Aqbeż għall-kontentut

Ħ'Attard

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Attard)
Ħ'Attard
 Malta
Amministrazzjoni
Stat sovranMalta
Reġjuni ta’ MaltaTramuntana
Ismijiet oriġinali Ħ'Attard
Kodiċi postali ATD
Ġeografija
Koordinati 35°54′N 14°27′E / 35.9°N 14.45°E / 35.9; 14.45Koordinati: 35°54′N 14°27′E / 35.9°N 14.45°E / 35.9; 14.45
Ħ'Attard is located in Malta
Ħ'Attard
Ħ'Attard
Ħ'Attard (Malta)
Superfiċjenti 6.6 kilometru kwadru
Għoli 95 m
Fruntieri ma' Birkirkarau Ħal Qormi
Demografija
Popolazzjoni 12,268 abitanti (21 Novembru 2021)
Informazzjoni oħra
bliet ġemellati Pieve Emanuele (en) Translate
hattardlc.gov.mt

Ħ'Attard hu raħal fiċ-ċentru ta' Malta, b'popolazzjoni ta' madwar 12,000 ruħ.[1] Flimkien ma' Ħal Balzan u Ħal Lija, jifforma parti mit-"Tliet Villaġġi". Ħ'Attard sar parroċċa fl-1575 u l-patruna tiegħu hija Santa Marija.[2] Ħ'Attard huwa raħal arjuż ħafna u jista' jitqies bħala sabiħ, l-aktar li llum fih inbnew bosta djar kbar u vilel ta' min jitgħaxxaq bihom. Il-postijiet ta' ċerta importanza li hemm fih huma l-Palazz ta' Sant'Anton u l-ġonna tiegħu, l-Istadju Nazzjonali kif ukoll il-Park Nazzjonali, u l-Villaġġ tal-Artiġjanat f' Ta' Qali. Ħ'Attard huwa msemmi għall-ward u l-fjuri li jkabbar, kif tixhed il-motto tiegħu: "Florigera rosis halo" ("Infewwaħ l-arja bil-fjur tiegħi").[3] L-abitanti ta' Ħ'Attard huma magħrufa bħala 'saraċini'.

Żoni f'Ħ'Attard

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Misraħ Kola
  • Ħal-Warda
  • Ta' Qali
    • Robbu Tal-Ħemsija
    • Ta' Ħemsija
    • Ta' Qali Crafts Village
    • Ta' Sagħat
    • Ta' Vnezja
    • Tal-Madliena
    • Tal-Madonna
    • Tal-Maltija
  • Ta' Qassati
  • Il-Ħotob
  • Il-Ħofor
  • Santa Katerina
  • Ta' Fġieni
  • Ta' l-Idward
  • Ta' Srina
  • Ta' Vestru
  • Tal-Fuklar
  • Tal-Karri
  • Tal-Mirakli
  • Wied il-Ħemsija
  • Wied Inċita
  • Wied is-Sewda

Toroq Prinċipali f'Ħ'Attard

[immodifika | immodifika s-sors]

Innu ta' Ħ'Attard

[immodifika | immodifika s-sors]

Isma l'innu

Ġonna li jfewħu biż-żahar tal-larinġ,

djar fl-isqaqien dellija,

ġawhra ta' tempju, dehra ta' ġmiel,

il-kenn t'Omm għal dawk li bkew.

Dak li writna tul is-snin

ngħaddu 'l ta' warajna,

xhieda ħajja tal-ġrajjiet

li taw l-ogħla ġieh lil artna.

Bnadar iperpru mal-arbli għoljin,

twieqi għad-dawl miftuħa,

qniepen ferrieħa, kant taż-żerniq,

u l-ħolm sabiħ taż-żmien li ġej.

Dak li writna tul is-snin

ngħaddu 'l ta' warajna,

xhieda ħajja tal-ġrajjiet

li taw l-ogħla ġieh lil artna.

Bieb ta' dar tipika f'Ħ'Attard

Meta Ħ'Attard infired minn Birkirkara fl-1575 u sar parroċċa għalih bi knisja indipendenti, kien hemm madwar 665 abitant joqgħodu f'165 dar.[4] Ħ'Attard kellu miegħu ukoll żewġt irħula oħra, Ħal Bordi li kellu 18-il dar u 92 ruħ u Ħal Mann li kellu bejn wieħed u ieħor l-istess għadd ta' djar u 66 ruħ. Dawn iż-żewġt irħula ma damux ma ngħaqdu ma' Ħal Lija minħabba li r-residenti xtaqu li ma jibqgħux parti minn Ħ'Attard,[5] u għalhekk il-villaġġ reġa' sab ruħu waħdu flimkien mar-raħal ċkejken ta' Ħal Warda.

Fl-1646 Ħ'Attard laħaq mal-200 dar. Fl-1655 insibu li kien fih 260 dar u 1,240 ruħ. Fl-1667 kellu 1,210 abitant u 257 dar. Iżda hawn il-popolazzjoni naqset minħabba l-pesta li laqtet lill-Ħ'Attard l-aktar fl-1676. Din qatlet 104 persuna minn madwar 1,000 abitant.[6] Fl-1760 il-popolazzjoni naqset għal 870 ruħ. Fl-1829 kellha 967 ruħ u 191 dar, u fl-1851, telgħet għal 998 ruħ. Fl-1865 kien fiha 1,239 ruħ u fis-sena 1890 reġgħet telgħet għal 1,610 abitant u 240 dar. Fl-1901, il-popolazzjoni laħqet 1,837 abitant, u minn hemm baqgħet tikber għal 2,052 abitant fl-1911 u 2,058 abitant fl-1921.

Fil-bidu tas-seklu 19, il-popolazzjoni ta' Ħ'Attard imxiet proporzjonali mal-popolazzjoni ġenerali ta' Malta sa madwar is-sena 1970. Minn hemm, il-popolazzjoni bdiet tiżdied ħafna fi żmien qasir. Fis-sena 1985, il-popolazzjoni ta' Ħ'Attard kważi irdupjat minn 2874 ruħ għal 5681 ruħ f'temp ta' sena.[6] Fl-antik bosta nies kienu jfittxuh fis-sajf biex iqattgħu fih il-btajjel tagħhom fil-vilel għonja u djar sbieħ, iżda llum għażluh sabiex ikun ir-residenza permanenti tagħhom.

Ħ'Attard huwa l-uniku raħal f'Malta li ismu jingħad li hu ġej minn isem jew kunjom xi ħadd li forsi seta' kien l-ewwel wieħed li għammar fih jew inkella li kellu xi laqam.

Biex Ħ'Attard iġib dan l-isem kien xi ħadd li bdihulu. Hawn min jgħid illi Ħ'Attard seta' nħoloq minn tempju ta' Astart li kellu seta' kien f'dawk l-inħawi. Minn Astart jieħdok għal Attar u mbagħad Attar(d). L-arkeoloġiċi ma jistgħux jiżguraw li f'dawk l-inħawi ma kienx hemm tempju. Ġieli ġara li xi ħaddiema, waqt li kienu qed iħaffru għas-sisien jew jgħaddu xi kanen, sabu xi oqbra jew fdalijiet f'imkejjen li ħadd ma kien jistenniehom.

Teorija oħra ta' minn fejn ġej l-isem 'Attard' huwa minn 'Attar' (عطار), li tfisser dak li jbigħ il-fwieħa.[7] Hemm min jgħid ukoll li hu ġej mir-raħal ta' 'Atti' f'Bologna.

Knejjes u Kappelli

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Knisja Parrokkjali ta' Santa Marija

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Knisja Parrokkjali ta' Ħ'Attard

Il-Knisja Parrokkjali ta' Ħ'Attard kienet minn żmien bikri mgħaqqda mal-Matriċi ta' Birkirkara. Fil-bidu din il-knisja kienet immexxija minn għaqda ta' nies sekulari, maħtura mill-Isqof Domenico Cubelles li dan kien ħalla lil din l-għaqda li mhux talli fil-festi jiċċelebraw il-quddies hawn; iżda wkoll li jidfnu l-mejtin fiha, u din ġiet ikkonfermata bil-Bolla Appostolika tal-15 t'Ottubru, fl-1551.

Il-Monsinjur Pietro Dusina waqaf f'Ħ'Attard meta kien għaddej bejn l-Imdina u l-Belt, u hemm l-abitanti talbuh biex il-knisja ewlenija tagħhom tiġi maħtura parroċċa minħabba li għal Birkirkara kien hemm bogħod kważi żewġ mili.[6] L-imsemmi Viżitatur Appostoliku fis-26 ta' Marzu,1575 fired il-knisja ta' Ħ'Attard mill-matriċi tagħha u għamilha parroċċa għaliha u magħha daħħal iż-żewġt irħula ta' madwarha, Ħal Bordi u Ħal Mann. Il-knisja li hemm illum ġiet mibnija fl-1613, u kienet opra tal-kappillan Dun Stiefnu Buttiġieġ. Il-perit kien Tumas Dingli mill-istess raħal. Dingli kien ispirat mill-faċċata tal-knisja ta' Sant'Andrija f'Mantua, fl-Italja, li ukoll tinkorpora tliet niċeċ fuq iż-żewġ naħat tal-faċċata. Il-faċċata tal-Knisja Parrokkjali ta' Birkirkara hija wkoll ibbażata fuq din il-knisja.[8] Il-kampnar ġie miżjud fl-1718, li jikkonsisti minn arloġġ magħmul mill-arluġġar Michelangelo Sapiano fl-1872.[9][10] Is-sagristija li qiegħda fil-lemin ġiet mibnija fl-1740, filwaqt li l-oħra ttellgħet fl-1856.[10] L-istatwi ta' ġon-niċeċ huma magħmulin mill-iskultur Francesco Saverio Sciortino fl-1945.[10] Il-kappillan ta' Ħ'Attard huwa Dun Joseph Grech.[9]

Kappella ta' Sant'Anna

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Kappella ta' Sant'Anna

Il-kappella ta' Sant'Anna tinsab ġo sqaq li tidħol għaliha minn Triq San Duminku. Fil-pesta ta' bejn l-1675 u l-1676, madwar 104 persuna minn Ħ'Attard inqatlu. Qabel dan, fejn issa tinsab il-kappella, kien hemm kappella oħra żgħira ddedikata lil San Nikola ta' Bari, imma din ġiet dikonsakrata minħabba l-istat li kienet qiegħda fiha. Minflokha, in-nies ta' Ħ'Attard bnew kappella ddedikata lil Santu Rokku bejn l-1677 u l-1680 u difnu 'l dawk li kienu mietu bil-pesta.[11]

Il-qasam tal-MUSEUM ta' Ħ'Attard l-ewwel uża din il-kappella ftit snin wara li sar il-qasam, u li kien tahom il-kappillan ta' dak iż-żmien. Hemmhekk damu għal madwar sena. Huma mxew għal 38, Triq il-Kbira, fejn damu sal-1974. F'dan iż-żmien, beda jinħass il-bżonn ta' post akbar, allura beda jsir ix-xogħol fuq il-kappella. L-ewwel ġebla tqiegħdet fit-13 ta' Settembru 1970, u ġiet imbierka mill-Kappillan Ġużeppi Dalmas. Fil-bidu, kien hemm intopp, għaliex xi nies kienu talbu li tinbena triq eżatt wara s-sagristija tal-kappella, u li kieku nbniet kienet taqsam il-MUSEUM f'żewġ partijiet, iżda bl-interċessjoni tal-Kappillan, din ma saritx. Il-membri tal-MUSEUM imxew lura għall-kappella fl-1974, fejn għadhom sal-lum.[12]

Palazz ta' Sant'Anton

[immodifika | immodifika s-sors]
Artiklu prinċipali: Palazz ta' Sant'Anton
Il-funtana fiċ-ċentru tal-ġonna ta' Sant'Anton

Dan il-palazz maestuż, li llum iservi bħala r-residenza tal-President ta' Malta, ġie mibni madwar l-1620 mill-Gran Mastru Antoine de Paule li kien joqgħod fih qabel ma ġie maħtur Gran Mastru. L-istoriku Pietru Pawl Castagna jgħid li l-palazz sar madwar l-1625, jiġifieri sentejn wara t-tlugħ ta' De Paule bħala Gran Mastru. Calleja jgħid li nbena fl-1635. Fil-bidu tiegħu, dan il-palazz kien iżgħar milli hu llum għax kien inbena bħala villa, iżda meta sar Gran Mastru, de Paule kabbru għal palazz.[13] Il-palazz jieħu ismu minn Sant'Antnin ta' Padova, il-patrun tal-Gran Mastru de Paule. Fl-1798, fir-rewwixta kontra l-Franċiżi, il-palazz kien il-bażi tal-partit kontrihom. Wara dan, il-palazz sar ir-residenza tal-Gvernatur Ingliż Alexander Ball u baqa' hekk għal gvernaturi ta' warajh. Meta Malta saret repubblika fl-1974, sar ir-residenza tal-President.[6]

Monumenti u Siti ta' Interess

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Monument tal-Papa Ġwanni Pawlu II

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-monument li jinsab quddiem Santa Katerina.

Sabiex jiġu mfakkra ż-żewġt iljieli li l-Papa Ġwanni Pawlu II qatta' ġo dar f'Ħ'Attard, ir-residenti ta' dan il-lokal waqqfu monument f'ġieħu, li jinsab sewwasew quddiem l-Isptar ta' Santa Katerina.[14] Matul il-vista tiegħu, il-Papa raqad fin-Nunzjatura Appostolika ġo Ħ'Attard.

Il-kitba tgħid hekk:

Biex infakkru li
il-Papa Ġwanni Pawlu II
qagħad fostna
25-27·V·1990

Il-monument, xogħol l-iskrultur Joseph Casha huwa miksi bil-bronż.[15][16] Il-monument huwa kemm astratt, stil li kien jintuża ħafna minn Casha, kif ukoll realistiku.[17] Kixfu n-Nunzju Appostoliku, Arċisqof Pier Luigi Celata fl-1 ta' Ġunju, 1991,[16] fil-preżenza tal-kappillan ta' Ħ'Attard, Dun Anton Portelli, u bosta personalitajiet oħra. Għal din l-okkażjoni tkellmu wkoll is-Sur Joseph Sciberras u l-Professur Oliver Friggieri.‎

L-istorja tal-ferrovija f'Ħ'Attard

[immodifika | immodifika s-sors]
L-istazzjon ta' Ħ'Attard.

Il-ferrovija kienet tgħaddi mit-toroq ta' Ħ'Attard. Meta titlaq l-istazzjon ta' Birkirkara, u taqbad triqitha 'l fuq mit-triq illum magħrufa bħala "il-Linja", naturalment b'referenza għal-linji tal-ħadid, il-ferrovija kienet timmira lejn l-istazzjon l-ieħor li kien hemm f'Ħ'Attard, biex imbagħad tiġbed lejn is-Salvatur fi triqitha, u din tkun l-itwal triq li huwa l-istazzjon tar-Rabat, b'tul ta' 2.7km.

Meta nfetħet il-ferrovija fl-1883,[18] l-istazzjon ta’ Ħ’Attard kien ipprovdut b’binja żgħira kif ukoll pjattaforma, li kienu jinsabu fuq in-naħa t’isfel tal-linja.[19] F’dan iż-żmien, ħafna nies fl-ogħla livell tas-soċjetà bdew isibu lil Ħ’Attard bħala post tajjeb biex jibnu l-vilel tagħhom, u l-linja probabbli għenet f’dan l-iżvilupp. Il-problema kienet li l-ammont ta’ nies li bdew jużaw il-linja kien wisq għall-istazzjon żgħir ta’ Ħ’Attard.

Il-pont tal-ferrovija f'Ħ'Attard. Illum għad baqa' fdalijiet.

Fl-1897, biex ikun hemm aktar dell għall-passiġġieri li kienu qed jistennew il-ferrovija, xi siġar tal-ħarrub kienu mħawlin fl-istazzjon.[19] Dawn is-siġar kienu l-idea tal-eżekuttiv tal-ferrovija, Nicola Buhagiar, biex l-istazzjonijiet jidhru isbaħ. Huwa kien ispirat mill-ferroviji Ingliżi, fejn kienet drawwa li jagħmlu kompetizzjonijiet fuq l-isbaħ stazzjon.[20] Fil-5 ta’ Settembru 1900, għassies bl-isem ta’ L. Mercieca waqa’ minn fuq l-embankment tal-ferrovija u kien miġbur mejjet mit-triq.[21]

Fl-1904, ġiet proposta għal stazzjon kbir għal Ħ’Attard, wieħed li kien jikkompeti mal-istazzjon tal-Belt fil-kobor tiegħu. Sfortunatament, din il-proposta qatt ma seħħet, u kellu jgħaddi numru ta’ snin qabel ma jittieħed azzjoni fuq iċ-ċokon tal-istazzjon ta’ Ħ’Attard.[19]

Eventwalment, bdew isiru xi xogħlijiet fuq l-istazzjon fl-1909. Il-bini tal-istazzjon il-ġdid ma kienx faċli. Kien jinsab wara waħda mill-ogħla partijiet tal-linja,[18] u biex ikun hemm biżżejjed spazju għax-xogħol li kellu jsir, kellhom isiru xi pilastri biex iserraħ fuqhom il-pjattaforma. Inbnew ukoll kolonni tal-ġebel kif ukoll balavostri biex jimmarkaw il-limiti tal-istazzjon. In-nies li kienu qegħdin jistennew il-ferrovija issa kellhom binja ġdida b’soqfa għoljin u biċċa żgħira fuq barra li tibblokka x-xemx. Din il-binja kienet tinsab fuq in-naħa ta’ fuq tal-linja. L-uffiċju tal-biljetti kien qiegħed ħdejn l-intrata għall-pjattaforma, u magħha kellha xi latrini u akkomodazzjoni għall-uffiċjal.[19]

Il-pjattaforma ġdida issa kienet ħafna akbar, u kellha post għal ammont kbir ta’ nies, ankè fil-ġranet tal-festi. Bħall-istazzjon ta’ Birkirkara, li inbena madwar l-istess żmien, is-siġar u ġonna żgħar kienu inkorporati mal-istazzjon bħala post għad-dell biex jiżdiedu l-ammont ta’ nies li jiġu l-istazzjon. L-istazzjon il-ġdid baqa’ jservi sew minkejja li l-ammont ta’ nies kien qed inaqqas fis-snin 20. Xelter tal-metall kien miżjud madwar it-tieqa tal-uffiċju tal-biljetti, u blokka ġdida tal-latrini kienet mibnija fuq in-naħa ta’ wara tal-pjattaforma. Wara dan, ftit inbidel qabel ma ngħalqet il-ferrovija f’Marzu tal-1931.[19]

Il-binja baqgħet taħt il-kontroll tal-gvern u reġa’ beda jintuża fit-Tieni Gwerra Dinjija. L-istazzjon sar Victory Kitchen taħt il-Communal Feeding Department biex inaqqas l-ammont ta’ ġuħ fil-popolazzjoni ta’ Ħ’Attard f’dak iż-żmien.[22] Din il-binja m'għadhiex teżisti aktar għaliex laqtitha bomba fl-20 ta’ Marzu 1942 u twaqqgħet ftit wara. Xi strutturi oħra li kienu jagħmlu parti mill-istazzjon baqgħu hemm; l-uffiċju tal-biljetti baqa’ sas-snin 60, u l-latrini saru sotto-stazzjon.[19]

Tifkiriet u restawr

[immodifika | immodifika s-sors]
Kif jidher il-pont tal-ferrovija f'Ħ'Attard illum.

Fid-23 ta’ Diċembru 2019, ġie inawgurat ix-xogħol ta’ tisbiħ u restawr fl-embankment li kien jintuża mill-ferrovija l-qadima f’Ħ’Attard. Il-flus għax-xogħol ġew minn fondi Ewropej, minn fondi mill-Awtorità tal-Ippjanar u b’investiment minn Infrastructure Malta. L-applikazzjonijiet għall-fondi saru mis-Sindku Stefan Cordina għaliex ħass li din il-parti tal-istorja tal-pajjiż tiġi restawrata.[23]

Skont il-perit Edward Said, ir-restawr kien jikkonsisti f’bidliet ta’ xi ftit ġebel imfarrak, u t-tneħħija tal-ħaxix li kien qed jagħmel ħsara lill-istruttura. L-embankment kienet saret minħabba l-għamla tal-art, l-istess raġuni li kellhom jittellgħu il-pilastri meta bnew l-istazzjon il-ġdid fl-1909. Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Edward Zammit Lewis, qal li dan kien proġett sar b’investiment ta’ €420,000 u minbarra r-restawr tal-embankment sar ukoll ċentru ta’ informazzjoni dwar l-istorja tal-ferrovija fil-Ġnien l-istazzjon. Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius ħeġġeġ lill-kunsilli lokali oħrajn biex jieħdu l-eżempju tal-kunsill ta’ Ħ’Attard u japplikaw għall-iskema maħsuba biex tgħin lill-kunsilli jsebbħu l-lokalitajiet tagħhom.[23]

Fit-2 ta’ Frar 2023, l-Awtorità tal-Ippjanar ikkontribwixxiet €200,000 liċ-Ċentru Edukattiv li kellu jinfetaħ f’Ħ’Attard. Dan iċ-ċentru kellu jikkonsisti minn librerija, post tal-qari, u latrini. Is-sit tal-binja kellu jkun fuq fejn kien jinsab l-istazzjon ta’ Ħ’Attard fil-passat. Il-binja kellha wkoll tkun iddisinjata u ispirata mill-binja tal-istazzjon l-antika.[24][25]

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett kien eżempju ta’ kif il-fondi mid-Development Planning Fund (DPF) qegħdin jiġu użati biex isebbħu l-ispazju. Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropew Chris Bonett qal li dan il-proġett sar b’investiment ta’ €747,000, li minn dawk, €514,000 ġejjin mill-fondi Ewropew.[18]

Iċ-ċentru l-ġdid kien inawgurat fis-16 ta’ April 2024, u miegħu ġie inawgurat ukoll mudell ta’ wieħed mill-ferroviji magħmul mill-kartonċina. Dan il-mudell kien ix-xogħol ta’ Stephen Bonello, u bnieh minn blueprint ipprovdut minn Paul Galea mill-Fondazzjoni tal-Ferrovija Maltija. Il-ħidma ta’ Bonello bdiet fl-2016, u l-mudell inbena f’partijiet. Dawn il-partijiet inġarru mill-kumpanija Multi Packaging Limited għal Ġnien l-Istazzjon fis-6 ta’ April biex jiġu mgħaqqdin. Wara li tlesta, kien mgħotti b’kaxxa tal-ħġieġ.[26][27]

L-Iskola Primarja

[immodifika | immodifika s-sors]

Sa l-1940 Ħ'Attard, bħaż-żewġt irħula ta' Ħal Lija u Ħal Balzan, kien juża l-iskola ta' Ħal Lija. Iżda malli faqqgħet il-gwerra u bdew l-attaki mill-ajru, ma kinitx ħaġa faċli, anzi kien ta' tiġrib għat-tfal ta' Ħ'Attard li joqgħodu jitilgħu u jinżlu erba' darbiet kuljum, iqiegħdu rwieħhom għal kull tiġrib sakemm jaslu minn Ħal Lija u lura. Fl-1958 il-Gvern ta' dak iż-żmien ħejja pjanta għal skola primarja fejn hemm id-disinn tas-Sur Ġużeppi A.Tonna. Din kellha tinbena fi Triq il-Mosta int u dieħel lejn l-isptar ta' Santa Katerina ta' Sjena. L-iskola ma bdietx tinbena qabel l-1959 u tlestiet fl-1962. Illum l-iskola jisimha Skola Primarja Tumas Dingli taħt l-isem ta' wieħed mil-iktar skulturi li għamel isem kbir għalih u għal pajjiżu.

L-Isptar tad-Dumnikani

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Isptar ta' Santa Katerina ta' Sjena qiegħed fi Triq il-Mosta u hu magħruf l-aktar bħala l-isptar tas-Sorijiet Dumikani. Huwa ġie mqiegħed taħt il-patroċinju ta' din il-qaddisa li hija l-omm u l-mudella ta' dawn is-sorijiet. Ftit snin wara li l-Għaqda ta' Santa Katerina ġiet imwaqqfa fl-1916, is-Sorijiet Dumnikani waqqfu kunvent f'Lija bi klinika miegħu. Kienet hekk bir-reqqa l-kura li ġiet mogħdija lill-morda mis-sorijiet illi t-talbiet min-nies biex jidħlu hemm u l-professuri biex jaqdu f'din il-klinika, li nħasset il-ħtieġa li jibnu sptar ikbar u modern. Illum saret dar għall-anzjani.

L-Isptar Monte Karmeli

[immodifika | immodifika s-sors]

Bl-ordinanza ta' l-24 ta' Settembru 1852, il-kunsill talab li jintressqu pjanti għall-bini ta' sptar tal-mard tal-moħħ u li kellu jinbena fi Fleur-de-Lys. Fost il-pjanti, li l-arkitett tal-pjanta għażel u li matul is-sena 1852 kienu ppreżentati minn diversi arkitetti intgħażlet mill-Gvernatur Reid dik ta' l- Isqalli Gaetano Francesco Cianciolo, emigrant f' Malta u kien joqgħod f'Birkirkara. Beda jinbena fl-1853 f' Wied Inċita u mhux fejn kien maħsub qabel, jiġifieri fi Fluer-de-Lys.

Feniċi f'Ħ'Attard

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-21 ta' Settembru, 1946, filwaqt li kien għaddej it-tħaffir tal-gandoti fil-blat għat-tqegħid tal-katusi f'Misraħ Palma ġo Ħ'Attard, grupp ta' ħaddiema, daħlu aċċidentalment ġo midfna ta' qabar imħaffra fil-blat.

Id-daħla għall-qabar kienet minn spiera ta' ħames piedi fonda, erba' piedi twila u tliet piedi wiesgħa. Id-dħul għall-midfna kien minn fetħa rettangulari, żewġ piedi u seba' pulzieri għolja

  1. ^ "Ċensiment tal-Popolazzjoni u l-Akkomodazzjoni tal-2021" (bl-Ingliż). 21 November 2021. Miġbur 2 August 2025.
  2. ^ "Parroċċa ta' Ħ'Attard". L-Arċidjoċesi ta' Malta (bil-Malti). Arkivjat minn l-oriġinal fl-28 March 2025. Miġbur 2 August 2025.
  3. ^ "Ġeografija u Storja - Ħ'Attard". Kunsill Lokali Ħ'Attard (bil-Malti). Miġbur 2 August 2025.
  4. ^ "Malta in 1575". Vassallo History (bl-Ingliż). Miġbur 2 August 2025.
  5. ^ "Lija Local Council". Lija Local Council (bl-Ingliż). Miġbur 2 August 2025.
  6. ^ a b ċ d Frendo, Henry. "Attard - The Life of a Maltese Casale" (PDF) (bl-Ingliż). Miġbur 2 August 2025.
  7. ^ "Meaning of the name Attard". Wisdom Library (bl-Ingliż). Miġbur 2 August 2025.
  8. ^ "The Life of a Rural Village - Mosta Pastoral Visits" (PDF) (bl-Ingliż). Miġbur 2 August 2025.
  9. ^ a b "Parroċċa ta' Ħ'Attard". Arċidjoċesi ta' Malta (bil-Malti). Arkivjat minn l-oriġinal fl-28 March 2025. Miġbur 2 August 2025.
  10. ^ a b ċ Cassar, George (2019). "A Taste of the History, Culture and Environment of the Central Region of Malta" (PDF) (bl-Ingliż). Miġbur 3 August 2025.
  11. ^ "St. Anne Attard - Full History". Missio (bl-Ingliż). Miġbur 3 August 2025.
  12. ^ MUSEUM Ħ'Attard (1989). "Bidu". Il-MUSEUM f'Ħ'Attard 1919-1989 - 70 sena. p. 8.
  13. ^ "Sant'Anton Palace". President (bl-Ingliż). Miġbur 2 August 2025.
  14. ^ Ross, Victor (6 April 2005). "Papal monument". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 3 August 2025.
  15. ^ "About the Artist - Joseph Casha". Joseph Casha (bl-Ingliż). Miġbur 3 August 2025.
  16. ^ a b Casha, Joseph (25 May 2025). "35 Year Anniversary". Facebook (bl-Ingliż). Miġbur 3 August 2025.
  17. ^ Muscat, Joseph (1 November 2009). "He's got the world in his hands". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 3 August 2025.
  18. ^ a b ċ "PA funds new educational centre on footprint of former Attard railway station". The Malta Independent (bl-Ingliż). 2 February 2023. Miġbur 9 August 2025.
  19. ^ a b ċ d e f "Attard - A garden station". The Malta Railway (bl-Ingliż). Miġbur 9 August 2025.
  20. ^ "In Government Hands". The Malta Railway (bl-Ingliż). Miġbur 9 August 2025.
  21. ^ "Daily Malta Chronicle and Garrison Gazette - Death of L. Mercieca". The British Library Board (bl-Ingliż). 7 September 1900. Miġbur 9 August 2025.
  22. ^ "Plan showing in red the old railway station formerly acting as the Victory Kitchen in Attard". Arkivji Nazzjonali (bl-Ingliż). 29 February 1944. Miġbur 9 August 2025.
  23. ^ a b Galea, Owen (23 December 2019). "Ara x-xogħol li sar fuq l-embankment li kien jintuża mill-ferrovija f'Ħ'Attard". TVM News (bil-Malti). Miġbur 9 August 2025.
  24. ^ "New building at former Attard railway station to house library". Times of Malta (bl-Ingliż). 2 February 2023. Miġbur 9 August 2025.
  25. ^ Muscat, Gavin (2 February 2023). "Ċentru edukattiv minflok l-istazzjon tal-ferrovija f'Ħ'Attard". Newsbook (bil-Malti). Miġbur 9 August 2025.
  26. ^ Bonello, Stephen (6 April 2024). "Ringrazzjament minn Stephen Bonello". Facebook (bil-Malti). Miġbur 9 August 2025.
  27. ^ "Replica locomotive is centerpiece of newly-restored Attard railway station". Times of Malta (bl-Ingliż). 16 April 2024. Miġbur 9 August 2025.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]