Mikiel Anton Vassalli

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
Mikiel Anton Vassalli
Vassalli.jpg
M'hemmx ritratt komtemporanju ta' M.A. Vassalli. Din hi pittura immaġinarja ta' Raymond Pitrè li infatti m'għandha bażi ta' xejn
Ħajja
Twelid Ħaż-Żebbuġ, 5 Marzu 1764
Nazzjonalità Malta
Mewt Malta, 12 Jannar 1829
Post tad-dfin Ċimiterju tas-sur tal-Imsida
Edukazzjoni
Alma mater La Sapienza
Lingwi Malti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni lingwista
traduttur
Traduttur tal-Bibbja
politiku
Impjegaturi Università ta' Malta

Mikiel Anton Vassalli (Ħaż-Żebbuġ, 5 ta' Marzu 1764 – 12 ta' Jannar 1829), magħruf bħala Missier l-Ilsien Malti, minħabba l-kontribut kbir li ta biex il-Malti jkun lingwa nazzjonali.

Tfulija[immodifika | immodifika s-sors]

Semmewh Mikiel għal missier missieru u Anton għal missier ommu. Fuq tfulitu nafu li meta kien għad kellu sentejn, missieru miet fl-għomor ta' 32 sena, u li erba' snin wara, ommu reġgħat iżżewġet lil Gejtan Mifsud, bin Ġużeppi, gabillott minn Ħaż-Żebbuġ ukoll. Nhar it-8 ta' Mejju 1774 Mikiel Anton għamel il-Griżma tal-Isqof waqt żjara pastorali tal-Isqof Pellerano. Il-parrinu tiegħu kien il-Markiż Mikiel Apap. Fl-1785 huwa ngħata premju mill-iskola tal-Għarbi ġewwa l-Belt.

Billi l-familja tiegħu riditu jsir qassis bagħtuh is-Seminarju. Huwa malajr wera l-ħiliet tiegħu u għalhekk issokta l-istudji tiegħu f'Ruma fejn tħarreġ tajjeb fil-Latin u t-Taljan iżda l-iktar fl-ilsna semitiċi li ma damx ma sar professur tagħhom. Vassalli kien jemmen li l-akbar ħtieġa li kellu l-poplu Malti kienet li jgħolli lilu nnifsu billi jintebah min hu, jitgħallem sew ilsienu għax fih jinsab il-qofol ta' ħajtu u permezz ta' lsienu jsir midħla tal-ideat progressivi li bihom il-ġnus Ewropej kienu qed jagħmlu passi ta' ġgant 'il quddiem. Vassalli, fil-kitbiet tiegħu, ħajjar lill-Maltin

iwarrbu d-dalma ta' l-injoranza, ikissru l-ktajjen ta' fehmiet imqarrqa u ta' deni.

Għaldaqstant ħa sehem fit-tkeċċija tal-Kavallieri minn Malta favur il-ħakma Franċiza, u għalhekk intefa' l-ħabs mill-Kavallieri fil-forti Rikażli fejn dam sentejn sakemm inħeles minn Napuljun li laħħqu Ajjutant biex isoddlu ħalqu. Għall-għerf li bih kien imżejjen u għall-ħidma li ħadem favur il-Franċiżi kien ħaqqu jiġi mħallas b'xi ħaġa aħjar. Meta l-Ingliżi waslu Malta tefgħu lil Vassalli mill-ġdid fil-ħabs "fuq suspett li hu miftiehem mal-għedewwa". Huwa qatta' sena fil-qorti Kapitanali tal-Imdina sakemm marad u ħaduh fl-isptar tad-Dumnikani tar-Rabat. Jingħad li lanqas fl-isptar ma fdawh għax rabtulu siequ b'katina tal-ħadid mas-sodda. Xahar wara, eżiljawh fi Franza għal dejjem bħala Ġakbin.

Iżda għoxrin sena wara, fl-1820, Vassalli wasal lura Malta, għajjien u nieqes minn mezzi ta' għixien għalih u għal uliedu. B'xorti tajba, Vassalli għamel ħbieb ma' John Hookham Frere, il-President tal-Kunsill tal-Università li bis-saħħa tiegħu sar l-ewwel professur tal-Malti fl-Università. B'riħet Frere, Vassalli sab għajnuna mingħand iċ-Church Missionary Society li kienet knisja Protestanta u li kienet waqqfet ċentru f'Malta mnejn tqassam il-Bibbja f'ilsien il-poplu. Vassalli ġie fdat bit-traduzzjoni tal-Vanġeli, bil-wegħda li jistampawlu wkoll il-grammatika riveduta tiegħu tal-Malti. L-għan tat-traduzzjoni tal-Vangeli ma kienx reliġjuz iżda biex il-Maltin isiru midħla tal-Malti. Iżda meta miet fit-12 ta' Jannar 1829, il-Kappillan ma riedx jagħtih difna Kattolika minħabba l-kolloborazzjoni tiegħu mal-Protestanti għalkemm Vassalli qatt ma sar membru tagħhom, kif kitbet l-istess knisja Protestanta:

Billi Vassalli qatt ma stqarr li hu protestant aħna ridna nidfnuh f'post tad-dfin ta' l-Insara Kattoliċi.

Billi ħbiebu l-Protestanti ma xtaqux li l-katavru tiegħu jindifen f'post imwarrab, li ma kienx jixraqlu, ħadu ħsieb huma u difnuh f'wieħed miċ-ċimiterji tal-Ingliżi li qegħdin taħt it-trunċieri tal-Furjana li jħarsu faċċata ta' Lazzarett.

Vassalli emmen b'qawwa kbira fil-lingwa Maltija, fejn f'waħda mill-kitbiet tiegħu hu jistqarr,

...imma jien, dan l-ilsien tagħna, li hu lsien art twelidi, u n-natura għalija, ma nafx u ma nistax insejjaħlu ħaġa oħra ħlief Malti.

L-Illuminiżmu u r-Romantiċiżmu ta' Vassalli[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-Romantiċiżmu, li nistgħu ngħidu li sar moviment għalih minn madwar nofs is-seklu tmintax, beda jikxef l-identita` tal-wirt mhux stmat tal-poplu. Introduċa viżjoni radikali tal-ħajja li permezz tagħha neħħa kemm seta’ l-qasma bejn iż-żewġ espressjonijiet ta’ poplu wieħed maqsum fi klassi kolta u klassi baxxa. Ir-Romantiċiżmu adotta l-prinċipju illuministiku tad-“demokratizazzjoni tal-kultura”. Vassalli, kellu propju dan l-ispirtu illuministiku (jew preromantiku) iżda kiseb għarfien ukoll mir-Romantiċi tar-Risorġiment Taljan bħala “eroj tagħhom”. Filwaqt li Oliver Friggieri qiegħed lil Vassalli fil-kwadru Romantiku, Frans Sammut jipproponi l-kwadru iżgħar ta’ l-Illuminiżmu, għad li fl-istess ċirku Romantiku.

Fi kliem Kant, l-ispirtu tal-Illuminiżmu jinġabar fil-motto, “Sapere aude! Kun qlubi biżżejjed biex tuża dehnek!” L-għan aħħari kellu jkun l-“hena tal-bniedem”. Fil-“Lexicon”, Vassalli jidher ispirat minn din il-filosofija meta jikteb li “t-trawwim tal-ilsien li jittieħed mill-omm huwa mmela meħtieġ l-ewwelnett għat-tagħlim. Dan hu l-għan ewlieni li għandu jkollha nazzjon, għaliex fuqu jistrieħ l-hena ta’ kulħadd”. Il-konvinzjoni ta’ Locke li l-bniedem jitwieled tabula rasa, lest biex jitgħallem kollox, u li huwa tort tal-ambjent li jitwieled fih li wieħed ma jsirx tajjeb, kompla għaddab lil Vassalli għall-ħakkiema li ma ridux jgħallmu lin-“nazzjon” għax kien jaqblilhom iħalluh fil-għama. Fuq kollox, ra li t-tagħlim seta` jseħħ biss f’ilsien il-poplu, jiġifieri bil-Malti. Il-Maltin ma setgħux jagħmlu parti mis-“seklu li fih l-oqsma ta l-arti u x-xjenzi mxew tant ’il quddiem” jekk ma jitgħallmux ilsienhom, għax minħabba f’hekk la setgħu jitgħallmu ilsna oħra u lanqas it-tagħlim li setgħu jiksbu bihom.

Sehem l-intelletwali fil-moviment illuninistiku kien fenomenu ġdid għax għall-ewwel darba l-intelletwali taw sehem ċivili fil-ġlieda kontra l-ordni soċjali. L-intelletwali tal-imgħoddi kienu jbaxxu rashom għas-slaten u jaħarbu f’dinja ta’ ħolm, filwaqt li l-intelletwali illuminista huwa fittiex tal-veritàu tal-ħelsien, riformatur konxju li qed jagħmel sehem minn “klassi” li dmirha kien li tmexxi lis-soċjeta`. “Vassalli ddakkar mill-ispirtu ta’ żminijietu”, jgħid Cremona. Meta Napuljun niżel Malta, lil Vassalli sejjaħlu “Ġakobin” għax kien ħabib tar-Rivoluzzjoni Franċiża li riedet tbiddel lis-soċjetà mill-qiegħ. Vassalli, bħal kull riformatur ewlieni tas-soċjeta`f’kull żmien, ħadha kontra l-ħakkiema ta’ żmienu, li kienu l-Ordni tal-Kavallieri, għamel ħafna ħbieb u ħafna għedewwa u ovvjament pattieha qares. Ta’ min jinnota li l-Ordni tal-Kavallieri, li oriġinarjament kien ordni religjuż-ospitalier, meta ntebaħ x’setgħa u xi privieġġi għandu fuq il-gżira u l-abitanti tagħha, inbidel f’reġim despotiku, ħabib tal-ancien regime u tas-Slaten tal-Ewropa.

Frans Sammut jistħarreġ u jgħarbel it-termini li Vassalli juża fil-kitbiet tiegħu, l-aktar id-“Discorso Preliminare” u “Stedina”. Fid-“Discorso”, isejjaħ għall-ewwel darba “nazione” lill-Maltin bħala poplu, u wkoll “concittadini”, terminu Repubblikan. Ir-“raġuni” hija dik li tmexxieh f’xogħlu u jistenna li min se jikkritikah jagħmel dan b’mod raġunat, u mhux biss sempliċiment jopponi iżda biex “ipoġġi l-verita` f’dawl aktar ċar”. Vassalli jinqeda bit-termini in voga li jieħdu saħħithom mill-miti tas-seklu biex iċanfar bil-qawwa kollha lil min qed iħalli lin-nazzjon fl-injuranza. Bħala Illuminista u neo-klassiċista, kif isejjaħlu Sammut, Vassalli ried iħaffer, bħalma għamlu l-arkeoloġi fl-Eġittu, biex isib nisel il-Malti fl-ilsna orjentali qodma.

F’argumentazzjoni illuministika interessanti, Vassalli jistaqsi: Jekk id-djaletti tal-Italja, fosthom dak ta’ Ragusa, jingħataw importanza mil-letterati, għaliex il-Malti le? Iżda Sammut, li jqis lil Vassalli iktar bħala Illuminista milli bħala Romantiku, jaċċenna għall-qasma bejn Vassalli u dawk ta’ żmienu b’għeruqhom fil-bidu tas-seklu dsatax, għall-fatt li Vassalli jħalli barra għal kollox x’kien se jfisser djalett wieħed, it-Toskan, iżjed tard it-Taljan, għall-unifikazzjoni tal-Italja li ġiet iżjed tard. Skond Sammut, aktarx li r-Romantiċi Maltin ma wirtux l-ideat mingħand Vassalli iżda mxew “fuq l-eżempju tar-Romantiċi Taljani”. Sammut jagħlaq il-kontribuzzjoni tiegħu fil-“Journal of Maltese Studies” billi jsostni li, “permezz ta’ Vassalli Malta ssieħbet, għall-inqas moralment, fl-Illuminiżmu li ħakem lill-Ewropa u ħariġha mid-dlam tal-Fewdaliżmu. Biż-zmien tagħlim Vassalli qabad l-art u minn għeruqu xxittlet siġra li kibret fil-ġnien intelletwali tal-Punent”.

Friġġieri jara f’Vassalli “It-Tnissil ta’ Kuxjenza Nazzjonali” li fuq kollox hija l-qofol tar-Romantiċiżmu li minnu twieled in-nazzjonaliżmu. Vassalli li studja fl-Ewropa ta’ żmienu, kien konxju li Malta ma tistax tibqa’ iżjed iżolata għax hija parti mill-Ewropa. Il-preżenza kulturali Taljana f’Malta ġabet magħha l-mewġa tal-Illuminiżmu u tar-Romantiċiżmu. Għall-kuntrarju tal-Illuminiżmu, ir-Romantiċiżmu beda jħares lejn l-individwu-ċittadin bħala l-qofol ta’kollox u dan “it-twemmin fil-poplu sar reliġjon u l-idejal ġdid tal-ħelsien tbiddel fi pjan ta’ fidwa għan-nazzjonijiet mhux ħielsa”. B’hekk twieled in-nazzjonaliżmu.

Vassalli huwa l-prekursur jew il-ħabbar ta’ din il-kuxjenza radikali li iktar tard saret moviment politiku u letterarju. In-nazzjonaliżmu romantiku ta importanza kbira lill-lingwa nazzjonali bħala mezz siewi ta’ għaqda popolari, u għalhekk ma setax jonqos li Vassalli jisħaq fuq il-bżonn tal-ilsien Malti u ma jarax fih il-valur lingwistiku li nqisu llum, iżda valuri politiċi u soċjali. Għal ħafna kittieba u filosofi Romantiċi, lingwa kienet tfisser nazzjon, u għalhekk l-għarfien tagħha ma setax jibqa' oġġett privat ta’ l-istudju, iżda kellu “jinfetaħ u jieħu wkoll xejriet politiċi diretti”. Iżda Vassalli, bħal kull riformatur ieħor tas-soċjeta` Maltija, “għal żmien twil kellu jibqa’ leħen solitarju, moħħ akbar minn żmienu”.


U tabilħaqq Vassalli immudella r-riforma tiegħu fuq esperjenzi ta’ artijiet oħra. Bena kollox fuq il-kultura li mingħajra m’hemmx riforma politika. U b’kultura kien qiegħed jifhem l-aktar l-għarfien lingwistiku u letterarju. Kif jgħid Friggieri, “dan ukoll hu wirt illuministiku u romantiku, żewġ kulturi li integraw b’saħħa kbira lill-kelma u l-arti tagħha fil-kumpless tal-ħajja ċivili u politika”. Qabel ma Vassalli seta’ jibdel l-ilsien Malti, monument ta’ qedem, “f’emblema ta’ għaqda fil-preżent u fi standard ta’ kburija storika”, ried jagħti fiduċja u jispira lill-Maltin biex iħossuhom nazzjon. Dan għamlu bid-diversi kitbiet tiegħu bit-Taljan (l-ilsien tal-kultura) dwar il-Malti (l-ilsien poplari), u b’hekk beda mixja twila li tkompliet mill-kitbiet bennejja tal-letteratura Maltija li ġew warajh bħal Ġan Anton Vassallo, Ġużè Muscat Azzopardi, Dun Karm u Ninu Cremona li wasslet biex il-Malti jingħata għarfien uffiċjali, isir l-ilsien kulturali tal-poplu kollu u għodda tajba għal-letteratura.

Xogħlijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Għall-ewwel, Vassalli beda jiġbor il-proverbji (qwiel) tal-Maltin biex minnhom joħroġ il-bixra storika tal-gżejjer Maltin. Fl-1828, ippubblika “Motti, aforismi e proverbii maltesi”, li bihom fittex “li jinterpreta l-identità popolari skond kif il-kotra taħseb u mbagħad tirrifletti bil-għaqal f’sentenzi li jintirtu minn nisel għal ieħor u li jiġbru fihom l-għerf tal-poplu li ma jinqediex bil-kelma miktuba”. Permezz ta’ din it-tradizzjoni orali ried jasal għal tradizzjoni miktuba. Bħar-Romantiċi, Vassalli ried dinjità u attenzjoni lill-wirt qadim iżda mwarrab bħalma kienet l-għana, il-qwiel u l-idjomi. Din il-kuxjenza ta’ għarfien tal-kultura popolari fid-dawl tal-kultura ġdida kienet il-kuxjenza li dejjem mexxiet lil Vassalli.

Frans Sammut u t-traduzzjoni tal-Qwiel Maltin ta' Vassalli, 2006

Fost il-kitbiet tiegħu nsibu l-Alfabett Malti Mfisser bil-Malti u bit-Taljan, Alfabeto Maltese spiegato in lingua maltese e italiana, fuq ktejjeb ta' 24 faċċata li kien mibjugħ fl-istamperija ta' Antonio Fulgoni.

Vassalli kiteb ukoll l-ewwel dizzjunarju Malti, dan kien magħruf bħala Lexicon (lessiku), li kien ippublikat fl-1796. Dan id-dizzjunarju kien fih madwar tmintax-il elf kelma; kull kelma kienet spjegata bil-Latin imbagħad bit-Taljan. Riċentament, il-Lexicon reġa' ġie ippublikat minn Frans Sammut u mitbugħ fil-Marsa Press.

Vassalli llum[immodifika | immodifika s-sors]

Illum il-ġurnata, Mikiel Anton Vassalli jitqies bħala ħassieb u riformatur, kif ukoll bħala ribell u studjuż li lemaħ fil-bogħod u sa minn kmieni l-qawmien għaqli tan-nazzjonalità Maltija.

Fl-1994, l-awtur Frans Sammut ħareġ ir-rumanz Il-Ħolma Maltija, dwar il-ħajja ta' Vassalli, rumanz li ħafna kritiċi jqisuh li huwa fost l-aqwa jekk mhux l-aqwa rumanz bil-Malti li nkiteb s'issa.

Dawl ġdid fuq Vassalli huwa ktieb ieħor li jitratta dwar kitbiet li saru fiż-żminijiet li fihom għex Mikiel Anton Vassalli u li setgħu kienu xogħolijiet tiegħu.

Il-figura ta' Vassalli saret l-oġġett ta' attenzjoni mhux biss akkademika iżda wkoll letterarja u politika. Numru ta' storiċi fittxew tagħrif dwaru bħala bniedem, oħrajn l-aspetti ta' ħidmitu fil-politika u l-kultura u oħrajn xeħtu dawl fuq il-qofol ta' ħsibijietu fejn tixref il-viżjoni ta' nazzjon modern u ħieles.

Fid-daħla għal raħal twelidu llum jinsab monument tiegħu, quddiem Bieb de Rohan.

Kronoloġija ta' ġrajjiet minn ħajtu[immodifika | immodifika s-sors]

5/3/1764 Jitwieled f’Ħaż-Żebbuġ, it-tieni iben ta’ Grabiel u Katerina

1785 Vassalli m’għadux ma’ niesu ħaż-Żebbuġ. Jitgħallem l-Għarbi taħt Dun Ġużepp Calleja, il-Belt Valletta. Rebbieħ tal-premju tal-Għarbi, f’Lulju jitla’ Ruma jissokta l-istudji tiegħu.

1790 Vassalli magħruf bħala Professur tal-Ilsien Sirjakk f’Ruma. Jippubblika f’Ruma l-Alfabett Malti Mfisser bil-Malti u bit-Taljan.

1791 Jippubblika f’Ruma ukoll, il-Grammatika Maltija tiegħu.

1795 Jikteb lill-Gran Mastru De Rohan u jitolbu l-permess biex jiftaħ skola għat-tagħlim tal-Malti. Jidħol sew fil-qasam politiku.

1796 Jippubblika f’Ruma ukoll il-Lexicon li fid-daħla tiegħu jesprimi l-fehmiet soċjali, lingwistiċi u politiċi tiegħu.

11/5/1797 Tinkixef il-konfoffa kontra l-Gvern tal-Ordni tal-Kavallieri, u Vassalli, meqjus bħala l-mexxej tagħha, jisfa arrestat u mressaq quddiem tribunal maħtur għal dan il-għan.

12/6/1797 Vassalli jinstab ħati u jintbagħat għomru l-ħabs. Jagħlquh ir-Rikażli minn fejn x’aktarx ħarrbuh ħbiebu għaxar xhur wara u ħaduh l-Italja t’Isfel.

10/6/1798 Vassalli ħieles f’pajjiżu mal-wasla ta’ Napuljun li jfaħħru bħala l-egħref fost il-Maltin.

28/8/1799 Joħroġ mill-Belt imbukkata u bi kmand tal-Kmandant Ingliż Alexander Ball jintbagħat il-ħabs fl-Imdina.

16/8/1800 Jisfa kkundannat mill-Ingliżi għall-eżilju fi Franza għal għomru

1813 Jiżżewweġ fi Franza lil Katerina Formosa de Fremaux, li minnha kellu tlett itfal subien

19/6/1820 Jerġa’ lura Malta wara vjaġġ ta’ ħamest ijiem minn Marsilja.

1/9/1820 Jibda jgħallem il-Franċiż f’dar fil-Belt.

21/2/1825 Vassalli maħtur Professur tal-Malti fl-Università b’talba ta’ John Hookham Frere li jidħol biex iħallaslu l-paga hu stess.

3/10/1827 Tidher aħbar fil-Gazzetta tal-Gvern li l-“wisq mistennija Grammatika Maltija” fl-aħħar tinsab għall-bejgħ.

12/1/1829 Vassalli jmut fl-għomor ta’ 65 sena fid-dar tiegħu f’Tal-Pietà. Jidfnuh l-għada, imċaħħad minn difna Kattolika.

1829 Toħroġ f’Londra, wara mewtu, it-traduzzjoni li Vassalli għamel tal-Vanġeli u l-Atti tal-Appostli.

4/5/1987 Jinkixef monument ta’ Vassalli f’Ħaż-Żebbuġ, raħal twelidu, iktar minn 150 sena wara mewtu.

Is-Sunett ta' Dun Karm iddedikat lil Vassalli[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Poeta Nazzjonali kiteb sunett mill-isbaħ għal Vassalli, Żebbuġ bħalu.


Vassalli, meta ngħarrex ġewwa ħsiebek,

il-ħsieb li kiber ma' żgħożitek f'Ruma,

u kif fissirtu fit-taħdit ma' ħbiebek,

meta lil artek rajt bil-ħan maħkuma;


u n-nafra tas-sultan li xejn ma ġiebek

wara t-twissja b'għaqal kbir maħduma,

u l-għawġ u l-għar li ngabar wara biebek

u l-ħabs u l-ħarba f'nofs ta' lejl mitmuma,


"Malti safi tassew!" joħroġ minn fommi;

mhux għax għallimtna l-ġmiel, is-saħħa, il-għana

tal-lsien li tkellmu bih ommok u ommi,


iżd'għax ħabbejtha lil din l-art ħanina,

u kont ewlieni fost in-nisel tagħna

li ħsibt il-jedd li nkunu ġens għalina.


Ħoloq interni[immodifika | immodifika s-sors]

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]