Aqbeż għall-kontentut

Frans Sammut

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Frans Sammut
Ħajja
Twelid Ħaż-Żebbuġ, 19 Novembru 1945
Nazzjonalità Malta
Mewt Malta, 4 Mejju 2011
Familja
Ulied
Edukazzjoni
Alma mater University of Perugia (en) Translate
Università ta' Malta
Kulleġġ ta' San Alwiġi
Lingwi Malti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kittieb
Xogħlijiet importanti Bonaparte à Malte
L-Awtur Modern Nazzjonali ta' Malta, Frans Sammut, mal-bandiera Maltija - tmiem tas-snin 1960, bidu tas-snin 1970


Frans Sammut (Ħaż-Żebbuġ, 19 ta' Novembru 1945 - 4 ta' Mejju 2011) kien kittieb Malti.[1]

Frans Sammut studja fl-iskola primarja ta' Ħaż-Żebbuġ, fil-Kulleġġ San Alwiġi (sekondarja), f'St Michael's Teacher Training College, fl-Università ta' Malta (B.A., S.Th. Dip., M.Ed.), kif ukoll fl-Università ta' Peruġja (diploma li biha seta' jgħallem it-Taljan barra mill-Italja).

Frans Sammut daħal fix-xena letterarja lokali fl-aħħar tas-snin sittin meta flimkien ma' kittieba oħra waqqaf il-Moviment Qawmien Letterarju. Kien għad kellu biss 17-il sena meta rebaħ l-ewwel premju letterarju tiegħu meta flimkien ma’ kittieba żgħażagħ oħrajn kien ħa sehem f’konkors ta’ kitba ta’ novelli u t-tliet novelli li ssottometta kienu klassifikati fost l-ewwel erbgħa. Bejn l-1991 u l-1998 kien is-segretarju tal-Akkademja tal-Malti.

Frans Sammut fil-bidu tas-snin 70

Sammut ippubblika diversi xogħlijiet, fosthom l-aktar popolari Il-Gaġġa (1971), Samuraj (1974), li kien rebah Il-Premju Rothmans ghal-Letteratura u Il-Ħolma Maltija(1994).

Samuraj, l-ewwel pagna (manuskritt originali mill-arkivji tal-familja Sammut)

Dwar Il-Ħolma Maltija, il-kritiku letterarju Norbert Ellul-Vincenti kien qal fit-Times of Malta li fil-letteratura Maltija m'hemm xejn ta' dan il-livell: "There is nothing of this scale or stature in our literature." (M'hemm xejn fuq din l-iskala jew ta' din l-istatura fil-letteratura Maltija).[2] Iżjed tard il-Mondial Books ta' New York ħarġu traduzzjoni tar-rumanz Il-Ħolma Maltija li l-kittieba magħrufa Ingliża Marjorie Boulton sejħitlu "xogħol kolossali".

Huwa ppubblika xogħlijiet oħrajn fosthom Paceville, (1991) li bih rebaħ il-Medalja Letterarja tal-Gvern.

Xogħlijiet oħra

[immodifika | immodifika s-sors]

Sammut kiteb sensiela ta' stejjer qosra bl-isem ta' Labirint (1967), Newbiet (1998) u "Ħrejjef Żminijietna".

Apparti x-xogħlijiet letterarji, Sammut kiteb ukoll kitbiet storiċi bħal Ir-Rivoluzzjoni Franċiża: il-Ġrajja u t-Tifsira (1989), Bonaparti f'Malta (1997) li nqaleb ukoll għall-Franċiż, Dun Ġorġ - Il-Bniedem tal-Poplu (2001), On the Da Vinci Code [Dwar il-Kodiċi Da Vinci] (2006) u Alfred Sant: Il-viżjoni għall-bidla (2008).

Kien l-editur tal-Lexicon (2002) ta' Mikiel Anton Vassalli, li huwa meqjus bħala missier il-lingwa Maltija. Fl-2006, ħareġ ukoll il-ktieb tal-qwiel ta' Vassalli: Motti, Aforismi e Proverbii Maltesi (1828) bl-isem Għajdun il-Għaqal, Kliem il-Għerf u Qwiel Maltin.

Il-kotba ta' Frans Sammut jintużaw kontinwament fil-kurrikuli tal-iskejjel.

Sammut kiteb ukoll il-librett ta' diversi suċċessi mużikali. Ta' sikwit kien ikun mistieden jagħti konferenzi fuq temi ta' bixra letterarja u/jew storika.

Frans Sammut, L-Awtur Modern Nazzjonali ta' Malta

Sammut qaleb ghall-Malti xoghlijiet importanti tat-teatru: Phedre ta' Racine (Fedra) (1978) u The Lower Depths ta' Maxim Gorki, it-tnejn li huma ttellghu fit-Teatru Manoel diretti mill-poeta Mario Azzopardi.[3]

Meta kien qed jinqaleb Bonaparti f'Malta għall-Franċiż bħala Bonaparte à Malte, Frans Sammut kiteb mill-ġdid partijiet sħaħ tat-test Malti (arkivji tal-Familja Sammut).

Il-Professur Peter Serracino Inglott qal hekk fuq Frans Sammut:

Il-ġenju ta’ Sammut kien jinsab fil-ħila li kellu bħala ġullar Volterrjan li jittrasforma personaġġ storiku f’għamla ta’ libbies karnevalesk ta’ maskra li hija ironikament akbar mir-realtà. Il-qarrej jitwassal li jiddeverti billi jħares dritt f’wiċċ nies magħrufin li s-soltu jħares lejhom b’solennità sħiħa. Wieħed jitbissem daqslikieku kompliċi fid-dubji, il-ħmerijiet u t-terġiverżazzjonijiet tagħhom. Iċ-ċaqliqa stilistika min-narrattiva storika għal dik tal-istħajjil hija x'aktarx l-akbar sfida li jkun irid iħabbat wiċċu magħha kull tip ta' traduttur.[4]

L-Ambaxxatur Franċiż għal Malta Daniel Rondeau hekk iddeskrivieh lil Frans Sammut:

Xagħru abjad, għajnejh kbar, mustaċċi folti u bojod, samrani ħafna, ħafna f'saħħitha, awtur ta' Bonaparte à Malte.[5]
Process Vassalli, dramm imtella' fit-Teatru Manoel nhar il-20 u l-21 ta' Mejju 1982

Ħajja Personali

[immodifika | immodifika s-sors]
Frans Sammut f'nofs l-2010

Frans Sammut kien għalliem u għamel għoxrin sena kap ta' skola.

Bejn l-1996 u l-1998 kien il-konsulent tal-Prim Ministru (Dr. Alfred Sant) dwar il-kultura.

Sammut kien miżżewweġ lil Catherine mwielda Cachia u kellu żewġ ulied, Mark u Jean-Pierre.

Huwa n-nannu tal-kittieba Latvjana Katrine Sammut, li kitbet il-ktieb Pino un Maksis vieni mājās (2020).

L-aħħar kliem

[immodifika | immodifika s-sors]

L-aħħar kliem famuż tiegħu kien: “Dax-xahar jien u l-mara kellna mmorru Ġerusalemm, imma issa donnu l-pjan inbidel. Issa mid-dehra jien sejjer il-Ġerusalemm tas-Sema.”

Peter Serracino Inglott irreagixxa hekk meta sema' dal-kliem: "Kien f'dak il-waqt li fhimt li xi kultant id-dmugħ u d-daħq jistgħu jieħdu post xulxin."[4]

Premju Nazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

F'Mejju 2014, il-Ministeru tal-Edukazzjoni nieda l-Premju Frans Sammut għall-Ilsien Malti.[6]

Studju fl-Università

[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-rumanzi ta' Frans Sammut huma studjati fl-Università ta' Malta.[7]

Inkitbu teżijiet u studji dwar ir-rumanzi ta' Sammut.[8][9]

X'intqal dwar Frans Sammut

[immodifika | immodifika s-sors]
Folja mill-manuskritt ta' Ghajdun il-Ghaqal (2006), mill-arkivji tal-Familja Sammut

Amanda Busuttil It-Torċa 03.07.2011: Il-ħajja tiegħu bħala kittieb kienet kompleta ... dak li kiteb emmen fih u kkonvinċa lil ħaddieħor jemmen xi tfisser tkun Malti fidil għal artek.

Victor Camilleri il-mument 08.05.2011: Li kien jolqotni fix-xogħol ta’ Frans Sammut kien il-livell għoli ta’ ħsieb li fl-istess ħin kien b’mod li jinftiehem minn kulħadd u l-kapaċità tiegħu tassintesi: dik li fi ftit kliem jiddeskrivi sitwazzjonijiet u ċirkostanzi bi kliem mirqum iżda mhux bombastiku.

Anton Cassar l-orizzont 16.05.2011: ... kien bniedem ta’ intellett kbir, studjuż għaqli tal-Istorja u l-Letteratura Ewropea, speċjalment dik Franċiża, li fiha nibtu u twieldu l-kittieba Illuministi Franċiżi.

Joe Cassar il-mument 08.05.2011: ... Frans ħalla warajh wirt letterarju kbir li se jibqa’ jitgawda minn ġenerazzjonijiet sħaħ ...

Alfred Degarbiele It-Torċa 22.05.2011: Kien jemmen fil-qawwa tal-Ilsien Malti bħala għodda li hi tajba jekk tkun f’idejn imħarrġa u min jaf jużaha. Dejjem u kullimkien kien jitkellem dwar dan u, b’leħen li jaqilgħu, kien jikkonvinċini.

Patri Norbert Ellul Vincenti il-mument 08.05.2011: Lil Frans Sammut nafuh bħala molla taħraq ta’ enerġija u passjoni; minn ġewwa kien bniedem ġenwin, jaf jikkontrolla anki dak li jidher minn barra.

Aleks Farrugia It-Torċa 08.05.2011: L-għaxqa tiegħu jirrakkonta. Frans dejjem jirrakkonta. Anke l-aħħar darba li rajtu, fuq is-sodda tal-isptar, muġugħ, ma jistax jiċċaqlaq sew minħabba l-marda li ħakmitu, xorta waħda baqa’ jirrakkonta. Konna għadd ta’ ħbieb miġburin madwaru. Qalilna: ‘L-unika għafsa ta’ qalb li se nitlaq biha hija fuq kif qegħdin joqtlu l-Malti.’ Anke fit-tarf tat-triq, il-Malti baqa’ dejjem ewlieni fi ħsiebu. Xhur qabel konna tkellimna dwar l-aġġornamenti tal-Malti ... Fuq is-sodda tal-isptar reġa’ spjegalna. Fid-dettall. B’imħabba. B’għożża. Bil-ħsieb mirqum ta’ min studja u ħaseb qatigħ. Bil-ħila tal-imgħallem li dejjem baqa’ jitgħallem.

Joe Felice Pace The Sunday Times 22.05.2011: ... his mastery of the language and his inborn call to be a novelist ...

Victor Fenech il-mument 08.05.2011: Fil-kitbiet oriġinali tiegħu kien tassew metikoluż, u dan narawh fl-istil mirqum tax-xogħlijiet kollha tiegħu: ir-rumanzi, in-novelli u l-kotba ta’ riċerka.

Charles Flores Malta Today 08.05.2011: More than anything Frans couldn’t stand hypocrisy ... He always had that quality ... he could see through you ... He never rested on his laurels – intellectually speaking – and always sought to learn new things and develop his viewpoints.

Prof Henry Frendo The Times 10.05.2011: Warm and forthright, a worthy son of Ħaż-Żebbuġ, an ardent Francophile, and a potentially acid polemicist in his own right, a patriot, passionate as always, Frans had a command of English as much as of Maltese and he did not hold back any punches if he felt that he or someone else was being wronged.

Prof Oliver Friggieri il-mument 08.05.2011: Il-proża tiegħu hi dejjem eleganti, prudenti u meqjusa, immexxi mill-konvinzjoni moderna li l-letteratura għandha tibqa’ tagħti gost bix-xejriet letterarji tagħha waqt li tkun utli u istruttiva fl-aspett tal-kontenuti tagħha.

Francis Galea It-Torċa 08.05.2011: Waħda mill-akbar esperjenzi li xi ħadd seta’ jkollu ma’ Frans kienet li jaqbad suġġett partikolari u jiddiskutih miegħu. Bħala bniedem li jaqra u janalizza kulma jaqra, kont tibqa’ mistagħġeb kemm jidħol fil-profond u fid-dettall.

Sergio Grech In-Nazzjon 12.05.2011: ... kitba li tisfida l-bruda u toħloq reazzjoni fil-qarrej biex dan jimraħ aktar fi ħsibijietu u lilhinn minnhom.

Dr Adrian Grima Malta Today 08.05.2011: He will be remembered for the unyielding sensuality of his literary prose in Newbiet, the incorrigible egocentrism and machismo of some of his male characters, his unforgiving portrayal of the repressed puritan Sa Rożann, the deep anguish that lacerates Samwel, the harshness of Xandru the Poet violating the sacredness of the parish priest’s desk, the intuitions, ideals and sheer beauty of the language of Vassalli, the memorable opening scene of his novel Samuraj, and its denouement.

Joyce Guillaumier It-Torċa 15.05.2011: Fil-laqgħat li kien ikollna, kont bqajt impressjonata bil-mod dixxiplinat u metikoluż kif kien jaħdem ... Kien preċiż u attentissmu għal kull ma jagħmel u kien dejjem deċiż u awtorevoli. Il-fatt li kien saħħâr il-kelma, għenu mhux ftit biex dejjem iressaq il-boċċa qrib il-likk.

Partit Laburista maltastar.com 04.05.2011: Malta lost its modern national author. Labour MP Owen Bonnici described Frans Sammut as having earned for himself this title because of his stature in Maltese literature.

Partit Nazzjonalista maltarightnow.com 04.05.2011: The PN saluted Sammut describing him as a pillar of [Maltese] literature whose legacy will be enjoyed by entire generations.

Il-Kunsill Lokali ta' Haz-Zebbug ifakkar lil Frans Sammut, "awtur internazzjonali"

George Maggi il-mument 12.06.2011: Frans kien il-bniedem li minkejja l-għerf li l-Mulej għoġbu jagħtih, kien dħuli għax kien jaf jitkellem u fit-tul, ma’ kulħadd imqar ma’ dawk li mhux bħalu l-Mulej żejjinhom bid-don tal-għerf. U wkoll ma kellux kantunieri, l-abjad abjad u l-iswed iswed. Raġel tal-akbar reqqa.

Ġorġ Mallia il-mument 08.05.2011: Frans Sammut kien forsi l-aqwa rumanzier Malti tal-aħħar 40 sena tasseklu l-ieħor. Mhux biss kellu ħakma qawwija fuq il-proża li kien jikteb, imma daħal ukoll fil-fond tal-psike ta’ x’kienet is-soċjetà ta’ pajjiżna waqt il-kitba.

On Philip Mifsud (PN) In-Nazzjon 16.05.2011: Frans Sammut ... Żebbuġi u Malti rrispettat. Irrispettat minn kulħadd. Ukoll minn dawk li ma kinux jaqblu miegħu. Frans Sammut kien igawdi stima kbira. Lil Frans Sammut niftakru meta kont għadni student. ... Kont immur id-dar tiegħu, fl-ewwel kamra wara l-bieb ta’ barra, kamra ġmielha iżda ma kinitx tesa’ ktieb ieħor. Niftakar id-diskursati li ħafna drabi kien ikolli miegħu fejn bħala student kont nammira l-għerf tiegħu. Kont ukoll nimpressjona ruħi b’kemm kien jaqra. Frans Sammut kien il-prova li l-qari hu l-għajn tal-għerf. Għalkemm Frans żgur se jibqa’ mfakkar għall-kontribuzzjonijiet letterarji tiegħu, jien naf li kellu kapaċitajiet oħra, fosthom ta’ oratur tajjeb u kont nieħu pjaċir nisimgħu jitkellem.

ET Dr Ugo Mifsud Bonnici il-mument 08.05.2011: ... għalija l-konverżazzjoni miegħu kienet dejjem interessanti u stimolanti. Frans, barra mill-kittieb, kien karattru mimli ħajja, kontroversjali, ċajtier, formidabbli fil-kultura tiegħu.

On Dr Alfred Sant (PL) 1. It-Torċa 08.05.2011: L-istil ta’ kitba tiegħu, mhux l-anqas fil-għażla tal-kliem u idjomi, jagħti xhieda l-ħin kollu ta’ reqqa lingwistika li ma bħalha. Din x’aktarx trendi l-istil tiegħu superjuri għall-istil ta’ kull kittieb ieħor modern tal-Malti.

2. il-mument 08.05.2011 Frans Sammut kien bniedem kuraġġuż li wera impenn, intelliġenza u ħila fil-ħidmiet li daħal għalihom ... Kien difensur kbir tal-Ilsien Malti anki jekk ta’ sikwit kien iħoss lilu nnifsu bħala iżolat f’dil-missjoni.

Sensiela Kotba Soċjalisti l-orizzont 17.05.2011: Minn Frans aħna tal-SKS tgħallimna ħafna – mhux lanqas dwar kif bħala Dar tal-Pubblikazzjonijiet stajna naqdu d-dmir li bil-kotba li noħorġu nagħtu xhieda ħajja taċ-ċiviltà Maltija, kif inhi l-lum u kif kienet il-bieraħ.

Lino Spiteri The Sunday Times 08.05.2011: He was a vivid, robust character who lit up wherever he was active. Whether engaged in civil exchange of ideas or in heated debate, he always stood out as an electrifying personality. He was an intellectual in the true sense of the word, never at peace, always questioning, probing, researching, challenging ... the novel Il-Gaġġa ... has become an all-time classic.

Ġużè Stagno Malta Today 08.05.2011: I’d once heard him say that he had changed his name from ‘Frank’ to ‘Frans’ in a fit of patriotism. ... Sammut gave us Il-Gaġġa, one of the greatest Maltese novels of all time.

Dr Mario Vella The Times 09.05.2011: Mr Sammut[’s] first novel – certainly a milestone in Maltese literature …

Alex Vella Gera Malta Today 08.05.2011: I was immediately drawn to him, his presence, his sense of humour, and his extensive knowledge not only of the Maltese language but of its history ...

Anton Azzopardi Żebbuġ Business Association Newsletter 12.2011: Even a casual conversation about his pet dog, Skipette, would elicit a glitter in his eyes that would be strongly accentuated by body gestures reminiscent of the best conductors the world stages can throw at us. Frans was open and sincere, if equally argumentative ... Thank you Frans, for having been exactly what you were: larger than life.

Il-Premju Letterarju tal-Gvern ta' Malta moghti lil Frans Sammut fl-1991 ghar-rumanz Paceville
Il-Premju Letterarju tal-Gvern ta' Malta moghti lil Frans Sammut fl-1995 ghar-rumanz Il-Ħolma Maltija

Lista ta' xogħlijiet

[immodifika | immodifika s-sors]
Fedra, 1978.
  • Labirint u Stejjer Oħra (novelli) 1968
  • Il-Gaġġa 5 edizzjonijiet (rumanz) 1971 – sar film, Gaġġa dirett minn Mario Philip Azzopardi 1971 (KKM, Argo)
  • Logħba Bejn Erbgħa (novella twila) 1972
  • Samuraj 3 edizzjonijiet (rumanz) 1975 (Aquilina, KKM, Merlin)
  • Kristu fil-Poeżija Maltija 1913-1973 (dissertazzjoni li qatt ma kienet ppubblikata, Università ta' Malta) 1977
  • Fedra (traduzzjoni ta' Phèdre ta' Racine) 1978
  • Il-Qtil fi Sqaq il-Ħorr (novella twila) 1979 (SKS)
  • Il-Proċess Vassalli (dramm) 1980
  • Il-Mixja tal-Ħaddiem lejn il-Ħelsien (analiżi politika) 1982 (SKS)
  • Ir-Rivoluzzjoni Franċiża: il-Ġrajja u t-Tifkira (analiżi storika) 1989 (SKS)
  • Paceville (rumanz) 1991 (Merlin)
  • Letteratura (ed. Toni Cortis)(kritika letterarja) 1992 (Ministeru tal-Edukazzjoni)
  • Il-Ħakma ta' Monroj (opra popolari, librett) 1993
  • Il-Ħolma Maltija (rumanz) 1994, 2012[10] (SKS), maqlub għall-Esperanto bħala La Malta Revo, pubblikat fi New York, 2007
  • Mannarinu! (opra popolari, librett) 1993
  • L-Atti tal-Appostli (opra popolari, librett) 1995
  • Bonaparti f’Malta (analiżi storika) 1997 (SKS), maqlub għall-Franċiż bħala Bonaparte à Malte, b'daħla ta' Dr Paul Borg Olivier, 2008 (Argo)
  • Newbiet (novelli) 1998 (illustrazzjonijiet: Giovanni Caselli) (Toni Cortis)
  • Ħrejjef Żminijietna (novelli) 2000 (illustrazzjonijiet: Giovanni Caselli) (SKS)
  • Dun Ġorġ: Il-Bniedem tal-Poplu (tema storika u reliġjuża) 2001 (SKS)
  • Ġrajjet Ħaż-Żebbuġ (analiżi storika) (traduzzjoni tal-ktieb ta' Dun Salv Ciappara) 2001 (Kazin 12 ta' Mejju)
  • Lexicon (ta' Mikiel Anton Vassalli) 2002 (SKS)
  • Għala Le għall-UE (analiżi politika) 2003 (SKS)
  • Ħarsa mill-qrib lejn ħajjet San Filep u l-Kult tiegħu (tema storika u reliġjuża) 2004 (Kazin 12 ta' Mejju)
  • Ġrajjet it-Tagħlim f'Malta, Vol. 1 (storiku) 2004 (Familja Sammut)
  • On The Da Vinci Code/Dwar The Da Vinci Code (kritika letterarja) 2006 (Argo)
  • Għajdun il-Għaqal, Kliem il-Għerf u Qwiel Maltin (traduzzjoni tal-ktieb ta' Mikiel Anton Vassalli) 2006 (Argo)
  • I Giovanniti: La Storia dei Cavalieri di Malta [L-Istorja tal-Kavallieri ta' Malta] (storjografija) 2006, 2015 (Bonfirraro Editore, Italja)[11]
  • Alfred Sant: Il-Viżjoni għall-Bidla (analiżi politika) 2008 (SKS)
  • Introduzzjoni għad-Dizzjunarju tal-Baruni Vincenzo Azopardi li fiha janalizza l-Kantilena ta' Caxaru (kritika letterarja, lingwistika) 2009 (Għaqda tal-Malti - Università)
  • Cagliostro: La doppia vita e l'intrigo maltese (storjografija) 2006, 2017 (Bonfirraro Editore, Italja)
  1. ^ Benoit, Marie (2 March 2008). "Plain Speaking". web.archive.org - INDEPENDENT online (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-03-15. Miġbur 2021-07-07.
  2. ^ Ellul Vincenti, Norbert (il-11 ta' Mejju 1994): "Vassalli's Maltese Dream", The Sunday Times (Malta), p. 20.
  3. ^ Azzopardi, Mario: "In Memoriam: Frans tal-Gaġġa u Ġerusalemm l-oħra" in In-Nazzjon l-14 ta' Ġunju 2011.
  4. ^ a b Peter, Serracino Inglott. "Inheritance of icons". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-07.
  5. ^ Daniel Rondeau, Malta Hanina, Gallimard 2012, p. 172.
  6. ^ "It-tieni edizzjoni tal-premju Frans Sammut - TVM" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-07.
  7. ^ Malta, L.-Università ta'. "Study-Unit Description - Courses". L-Università ta' Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-07.
  8. ^ Inizjamed (2016-03-03). "Big Torino 2000 - Bernard Micallef". web.archive.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-03. Miġbur 2021-07-07.
  9. ^ "Archive copy" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2016-03-03. Miġbur 2015-06-16.Manutenzjoni CS1: kopja arkivjata bħala titlu (link)
  10. ^ "franssammut.info". ww12.franssammut.info. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-07-09. Miġbur 2021-07-07.
  11. ^ "Archive copy". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-11-05. Miġbur 2015-11-05.Manutenzjoni CS1: kopja arkivjata bħala titlu (link)

Ħoloq Esterni

[immodifika | immodifika s-sors]