Divorzju

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Id-Divorzju (jew xoljiment taż-żwieġ) huwa t-terminazzjoni tal-għaqda matrimonjali, li jħassar id-doveri u responsabbiltajiet legali taż-żwieġ u jħoll l-għaqda taż-żwieġ bejn il-partijiet. F'ħafna pajjiżi d-divorzju jenħtieġ ordni tal-qorti jew ta' xi awtorità oħra bi proċess legali. Il-proċess legali jista' jinvolvi ukoll kwistjonijiet ta' manteniment tal-mara u tat-tfal u t-taqsim tal-propjetà u tad-dejn.

F'ħafna pajjiżi tal-punent, id-divorzju ma jiddikjarax iż-żwieġ null, bħalma jiġri fl-annullament, iżda jħassar l-istatus ta' żwieġ li kellhom il-partijiet. Fejn il-monogamija hija fil-liġi, id-divorzju jħalli liż-żewġ partijiet li kienu miżżewġin jerġgħu jiżżewġu lil ħaddieħor. Il-liġijiet tad-divorzju jvarjaw ħafna madwar id-dinja. L-uniċi żewġ pajjiżi li ma jikkontemplawx divorzju fil-liġijiet tagħhom huma l-Istat tal-Belt tal-Vatikan u l-Filippini. F'Malta se jsir referendum fit-28 ta' Mejju 2011 biex il-Maltin jgħidu jekk iridux id-divorzju. Bejn l-1971 u l-2011, ħames pajjiżi Ewropej daħħlu d-divorzju: Spanja, l-Italja, il-Portugal, ir-Repubblika tal-Irlanda u Malta.

Il-Liġi tad-Divorzju f'Malta[immodifika | immodifika s-sors]

Kien hemm żewġ okkażjonijiet meta l-iktar li resaq viċin Gvern biex ipoġġi d-divorzju fuq l-aġenda. Fl-1975 meta il-Gvern Laburista ta' Dom Mintoff kien daħħal iż-żwieġ u l-annullament ċivili, il-liġi ipprovdiet ukoll biex il-qrati Maltin ikunu jistgħu jirrikonoxxu d-divorzji barranin. Il-Liġi imma naqset milli tagħti l-fakultà lill-qrati Maltin jamministraw id-divorzju huma. It-tieni okkażjoni wasslet fl-1998 meta l-Kummissjoni għall-Futur tal-Familja mwaqqfa mill-Prim Ministru Alfred Sant irrakkomandat li jidħol id-divorzju permezz ta’ vot ħieles fil-Parlament.

L-ewwel okkażjoni meta l-Parlament seta’ wasal biex jiddibatti liġi tad-divorzju kien qabel l-1996 meta fil-kapaċità personali tiegħu d-deputat Laburista Joe Brincat, li dakinhar ma kienx jifforma parti mill-Grupp Parlamentari Laburista, ippreżenta mozzjoni privata (Private Member’s Bill) biex ikun introdott id-divorzju għal dawk il-koppji li jkunu ilhom separati ħames snin. Il-mozzjoni privata qatt ma telgħet fuq l-aġenda tal-Parlament.

Kien hemm diversi okkażjonijiet oħra fejn Membri Parlamentari b’mod individwali esprimew pożizzjoni favur id-divorzju waqt xi dibattitu jew diskors fil-Parlament.

Fis-Sebgħinijiet kien hemm ukoll tentattiv mill-Għaqda Żgħażagħ Laburisti biex fil-Partit Laburista ssir diskussjoni dwar id-divorzju fid-dawl tal-bidliet ċivili li beda jipproponi l-partit imma l-isforzi sfumaw fix-xejn.

Alternattiva Demokratika pproponiet l-introduzzjoni tad-divorzju f’kull manifest elettorali sa mill-1992 lil hawn. Kien l-uniku partit politiku li tkellem b’mod ċar dwar il-ħtieġa li jiddaħħal id-divorzju fis-sistema legali.

Sa minn qabel il-ħatra tiegħu bħala mexxej tal-Partit Laburista f'Ġunju 2008, Joseph Muscat wiegħed kemm-il darba li fl-ewwel darba li jkun hemm Gvern Laburista hu personalment (Private Member’s Bill) kien se jressaq liġi tad-divorzju għall-approvazzjoni tal-Parlament.

F'Lulju 2008, il-Ministru tal-Politika Soċjali John Dalli qal li beħsiebu jqanqal dibattitu fil-Kabinett dwar il-bżonn li tiddaħħal liġi tad-divorzju. Kliem Dalli sab l-appoġġ tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi.

2011: Pullicino Orlando[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar is-6 ta' Lulju 2010, id-Deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando ressaq Private Member’s Bill fil-Parlament biex jiġi introdott id-divorzju. Dan seħħ wara li qabel l-elezzjoni tal-2008 kien hemm diversi drabi fejn l-imsemmi deputat wiegħed bil-fomm u kiteb fuq il-gazzetti li kien kontra l-istess divorzju. Traditur tal-kostitwenti tieghu.

Fl-istess jum, l-Ar­ċisqof Pawlu Cre­mona stqarr li l-Private Member’s Bill li ppreżenta dakinhar id-Deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando fil-Parlament kienet bħal sajjetta fil-bnazzi, peress li l-kwistjoni tad-dħul tad-divorzju ma saritx referenza għaliha fil-manifest elettorali taż-żewġ partiti l-kbar matul il-kampanja elettorali tal-aħħar Elezzjoni Ġenerali.

F'Nota Pastorali fis-17 ta' Ottubru 2010, li nqrat fil-parroċċi kollha, l-Arċisqof Cremona u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qalu li hija l-attitudni tagħna li trid tinbidel, u mhux iż-żwieġ. “Kieku Ġesù kien fostna llum u konna ngħidulu li fid-dinja kollha daħħlu d-divorzju, żgur li ma kinitx tinbidel it-tweġiba tiegħu. Kien jgħid li dak minħabba l-ebusija ta’ qalbna.” Qalu li l-ebda nisrani ma jista’ jippretendi li Ġesù kien iwieġeb li biex insaħħu ż-żwieġ, għandu jidħol id-divorzju. Wara d-divorzju, ma tistax titkellem iktar fuq żwieġ dejjiemi, stabbli, bħalma kien il-pjan ta’ Alla fil-bidu.

F'Novembru 2010 twaqqaf il-Moviment Iva għad-Divorzju, b'Deborah Schembri, ċerpersin tal-movimenti, u b'membri prominenti bħall-Membri Parlamentari Evarist Bartolo u Jeffrey Pulli­cino Orlando, iċ-Ċerpersin tal-Alternattiva Michael Briguglio u Yvonne Ebejer Arqueros mill-istess par­tit, l-eks Ministru Nazzjonalista Dr. Michael Falzon u Marlene Mizzi.

F'Jannar 2011 twaqqaf il-Moviment Żwieġ bla Divorzju b'esponenti bħal Dr. Andrè Camilleri u Dr. Anna Vella.

Fi Frar 2011, il-Partit Nazzjonalista ħa pożizzjoni kontra d-dħul tad-divorzju, iżda l-Prim Ministru Lawrence Gonzi ta vot ħieles lill-Membri Parlamentari Nazzjonalisti. Gonzi kien tal-fehma li minħabba li m'hemmx mandat elettorali biex jidħol id-divorzju, din id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-poplu.

Ir-Referendum[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar is-16 ta' Marzu 2011 tressqet mozzjoni tal-Oppożizzjoni quddiem il-Parlament dwar kif għandha tkun il-mistoqsija tar-referendum li se jsir fit-28 ta' Mejju 2011, jiġifieri “Taqbel mal-introduzzjoni tal-għażla tad-divorzju f’każ ta’ koppja miż­żewġa li tkun ilha sseparata jew tkun ilha ma tgħix flimkien għal mill-inqas erba’ snin u meta ma jkun hemm l-ebda tama raġjonevoli ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-miżżewġin, fil-waqt li jkun garantit manteniment adegwat u jkunu mħarsa t-tfal?” Din għaddiet għax ivvutat għaliha l-Oppożizzjoni kollha u żewġ Membri Parlamentari Nazzjonalisti, Jeffrey Pullicino Orlando u Jesmond Mugliett. Għar-Referendum tat-28 ta' Mejju ħarġu jivvutaw 232,691 persuna jew 73% ta' dawk li kellhom dritt jivvutaw.

Nhar id-29 ta' Mejju 2011, l-għada tar-Referendum, tħabbar li dan għadda b’maġġoranza ta’ 53.2%, b'distakk ta' 14,576 vot. Fi tliet distretti biss – minn 13 – kien hemm iktar minn ivvota kontra l-introduzzjoni tad-divorzju: it-8 Distrett (Birkirkara eċċ.) - 52% kontra, il-11-il Distrett (Mosta eċċ.)- 54% kontra u t-13-il Distrett (Għaw­dex), fejn kważi 70% tal-elettorat espri­ma l-pożizzjoni tiegħu kontra. F’xandira rrekordjata, il-Prim Mi­nistru Lawrence Gonzi qal li għalkemm ir-riżultat ma kienx dak li xtaq hu, ir-rieda tal-maġġoranza tal-poplu se tkun irrispettata u l-Parlament se jkun qiegħed iħejji biex jilleġiżla l-introduzzjoni tad-divorzju. Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Joseph Muscat sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet li fiha ddikjara li b’dan ir-riżultat, bdiet titwieled Malta differenti, Malta ġdida. Huwa wera ruħu sodisfatt li fil-ġimgħat li għaddew, tkellem fil-beraħ dwar il-pożizzjoni tiegħu, minflok għażel li jistaħba. Joseph Muscat qal li huwa kburi li għamel dak kollu li huwa sewwa, minflok għażel li jagħmel dak li kien ikun l-inqas politikament riskjuż u l-aktar politikament konvenjenti.

Fil-Parlament[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar it-13 ta' Lulju 2011, għadda mill-Parlament it-tieni qari tal-abbozz ta' liġi dwar id-dħul tad-divorzju f'Malta, b'44 vot favur, 13-il vot kontra u 12-il astensjoni. Il-Priministru Gonzi u l-Ministri kollha, barra wieħed (Joseph Cassar) ivvutaw kontra jew astjenew. Il-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni vvutaw kollha favur, ħlief Adrian Vassallo li vvota kontra u Marie-Louise Coleiro Preca li astjeniet. Tnax -il Membru Parlamentari Nazzjonalista vvutaw favur.

Nhar il-25 ta' Lulju 2011, b’maġġoranza ta’ 52 vot favur, 11-il vot kontra (Frederick Azzopardi, Jason Azzopardi, Tonio Borg, Giovanna De­bono, Louis Deguara, Beppe Fenech Adami, Austin Gatt, Lawrence Gonzi, Carmelo Mifsud Bonnici, Edwin Vassallo u Philip Mifsud) u 5 astensjonijiet, il-Parlament approva mill-istadju finali tat-Tielet Qari l-abbozz ta’ liġi dwar id-divorzju.

Il-liġi daħlet fis-seħħ fl-1 t'Ottubru 2011.

Nhar il-15 ta' Lulju 2011 il-Viċi Sindku ta' Tas-Sliema Cyrus Engerer irriżenja minn kull kariga fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u ingħaqad mal-Partit Laburista. Dan għamlu għax iddiżappunta ruħu għall-mod kif il-Prim Ministru vvota fil-parlament dwar it-tieni qari tal-abbozz tal-liġi dwar id-divorzju u "l-prinċipji u l-valuri liberali u demokratiċi tiegħi huma f'kunflitt mal-prattiċi li qed jippersistu fil-Partit Nazzjonalista".

Il-Liġi[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-liġi Maltija d-divorzju hu rregolat bl-artikoli 66A sa 66N tal-Kodiċi Ċivili ta’ Malta. Kull wieħed u waħda mill-miżżewġin għandu l-jedd illi jitlob id-divorzju jew il-ħall taż-żwieġ skont kif jingħad fil-Kodiċi Ċivili. Mhux meħtieg illi qabel ma jiġi mitlub id-divorzju, il-miżżewġin ikunu infirdu minn xulxin b’kuntratt jew b’sentenza. Id-divorzju jew ħall taż-żwieġ jingħata bis-saħħa ta’ sentenza tal-qorti ċivili kompetenti fuq talba ta’ parti jew l-oħra mill-miżżewġin, jew b’digriet tal-istess qorti fejn il-miżżewġin ikunu qablu illi ż-żwieġ tagħhom għandu jiġi maħlul. It-talbiet kollha għad-divorzju jinġiebu quddiem is-sezzjoni xierqa tal-qorti ċivili skont regolamenti magħmulin mill-Ministru responsabbli għall-ġustizzja. Id-digrieti u s-sentenzi tad-divorzju jingħataw fil-qorti fil-miftuħ. Il-qorti, fid-digriet jew sentenza ta’ divorzju, tindika b’mod ċar in-numru progressiv tar-reġistrazzjoni tal-Att taż-Żwieġ, u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-partijiet, u, tordna lir-Reġistratur tal-Qrati sabiex, fiż-żmien imħolli għal daqshekk mill-istess qorti, javża lid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku bid-divorzju tal-partijiet biex dan jiġi reġistrat fir-Reġistru Pubbliku.

Kondizzjonijiet meħtieġa għad-divorzju[immodifika | immodifika s-sors]

Id-divorzju ma jistax jingħata ħlief b’talba ta’ żewġ persuni miżżewġa flimkien jew ta’ waħda minnhom kontra l-oħra, u sakemm il-qorti tkun sodisfatta li: (a) fil-każ li t-talba tkun qed issir miż-żewġ konjuġi flimkien, fid-data li jibdew il-proċeduri ta’ divorzju,il-konjuġi jkunu għexu mhux flimkien għal perjodu ta’, jew perjodi li jammontaw għal, mill-anqas sitt xhur mis-sena preċedenti: Iżda fejn it-talba tkun qed issir minn konjuġi minnhom kontra l-ieħor, fid-data li jibdew il-proċeduri ta’ divorzju, il-konjuġi jkunu għexu mhux flimkien għal perjodu ta’, jew perjodi li jammontaw għal, mill-anqas sena mis-sentejn preċedenti; jew (b) fid-data li jibdew il-proċeduri ta’ divorzju, il-konjuġi jkunu separati b’kuntratt jew b’sentenza tal-qorti; u (ċ) ma hemm l-ebda prospett raġonevoli għal rikonċiljazzjoni bejn il-miżżewġin; u (d) il-miżżewġin u kull wild tagħhom qed jirċievu manteniment adegwat, fejn hu dovut, skont iċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom. Iżda l-miżżewġin jistgħu f’kull żmien jirrinunzjaw għad-dritt tagħhom ta’ manteniment; iżda wkoll il-manteniment ordnat mill-qorti b’sentenza ta’ separazzjoni jew miftiehem bejn il-miżżewġin f’kuntratt ta’ separazzjoni għandu jiġi meqjus bħala manteniment adegwat. Iżda wkoll id-divorzju ppronunzjat bejn persuni miżżewġin li kienu separati b’kuntratt jew b’sentenza ma jġib ebda bidla f’dak ordnat jew miftiehem bejniethom, ħlief għall-effetti tad-divorzju li joħorġu mil-liġi.

Pronunzjament ta’ divorzju[immodifika | immodifika s-sors]

Wara li l-qorti tkun qieset illi ċerti rekwiżiti ġew sodisfatti, il-qorti tisma’ u tiddeċiedi dawk it-talbiet imressqa mill-partijiet u tgħaddi biex tippronunzja d-divorzju bejn il-partijiet. F’każ ta’ talba għad-divorzju magħmula minn waħda mill-persuni miżżewġin, ma jkunx meħtieġ illi fit-talba għad-divorzju, il-persuna miżżewġa li tkun qiegħda tagħmel din it-talba tattribwixxi lill-parti l-oħra xi ħtija li wasslet biex issir dik it-talba. Fejn il-miżżewġin ikunu diġa sseparati b’kuntratt jew b’sentenza tal-qorti, il-persuna miżżewġa li tkun qed tagħmel it-talba għad-divorzju tista’ tressaq biss talba għall-ħall taż-żwieġ. Il-parti l-oħra tista’ tikkontesta din it-talba, jew billi tipprova illi l-persuna miżżewġa illi talbet id-divorzju ma tkunx ħallset il-manteniment dovut, kif ordnat mill-qorti jew miftiehem fil-kuntratt ta' separazzjoni u li kemm-il darba t-talba għad-divorzju tintlaqa’, tkun aktar diffiċli għall-istess parti l-oħra illi tikseb il-ħlas tal-manteniment. Il-qorti m’għandhiex tilqa’ t-talba għad-divorzju kemm-il darba xi waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet jiġu murija li huma tajba. Fejn il-miżżewġin ma jkunux isseparati b’kuntratt jew b’sentenza tal-qorti, il-persuna miżżewġa li tkun qed tagħmel it-talba għad-divorzju, flimkien mal-istess talba, tista’ tressaq it-talbiet kollha illi huma maħsuba illi jistgħu jsiru f’kawża ta’separazzjoni. Il-parti l-oħra tista’tressaq b’żieda għall-eċċezzjonijiet imsemmija, l-eċċezzjonijiet kollha illi dik il-parti setgħet tressaq f’kawża ta’ separazzjoni. Fejn il-miżżewġin ma jkunux isseparati b’kuntratt jew b’sentenza tal-qorti, il-qorti jkollha setgħat apposta dwar ordnijiet illi tista’ tagħti pendente lite. Fejn il-komunjoni tal-akkwisti jew il-komunjoni ta’ residwu taħt amministrazzjoni separata tkun waqfet, il-partijiet ikollhom dritt li f’kull każ, bi qbil bejniethom, jgħaddu għad-divorzju mingħajr ma jillikwidaw l-assi komuni ta’ bejniethom.

Konsegwenzi tal-ħtija ta’ parti[immodifika | immodifika s-sors]

Fejn il-qorti, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet issib illi l-parti l-oħra kienet ħatja li ġabet it-tifrik taż-żwieġ għar-raġunijiet maħsuba wkoll fl-eventwalità ta’ separazzjoni, il-qorti tista’tapplika mutatis mutandis kontra dik il-parti dak maħsub fil-każ ta’ separazzjoni.

Bdil minn proċeduri ta’ separazzjoni għal proċeduri ta’ divorzju[immodifika | immodifika s-sors]

Kull parti f’kawża ta’ separazzjoni, tista’ f’kull waqt matul dik il-kawża, iżda qabel ma l-kawża tiġi mħollija għas-sentenza, titlob b’rikors illi t-talba għas-separazzjoni magħmula f’dik il-kawża titqies minflok bħala talba għall-pronunzjament ta’divorzju. Meta ssir din it-talba, il-qorti tisma’ lill-partijiet biex tikkonstata illi l-kundizzjonijiet biex issir talba għad-divorzju huma sodisfatti. Il-qorti tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar din it-talba f’sentenza mogħtija fil-qorti bil-miftuħ, u minn dik is-sentenza ma jkun hemm ebda appell ħlief flimkien mas-sentenza finali. Kull dikjarazzjoni ta’ xhieda u dokumenti preżentati ma’kawża ta’ separazzjoni japplikaw għal meta din tiġi mibdula fi proċeduri ta’ divorzju. Dan mingħajr ħsara għall-possibilità ta’ kull parti li tressaq dokumenti u xhieda oħrajn fil-proċeduri ta’ divorzju marbutin mat-talba għad-divorzju. Fejn l-ebda parti ma tagħżel li tipproċedi skont kif ingħad u fejn tkun diġà saret talba għas-separazzjoni, u mill-inqas waħda mill-partijiet, wara li tkun saret dik it-talba, tagħmel talba għad-divorzju, it-talbiet għas-separazzjoni u għad-divorzju, f’kull każ, jinstemgħu u jiġu deċiżi flimkien mill-istess qorti, b’dana illi l-konnessjoni tal-kawżi tiġi applikata mill-qorti mingħajr ħtieġa li ssir ebda talba mill-partijiet. Kull parti, meta tagħmel talba għad-divorzju, tiddikjara bil-ġurament tagħha jekk dik il-parti jew il-parti l-oħra jkunux diġa għamlu talba għas-separazzjoni.

Dmirijiet tal-avukat tar-rikorrent[immodifika | immodifika s-sors]

L-avukat li jkun qed jippatroċinja lir-rikorrent, qabel ma jibda l-proċeduri ta’ divorzju fejn il-miżżewġin ma jkunux separati b’kuntratt jew b’sentenza tal-qorti, jiddiskuti mar-rikorrent il-possibilità ta’ rikonċiljazzjoni u jagħti lilu l-ismijiet u l-indirizzi tal-persuni kwalifikati biex joffru l-għajnuna fil-proċess ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-miżżewġin; u jassigura li r-rikorrent jaf bil-fakultà ta’ separazzjoni personali bħala alternattiva għad-divorzju. Ir-rikors li permezz tiegħu jinbdew il-proċeduri ta’ divorzju (a) fejn il-miżżewġin ma jkunux separati b’kuntratt jew b’sentenza tal-qorti, ikun akkumpanjat b’nota li fiha l-avukat jikkonferma li huwa osserva l-ħtiġiet tal-liġi; jew (b) fejn il-miżżewġin ikunu separati b’sentenza tal-qorti,ikun akkumpanjat minn kopja legali tal-istess sentenza ta’ separazzjoni jew, fejn il-miżżewġin ikunu separate b’kuntratt, ikun akkumpanjat minn kopja legali tal-kuntratt ta’ separazzjoni konsenswali. Iżda meta l-avukat li jkun qed jassisti lill-klijent fil-każ ta’divorzju ma jkunx ippreżenta n-nota imsemmija, il-kopja tas-sentenza ta’ separazzjoni jew tal-kuntratt ta’ separazzjoni konsenswali, kif ikun il-każ, l-avukat jippreżenta dawn id-dokumenti fil-qorti sa jew fl-ewwel smigħ tal-kawża.

Dmirijiet tal-avukat tal-intimat[immodifika | immodifika s-sors]

L-avukat li jkun qed jippatroċinja lill-intimat,kemm jista’ jkun malajr wara li jirċievi istruzzjonijiet mill-intimat dwar il-każ, fejn l-intimat u l-parti l-oħra ma jkunux separati b’kuntratt jew b’sentenza tal-qorti, jiddiskuti mal-intimat il-possibilità ta’ rikonċiljazzjoni u jagħtih l-ismijiet u l-indirizzi tal-persuni kwalifikati biex joffru l-għajnuna fil-proċess ta’rikonċiljazzjoni bejn il-miżżewġin. Fejn il-miżżewġin ma jkunux separati b’kuntratt jew b’sentenza tal-qorti, ir-risposta tal-intimat għar-rikors għad-divorzju għandha tkun akkumpanjata b’nota li fiha l-avukat jikkonferma li osserva l-ħtiġiet imsemmijin, iżda meta l-avukat li jkun qed jassisti lill-klijent fil-każ ta’divorzju ma jkunx ippreżenta n-nota imsemmija, l-avukat jippreżenta dik in-nota fil-qorti sa jew fl-ewwel smigħ tal-kawża.

Setgħat tal-qorti[immodifika | immodifika s-sors]

Fejn issir talba għad-divorzju lill-qorti ċivili kompetenti minn wieħed jew l-oħra mill-miżżewġin, jew miż-żewġ miżżewġin li jkunu qablu li ż-żwieġ tagħhom għandu jiġi maħlul, u fejn l-miżżewġin ma jkunux separati b’kuntratt jew b’sentenza tal-qorti, qabel ma l-qorti tagħti l-awtorizzazzjoni biex il-miżżewġin jipproċedu għad-divorzju, il-qorti għandha ssejjaħ lill-partijiet sabiex jidhru quddiem medjatur li jkun jew maħtur minnha jew bil-kunsens taż-żewġ partijiet u dan bil-għan li jsir tentattiv ta’rikonċiljazzjoni bejn il-miżżewġin, u fejn dik ir-rikonċiljazzjoni ma sseħħx, u fejn dawn ma jkunux diġa qablu bejniethom dwar il-pattijiet tad-divorzju, bil-għan li jgħin lill-partijiet biex jaslu għad-divorzju fuq bażi ta’ qbil. Dan il-qbil ikun dwar xi wħud, jew il-pattijiet kollha, minn dawn li ġejjin: (a) il-kura u l-kustodja tal-ulied; (b) l-aċċess taż-żewġ partijiet għall-ulied; (ċ) il-manteniment tal-miżżewġin, jew ta’ parti waħda minnhom, u ta’ kull wild; (d) ir-residenza fid-dar konjugali; (e) id-diviżjoni tal-komunjoni tal-akkwisti jew tal-komunjoni ta’ residwu taħt amministrazzjoni separata. F’kull proċedura ta’ divorzju quddiem il-qorti ċivili kompetenti magħmula fuq talba ta’ wieħed jew l-oħra mill-miżżewġin, jew miż-żewġ miżżewġin li jkunu qablu illi ż-żwieġ tagħhom jinħall, ukoll fejn il-miżżewġin ikunu separati b’kuntratt jew b’sentenza tal-qorti, il-qorti tista’, meta tħoss li hemm bżonn, jew minn jeddha, jew fuq talba tal-medjatur jew ta’ xi wieħed mill-miżżewġin: (a) taħtar avukat tat-tfal biex jirrappreżenta l-interessi tal-ulied minuri, jew min minnhom, tal-partijiet; u (b) tisma’ lill-ulied minuri, jew min minnhom, tal-partijiet fejn tqis li jkun fl-aħjar interess tagħhom li tagħmel dan. Iżda f’kull proċedura ta’ divorzju quddiem il-qorti ċivili kompetenti, il-qorti tista’ tordna lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-informazzjoni dwar ħlas ta’manteniment għall-ulied. Il-qorti tista’, fis-sentenza illi biha tilqa’ t-talba għad-divorzju u, fuq talba tal-parti illi matul is-smigħ tal-kawża ta’divorzju jkun dovut għaliha jew għall-ulied manteniment mingħand il-parti l-oħra, tordna illi l-ħlas tal-manteniment mill-parti l-oħrajiġi żgurat b’garanzija xierqa u raġonevoli skont iċ-ċirkostanzi tal-partijiet. Dik il-garanzija ma tkunx f’ammont li jeċċedi l-ammont ta’ manteniment għal ħames snin. Il-qorti tagħti din l-ordni biss fejn, mill-provi fil-kawża jirriżulta illi waqt is-smigħ jew qabel ma bdiet il-kawża, il-parti li kontra tagħha tkun qed tintalab il-garanzija kienet inadempjenti fl-obbligu tagħha tal-ħlas tal-manteniment, jew meta jkun hemm ċirkostanzi oġġettivi serji li juru l-ħtieġa ta’ din il-garanzija. Talba kif kontemplata f’danis-subartikolu tista’ wkoll issir f’kull żmien wara s-sentenza msemmija meta jkun dovut il-manteniment.

Provi inammissibbli[immodifika | immodifika s-sors]

Ebda komunikazzjoni verbali jew bil-miktub li tkun saret bejn il-miżżewġin, jew minn terza persuna fil-proċess ta’ tentattiv ta’ rikonċiljazzjoni jew biex jintlaħaq ftehim bejn il-miżżewġin dwar xi wħud minn, jew dwar il-pattijiet kollha, jew xi riferenza għaliha, ma tkun ammissibbli bħala prova waqt il-proċeduri ta’ divorzju.

Effetti tal-ħall taż-żwieġ[immodifika | immodifika s-sors]

Meta l-qorti ċivili kompetenti tippronunzja d-divorzju bejn il-miżżewġin, huma jkollhom id-dritt li jerġgħu jiżżewġu. Il-pronunzjament tad-divorzju m’għandu l-ebda effett fuq id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet bħala ġenituri fuq uliedhom jew fuq kull ftehim li jkun intlaħaq bejn dawk il-partijiet dwar il-kustodja ta’ uliedhom. Il-pronunzjament tad-divorzju m’għandu l-ebda effett fuq id-drittijiet ta’ terzi fir-rigward ta’ kull ftehim jew obbligu li diġa wettqu jew li għad iridu jwettqu l-partijiet iddivorzjati. Il-pronunzjament tad-divorzju għandu dawn l-effetti: (a) jispiċċa, għall-effetti kollha ċivili, l-obbligu tal-partijiet li jgħixu flimkien; (b) jispiċċaw id-drittijiet tal-miżżewġin għas-suċċessjoni ta’ xulxin, b’effett minn dakinhar meta d-digriet jew sentenza ta’ divorzju jkunu saru ‘‘res judicata’’.

L-effett ta’ żwieġ mill-ġdid[immodifika | immodifika s-sors]

Meta l-parti li tkun qed tirċievi l-manteniment, sew jekk bis-saħħa ta’ ordni tal-qorti kif ukoll jekk bis-saħħa ta’ kuntratt ta’separazzjoni, tiżżewweġ mill-ġdid jew tidħol f’relazzjoni personali li ġġib magħha obbligu ta’ manteniment favur tagħha mingħand terza persuna, tali parti tiddekadi mid-dritt li tirċievi l-manteniment li jkun jitħallas għaliha mingħand il-parti l-oħra fid-divorzju b’effett mill-ġurnata taż-żwieġ mill-ġdid jew mill-bidu ta’relazzjoni oħra. Dan japplika anke fil-każ li jkun ġie miftiehem bejn il-partijiet f’kuntratt ta’separazzjoni li l-ftehim dwar manteniment favur il-partijiet jew min minnhom, għandu jibqa’ validu u ma jistax jinbidel fil-każ ta’żwieġ mill-ġdid jew ta’ relazzjoni oħra kif fuq imsemmi ta’ dik il-parti li tkun qed tirċievi l-manteniment. Iżda l-ordni għall-manteniment li tkun ġiet ordnata jew awtorizzata mill-qorti li titħallas permezz ta’ somma globali favor il-parti li terġa’ tiżżewweġ jew li tkun bdiet relazzjoni oħra, tibqa’ fis-seħħ minkejja illi l-parti li favur tagħha tkun saret tiżżewweġ mill-ġdid jew tidħol f’relazzjoni oħra kif imsemmi.