Aqbeż għall-kontentut

John Hookham Frere

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
John Hookham Frere

John Hookham Frere, minn John Hoppner
Ambassador of the United Kingdom of Great Britain and Ireland to Spain (en) Translate

1808 - 1809
ambaxxatur tar-Renju Unit fil-Prussja

1807 - 1807
ambaxxatur tar-Renju Unit fil-Portugall

1800 - 1802
Membru tal-ewwel Parlament tar-Renju Unit


Membru tat-18-il Parlament tal-Gran Brittanja

Ħajja
Twelid 21 Mejju 1769, 1769
Nazzjonalità Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda
Gran Brittanja
Mewt 7 Jannar 1846
Familja
Missier John Frere
Omm Jane Hookham
Konjuga/i Elizabeth Jemima Blake  (12 Settembru 1816 -  17 Jannar 1831)
Aħwa
Edukazzjoni
Alma mater Kulleġġ ta’ Eton
Gonville and Caius College (en) Translate
Lingwi Ingliż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni diplomatiku
politiku
kittieb
Post tax-xogħol Londra
Impjegaturi Foreign Office
Sħubija Society of Dilettanti (en) Translate

John Hookham Frere PC (21 ta' Mejju 1769 - 7 ta' Jannar 1846) kien diplomatiku u awtur Ingliż. Huwa magħruf ukoll għall-ħbiberija tiegħu ma' Mikiel Anton Vassalli.

Ħajja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]

Frere twieled Londra. Missieru, John Frere, membru ta' familja minn Suffolk, kien ġie edukat f'Caius College, Cambridge, u sar it-Tieni Wrangler fl-1763. Ommu, Jane, bint John Hookham, negozjant sinjur ta' Londra, kienet mara kolta u kitbet poeżiji li ma ġewx ippubblikati. Oħt missieru Ellenor, li żżewġet lil Sir John Fenn, editur tal-Paston Letters, kitbet xogħlijiet edukattivi għat-tfal taħt il-psewdonimi "Mrs Lovechild" u "Mrs Teachwell". Iż-żagħżugħ Frere ntbagħat f'Eton College fl-1785, u hemm bdiet ħbiberija ma’ George Canning li kellha impatt kbir fuq ħajtu. Minn Eton, huwa mar il-kulleġġ ta' missieru f'Cambridge, u ggradwa BA fl-1792 u MA fl-1795.[1] Huwa daħal jaħdem fis-servizz pubbliku fl-uffiċċju tal-affarijiet barranin taħt Lord Grenville, u mill-1796 sal-1802 kien Membru tal-Parlament għall-borough ta' West Looe f'Cornwall.

Il-Kontessa armla ta’ Erroll, li żżewweġ magħha fl-1816

Sa minn tfulitu kien ammira lil William Pitt iż-Żgħir, u flimkien ma' Canning daħal fid-difiża tal-gvern tiegħu, u kkontribwixxa għall-paġni tal-Anti-Jacobin, editjat minn Gifford. Huwa kkontribwixxa, b'kollaborazzjoni ma' Canning, f’The Loves of the Triangles, parodija ta' Loves of the Plants, f’The Needy Knife-Grinder u f’The Rovers ta' Erasmus Darwin. Meta Canning kien promoss għall-bord tal-kummerċ fl-1809 huwa laħaq floku bħala Sotto-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin. F’Ottubru 1800, ġie mibgħut f’Lisbona; u f'Settembru 1802 ġie trasferit lejn Madrid, fejn baqa' għal sentejn. Huwa ġie msejjaħ lura Londra minħabba nuqqas ta' qbil personali li kellu mal-Prim Ministru Spanjol Godoy, iżda l-ministeru wera l-approvazzjoni tiegħu għall-pożizzjoni tiegħu billi tah pensjoni ta' £700 fis-sena.

Frere sar membru tal-Privy Council fl-1805. Sentejn wara, fl-1807, inħatar plenipotenzjarju f'Berlin, iżda l-missjoni ġiet abbandunata, u Frere ntbagħat Spanja fl-1808 bħala plenipotenzjarju għall-Ġunta Ċentrali. Il-kundizzjoni ta’ Spanja għamlet il-pożizzjoni tiegħu diffiċli. Meta Napuljun beda javvanza fuq Madrid, saret kwistjoni ta' importanza kbira li jkun deċiż jekk Sir John Moore, li dak iż-żmien kien fit-Tramuntana ta' Spanja, għandux jokkupa l-kapitali jew jirtira, u jekk jirtira għandux imur il-Portugall jew lejn il-Galizja. Frere kien konvint li l-iktar triq kuraġġuża kienet l-aħjar, u ħeġġeġ il-fehmiet tiegħu b'persistenza urġenti u bla biża' li kultant qabżet il-limiti tal-kummissjoni tiegħu. Wara l-irtrar diżastruż lejn A Coruña, il-pubbliku akkuża lil Frere li pperikola l-armata Brittanika; għalkemm ma kien suġġett għall-ebda ċensura diretta mill-gvern għall-imġiba tiegħu, huwa xorta ssejjaħ lura, u l-Markiż Wellesley inħatar minfloku.

Dan kien tmiem il-ħajja pubblika ta' Frere. Wara huwa rrifjuta li jmur San Pietruburgu bħala ambaxxatur, u darbtejn irrifjuta li jinħatar membru tal-House of Lords.

Fl-1816, huwa żżewweġ lil Elizabeth Jemima Hay, Kontessa armla ta’ Erroll. Fl-1820, għall-bżonnijiet ta' saħħitha, Frere mar Malta, fejn għex għall-bqija ta’ ħajtu. Issa li kien irtirat mix-xogħol pubbliku, iddedika ruħu għal-letteratura, studja l-awturi Griegi favoriti tiegħu, u għallem lilu nnifsu l-Ebrajk u l-Malti . Huwa laqa’ għandu mistednin Brittaniċi, kien popolari mal-ġirien Maltin tiegħu, u sar ħabib ta’ Mikiel Anton Vassalli, l-ewwel Professur tal-Malti fl-Università ta’ Malta.

Fl-1833-1834, bħala President tal-Kunsill Ġenerali tal-Università ta' Malta, huwa ta donazzjoni ta' ħamsa u tmenin volum ta' kotba mediċi lill-kollezzjoni tal-Librerija Pubblika bl-intenzjoni speċifika li jkunu "għall-użu ta' studenti żgħar tal-arti medika".

Huwa miet f’Villa Frere fil-Pietà u jinsab midfun fiċ-ċimiterju li hemm fis-swar tal-Imsida.

Ir-reputazzjoni letterarja ta' Frere hija bbażata fuq it-traduzzjonijiet tiegħu ta' Aristofane. It-traduzzjonijiet ta’ The Acharnians, The Knights, The Birds, and The Frogs ġew stampati privatament, u l-ewwel attenzjoni ġenerali għalihom kienet minn George Cornewall Lewis fil-Classical Museum tal-1847. Warajhom kien hemm Theognis Restilutus, l-istorja personali tal-poeta Theognis ta’ Megara.

Fl-1817, huwa ppubblika poeżija Arturjana taparsi erojka, Prospectus and Specimen of an intended National Work, by William and Robert Whistlecraft, of Stowmarket in Suffolk, Harness and Collar Makers.[2] Ħames snin qabel William Tennant uża l-ottava rima għal poeżija semiburleska Anster Fair, iżda l-esperiment ta' Frere huwa interessanti għax Byron issellfu f'Don Juan.

Ix-xogħlijiet kompluti ta’ Frere ġew ippubblikati fl-1871, b’tifkiriet min-neputijiet tiegħu, WE u Sir Henry Bartle Frere.

Ritratt minn Calvert Jones li juri l-ġnien ta’ Frere f’Malta, meħud fl-1846, ftit wara li miet Frere

Rabtiet esterni

[immodifika | immodifika s-sors]
  1. ^ University of Cambridge. "Frere, John Hookham (FRR787JH)". A Cambridge Alumni Database.
  2. ^ "Elfinspell: An Intended National Work, (Monks and Giants), by John Hookham Frere, from A Miscellany, epic parody, English Literature, poetry, ottava rima, 19th century poets and authors, British poets and diplomats, online text, (MonksandGiants)". www.elfinspell.com. Miġbur 2021-07-05.