Aqbeż għall-kontentut

Nagorno-Karabakh

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Nagorno-Karabakh

Nagorno-Karabakh (/nəˈɡɔːrnoʊ kɑːrəˈbɑːk/ nə-GOR-noh kar-ə-BAHK[1]; bir-Russu: Нагорный Карабах, b’ittri Rumani: Nagorny Karabakh, litteralment “Karabakh muntanjuż”, u jfisser “Karabakh ta’ Fuq”; bl-Armen: Լեռնային Ղարաբաղ, b’ittri Rumani: Leṙnayin Ġarabaġ; bl-Ażerbajġani: Dağlıq Qarabağ jew Yuxarı Qarabağ) huwa reġjun interkjuż fin-Nofsinhar tal-Kawkasu, fi ħdan il-katina muntanjuża tal-Karabakh, bejn il-Karabakh t’Isfel u Zangezur, u jkopri l-parti tax-Xlokk tal-muntanji tal-Kawkasu Inferjuri. ll-biċċa l-kbira tar-reġjun huwa muntanjuż u bil-foresti.

Nagorno-Karabakh huwa territorju ta’ diżgwid. Internazzjonalment huwa rikonoxxut bħala parti mill-Ażerbajġan[2], iżda fil-biċċa l-kbira huwa ggvernat mir-Repubblika mhux rikonoxxuta ta’ Artsakh (li qabel kienet magħrufa bħala r-Repubblika ta’ Nagorno-Karabakh) minn żmien l-ewwel Gwerra ta’ Nagorno-Karabakh. Minn mindu l-gwerra ntemmet fl-1994, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Armenja u tal-Ażerbajġan organizzaw taħditiet ta’ paċi bil-medjazzjoni tal-Grupp ta’ Minsk tal-OSCE rigward l-istatus tar-reġjun li huwa l-qofol tad-diżgwid.

Is-soltu r-reġjun jitqies skont il-fruntieri amministrattivi tal-Eks Oblast Awtonomu ta’ Nagorno-Karabakh li fih erja ta’ 4,400 kilometru kwadru. Madankollu, iż-żona storika tar-reġjun fiha bejn wieħed u ieħor 8,223 kilometru kwadru.[3][4]

Fis-27 ta’ Settembru 2020, faqqgħet ġwerra ġdida f’Nagorno-Karabakh u fit-territorji tal-madwar, li wasslet biex il-forzi armati tal-Ażerbajġan u tal-Armenja rrapportaw li kien hemm vittmi militari u ċivili.[5] L-Ażerbajġan għamel kisbiet sinifikanti matul il-gwerra, u reġa’ kiseb il-biċċa l-kbira tat-territorji okkupati madwar Nagorno-Karabakh kif ukoll partijiet kbar ta’ Nagorno-Karabakh stess, inkluż il-belt sinifikanti kulturalment ta’ Shusha. Il-gwerra ntemmet fl-10 ta’ Novembru 2020, meta ġie ffirmat ftehim trilaterali ta’ waqfien mill-ġlied bejn l-Ażerbajġan, l-Armenja u r-Russja, which forced Armenia to return all the remaining occupied territories surrounding Nagorno-Karabakh.

Ritratt satellitari tal-Kawkasu Inferjuri miksi bil-borra. Lejn is-sena 1800, il-Karabagh immexxi mill-Khan kien ibbażat fix-Xlokk tal-Kawkasu Inferjuri. Dan kien estiż fil-Lvant sal-parti muntanjuża t’isfel, u għalhekk kien jintuża Nagorno-Karabagh għall-parti tal-Punent.

Il-prefiss Nagorno- joriġina mill-aġġettiv attributtiv Russu nagorny (нагорный), li jfisser “art muntanjuża”. L-ismijiet tar-reġjun bl-Ażerbajġani jinkludu l-aġġettivi simili dağlıq (muntanjuż) jew yuxarı (ta’ fuq). Tali kelmiet ma jintużawx fl-isem bl-Armen, iżda kienu preżenti fl-isem uffiċjali tar-reġjun matul l-era Sovjetika bħala Oblast Awtonomu ta’ Nagorno-Karabakh. Lingwi oħra japplikaw il-kelmiet ekwivalenti tagħhom għal muntanjuż, ta’ fuq, jew art muntanjuża; pereżempju, l-isem uffiċjali bil-Franċiż għar-Repubblika ta’ Nagorno-Karabakh huwa Haut-Karabakh, li jfisser “Karabakh ta’ Fuq”.

L-ismijiet tar-reġjun bid-diversi lingwi lokali kollha jfissru “Karabakh muntanjuż” jew “ġonna sewda muntanjuża”:

  • bl-Armen: Լեռնային Ղարաբաղ, trażlitterat Leṙnayin Ġarabaġ (IPA: [lɛrnɑˈjin ʁɑɾɑˈbɑʁ]),
  • bl-Ażerbajġani: Dağlıq Qarabağ, Дағлыг Гарабағ (Karabakh muntanjuż; IPA: [dɑɣˈlɯɣ ɡɑˈɾɑbɑɣ]) jew Yuxarı Qarabağ, Јухары Гарабағ (Karabakh ta’ Fuq; IPA: [juxɑˈɾɯ ɡɑˈɾɑbɑɣ]),
  • bir-Russu: Нагорный Карабах, trażlitterat Nagorny Karabakh (IPA: [nɐˈɡornɨj kərɐˈbax]).

L-Armeni li jgħixu fiż-żona jsejħu lil Nagorno-Karabakh bħala Artsakh (bl-Armen: Արցախ), li huwa l-isem tal-għaxar provinċja tar-Renju antik tal-Armenja. Iskrizzjonijiet Urartjani (tas-sekli 9 sa 7 Q.K.) jużaw l-isem Urtekhini għar-reġjun. Sorsi Griegi Antiki kienu jirreferu għal din iż-żona bħala Orkhistene.[6]

Antikità u Medju Evu Bikri

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Monasteru ta’ Amaras

Nagorno-Karabakh jinsab fl-artijiet li kienu okkupati minn popli magħrufa fost l-arkeologi moderni bħala l-kultura ta’ Kura-Araxes, li kienu jgħixu bejn iż-żewġ xmajjar Kura u Araxes.

Il-popolazzjoni antika tar-reġjun kienet tikkonsisti minn diversi tribujiet lokali u migranti awtoktoni, fil-biċċa l-kbira tagħhom, ma kinux Ind-Ewropej.[7] Skont it-teorija prevalenti tal-Punent, dawn it-tribujiet nattivi kienu jitħalltu u jiżżewġu mal-Armeni li kienu jiġu fir-reġjun wara l-inklużjoni tiegħu fl-Armenja fit-tieni seklu, jew possibbilment qabel, fir-raba’ seklu Q.K. Studjużi oħra jissuġġerixxu li l-Armeni insedjaw ir-reġjun saħansitra fis-seklu 7 Q.K.[8]

Għall-ħabta tal-180 Q.K., Artsakh sar waħda mill-15-il provinċja tar-Renju Armen u baqa’ hekk sar-raba’ seklu.[9] Filwaqt li formalment kellu l-istatus ta’ provinċja (nahang), Artsakh x’aktarx li fforma prinċipat waħdu — bħall-provinċja Armena ta’ Syunik. Teoriji oħra jissuġġerixxu li Artsakh kien art irjali, u kien proprjetà diretta tar-Re tal-Armenja.[10] Tigran il-Kbir, ir-Re tal-Armenja (li rrenja mill-95-55 Q.K.), sejjes f’Artsakh waħda minn erbat ibliet imsejħa “Tigranakert” f’ismu stess.[11] Il-fdalijiet ta’ din il-belt antika, li nstabu 50 km fil-Grigal ta’ Stepanakert, qed jiġu studjati minn grupp ta’ studjużi internazzjonali.

Il-Monasteru ta’ Gandzasar

Fit-387 W.K., wara l-qsim tal-Armenja f’partijiet bejn l-Imperu Ruman u l-Persja taħt is-Sassanidi, żewġ provinċji Armeni, Artsakh u Utik, saru parti mis-satrapija tas-Sassanidi tal-Albanija tal-Kawkasu, li min-naħa tagħha, kellha influwenza reliġjuża u kulturali Armena qawwija.[12][13] Dak iż-żmien, il-popolazzjoni ta’ Artsakh u ta’ Utik kienet tikkonsisti minn Armeni u minn diversi tribujiet Armenizzati.[7]

Il-kultura u ċ-ċivilizzazzjoni Armena tkattret fiż-żmien Medjevali bikri ta’ Nagorno-Karabakh. Fil-ħames seklu, infetħet l-ewwel skola Armena fit-territorju modern ta’ Nagorno-Karabakh—fil-Monasteru ta’ Amaras—bis-saħħa tal-isforzi ta’ San Mesrop Mashtots, l-inventur tal-alfabett Armen.[14] San Mesrop kien attiv ħafna fl-ipprietkar tal-Vanġelu f’Artsakh u f’Utik. B’kollox, Mesrop Mashtots għamel tliet mawriet lejn Artsakh u Utik, sa ma fl-aħħar laħaq it-territorji pagani taħt l-għoljiet ta’ qabel il-Kawkasu Superjuri.[15] Stephanos Syunetsi, il-lingwista u grammatiku Armen tas-seklu 7[16], iddikjara f’xogħlu li l-Armeni ta’ Artsakh kellhom id-djalett tagħhom stess, u ħeġġeġ lill-qarrejja tiegħu jitgħallmuh.[17] Fis-seklu 7 stess, Davtak Kertogh, poeta Armen, kiteb l-Eleġija dwar il-Mewt tal-Prinċep Juansher il-Kbir, fejn kull silta tibda b’ittra tal-kitba Armena f’ordni alfabetika.[18] L-unika storja komprensiva tal-Albanija tal-Kawkasu nkitbet bl-Armen mill-istoriku tas-seklu 10 Movses Kaghankatvatsi.[19]

Nofs il-Medju Evu

[immodifika | immodifika s-sors]

Madwar nofs is-seklu 7, ir-reġjun inħakem mill-invażjoni tal-Għarab Musulmani permezz tal-ħakma Musulmana tal-Persja. Sussegwentement, ġie mmexxi minn gvernaturi lokali li kienu approvati mill-Kaliffat. Skont xi sorsi, fit-821[20], il-prinċep Armen Sahl Smbatian mexxa rivoluzzjoni f’Artsakh u stabbilixxa l-familja ta’ Khachen, li mexxiet lil Artsakh bħala prinċipat sal-bidu tas-seklu 19.[21] Skont sorsi oħra, Sahl Smbatean “kien parti mill-familja Zamirhakan ta’ rejiet”, u fis-snin 837-838, kiseb is-sovranità fuq l-Armenja, il-Georgia u l-Albanija.[22][23] L-isem “Khachen” oriġina mill-kelma Armena “khach”, li tfisser “salib”.[24] Sas-sena 1000, il-familja ta’ Khachen ipproklamat ir-Renju ta’ Artsakh u l-ewwel mexxej kien John Senecherib.[25] Inizjalment Dizak, fin-Nofsinhar ta’ Artsakh, iffurmat renju wkoll immexxi mill-familja antika ta’ Aranshahik, li kienet dixxendenti tal-ewwel Rejiet tal-Albanija tal-Kawkasu. Fl-1261, wara li bint l-aħħar re ta’ Dizak iżżewġet lir-re ta’ Artsakh[26], il-prinċep Armen Hasan Jalal Dola, iż-żewġ stati ngħaqdu flimkien fil-Prinċipat Armen ta’ Khachen. Sussegwentement, Artsakh baqa’ jeżisti bħala prinċipat indipendenti de facto.[27]

L-Aħħar tal-Medju Evu

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa tal-Ħames Prinċipati ta’ Karabakh li jitqiesu bħala l-aħħar fdal tal-istati Armeni (is-sekli 15 sa 19).[28][29]
Il-Fortizza ta’ Askeran

Fis-seklu 15, it-territorju ta’ Karabakh kien parti mill-istati mmexxija sussegwentement mill-konfederazzjonijiet tribali ta’ Kara Koyunlu u Ak Koyunlu Turkic. Skont Abu Bakr Tihrani, matul il-perjodu ta’ Jahan Shah (1438-1468), il-mexxej ta’ Kara Koyunlu, Piri bey Karamanli kellu f’idejh il-governorat ta’ Karabakh.[30] Madankollu, skont Robert H. Hewsen, Jahan Shah (1437-67) assenja l-governorat ta’ Karabakh ta’ Fuq lill-prinċipijiet Armeni lokali, u b’hekk ippermetta li tfeġġ tmexxija Armena nattiva li kienet tikkonsisti minn ħames familji nobbli mmexxija minn prinċipijiet li kellhom it-titlu ta’ melik (prinċep).[21] Dawn id-dinastiji kienu jirrappreżentaw il-fergħat tal-familja ta’ Khachen u kienu d-dixxendenti tar-rejiet Medjevali ta’ Artsakh. L-artijiet tagħhom spiss kienu jissejħu bħala l-Pajjiż tal-Khamsa (ħamsa bl-Għarbi). F’Karta tat-2 ta’ Ġunju 1799 tal-Imperatur Pawlu I msejħa “Dwar l-ammissjoni tagħhom fir-relazzjoni statali mar-Russja, l-allokazzjonijiet tal-art, id-drittijiet u l-privileġġi”, issemma li l-wirt Kristjan tar-reġjun ta’ Karabakh u l-poplu kollu ġie ammess fir-relazzjoni statali mar-Russja.[31] Madankollu, skont Robert Hewsen, l-Imperu Russu rrikonoxxa l-istatus sovran tal-ħames prinċipijiet fid-dominji tagħhom permezz tal-Karta tat-2 ta’ Ġunju 1799 tal-Imperatur Pawlu I.[32]

Id-diversi melik ingħataw il-kmand suprem fuq il-prinċipati Armeni ġirien u t-territorji mmexxija mill-Khan Musulmani fil-Kawkasu mir-re Iranjan Nader Shah, bħala tpattija għar-rebħiet tal-melik kontra l-invażjonijiet tat-Torok Ottomani fis-snin 20 tas-seklu 18.[33] Il-ħames prinċipati f’Karabakh li ġejjin kienu mmexxija minn familji Armeni li kienu rċevew it-titlu ta’ melik:[34][35]

  • il-Prinċipat ta’ Gulistan – taħt it-tmexxija tal-familja Melik-Beglarjana;
  • il-Prinċipat ta’ Jraberd – taħt it-tmexxija tal-familja Melik-Iżraeljana;
  • il-Prinċipat ta’ Khachen – taħt it-tmexxija tal-familja Hasan-Jalaljana;
  • il-Prinċipat ta’ Varanda – taħt it-tmexxija tal-familja Melik-Shahnazarjana;
  • il-Prinċipat ta’ Dizak – taħt it-tmexxija tal-familja Melik-Avanjana.

Mill-1501 sal-1736, matul l-eżistenza tal-Imperu tas-Safavidi, il-provinċja ta’ Karabakh kienet iggvernata mid-dinastija ta’ Ziyadoglu Gajar, li mexxiet il-provinċja ta’ Karabakh sa ma ħa r-riedni f’idejh Nader Shah.[36] Il-melik Armeni żammew kontroll sħiħ fuq ir-reġjun tagħhom sa nofs is-seklu 18. Imbagħad, Nader Shah ħa l-kontroll ta’ Karabakh mill-Khans ta’ Ganja bħala kastig talli appoġġaw is-Safavidi.[37] F’nofs is-seklu 18, qalb il-kunflitti interni bejn il-melik li dgħajfu lilhom infushom, ġie ffurmat it-territorju ta’ Karabakh immexxi mill-Khan, li kien wieħed mill-ikbar li kellu relazzjoni statali mal-Iran[38]. Dan kien immexxi mill-Khan Panah-Ali Javanshir. Sabiex isaħħaħ is-setgħa tat-territorju tiegħu, il-Khan Panah-Ali Javanshir bena “il-fortizza ta’ Panahabad (illum Shusha)” fl-1751. Dak iż-żmien, l-Otuziki, il-Javanshir, il-Kebirli, u tribujiet Torok oħra kien jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-popolazzjoni ġenerali.

Ritratt tal-qerda wara l-massakru li seħħ f’Shusha: in-nofs Armen ta’ Shusha ġie meqrud mill-forzi armati tal-Ażerbajġan fl-1920.
Kartolina tal-Palazz tal-eks mexxej (khan) ta’ Shusha lejn l-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20

Karabakh (inkluż Nagorno-Karabakh kif nafuh illum), sar protettorat tal-Imperu Russu permezz tat-Trattat ta’ Kurekchay, li ġie ffirmat bejn Ibrahim Khalil, il-Khan ta’ Karabakh il-Ġeneral Pavel Tsitsianov f’isem il-Kżar Alessandru I fl-1805. Skont it-Trattat, il-monarka Russu rrikonoxxa lil Ibrahim Khalil u lid-dixxendenti tiegħu bħala l-uniċi mexxejja ereditarji tar-reġjun.[39][40][41] Madankollu, l-istatus ġdid tiegħu ġie kkonfermat biss wara l-eżitu tal-Gwerra bejn ir-Russja u l-Persja (1804-1813)[42][43][44][45], meta wara li tilfet fil-gwerra, il-Persja ċediet formalment ir-reġjun ta’ Karabakh lill-Imperu Russu skont it-Trattat ta’ Gulistan (1813), qabel ma l-bqija tat-Transkawkasja ma ġiet inkorporata fl-Imperu fl-1828 permezz tat-Trattat ta’ Turkmenchay, li seħħet bħala l-eżitu tal-Gwerra bejn ir-Russja u l-Persja (1826-1828).

Fl-1822, disa’ snin wara li l-kontroll ta’ Karabakh għadda mingħand il-Persja għar-Russja, it-territorju ta’ Karabakh immexxi mill-Khan ġie xolt, u t-territorju sar parti mill-Governorat tal-Elisabethpol fi ħdan l-Imperu Russu. Fl-1823, il-ħames distretti li jikkorrispondu bejn wieħed u ieħor għar-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh kif nafuh illum kienu 90.8 % Armeni.[46]

Era Sovjetika

[immodifika | immodifika s-sors]
L-Oblast Awtonomu ta’ Nagorno-Karabakh fl-era Sovjetika.

Il-kunflitt attwali ta’ Nagorno-Karabakh nibet mid-deċiżjonijiet li ħa Joseph Stalin u l-Burò tal-Kawkasu (Kavburo) matul is-Sovjetizzazzjoni tat-Transkawkasja. Stalin kien il-Aġent Kummissarju tan-Nazzjonalitajiet għall-Unjoni Sovjetika fil-bidu tas-snin 20 tas-seklu 20, il-fergħa tal-gvern li taħtha nħoloq il-Kavburo. Wara r-Rivoluzzjoni Russa tal-1917, ir-reġjun ta’ Karabakh sar parti mir-Repubblika Federata Demokratika Transkawkasjana, iżda din malajr ġiet xolta fi stati separati tal-Armenja, tal-Ażerbajġan u tal-Georgia. Matul is-sentejn ta’ wara (1918-1920), kien hemm sensiela ta’ gwerer qosra bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan rigward diversi reġjuni, fosthom Karabakh. F’Lulju 1918, l-Ewwel Assemblea Armena ta’ Nagorno-Karabakh iddikjarat li r-reġjun seta’ jiggverna lilu nnifsu u ħolqot Kunsill Nazzjonali u gvern. Iktar ’il quddiem, truppi Ottomani daħlu Karabakh, u sabu reżistenza armata mill-Armeni.[47]

Wara t-telfa tal-Imperu Ottoman fl-Ewwel Gwerra Dinjija, it-truppi Brittaniċi okkupaw lil Karabakh. Il-kmand Brittaniku proviżorjament afferma li Khosrov bey Sultanov (maħtur mill-gvern tal-Ażerbajġan) kien il-gvernatur-ġeneral ta’ Karabakh u Zangezur, diment li tittieħed deċiżjoni favur mill-Konferenza tal-Paċi f’Pariġi. Id-deċiżjoni ġiet opposta mill-Armeni f’Karabakh. Fi Frar 1920, il-Kunsill Nazzjonali ta’ Karabakh qabel b’mod preliminari rigward il-ġurisdizzjoni tal-Ażerbajġan, filwaqt li l-Armeni f’Karabakh baqgħu jiġġieldu u jikkawżaw irvelli, u qatt ma aċċettaw il-ftehim. Il-ftehim innifsu ftit wara ġie annullat mid-Disa’ Assemblea ta’ Karabagh, li ddikjarat unjoni mal-Armenja f’April.[47]

Il-kompożizzjoni etnika ta’ Nagorno-Karabakh fl-aħħar tal-era Sovjetika

F’April 1920, filwaqt li l-armata tal-Ażerbajġan kienet impenjata fil-ġlied f’Karabakh kontra forzi Armeni lokali, l-Ażerbajġan ġie assedjat u meħud mill-Bolxeviki. Fl-10 ta’ Awwissu 1920, l-Armenja ffirmat ftehim preliminari mal-Bolxeviki, u qablet li jkun hemm okkupazzjoni Bolxevika temporanja ta’ dawn iż-żoni sakemm jintlaħaq qbil finali.[48] Fl-1921, l-Armenja u l-Georgia ġew assedjati u meħuda wkoll mill-Bolxeviki. Wara s-Sovjetizzazzjoni tal-Armenja u tal-Ażerbajġan, il-Kavburo ddeċieda li t-territorju ta’ Karabakh kien se jibqa’ fi ħdan l-SSR tal-Ażerbajġan b’awtonomija reġjonali wiesgħa, u biċ-ċentru amministrattiv fil-belt ta’ Shusha.[49] Il-fruntieri tal-oblast tfasslu b’tali mod li jinkludu l-villaġġi Armeni u jeskludu kemm jista’ jkun il-villaġġi tal-Ażerbajġan. Id-distrett li rriżulta, żgura maġġoranza Armena.

Peress li l-Unjoni Sovjetika kellha kontroll sod tar-reġjun, il-kunflitt rigward ir-reġjun batta għal diversi deċennji sal-bidu tax-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika fl-aħħar tas-snin 80 u l-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20, meta reġgħet feġġet il-kwistjoni ta’ Nagorno-Karabakh. Bl-akkuża lill-gvern tal-SSR tal-Ażerbajġan li kien qed iwettaq l-“Ażerifikazzjoni” tar-reġjun, il-popolazzjoni Armena li kienet f’maġġoranza, permezz tal-appoġġ ideoloġiku u materjali mill-SSR tal-Armenja, bdiet moviment biex ikun hemm oblast awtonomu ttrasferit lill-SSR tal-Armenja.[50] F’Awwissu 1987, l-Armeni f’Karabakh għamlu petizzjoni għall-unjoni mal-Armenja u bagħtuha Moska b’għexieren ta’ eluf ta’ firem.[51]

Gwerra u seċessjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Tank tal-gwerra li kien ntuża fil-gwerra f’Askeran

Fit-13 ta’ Frar 1988, l-Armeni li jgħixu f’Karabakh bdew jagħmlu dimostrazzjonijiet fi Stepanakert favur l-unifikazzjoni mar-Repubblika Armena. Sitt ijiem wara seħħew ukoll protesti tal-massa f’Yerevan. Fl-20 ta’ Frar, id-Deputati tal-Poplu Sovjetiku f’Karabakh ivvutaw 110 favur u 17 kontra fir-rigward tat-trasferiment tar-reġjun lill-Armenja. Din l-azzjoni mingħajr preċedent minn reġjun Sovjetiku wasslet biex għexieren ta’ eluf ta’ dimostranti joħorġu fit-toroq kemm fi Stepanakert kif ukoll f’Yerevan, iżda Moska ċaħdet it-talbiet Armeni. Fl-20 ta’ Frar 1988, żewġt ibniet Ażerbajġani ġew stuprati fi Stepanakert, u dan ħoloq għadab kbir fir-raħal Ażerbajġani ta’ Agdam, fejn seħħet l-ewwel konfrontazzjoni diretta tal-kunflitt meta grupp kbir ta’ Ażerbajġani mar jipprotesta minn Agdam għar-raħal ta’ Askeran, b’popolazzjoni kbira ta’ Armeni. Il-konfrontazzjoni bejn l-Ażerbajġani u l-pulizija ħdejn Askeran iddeġenerat fit-taqbida ta’ Askeran, li rriżultat fil-mewt ta’ żewġ Ażerbajġani, li wieħed minnhom allegatament inqatel minn uffiċjal tal-pulizija Ażerbajġani, kif ukoll 50 ċittadin Armen u għadd mhux magħruf ta’ Ażerbajġani u ta’ pulizija midruba.[52][53][54] Għadd kbir ta’ refuġjati telqu mill-Armenja u mill-Ażerbajġan malli bdiet il-vjolenza kontra l-popolazzjonijiet f’minoranza tal-pajjiżi rispettivi.[55]

Fid-29 ta’ Novembru 1989, it-tmexxija diretta f’Nagorno-Karabakh intemmet u r-reġjun ġie rritornat lill-amministrazzjoni Ażerbajġana.[56] Madankollu, il-politika Sovjetika falliet meta sessjoni konġunta tal-Kunsill Sovjetiku Suprem Armen u tal-Kunsill Nazzjonali, il-korp leġiżlattiv ta’ Nagorno-Karabakh, ipproklamaw l-unifikazzjoni ta’ Nagorno-Karabakh mal-Armenja. Fis-26 ta’ Novembru 1991, l-Ażerbajġan abolixxa l-istatus ta’ Oblast Awtonomu ta’ Nagorno-Karabakh, irranġa d-diviżjoni amministrattiva mill-ġdid, u wassal biex it-territorju jkun taħt il-kontroll dirett tal-Ażerbajġan.[57]

Fl-10 ta’ Diċembru 1991, f’referendum li ġie bbojkottjat mill-Ażerbajġani lokali[54], l-Armeni li jgħixu f’Nagorno-Karabakh approvaw il-ħolqien ta’ stat indipendenti. Proposta Sovjetika għal awtonomija msaħħa għal Nagorno-Karabakh fi ħdan l-Ażerbajġan ma ssodisfat lil ebda waħda miż-żewġ naħat u sussegwentement faqqgħet gwerra fuq skala kbira bejn l-Ażerbajġan u Nagorno-Karabakh, b’dan tal-aħħar jirċievi l-appoġġ mill-Armenja.[58][59] Skont l-eks President tal-Armenja, Levon Ter-Petrossian, l-approċċ tat-tmexxija ta’ Karabakh kien massimalista u sostna li “ħasbu li setgħu jiksbu iktar”.[60][61]

Id-diżgwid rigward Nagorno-Karabakh skala wara li kemm l-Armenja kif ukoll l-Ażerbajġan kisbu l-indipendenza mill-Unjoni Sovjetika fl-1991. Fl-ewwel snin wara l-Unjoni Sovjetika, l-azzjoni militari bejn l-Ażerbajġan u l-Armenja kienet influwenzata bil-kbir mill-militar Russu. Barra minn hekk, kemm il-militar Armen kif ukoll il-militar Ażerbajġani impjegaw għadd kbir ta’ merċenarji mill-Ukrajna u mir-Russja.[62] Mijiet ta’ muġaħiddin Afgani pparteċipaw fil-ġlied man-naħa tal-Ażerbajġani, filwaqt li l-Armeni kellhom artillerija tqila u tankijiet tal-gwerra mogħtija mir-Russja.[54] Diversi mill-persuni Ażerbajġani li ħelsuha ħafif mill-gwerra sabu kenn fi 12-il kamp ta’ emerġenza li ġew stabbiliti f’partijiet oħra tal-Ażerbajġan biex ilaħħqu mal-għadd dejjem jikber ta’ persuni li spiċċaw spustjati internament minħabba l-ewwel gwerra ta’ Nagorno-Karabakh.[63]

Sal-aħħar tal-1993, il-kunflitt kien ikkawża eluf ta’ persuni midruba u mwiet kif ukoll mijiet ta’ eluf ta’ refuġjati fuq iż-żewġ naħat. Sa Mejju 1994, l-Armeni kellhom il-kontroll ta’ 14 % tat-territorju tal-Ażerbajġan. F’dak l-istadju, għall-ewwel darba matul il-kunflitt, il-gvern Ażerbajġani rrikonoxxa lil Nagorno-Karabakh bħala parti terza fil-gwerra u beda negozjati diretti mal-awtoritajiet ta’ Karabakh. B’riżultat ta’ dan, intlaħaq ftehim ta’ waqfien mill-ġlied fit-12 ta’ Mejju 1994 permezz ta’ negozjati Russi.[64]

Wara l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied tal-1994

[immodifika | immodifika s-sors]
Ilham Aliyev, Dmitry Medvedev u Serzh Sargsyan f’Moska fit-2 ta’ Novembru 2008

Minkejja l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied, xorta waħda baqa’ jkun hemm imwiet minħabba kunflitti armati bejn s-suldati Armeni u Ażerbajġani.[65] Fil-25 ta’ Jannar 2005, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) adottat ir-Riżoluzzjoni 1416 tal-PACE, li kienet tikkundanna t-tindif etniku kontra l-Ażerbajġani.[66] Bejn il-15 u s-17 ta’ Mejju 2007, l-34 sessjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 7/34-P, fejn l-okkupazzjoni tat-territorju tal-Ażerbajġan ġiet meqjusa bħala aggressjoni tal-Armenja kontra l-Ażerbajġan u l-azzjonijiet kontra l-persuni Ażerbajġani ġew rikonoxxuti bħala reat kontra l-umanità, filwaqt li ġiet ikkundannata wkoll il-qerda tal-monumenti arkeoloġiċi, kulturali u reliġjużi fit-territorji okkupati. Il-11-il sessjoni tas-summit tal-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika li saret bejn it-13 u l-14 ta’ Marzu 2008 f’Dakar adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 10/11-P (IS). Fir-Riżoluzzjoni, l-Istati Membri tal-organizzazzjoni kkundannaw l-okkupazzjoni tal-artijiet tal-Ażerbajġan mill-forzi Armeni, kif ukoll l-aggressjoni Armena kontra l-Ażerbajġan u t-tindif etniku kontra l-popolazzjoni Ażerbajġana, u akkużaw lill-Armenja bid-“distruzzjoni ta’ monumenti kulturali fit-territorji Ażerbajġani okkupati”. Fl-14 ta’ Marzu tal-istess sena, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 62/243 li “titlob l-irtirar immedjat, sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet tal-forzi Armeni kollha mit-territorji okkupati tar-Repubblika tal-Ażerbajġan”.[67]

Il-fruntieri finali tal-kunflitt wara l-Protokoll ta’ Bishkek

Bejn it-18 u l-20 ta’ Mejju 2010, is-37 sessjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika f’Dushanbe adottat riżoluzzjoni oħra fejn ikkundannat l-aggressjoni tal-Armenja kontra l-Ażerbajġan, filwaqt li rrikonoxxiet l-azzjonijiet kontra ċ-ċivili Ażerbajġani bħala reat kontra l-umanità u kkundannat id-distruzzjoni tal-monumenti arkeoloġiċi, kulturali u reliġjużi fit-territorji okkupati. Fl-20 ta’ Mejju tal-istess sena, il-Parlament Ewropew fi Strasburgu adotta r-Riżoluzzjoni dwar “Il-ħtieġa għal Strateġija tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar” abbażi tar-rapport ta’ Evgeni Kirilov, Membru Bulgaru tal-Parlament Ewropew.[68] Ir-Riżoluzzjoni tiddikjara b’mod partikolari li “r-reġjuni Ażerbajġani okkupati madwar Nagorno-Karabakh iridu jiġu lliberati mill-iktar fis possibbli”.[69] Fis-26 ta’ Jannar 2016, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) adottat ir-Riżoluzzjoni 2085, li kkundannat il-fatt li l-okkupazzjoni mill-Armenja ta’ Nagorno-Karabakh u żoni oħra biswit tal-Ażerbajġan toħloq problemi umanitarji u ambjentali għaċ-ċittadini tal-Ażerbajġan, u li kkundannat it-tindif etniku kontra l-Ażerbajġani, filwaqt li l-Assemblea talbet l-irtirar immedjat tal-forzi armati Armeni mir-reġjun ikkonċernat.[70][71]

Bosta mexxejja dinjin iltaqgħu mal-Presidenti tal-Armenja u tal-Ażerbajġan matul is-snin, iżda l-isforzi biex il-waqfien mill-ġlied jinżamm fallew.[72]

Fit-2 ta’ April 2016, il-forzi Ażerbajġani u Armeni reġgħu daħlu f’kunflitt bejniethom fir-reġjun. Il-Ministeru tad-Difiża Armen allega li l-Ażerbajġan vara attakk biex jaħtaf it-territorju fir-reġjun. Mill-inqas 30 suldat inqatlu f’dan il-kunflitt u ħelikopter tat-tip Mil Mi-24 u tank tal-gwerra nqerdu. F’dan l-attakk mietu 12-il suldat tal-forzi Ażerbajġani u 18-il suldat tal-forzi Armeni. Barra minn hekk, ġie rrappurtat li 35 suldat Armen oħra ndarbu.[73][74]

Gwerra tal-2020 u ftehim ieħor ta’ waqfien mill-ġlied

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-27 ta’ Settembru 2020, faqqgħet gwerra ġdida f’Nagorno-Karabakh u fit-territorji tal-madwar, li wasslet għall-imwiet ta’ suldati u ċivili miż-żewġ naħat.[5] In-Nazzjonijiet Uniti kkundannaw il-kunflitt b’mod sod u appellaw liż-żewġ naħat biex ma jkomplux jeskalaw it-tensjonijiet u minflok ikomplu n-negozjati mingħajr dewmien.[75]

L-Ażerbajġan għamel kisbiet sinifikanti matul il-gwerra, u reġa’ kiseb it-territorji okkupati madwar Nagorno-Karabakh u partijiet kbar ta’ Nagorno-Karabakh, inkluż il-belt sinifikanti kulturalment ta’ Shusha.[76]

Il-gwerra ntemmet fl-10 ta’ Novembru 2020, meta ġie ffirmat ftehim trilaterali ta’ waqfien mill-ġlied bejn l-Ażerbajġan, l-Armenja u r-Russja, li ġiegħel lill-Armenja tirritorna t-territorji okkupati kollha madwar Nagorno-Karabakh.[77]

Veduta tal-muntanji bil-foresti ta’ Nagorno-Karabakh

Nagorno-Karabakh għandu erja totali ta’ 4,400 kilometru kwadru.[78] Bejn wieħed u ieħor nofs it-territorju ta’ Nagorno-Karabakh għandu elevazzjoni ta’ 950 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar.[79] Il-fruntieri ta’ Nagorno-Karabakh jixbħu fażola ħamra b’feles fuq in-naħa tal-Lvant. Għandu muntanji għoljin tul it-tarf tat-territorju fit-Tramuntana, fil-Punent u fin-Nofsinhar. Il-parti ħdejn il-feles tal-fażola ħamra hija wied pjuttost ċatt, biż-żewġ trufijiet tal-fażola, id-distretti ta’ Martakert u ta’ Martuni, għandhom artijiet ċatti wkoll. Jeżistu widien iktar ċatti madwar il-ġibjun ta’ Sarsang, madwar Hadrut, u fin-Nofsinhar. Ir-reġjun kollu, bħala medja, għandu elevazzjoni ta’ 1,100 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Qċaċet notevoli jinkludu l-muntanja Murovdag fil-fruntiera u l-katina muntanjuża tal-Kirs il-Kbar fejn id-distetti ta’ Shusha u Hadrut. It-territorju ta’ Nagorno-Karabakh attwalment jifforma parti mir-reġjun storiku ta’ Karabakh, li jinsab bejn ix-xmajjar Kura u Araxes, u l-fruntiera moderna bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan. Nagorno-Karabakh, bil-fruntieri moderni tiegħu, huwa parti mir-reġjun ikbar tal-Karabakh ta’ Fuq.[79]

Il-ġibjun ta’ Sarsang

Nagorno-Karabakh ma għandux fruntiera mal-Armenja iżda r-repubblika mhux rikonoxxuta tikkontrolla l-kuritur ta’ Lachin, mogħdija muntanjuża li tikkollegaha mal-Armenja.[79]

L-ambjent ta’ Nagorno-Karabakh ivarja bejn steppa fl-artijiet baxxi ta’ Kura għal foresti densi tal-ballut, tal-karpin u tal-fagu fiż-żoni muntanjużi iktar fil-baxx, għal mergħat alpini u tal-betula iktar ’il fuq. Ir-reġjun fih għadd kbir ta’ fawwara naturali u depożiti taż-żingu, tal-faħam, taċ-ċomb, tad-deheb, tal-irħam u tal-ġebla tal-ġir.[80] Il-bliet ewlenin tar-reġjun huma Stepanakert, li sservi bħala l-belt kapitali tar-repubblika mhux rikonoxxuta ta’ Nagorno-Karabakh, u Shusha, li parzjalment hija fdalijiet. Id-dwieli, is-siġar tal-frott, u s-siġar taċ-ċawsli għad-dud tal-ħarir jitkabbru fil-widien.[81]

Mappa etnika tar-reġjun fl-1995 wara d-deportazzjoni tal-Ażerbajġani

Stħarriġ imħejji mill-awtoritajiet imperjali Russi fl-1823 wera li l-Armeni kollha f’Karabakh kienu jirresjedu b’mod kumpatt fl-artijiet b’elevazzjoni għolja, jiġifieri fit-territorju tal-ħames prinċipalitajiet Armeni tradizzjonali, u kienu jikkostitwixxu maġġoranza demografika assoluta f’dawk l-artijiet. Tant li 90.8 % tal-villaġġi fl-istħarriġ kienu Armeni, filwaqt li 9.2% kienu Tatari jew Ażerbajġani.[82]

Fl-1989, l-Oblast Awtonomu ta’ Nagorno-Karabakh kellu popolazzjoni ta’ 192,000 ruħ, li minnhom 76 % kienu Armeni u 23% kienu Ażerbajġani, b’minoranzi Russi u Kurdi.[83]

Post ICAO DAFIF IATA Isem l-ajruport Koordinati
Stepanakert UBBS UB13 Stepanakert Airport 39°54′05″N 46°47′13″E

Matul it-tmexxija tal-Unjoni Sovjetika, il-linja Yevlakh–Agdam–Stepanakert kienet tikkollega lir-Reġjun Awtonomu ta’ Nagorno-Karabakh mal-parti ewlenija tal-Ażerbajġan. Wara l-gwerra ta’ Nagorno-Karabakh u l-abbandun ta’ Ağdam, is-servizz tal-linja beda jopera biss bejn Yevlax u Kətəlparaq, mingħajr ebda sezzjoni fir-Repubblika ta’ Nagorno-Karabakh. Il-linja preċedenti tal-ferrovija bejn Kətəlparaq u Stepanakert kważi nqerdet għalkollox.

Is-sezzjoni f’Nagorno-Karabakh bejn Ordubad u Horadiz tal-linja tal-ferrovija prinċipali (Tbilisi–Gyumri–)Yerevan–Nakhchivan–Horadiz–Shirvan(–Baku) ġiet żarmata wkoll flimkien ma’ linja sekondarja minn Mincivan għall-belt Armena ta’ Kapan. Attwalment, il-ferroviji Ażerbajġani jivvjaġġaw biss lejn Horadiz. Is-sezzjoni Ordubad–Horadiz tneħħiet, u b’hekk f’Nagorno-Karabakh ma fadal l-ebda linja ferrovjarja attiva. Il-linja ferrovjarja fir-Repubblika Awtonoma ta’ Nakhchivan għadha topera, iżda hija separata mil-linji Ażerbajġani prinċipali, u għandha biss konnessjoni mal-Iran.

  1. "Definition of Nagorno-Karabakh | Dictionary.com". www.dictionary.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-23.
  2. "GENERAL ASSEMBLY ADOPTS RESOLUTION REAFFIRMING TERRITORIAL INTEGRITY OF AZERBAIJAN, DEMANDING WITHDRAWAL OF ALL ARMENIAN FORCES | Meetings Coverage and Press Releases". www.un.org. Miġbur 2021-03-23.
  3. Robert H. Hewsen. "The Meliks of Eastern Armenia: A Preliminary Study". Revue des etudes Arméniennes. NS: IX, 1972, p. 288.
  4. Robert H. Hewsen (2001). Armenia: A Historical Atlas. The University of Chicago Press. p. 264. ISBN 978-0-226-33228-4.
  5. 1 2 "Fighting erupts between Armenia, Azerbaijan over disputed region". www.aljazeera.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-23.
  6. "Strabo, Geography, Book 6, chapter 1, section 1". www.perseus.tufts.edu. Miġbur 2021-03-23.
  7. 1 2 Hewsen, Robert H. (1982). "Ethno-History and the Armenian Influence upon the Caucasian Albanians". In Samuelian, Thomas J. (ed.). Classical Armenian Culture. Influences and Creativity. Chicago: Scholars Press. pp. 27–40. ISBN 0-89130-565-3.
  8. Hewsen, Robert H. Armenia: a Historical Atlas. Chicago, IL: University of Chicago Press, 2001, p. 32-33, il-mappa 19.
  9. Hewsen, Robert H. "The Kingdom of Artsakh", in T. Samuelian & M. Stone, eds. Medieval Armenian Culture. Chico, CA, 1983.
  10. Hewsen. Armenia, pp. 100–103.
  11. "ИСТОРИЯ ИМПЕРАТОРА ИРАКЛА. Сочинене епископа Себеоса, писателя VII века. Пер. с армянского К.Патканяна". vehi.net. Miġbur 2021-03-24.
  12. "Azerbaijan | History, People, & Facts". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-24.
  13. Walker, Christopher J. (1991). Armenia and Karabagh: The Struggle for Unity. Minority Rights Group Publications. p. 10.
  14. Viviano, Frank. "The Rebirth of Armenia", National Geographic Magazine, March 2004, p. 18.
  15. Movses Kalankatuatsi. History of the Land of Aluank, Book I, chapters 27, 28 and 29; Book II, chapter 3.
  16. The Oxford History of Historical Writing: 400–1400 / Edited by Sarah Foot, Chase F. Robinson. — Oxford University Press, 2012. — Vol. 2. — p. 189.
  17. Н.Адонц. «Дионисий Фракийский и армянские толкователи», Пг., 1915, p. 181-219.
  18. Movses Kalankatuatsi. History of the Land of Aluank, translated from Old Armenian by Sh. V. Smbatian. Yerevan: Matenadaran (Institute of Ancient Manuscripts), 1984, Elegy on the Death of Prince Juansher.
  19. Agop Jack Hacikyan, Gabriel Basmajian, Edward S. Franchuk. The Heritage of Armenian Literature. Wayne State University Press (December 2002), pp. 94–99.
  20. The Cambridge History of Iran. — Cambridge University Press, 1975. — vol. 4. — p. 506.
  21. 1 2 Robert H. Hewsen, Armenia: A Historical Atlas. The University of Chicago Press, 2001, pp. 119, 155, 163, 264–65.
  22. Movses Dasxuranci (1961). The History of Caucasian Albanians: By Movses Dasxuranci.
  23. Тер-Григорян Т.И. Неизданные страницы "Истории Албанской страны"Моисея Каланкайтукского. Архив Ин-та истории АН Азерб. ССР, № 1386, p.18.
  24. Christopher Walker. The Armenian presence in Mountainous Karabakh, in John F. R. Wright et al.: Transcaucasian Boundaries (SOAS/GRC Geopolitics). 1995, p. 93.
  25. Hewsen, Robert H. "The Kingdom of Artsakh", in T. Samuelian & M. Stone, eds. Medieval Armenian Culture. Chico, CA, 1983.
  26. "ARḠŪN ĀQĀ – Encyclopaedia Iranica". iranicaonline.org. Miġbur 2021-03-24.
  27. "Armenia | Geography, Population, Map, Religion, & History". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-24.
  28. Robert H. Hewsen. Russian–Armenian relations, 1700–1828. Society of Armenian Studies, N4, Cambridge, Massachusetts, 1984, p. 37.
  29. George A. Bournoutian (1994). A History of Qarabagh: An Annotated Translation of Mirza Jamal Javanshir Qarabaghi's Tarikh-e Qarabagh. Mazda Publishers. ISBN 1-56859-011-3.
  30. Abū Bakr Ṭihrānī. Kitāb-i Diyārbakriyya. (original) کتاب دیاربکریه: از تواریخ‌ قراقوینلو و چغاتای. ویسنده: ابوبکر طهرانی. به تصحیح‌ و اهتمام‌: نجاتی‌ لوغال‌، فاروق‌ سومه‌. تهران‌ : کتابخانه طهوری‏‫،۱۳۵۶. p. 138
  31. Полное Собрание Законов Российской Империи c 1649 года. Том XXV. 1798-1799. СПб.: Печатано в Типографии II Отделения Собственной Его Императорского Величества Канцелярии, 1830, № 18.990, c.674-675. (Complete Collection of Laws of the Russian Empire since 1649. Volume XXV. 1798-1799. SPb .: Printed at the Printing House of the II Branch of His Imperial Majesty's Own Office, 1830, No. 18.990, p.674-675).
  32. Robert H. Hewsen. Russian–Armenian relations, 1700–1828. Society of Armenian Studies, N4, Cambridge, Massachusetts, 1984, p 37.
  33. Walker, Christopher J. Armenia: Survival of a Nation. London: Routledge, 1990 p. 40 ISBN 0-415-04684-X.
  34. Raffi, The History of Karabagh's Meliks, Vienna, 1906, bl-Armen.
  35. Raffi, The Five Melikdoms of Karabagh tradott bl-Ingliż minn Ara Stepan Melkonian, Garod Books Ltd. 2010, London. ISBN 9781903656570.
  36. Павлова И.К. Хроника времен Сефевидов. Соч. Мухаммад-Масума Исфахани "Хуласат ас-сийар". М.:Наука, 1993, c.59-61.
  37. "АББАС-КУЛИ-АГА БАКИХАНОВ->ГЮЛИСТАН-И ИРАМ->ПЕРИОД V". vostlit.info. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-02-20. Miġbur 2021-03-24.
  38. Bournoutian, George A. (2016). The 1820 Russian Survey of the Khanate of Shirvan: A Primary Source on the Demography and Economy of an Iranian Province prior to its Annexation by Russia. Gibb Memorial Trust. p. xvii. ISBN 978-1909724808.
  39. "KM.RU - новости, экономика, автомобили, наука и техника, кино, музыка, спорт, игры, анекдоты, курсы валют | KM.RU". www.km.ru. Miġbur 2021-03-24.
  40. Muriel Atkin. The Strange Death of Ibrahim Khalil Khan of Qarabagh. Iranian Studies, Vol. 12, No. 1/2 (Winter – Spring, 1979), pp. 79–107.
  41. George A. Bournoutian. A History of Qarabagh: An Annotated Translation of Mirza Jamal Javanshir Qarabaghi's Tarikh-e Qarabagh. Mazda Publishers, 1994. ISBN 1-56859-011-3, 978-1-568-59011-0.
  42. Tim Potier. M1 Conflict in Nagorno-Karabakh, Abkhazia and South Ossetia: A Legal Appraisal. Martinus Nijhoff Publishers, 2001, p. 2. ISBN 90-411-1477-7.
  43. Leonidas Themistocles Chrysanthopoulos. Caucasus Chronicles: Nation-building and Diplomacy in Armenia, 1993–1994. Gomidas Institute, 2002, p. 8. ISBN 1-884630-05-7.
  44. The British and Foreign Review. J. Ridgeway and sons, 1838, p. 422.
  45. Taru Bahl, M.H. Syed. Encyclopaedia of the Muslim World. Anmol Publications PVT, 2003 p. 34. ISBN 81-261-1419-3.
  46. Bournoutian, George A. A History of Qarabagh: An Annotated Translation of Mirza Jamal Javanshir Qarabaghi's Tarikh-E Qarabagh. Costa Mesa, CA: Mazda Publishers, 1994, p. 18.
  47. 1 2 Conflict in Nagorno-Karabakh, Abkhazia, and South Ossetia: A Legal Appraisal by Tim Potier. ISBN 90-411-1477-7.
  48. Walker. The Survival of a Nation. pp. 285-290.
  49. "Q&A with Arsène Saparov: No Evidence that Stalin "Gave" Karabakh to Azerbaijan" (bl-Ingliż). 2018-12-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-12-15. Miġbur 2021-03-24.
  50. Audrey L. Altstadt. The Azerbaijani Turks: power and identity under Russian rule. Hoover Press, 1992. ISBN 0817991824, 9780817991821.
  51. Black Garden, Thomas de Waal, p. 292.
  52. Black Garden Thomas De Waal, p.15.
  53. Elizabeth Fuller, Nagorno-Karabakh: The Death and Casualty Toll to Date, RL 531/88, 14 December 1988, pp. 1–2.
  54. 1 2 3 de Waal, Thomas (2003). Black Garden: Armenia and Azerbaijan Through Peace and War. New York: New York University Press. ISBN 0-8147-1945-7.
  55. Lieberman, Benjamin (2006). Terrible Fate: Ethnic Cleansing in the Making of Modern Europe. Chicago: Ivan R. Dee. pp. 284–92. ISBN 1-5666-3646-9.
  56. The Encyclopedia of World History. Houghton Mifflin Harcourt. 2001. p. 906.
  57. Roeder, Philip G. (2007). Where nation-states come from: institutional change in the age of nationalism. Princeton University Press. p. 51. ISBN 978-0-691-13467-3.
  58. "GENERAL". www.hrw.org. Miġbur 2021-03-30.
  59. "Hsw". www.hrw.org. Miġbur 2021-03-30.
  60. "By Giving Karabakh Lands to Azerbaijan, Conflict Would Have Ended in '97, Says Ter-Petrosian" (bl-Ingliż). 2011-04-19. Miġbur 2021-03-30.
  61. "Первый президент Армении о распаде СССР и Карабахе". BBC News Русская служба (bir-Russu). 2011-04-15. Miġbur 2021-03-30.
  62. Human Rights Watch. Seven Years of Conflict in Nagorno-Karabakh. December 1994, p. xiii, ISBN 1-56432-142-8.
  63. Refugees, United Nations High Commissioner for. "UNHCR - Document Not Found". UNHCR (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-30.
  64. De Waal, Thomas (2003). Black Garden (PDF). New York University Press. p. 3.
  65. "No End in Sight to Fighting in Nagorno-Karabakh". NPR.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-12.
  66. "Резолюция ПАСЕ по Карабаху: что дальше?" (bl-Ingliż). 2005-02-04. Miġbur 2021-04-12.
  67. "A/RES/62/243 - E - A/RES/62/243 -Desktop". undocs.org. Miġbur 2021-04-12.
  68. "EU's Ashton Says Nagorno-Karabakh Elections Illegal". RadioFreeEurope/RadioLiberty (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-12.
  69. "Bulgarian MEPs Urge EU to Be Proactive in South Caucasus - Novinite.com - Sofia News Agency". www.novinite.com. Miġbur 2021-04-12.
  70. "PACE - Resolution 2085 (2016) - Inhabitants of frontier regions of Azerbaijan are deliberately deprived of water". assembly.coe.int. Miġbur 2021-04-12.
  71. Janbazian, Rupen (2016-01-26). "PACE Adopts Anti-Armenian Measure, Rejects Another". The Armenian Weekly (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-12.
  72. "Azerbaijan military threat to Armenia". www.telegraph.co.uk. Miġbur 2021-04-12.
  73. Hodge, Nathan (2016-04-02). "A Dozen Die in Armenian Separatist Fighting" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-12.
  74. "Dozens killed in Nagorno-Karabakh clashes". www.aljazeera.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-12.
  75. "UN Security Council calls for immediate end to fighting in Nagorno-Karabakh". France 24 (bl-Ingliż). 2020-09-30. Miġbur 2021-04-12.
  76. Staff, Reuters (2020-11-09). "Ethnic Armenian forces confirm loss of Karabakh's second city, say enemy nearing capital" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-12.
  77. "Russia Steps In To End War Between 2 Former Soviet Republics". NPR.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-12.
  78. "Nagorno Karabakh Republic - Country Overview". www.nkrusa.org. Miġbur 2021-04-12.
  79. 1 2 3 Zürcher, Christoph (2007). The post-Soviet wars: rebellion, ethnic conflict, and nationhood in the Caucasus. NYU Press. p. 184. ISBN 978-0814797099.
  80. DeRouen, Karl R. (ed.) (2007). Civil wars of the world: major conflicts since World War II, Volume 2. ABC-CLIO. p. 150. ISBN 978-1851099191.
  81. "Nagorno-Karabakh | History, Map, & Conflict". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-12.
  82. Bournoutian, George A. A History of Qarabagh: An Annotated Translation of Mirza Jamal Javanshir Qarabaghi's Tarikh-E Qarabagh. Costa Mesa, CA: Mazda Publishers, 1994, p. 18.
  83. Miller, Donald E. and Lorna Touryan Miller. Armenia: Portraits of Survival and Hope. Berkeley: University of California Press, 2003 p. 7 ISBN 0-520-23492-8.