Repubblika tal-Irlanda

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Irlanda
Éire
Éire – Bandiera Éire – Emblema
Innu nazzjonali: Amhrán na bhFiann
Kanzunetta tas-Suldati

Belt kapitali
(u l-ikbar belt)
Dublin
53°20.65′N 6°16.05′W / 53.34417°N 6.2675°W / 53.34417; -6.2675

Lingwi uffiċjali Ingliż u Irlandiż[1]
Gvern Repubblika kostituzzjonali parlamentari unitarja
 -  President Michael D. Higgins
 -  Taoiseach Micheál Martin
 -  Tánaiste Leo Varadkar
Indipendenza mir-Renju Unit
 -  Iddikjarata 24 ta' April 1916 
 -  Ratifikata 21 ta' Jannar 1919 
 -  Magħrufa 6 ta' Diċembru 1922 
 -  Kostituzzjoni 29 ta' Diċembru 1937 
 -  Ħallew il-Commonwealth 18 ta' April 1949 
Sħubija fl-UE 1 ta' Jannar, 1973
Erja
 -  Total 70,273 km2 (120)
27,133 mil kwadru 
 -  Ilma (%) 2.00
Popolazzjoni
 -  ċensiment tal-2013 4,588,252[2] 
 -  Densità 65.3/km2 (142)
168.8/mili kwadri
PGD (PSX) stima tal-2012
 -  Total $192.223 biljun[3] (56)
 -  Per capita $41,920[3] (15)
PGD (nominali) stima tal-2012
 -  Total $210.416 biljun[3] (42)
 -  Per capita $45,888[3] (14)
IŻU (2013) Steady 0.916[4] (għoli ħafna) (7)
Valuta Ewro () (EUR)
Żona tal-ħin WET (UTC+0)
Kodiċi telefoniku +353
TLD tal-internet .ie
Dar Leinster (Leinster House) kienet oriġinarjament ir-residenza tad-Duki ta' Leinster u bħalissa hija s-sede tal-Oireachtas jew il-Parlament tal-Irlanda, mill-1922. Bħalissa hija kumpless ta' bini, li ċ-ċentru tiegħu huwa l-eks palazz dukali li jospita l-Parlament u tiegħu. dipendenzi, li hija l-aktar parti rikonoxxibbli u popolari.

Ir-Repubblika tal-Irlanda hija nazzjon fl-Ewropa u tagħmel parti mill-gżira tal-Irlanda. Il-bqija tal-gżira, jiġifieri l-Irlanda ta' Fuq hija parti integrali tar-Renju Unit. Għandha popolazzjoni ta' 4.2 miljun ruħ.

Il-belt kapitali tagħha hi Dublin, li tgħodd nofs miljun ruħ u li tinsab tħares fuq il-Baħar tal-Irlanda. Bliet oħra kbar huma Cork b' 120 elf ruħ, Galway b' 73 elf, Limerick b' 53 elf u Waterford b' 46 elf. Fost l-aktar gżejjer magħrufa hemm dawk tal-Gżejjer Aran, fl-għarb tal-gżira u dik ta' Achill, li tintleħaq minn County Mayo.

Għalkemm il-pajjiż huwa ġar tar-Renju Unit u fil-parti l-kbira jitkellem l-ilsien Ingliż, kien ma' dan ir-renju li kellhu l-aktar taqbid fl-istorja mdemmija tiegħu. Tant li l-element patrijottiku jgħaffas ħafna, imqar jekk b'mod xejn komplimentuż, fuq il-passat storiku ta' bejniethom. Dan jidher ċar fil-letteratura u l-mużika Irlandiża, meqjusa fost l-ifjen fl-Ewropa.

L-Irlanda għandha fruntiera ta' 490 km mal-Irlanda ta' Fuq (Renju Unit).

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

L-Irlanda kienet maqsuma f’renji żgħar li kkonvertew għall-Kristjaneżmu xi żmien qabel is-sena 900 AD. Aktar tard kien taħt il-ħakma Brittanika bejn l-1542-1801 bħala r-Renju tal-Irlanda (u l-Commonwealth bejn l-1652-1660) (Kingdom of Ireland, Ríoghacht Éireann); li kienet f'Unjoni Personali mal-Ingilterra u Unjoni Personali mal-Gran Brittanja, sal-Indipendenza tagħha fl-1922.

Ir-Repubblika tal-Irlanda twieldet wara li Lloyd George, f'isem ir-Renju Unit u l-Kuruna Brittanika, għadda l-Att tal-Gvern dwar l-Irlanda fl-1920. Dan kien ifisser il-ħolqien ta' żewġ parlamenti, wieħed minnhom għan-naħa ta' fuq, fil-parti l-kbira f' Ulster. Il-parti li baqgħet tagħmel mar-Renju Unit saret magħrufa bħala Northern Ireland, l-Irlanda ta' Fuq.

F' Diċembru 1921 ġie ffirmat it-Trattat Anglo-Irlandiż u b'hekk twaqqfet l-Irish Free State. Din baqgħet magħrufa hekk sal-1949, meta ġiet iddikjarata r-Repubblika tal-Irlanda, li nqatgħet mill-Commonwealth. Fl-1955 ir-Repubblika tal-Irlanda saret membru sħiħ tal-Ġnus Maqgħuda.

Reliġjon[immodifika | immodifika s-sors]

Il-poplu Irlandiż iħaddan, fil-parti l-kbira, it-twemmin kattoliku. Dan it-twemmin kien l-għeruq ta' ħafna mit-tilwim mar-Renju Unit. Il-muntanja ta' Croagh Patrick, f'County Mayo, hija meqjusa bħala waħda sagra u lejn tmiem ta' kull Lulju, eluf kbar ta' pellegrini jixxabtu magħha sakemm jilħqu l-quċċata bħala parti mis-sagriċċju għal dnubiethom. San Patrizju huwa l-patrun tal-pajjiż.

Il-muntanja Croagh Patrick viċin Westport (Irlanda) li tissimboliża l-fidi nisranija fl-Irlanda

.

Għalkemm ir-reliġjon kattolika ma hijiex daqstant b'saħħitha daqs ftit tas-snin ilu, xorta tibqa' forża nfluwenti fil-ħajja ta' kuljum. Madanakollu filwaqt li d-dibattitu dwar l-abort jibqa' jaħraq ħafna, ħarġu numru ta' skandli tal-ġerarkija tal-knisja li tappnulha l-istima tagħha. Fosthom hemm il-każ tal-Magdalene laundries, li kienu djar li jilqgħu tfajliet Irlandiżi li jinqabdu tqal. Hawn ġew mikxufa l-għadd kbir ta' abbużi li saru fuq dawn it-tfajliet.

Il-film The Magdalene Sisters (2002) ta' Paul Mullan, kompla jnaqqas is-saħħa tal-knisja, b'akkużi ta' ipokrezija fejn jidħlu l-morali nsara. Il-kantanta Sinead O'Connor wkoll rikbet fuq il-karru tal-akkużi.

Kittieba[immodifika | immodifika s-sors]

Fost il-kittieba ewlenin li ħarġu mill-Irlanda nsibu lil Jonathan Swift, Oscar Wilde, William Butler Yeats, Samuel Beckett, James Joyce u George Bernard Shaw. Huwa ironiku li fost l-aqwa kittieba bl-Ingliż tas-Seklu Għoxrin kienu mnissla mill-istess poplu li kien qed jiġġieled għal-ħelsien politiku. Tant li erba' kittieba Irlandiżi rebħu l-Premju Nobel Għal-Letteratura. Dawn kienu William Butler Yeats fl-1923, George Bernard Shaw fl-1925, Samuel Beckett fl-1969 u Seamus Heaney fl-1995.

Kittieba Irlandiżi li għamlu isem fl-aħħar snin jinkludu lil Brendan Behan, l-awtur ta' Borstal Boy fl-1958, Brian Friel, li kiteb id-dramm Dancing at Lughnasa fl-1990, u Neil Jordan minn Sligo, li minbarra l-kitbiet bħal Nights in Tunisia u The Dream of a Beast, qiegħed iħalli impatt fil-qasam taċ-ċinema.

Mużika[immodifika | immodifika s-sors]

Mappa li turi d-distribuzzjoni tal-lingwa Irlandiża fl-1871

L-Irlanda tat kontribut kbir ħafna fil-qasam mużikali Brittaniku li jiżboq bil-bosta l-għadd ta' popolazzjoni. Dan seħħ anki fil-qasam tar-rokk, pop rokk u naturalment fil-mużika keltika. Il-grupp The Corrs, magħmul minn membri tal-familja Corr minn Dundalk kien wieħed li għamel suċċess kbir, bil-ħoss mexxej u qabbieżi tagħhom.

Fejn tidħol il-mużika jidher li ma hemmx differenza jekk l-artist huwiex mill-Irlanda ta' Fuq jew mir-Repubblika, anki fejn jidħlu temi patrijottiċi u l-imħabba lejn art twelidhom, mingħajr fruntieri politiċi. Tant li l-kantawtur Paul Brady, li jkanta The Island trabba' f' Strabane, County Tyrone.

Madankollu fir-Repubblika tal-Irlanda, hemm drawwa li kunċert mużikali, imqar jekk ġewwa nitfa' ta' pabb, jispiċċa bl-innu nazzjonali The Soldier's Song. Fost l-aqwa mkejjen sabiex wieħed jisma' mużika folk tajba, jissemmew Westport (Irlanda) f'County Mayo, Sligo u Letterkenny f'County Donegal.

Sport[immodifika | immodifika s-sors]

L-isports l-aktar li jintlagħbu huma r-rugby, il-futbol, il-Gaelic football u l-hurling. Għalkemm ħafna futbolers magħrufa Irlandiżi għamlu ħoss jilgħabu fil-kampjonati Ingliżi, il-Gaelic Football jibqa' l-attivita' sportiva li twaqqaf il-pajjiż. Tant, illi Croke Park, ġewwa Dublin, jesa' 82,500 ruħ u jkun mimli daqs bajda waqt logħbiet jaħarqu tal-finali All Ireland tal-istess Gaelic football.

Mappa li tixhed kif l-isport Irlandiż huwa mifrux mal-gżira. L-isfar juri fejn il-Gaelic football huwa b' saħħtu, l-ikħal hu għall-hurling u l-aħdar għat-tnejn li huma.


Il-futbol huwa sport popolari ħafna u r-Repubblika Irlandiża ħadet sehem fit-Tazza tad-Dinja tal-1990, 1994 u 2002, kif ukoll fil-Kampjonati Ewropej Euro 88, xi drabi b'suċċess kbir. Il-kampjonat Irandiż huwa ftit jew wisq dgħajjef, b'ħafna mill-plejers tat-tim nazzjonali jilgħabu barra 'l pajjiż. L-istadju nazzjonali ta' Lansdowne Road bħalissa qed jerġa jinbena mill-ġdid u bi ħsiebu jinfetaħ fl-2009 [1]. Huwa se jkun jesa' 50,000 ruħ.

Referenżi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Official Languages Act 2003" (bl-Ingliż). Office of the Attorney-General. Miġbur 2012-02-18.
  2. ^ "Census of Population 2011: Preliminary Results" (PDF) (bl-Ingliż). 2011-06-30. p. 1. Miġbur 2010-08-29.
  3. ^ a b ċ d "Republic of Ireland" (bl-Ingliż). Fond Monetarju Internazzjonali. Miġbur 2013-04-01.
  4. ^ "Human Development Report 2013" (PDF). Nazzjonijiet Uniti. 2013. Miġbur 2013-03-14.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]