minn influwenzi kulturali Slavi, Griegi, Biżantini, Ortodossi tal-Lvant u anke Ottomani.[3] Definizzjoni oħra nħolqot matul il-Gwerra Bierda u ntużat daqslikieku sinonimu tat-terminu “Blokk tal-Lvant”. Definizzjoni simili ssemmi l-istati Ewropej li qabel kienu Komunisti ’l barra mill-Unjoni Sovjetika bħala l-Ewropa tal-Lvant. Tali definizzjonijiet spiss jitqiesu antikwati[4][5][6], iżda xi drabi jintużaw għal skopijiet statistiċi.[4]
Definizzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Illum il-ġurnata jeżistu diversi definizzjonijiet tal-Ewropa tal-Lvant iżda spiss ikollhom nuqqas ta’ preċiżjoni, ikunu ġenerali wisq, jew ikunu antikwati. Dawn id-definizzjonijiet jiġu dibattuti b’mod trasversali fost il-kulturi u fost l-esperti, anke fost ix-xjentisti politiċi[7], peress li t-terminu għandu firxa wiesgħa ta’ konnotazzjonijiet ġeopolitiċi, ġeografiċi, kulturali u soċjoekonomiċi. It-terminu “Ewropa tal-Lvant” ġie deskritt bħala “mċajpar”, peress li l-idea stess tal-Ewropa tal-Lvant qed tevolvi b’mod kostanti. Is-solidifikazzjoni tal-idea ta’ “Ewropa tal-Lvant” tmur lura l-iktar għall-perjodu tal-Illuminazzjoni (Franċiża).[8]
Geografiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Filwaqt li l-konfini ġeografiċi tal-Lvant tal-Ewropa huma definiti sew, il-konfini bejn l-Ewropa tal-Lvant u tal-Punent mhijiex ġeografika iżda storika, reliġjuża u kulturali, għaldaqstant iktar għadma iebsa biex tiġi ddeżinjata.
Il-Muntanji tal-Ural, ix-xmara Ural, u l-Muntanji tal-Kawkasu huma l-fruntiera ġeografika tal-art tat-tarf tal-Lvant tal-Ewropa. Pereżempju l-Każakistan, li jinsab l-iktar fl-Asja Ċentrali bl-iktar partijiet tal-Punent tiegħu jinsabu fix-xmara Ural, jikkondividi parti mal-Ewropa tal-Lvant.
Madankollu, fil-Punent, il-konfini storiċi u kulturali tal-Ewropa tal-Lvant x’aktarx li jkunu soġġetti għal trikkib u, l-iktar ħaġa importanti, għaddew minn fluttwazzjonijiet storiċi, li jfisser li huwa pjuttost diffiċli li jkun hemm definizzjoni preċiża tal-konfini ġeografiċi tal-Punent tar-reġjun tal-Ewropa tal-Lvant (kif ukoll taċ-ċentru ġeografiku tal-Ewropa).
Reliġjużi
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xiżma bejn il-Lvant u l-Punent (li bdiet fis-seklu 11 u tippersisti fil-preżent) qasmet il-Kristjaneżmu fl-Ewropa (konsegwentement fid-dinja) fi tnejn: il-Kristjaneżmu tal-Punent u l-Kristjaneżmu tal-Lvant.
L-Ewropa tal-Punent skont dan il-puntdivista hija magħmula minn pajjiżi bi knejjes Protestanti u Kattoliċi Rumani dominanti (inkluż pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali bħall-Kroazja, is-Slovenja, l-Awstrija, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja).
L-Ewropa tal-Lvant hija magħmula minn knejjes Ortodossi dominanti, bħal pereżempju l-Armenja, il-Belarussja, il-Bulgarija, Ċipru, il-Georgia, il-Greċja, il-Moldova, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, ir-Rumanija, ir-Russja, is-Serbja u l-Ukrajna.[9][10] Il-Knisja Ortodossa tal-Lvant kellha rwol prominenti fl-istorja u l-kultura tal-Ewropa tal-Lvant u tax-Xlokk.[11]
Xiżma hija d-diviżjoni tat-twemmin u tat-teoloġija tal-istess nisel, li issa huma maqsuma fil-knejjes tal-Lvant (Ortodossi) u tal-Punent (Kattoliċi Rumani mis-seklu 11 kif ukoll Protestanti mis-seklu 16). Din id-diviżjoni ddominat l-Ewropa għal sekli sħaħ, għad-differenza tad-diviżjoni tal-Gwerra Bierda li damet biss erba’ deċennji.
Mix-Xiżma l-Kbira tal-1054, l-Ewropa ġiet diviża bejn il-knejjes Kattoliċi Rumani u Protestanti fil-Punent, u l-knejjes Kristjani Ortodossi tal-Lvant (ħafna drabi msejħa Ortodossi Griegi bi żball) fil-Lvant. Minħabba din il-qasma reliġjuża, il-knejjes Ortodossi tal-Lvant spiss jiġu assoċjati mal-Ewropa tal-Lvant. Madankollu, qasma ta’ dan it-tip spiss tkun problematika; pereżempju, il-Greċja għandha maġġoranza kbira Ortodossa, iżda qajla tiġi inkluża fl-Ewropa tal-Lvant, għal varjetà ta’ raġunijiet, u l-iktar waħda prominenti hi li l-istorja tal-Greċja, fil-biċċa l-kbira tagħha, kienet iktar influwenzata minn kulturi u kuntatti Mediterranji.[12]
Gwerra Bierda
[immodifika | immodifika s-sors]Il-waqgħa tal-Purtiera tal-Ħadid temmet id-diviżjoni bejn il-Lvant u l-Punent fl-Ewropa ta’ żmien il-Gwerra Bierda[13], iżda dan il-kunċett ġeopolitiku xi kultant jintuża għal referenza ta’ malajr mill-mezzi tax-xandir.[14] Definizzjoni oħra li ntużat matul il-Gwerra Bierda li damet 40 sena bejn l-1947 u l-1989, kienet bejn wieħed u ieħor sinonima mat-termini l-Blokk tal-Lvant u l-Patt ta’ Varsavja. Definizzjoni simili ssemmi l-istati Ewropej eks Komunisti ’l barra mill-Unjoni Sovjetika bħala l-Ewropa tal-Lvant.[3]
L-istoriċi u x-xjentisti soċjali ġeneralment iqisu li tali definizzjonijiet huma kemxejn antikwati jew ma japplikawx iżjed.[4]
EuroVoc
[immodifika | immodifika s-sors]EuroVoc, teżawru multilingwi ġestit mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, għandu entrati bi “23 lingwa tal-UE” (il-Bulgaru, il-Kroat, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonu, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Litwan, il-Latvjan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u l-Iżvediż), kif ukoll bil-lingwi tal-pajjiżi kandidati (l-Albaniż, il-Maċedonu u s-Serbjan). Minn dawn il-lingwi, dawk bil-korsiv huma kklassifikati bħala l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant f’dan is-sors.[5]
Żviluppi kontemporanji
[immodifika | immodifika s-sors]Stati Baltiċi
[immodifika | immodifika s-sors]L-UNESCO[15], il-EuroVoc, in-National Geographic Society, il-Kumitat għall-Kooperazzjoni Internazzjonali fir-Riċerka Nazzjonali fid-Demografija, u t-Teżawru STW għax-Xjenza Ekonomika jpoġġu l-Istati Baltiċi fl-Ewropa tat-Tramuntana, filwaqt li l-World Factbook tas-CIA jpoġġi r-reġjun fl-Ewropa tal-Lvant b’assimilazzjoni b’saħħitha mal-Ewropa tat-Tramuntana. Dawn huma t-tmien membri tal-forum tal-kooperazzjoni reġjonali Nordika-Baltika msejħa l-Grupp ta’ Visegrád.[16] Il-Forum tal-Ġejjieni tat-Tramuntana, il-Bank tal-Investiment Nordiku, il-Grupp tal-Battalja Nordiku, il-forum tal-kooperazzjoni reġjonali Nordika-Baltika u l-Lega Anseatika l-Ġdida huma eżempji oħra ta’ kooperazzjoni Ewropea tat-Tramuntana li jinkludu t-tliet pajjiżi b’mod kollettiv bħala l-Istati Baltiċi:
Kawkasu
[immodifika | immodifika s-sors]Tliet nazzjonijiet tal-Kawkasu huma inklużi f’definizzjonijiet jew l-ġrajjiet storiċi tal-Ewropa tal-Lvant. Dawn jinsabu fiż-żona ta’ tranżizzjoni tal-Ewropa tal-Lvant u l-Asja tal-Punent. Huma jipparteċipaw fil-programm tas-Sħubija tal-Lvant tal-Unjoni Ewropea, fl-Assemblea Parlamentari tal-Euronest, u huma membri tal-Kunsill tal-Ewropa, li jispeċifikaw li t-tliet pajjiżi għandhom konnessjonijiet politiċi u kulturali mal-Ewropa. F’Jannar 2002, il-Parlament Ewropew indika li l-Armenja u l-Georgia jaf jidħlu fl-UE fil-futur.[17] Madankollu, il-Georgia attwalment hija l-unika nazzjon tal-Kawkasu li qed ifittex attivament li jikseb is-sħubija fl-UE u fin-NATO. It-tliet nazzjonijiet ikkonċernati huma:
- l-Armenja,
- l-Ażerbajġan, kif ukoll
- il-Georgia.[18]
Fir-reġjun tal-Kawkasu hemm tliet Repubbliki indipendenti de facto, b’rikonoxximent limitat. Dawn it-tliet stati jipparteċipaw fil-Komunità għad-Demokrazija u d-Drittijiet tan-Nazzjonijiet u huma:
- ir-Repubblika tal-Abkażja,
- ir-Repubblika ta’ Artsakh (jew ta’ Nagorno-Karabakh), kif ukoll
- l-Ossezja tan-Nofsinhar.
Stati Eks Sovjetiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Xi repubbliċi Ewropej tal-Eks Unjoni Sovjetika jitqiesu bħala parti mill-Ewropa tal-Lvant:
- il-Belarussja,
- il-Moldova (is-soltu tiġi raggruppata mal-istati mhux Baltiċi post-Sovjetiċi iżda xi drabi titqies bħala parti mill-Ewropa tax-Xlokk),[19]
- ir-Russja (ir-Russja Ewropea),
- l-Ukrajna.
Fost l-istati kontroversjali hemm:
- it-Transnistria.
Ewropa Ċentrali
[immodifika | immodifika s-sors]It-terminu Ewropa Ċentrali sikwit jintuża mill-istoriċi biex jirreferu għall-istati li qabel kien jiffurmaw parti mill-Imperu Ruman Sagru, mill-Imperu Awstro-Ungariku, u l-porzjon tal-Punent tal-Commonwealth Pollakk-Litwan.
Għalhekk, f’xi sorsi tal-mezzi tax-xandir, it-terminu Ewropa Ċentrali jista’ parzjalment ikollu trikkib mat-terminu Ewropa tal-Lvant ta’ żmien il-Gwerra Bierda. Il-pajjiżi li ġejjin jiġu rreferuti bħala tal-Ewropa Ċentrali minn xi kummentaturi, minkejja li oħrajn għadhom jikkunsidrawhom bħala tal-Ewropa tal-Lvant[20][21][22]:
- l-Awstrija,[23]
- iċ-Ċekja,
- il-Kroazja (tiġi inkluża wkoll kemm fl-Ewropa Ċentrali[22] kif ukoll tax-Xlokk[24]),
- l-Ungerija,
- il-Polonja,
- ir-Rumanija (tiġi inkluża wkoll kemm fl-Ewropa Ċentrali kif ukoll tax-Xlokk[25]),
- is-Serbja (tiġi inkluża l-iktar fl-Ewropa tax-Xlokk iżda xi drabi fl-Ewropa Ċentrali),[26]
- is-Slovakkja,
- is-Slovenja (tiġi inkluża l-iktar fl-Ewropa Ċentrali iżda xi drabi wkoll fl-Ewropa tax-Xlokk).[27]
Ewropa tax-Xlokk
[immodifika | immodifika s-sors]Xi pajjiżi fl-Ewropa tax-Xlokk jistgħu jitqiesu bħala parti mill-Ewropa tal-Lvant. Xi drabi wħud minnhom, allavolja qajla tiġri, jistgħu jiġu kkaratterizzati bħala pajjiżi li jiffurmaw parti mill-Ewropa tan-Nofsinhar[2], u oħrajn jistgħu jiġu inklużi wkoll fl-Ewropa Ċentrali.
Għalhekk, f’xi sorsi tal-mezzi tax-xandir, it-terminu Ewropa tax-Xlokk jista’ parzjalment ikollu trikkib mat-terminu Ewropa tal-Lvant ta’ żmien il-Gwerra Bierda. Il-pajjiżi li ġejjin jiġu rreferuti bħala tal-Ewropa tax-Xlokk minn xi kummentaturi, minkejja li oħrajn għadhom jikkunsidrawhom bħala tal-Ewropa tal-Lvant[20][21][22]:.[28]
- l-Albanija,
- il-Bożnija-Ħerzegovina,
- il-Bulgarija,
- il-Kroazja (tiġi inkluża wkoll kemm fl-Ewropa Ċentrali[22] kif ukoll tax-Xlokk[24]),
- il-Greċja,
- il-Moldova (is-soltu tiġi raggruppata mal-istati mhux Baltiċi post-Sovjetiċi iżda xi drabi titqies bħala parti mill-Ewropa tax-Xlokk)[29]
- il-Montenegro,
- il-Maċedonja ta’ Fuq,
- ir-Rumanija (tiġi inkluża wkoll kemm fl-Ewropa Ċentrali kif ukoll tax-Xlokk[25]),
- is-Serbja (tiġi inkluża l-iktar fl-Ewropa tax-Xlokk iżda xi drabi fl-Ewropa Ċentrali),[26]
- is-Slovenja (tiġi inkluża l-iktar fl-Ewropa Ċentrali iżda xi drabi wkoll fl-Ewropa tax-Xlokk),[27]
- it-Turkija (ir-reġjun tat-Traċja tal-Lvant biss, fil-Punent tal-Istretti Torok; dan jikkostitwixxi inqas minn 3 % tal-massa tal-art tal-pajjiż iżda jinkludi 14 % tal-popolazzjoni totali).
Fost l-Istati parzjalment rikonoxxuti hemm:
- il-Kosovo.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "The Balkans". www.cotf.edu. Miġbur 2021-03-23.
- ^ a b "UNSD — Methodology". unstats.un.org. Miġbur 2021-03-23.
- ^ a b Ramet, Sabrina P. (1998). Eastern Europe: politics, culture, and society since 1939. Indiana University Press. p. 15. ISBN 978-0253212566.
- ^ a b ċ "Regions and Eastern Europe Regionalism - The Future Of Eastern Europe". science.jrank.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-23.
- ^ a b "Wrongly labelled". The Economist. 2010-01-07.
- ^ Frank H. Aarebrot (14 May 2014). The handbook of political change in Eastern Europe. Edward Elgar Publishing. pp. 1–. ISBN 978-1-78195-429-4.
- ^ Drake, Miriam A. (2005) Encyclopedia of Library and Information Science, CRC Press.
- ^ "The concept of "Eastern Europe" in past and present". www.unibas.ch (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-23.
- ^ "Religious Belief and National Belonging in Central and Eastern Europe" (bl-Ingliż). 2017-05-10. Miġbur 2021-03-23.
- ^ "The History of Georgian Orthodox Church". www.atlantaserbs.com. Miġbur 2021-03-23.
- ^ Ware 1993, p. 8.
- ^ Peter John, Local Governance in Western Europe, University of Manchester, 2001, ISBN 9780761956372.
- ^ "The End of East-West Division But Not the End of History | UN Chronic…". archive.ph. 2012-07-13. Miġbur 2021-03-23.
- ^ "Migrant workers: What we know" (bl-Ingliż). 2007-08-21. Miġbur 2021-03-23.
- ^ "UNSD — Methodology". unstats.un.org. Miġbur 2021-03-23.
- ^ Kft, Webra International (2006-08-15). "The Visegrad Group: the Czech Republic, Hungary, Poland and Slovakia | About the Visegrad Group". www.visegradgroup.eu (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-23.
- ^ "Report on the communication from the Commission to the Council and the European Parliament on the European Union's relations with the South Caucasus, under the partnership and cooperation agreements - Committee on Foreign Affairs, Human Rights, Common Security and Defence Policy - A5-0028/2002". www.europarl.europa.eu. Miġbur 2021-03-23.
- ^ "Department for General Assembly and Conference Management |". www.un.org. Miġbur 2021-03-23.
- ^ M. A., Geography; B. A., Geography. "Where Exactly Are the Balkan States?". ThoughtCo (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-23.
- ^ a b Wallace, W. The Transformation of Western Europe London, Pinter, 1990.
- ^ a b Huntington, Samuel The Clash of Civilizations Simon & Schuster, 1996.
- ^ a b ċ d Johnson, Lonnie (1996). Central Europe : enemies, neighbors, friends. New York : Oxford University Press.
- ^ "Central Europe". ec.europa.eu (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-23.
- ^ a b "Croatia - The World Factbook". www.cia.gov. Miġbur 2021-03-23.
- ^ a b "U.S. Energy Information Administration (EIA)". www.eia.gov. Miġbur 2021-03-23.
- ^ a b Steven Tötösy de Zepetnek, Louise Olga Vasvári (2011). Comparative Hungarian Cultural Studies. Purdue University Press. ISBN 9781557535931.
- ^ a b Armstrong, Werwick. Anderson, James (2007). "Borders in Central Europe: From Conflict to Cooperation". Geopolitics of European Union Enlargement: The Fortress Empire. Routledge. p. 165. ISBN 978-1-134-30132-4.
- ^ Bideleux and Jeffries (1998) A History of Eastern Europe: Crisis and Change.
- ^ M. A., Geography; B. A., Geography. "Where Exactly Are the Balkan States?". ThoughtCo (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-23.