Dun Karm Psaila

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Dun Karm Psaila
Ħajja
Twelid Ħaż-Żebbuġ, 18 Ottubru 1871
Nazzjonalità Kolonja ta' Malta
Mewt Valletta, 13 Ottubru 1961
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Malta
Lingwi Taljan
Malti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni poeta
kittieb
saċerdot Kattoliku
Premjijiet

Dun Karm Psaila (Ħaż-Żebbuġ, 18 t'Ottubru 1871Valletta, 13 t'Ottubru 1961), magħruf sempliċiment bħala Dun Karm, kien wieħed mill-aqwa poeta Malti ta' kull żmien, u huwa rikonoxxut bħala l-Poeta Nazzjonali ta' Malta. Huwa kiteb l-innu nazzjonali ta' Malta magħruf bħala l-Innu Malti fl-1945. Sakemm kellu 40 sena huwa kiteb biss bit-Taljan u l-poeżija tiegħu bit-Taljan kienet ukoll ta' livell għoli u ssemmiet b'tifħir mill-kontemporanji tiegħu.

Saċerdot u Għalliem[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1885 daħal fis-Seminarju Minuri u tliet snin wara f’dak Maġġuri sabiex jibda t-triq tas-Saċerdozju. Dun Karm studja l-Filosofija fl-1888 u t-Teoloġija fl-1890 fl-Università ta' Malta. Dun Karm ġie ordnat qassis ta' 23 sena fl-1894.

Taħt il-bixra serja tiegħu bis-suttana twila u sewda hemm bniedem li baqa’ tifel: ċajtier u ferrieħi. Fis-seminarju baqa' jilgħab il-ballun kif kien jagħmel meta kien għadu tifel. Fil-ħin tal-mistrieħ kien joqgħod idoqq il-mandolina u jieħu sehem f’reċti fuq il-palk. Il-karattru ferrieħi tiegħu kien jagħmlu ħabib ta’ kulħadd. Hekk ukoll baqa' wara li sar qassis.

Bejn l-1895 u l-1921 għallem bosta suġġetti fis-Seminarju, fosthom it-Taljan, il-Latin, l-Ingliż, l-Aritmetika, il-Ġeografija, il-Kożmografija, l-Istorja tal-Knisja u l-Arkeoloġija Kristjana. Fl-1921 ġie nominat Kanonku Onorarju tal-Kapitlu tal-Katidral. Fl-istess sena inħatar Assistent Librar fil-Librerija Nazzjonali u sentejn wara direttur tal-Libreriji Ċirkolanti, pożizzjoni li żamm sa meta rtira fl-1936.

Fl-1940 Dun Karm sar l-ewwel direttur spiritwali tal-Leġjun ta’ Marija. Kien ukoll ħabib tas-saċerdot qaddis Dun Ġorġ Preca. Meta f’nofs is-snin erbgħin Preca kellu l-ħsieb li s-Soċjetà tal-Mużew ikollha skola ddedikata lil San Mikiel, talab lil Dun Karm jiktiblu innu għat-tfal ta’ din l-iskola. Imma qabelxejn qallu x’kienu l-prinċipji li fuqhom riedha tkun mibnija din l-iskola, jiġifieri d-dixxiplina, l-imħabba, il-ferħ u li kollox isir f’ħinu u f’waqtu. Dun Karm ikkuntentah u kitiblu tliet strofi sempliċi fuq mużika tal-Maestro Ġużè Abela Scolaro.

Il-Belt, Tas-Sliema u Ħaż-Żebbuġ[immodifika | immodifika s-sors]

Bejn l-1894 u l-1910 hu kien joqgħod fis-Seminarju fejn kien jgħallem. Fl-1917 hu u sħabu kollha l-professuri li kienu jgħallmu fis-Seminarju kellhom iħallu l-kamra personali tagħhom li fiha kienu jgħixu u jorqdu. Mar joqgħod f’dar numru 51, Triq l-Ifran, il-Belt, fejn għex għal 26 sena sħaħ. F’dan iż-żmien il-poeta għadda minn solitudni kbira, imbiegħed mir-raħal, minn ħutu u minn sħabu. Kien iħossu “midfun ħaj” f’din id-dar.

Fl-1936 telaq mill-Belt u mar joqgħod Tas-Sliema. Bejn Ġunju tal-1940 u Mejju tal-1945 minħabba l-attakki tat-Tieni Gwerra Dinjija, Dun Karm telaq mid-dar ta’ Tas-Sliema u niżel f’raħal twelidu, Ħaż-Żebbuġ. Dun Karm għex l-aħħar parti ta' ħajtu f'Tas-Sliema. Fis-17 ta’ Ġunju, 1961, Dun Karm telaq minn daru f’Tas-Sliema u daħal l-isptar tax-xjuħ tal-Blue Sisters. Fit-13 ta’ Ottubru, 1961, Dun Karm miet fl-4.00 ta' filgħodu. fl-età ta’ 90 sena neqsin biss ħamest ijiem. Nhar il-Ħadd, 15 t’Ottubru, 1961, sar il-funeral fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ u ndifen f’kappella mibnija apposta għalih fiċ-ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù, f'raħal twelidu, Ħaż-Żebbuġ.

Poeta[immodifika | immodifika s-sors]

Dun Karm u l-kanarin, fotografija meħuda mill-poeta Dun Frans Camilleri bil-korteżija tal-Akkademja tal-Malti

Qabel l-1912, meta kien għadu student, Dun Karm kiteb biss bit-Taljan. L-ewwel poeżija ippubblikata magħrufha tiegħu hi, La Dignita Episcopale (1889). Fl-1896 ħareġ l-ewwel ktieb ta’ versi bit-Taljan, Foglie d’alloro, ġabra ta’ sebgħa u tletin poeżija li kiteb bejn is-sbatax u l-erbgħa u għoxrin sena ta’ ħajtu. Wara ppubblika wkoll Versi (1903), kollezzjoni oħra ta' poeżiji bit-Taljan. Huwa beda sunett li qatt ma temm miktub lid-dittatur Taljan Benito Mussolini.

Jibda jikteb bil-Malti[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa kompla jikteb bit-Taljan sal-1912 meta wara laqgħa li kellu ma’ Mons. Pawl Galea u Ġużè Muscat Azzopardi beda jikteb bil-Malti fil-perjodiku “Il-Ħabib”. L-ewwel poeżija tiegħu bil-Malti kienet “Quddiem Xbieha tal-Madonna”, waħda mill-isbaħ. Dun Karm innifsu jirrakkonta hekk:

"Għodwa waħda, fl-1912, żewġt iħbieb tiegħi Monsinjur Pawlu Galea u Ġużè Muscat Azzopardi, iltaqgħu miegħi u ħajruni niktbilhom xi poeżija sabiħa għall-ewwel ħarġa ta’ rivista ġdida li kienu se jibdew jippubblikaw bil-Malti, jismu Il-Ħabib. U dakinhar filgħaxija mort id-dar u quddiem xbieha tal-Madonna tlabt: “Għażiża ommi għidli inti x’għandi nikteb, jiena nixtieq nibda b’poeżija miktuba għalik.” Dak il-ħin stess qomt bil-ħeffa u niżżilt dak li ħassejt fil-poeżija Quddiem Xbieha tal-Madonna."

F’Mejju, 1914, dehret l-ewwel ġabra ta’ 15-il poeżija bil-Malti ta’ Dun Karm bl-isem ta’ L-ewwel ward jew Ġemgħa tal-poeżijiet li ktibt bil-Malti fis-Sensiela tal-Mogħdija taż-Żmien (għadd 140) li kien jippubblika Alfons Marija Galea. F’Settembru 1920 ħareġ ġabra ta’ 25 poeżija oħra, biex juri kemm l-ilsien Malti meta mħaddem tajjeb, mhu xejn inqas minn ilsna oħrajn. Dan il-ktieb jismu Ward ieħor jew Ġabra oħra ta’ poeżijiet bil-Malti u kien iddedikah lil ommu li kienet mietet fl-1909. Fis-sena 1921 kiteb il-poeżija Lil ħuti Maltin biex ifakkar l-għoti tal-Kostituzzjoni, li iżda xxandret fl-1939 minħabba li l-poeta ma riedx jiċċappas mal-preġudizzji politiċi ta’ dak iż-żmien.

Dun Karm Psaila bil-korteżija tal-Akkademja tal-Malti

Temi fil-Poeżiji ta' Dun Karm[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-poeżiji tiegħu, Dun Karm kien jesprimi ruħu l-aktar f'mumenti ta' solitudni, li dejjem kienu akkumpanjati b'sens ta' spiritwalità. Il-poeżija tiegħu tixhed ħafna l-ħajja fl-irħula u tiddeskrivi wkoll il-kampanja u l-ambjent rurali ta' żmienu. Fi kliemu Dun Karm jirnexxielu joħroġ il-kultura Maltija bit-tradizzjonijiet tagħha u l-identità tal-Maltin flimkien mal-kultura letterarja bbażata l-aktar fuq ir-romantiċiżmu Taljan.

L-ewwel xogħlijiet tiegħu bit-Taljan jixhdu żgħożija ta' sliem u kalma; wara l-mewt ta' ommu beda jgħix fis-solitudni. Meta ddeċieda li jibda juża l-Malti biex jesprimi ruħu, esplora poetikament l-istorja ta' Malta biex jikkonferma l-kultura u l-identità nazzjonali. Fl-istess ħin, uħud mill-isbaħ poeżiji tiegħu juru vjaġġ interjuri fl-esperjenzi u s-sentimenti tal-poeta. B'hekk irnexxielu jgħaqqad kemm li jħoss hu u l-esperjenzi tiegħu flimkien ma' dawk ta' pajjiżu u niesu. Dun Karm iħares kemm lejn in-naħa personali kif ukoll dik nazzjonali tal-poeżiji tiegħu minn għajn reliġjuża ħafna. Il-kriżi spiritwali f'Il-Jien u lil hinn Minnu hi analizzata b'mod universali għall-bniedem, li tagħti dawl fuq l-eżistenza tal-bniedem u tinsisti fuq il-misteru tar-relazzjoni bejn Alla u l-bniedem, ħlief għall-fatt li l-bniedem jaċċetta b'mod sħiħ il-qawwa moħbija ta' dan Alla.

Traduzzjonijiet tal-poeżiji tiegħu[immodifika | immodifika s-sors]

A.J. Arberry qaleb madwar 37 poeżija ta' Dun Karm għall-Ingliż. Ġużè Delia qaleb Il-Vjatku għall-Ispanjol u Laurent Ropa qaleb Il-Jien u lil hinn Minnu għall-Franċiż, Karmenu Mallia qaleb 'Il-Jien u Lilhinn Minnu' u 'Il-Musbieħ tal-Mużew' flimkien ma' poeżiji żgħar oħra, fosthom l-Innu Malti u s-sunett: 'Lil Mikiel Anton Vassalli', fl-Esperanto. Yevgeniy Vitkovskiy (Евгений Владимирович Витковский) qaleb 'Ħerba', 'Kewkbet is-Safar', u 'Wied Qirda' għar-Russu ukoll Vladislav Rezvij (Владислав Александрович Резвый) qaleb 'Roma Immortalis' għar-Russu.

Innijiet Reliġjużi[immodifika | immodifika s-sors]

Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Innijiet ta' Dun Karm Psaila.

Dawn huma wħud mill-innijiet l-aktar magħrufa ta' Dun Karm Psaila:

  • Innu Ewkaristiku (T’Adoriam Ostia Divina)
  • L-Innu ta' Filgħodu
  • L-Innu ta' Filgħaxija
  • Innu lill-Madonna (Fil-Ħlewwa ta' Mejju)
  • Innu tal-Kungress Marjan (Ismagħha l-Għanja)
  • Innu lill-Qalb ta' Ġesù (Tina l-Ħlewwa)
  • Innu tal-Papa (Għalxejn l-għedewwa jridu...)
  • Għedtilna Kelma

L-Innu Malti[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1920, Dr. A.V. Laferla, id-direttur tal-edukazzjoni, talab lil Dun Karm biex jikkomponi xi versi għal biċċa mużika tal-Mro. Robert Samut. L-innu li ħareġ kien l-Innu Malti, li ndaqq għall-ewwel darba fl-1923. Fl-1941 dan l-innu ġie rikonoxxut bħala l-Innu uffiċjali ta' Malta u riaffermat t'hekk anki fil-Kostituzzjoni tal-Indipendenza tal-1964.

Lil din l-Art ħelwa, l-Omm li tatna isimha,

Ħares Mulej, kif dejjem Int ħarist;
Ftakar li lilha bl-oħla dawl libbist.

Agħti kbir Alla, id-deh'n lil min jaħkimha,
Rodd il-ħniena lis-sid, saħħa 'l-ħaddiem;
Seddaq l-għaqda fil-Maltin u s-sliem.

Rumanz u Dizzjunarju[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kitbiet ta' Dun Karm jinkludu traduzzjoni ta' rumanz Żewġ Anġli: Ineż u Emilja (maqlub għall-Malti fl-1934 mir-rumanz Taljan Gli angeli del Perdono ta' Domenico Caprile).

Minbarra dawn, kiteb ukoll xi xogħlijiet kritiċi.Kiteb ukoll dizzjunarju bejn l-1947 u l-1955 fi tliet volumi, Dizzjunarju Ingliż u Malti. Kiteb ukoll poeżija waħda bl-Esperanto: 'Penso Printempa' (Ħsieb għar-Rebbiegħa) fl-1 t'April 1901.

Għarfien u unuri[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1921 ukoll, Dun Karm kien wieħed mill-membri fundaturi tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti u mal-mewt ta' Ġużè Muscat Azzopardi fl-1927, ġie elett president tal-Għaqda u mbagħad editur tal-organu uffiċjali, Il-Malti. Kompla f'din il-pożizzjoni sal-1941 fejn ġie nominat president onorarju għal ħajtu ta' din l-Għaqda.

Bħala rikonoxximent għall-kontribut tiegħu fil-letteratura Maltija, ingħata d-Dottorat fil-Letteratura (honoris causa) mir-Royal University of Malta fl-1945 - l-ewwel darba li l-Università tat dan l-unur lil xi ħadd. Sena wara ġie mogħti il-midalja tad-deheb Ġużè Muscat Azzopardi.

Ir-Reġina Eliżabetta II iddekoratu bit-titlu ta' Kmandant tal-Ordni tal-Imperu Ingliż fl-1956. Fl-1957, il-Gvern Malti tah pensjoni ex-gratia bħala rikonoxximent tas-servizzi tiegħu fil-letteratura Maltija. Matul ħajtu ġie wkoll onorat bħala l-Poeta Nazzjonali ta' Malta.

Fl-1957, A.J. Arberry, Professur tal-Għarbi, f'Pembroke College, Cambridge, mar iżur lil Dun Karm f'daru u kiteb hekk fl-antoloġija tiegħu, Dun Karm Poet of Malta:

"Meta ltqajt ma' Dun Karm kien għadu kif għalaq is-sebgħa u tmenin sena. Sibtu, raġel xiħ u fraġli, iżda xorta waħda bil-kmand totali tal-fakultajiet mentali tiegħu. Liebes is-suttana tal-qassis, bil-kurċifiss fuq sidru, ta' impressjoni qawwija tal-vera umiltà Kristjana... Offrieli tazza inbid u tkellimna ta' ħbieb għal aktar minn siegħa... Kien dehrli dak iż-żmien... li dan kien poeta ta' iktar minn importanza lokali, l-arti tiegħu u l-messaġġ tiegħu iridu jilħqu lid-dinja, fejn vera kien jistħoqilhom... Sirt aktar konvint tal-kobor tiegħu."[1]

Kritika[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-ktieb Dun Karm: bejn il-Vatikan, id-Duċe u l-Kuruna (1993), il-kittieb Mario Azzopardi jistaqsi għaliex Dun Karm baqa' sieket quddiem il-miżerja tal-Maltin, liema tbatija kitbu u nbagħdu għaliha John Marks, Manwel Dimech u Juann Mamo. Mario Azzopardi kkontesta bil-qawwa r-reputazzjoni ta' Dun Karm fuq il-bażi li l-poeta-saċerdot dejjem ħeba d-destin tal-fqar u l-ispossessati fi żmien meta dawn kienu jgħixu f'miżerja kbira. Minflok, Dun Karm irromantiċizza lir-raħħala u lill-bdiewa b'sentimenti folkloristiċi li kienu jgiddbu r-realtà, filwaqt li kien kontra s-sinjali tal-progress, bħal meta kiteb biex iċanfar 'lin-nisa tal-belt. Kontroversja oħra li ġieli nqalgħet dwar Dun Karm hi dwar l-Innu Malti, li għandu versi li jitkellemu dwar "is-sid" u "l-ħakkiem" u jitlobhom biex ikollhom "ħniena" mill-ħaddiema.

Kronoloġija ta' ħajtu[immodifika | immodifika s-sors]

• 1871 (18 ta’ Ottubru) Twieled Ħaż-Żebbuġ • ommu Lunzjata Pisani u missieru Filippu kienu t-tnejn Żebbuġin u bdiewa • missieru għadda ħajtu jbaħħar; DK intrabat aktar ma’ ommu

• 1875 - kelb tah qatgħa li ħallietu werċ minn għajn waħda

• 1892 - miet missieru

• 1894 - sar qassis; fl-istess sena beda jgħallem fis-seminarju (fejn dam 26 sena)

• 1896 - ħareġ l-ewwel ktieb ta’ poeżiji bit-Taljan Foglie d’alloro

• 1909 - mietet ommu - kriżi kbira għal DK

• 1910 - DK sfurzat jgħix waħdu u mhux iktar fis-seminarju

• 1912 - kiteb l-ewwel poeżija tiegħu bil-Malti Quddiem Xbieha tal-Madonna; imħajjar minn Ġuże` Muscat Azzopardi u Mons. Pawl Galea

• 1914 - bl-għajnuna ta’ Alfons M. Galea ħareġ l-ewwel ktieb ta’ poeżiji bil-Malti L-Ewwel Ward

• 1921 - beda jaħdem fil-Biblijoteka Pubblika

• 1927 - intgħażel bħala t-tieni President ta’ l-GĦaqda tal-Kittieba tal-Malti, kariga li żammha sal-1940

• 1935 - Laurent Ropa sejjaħlu għall-ewwel darba “poeta nazzjonali”

• 1936 - ħareġ bil-pensjoni; imqabbad mill-Gvern biex jagħmel dizzjunarju mill-Ingliż għall-Malti, li temmu fl-1955

• 1938 - kiteb l-aqwa poeżija tiegħu Il-Jien u Lilhinn Minnu

• 1940 - Ġuże` Bonnici ħareġ tliet volumi bil-poeżiji ta’ DK

• 1961 - l-Universita` ta’ Cambridge ħarġet Dun Karm Poet of Malta, ktieb tal-Profs. A.J.Arberry, Professur tal-Għarbi

• 1961 (13 ta’ Ottubru) - DK miet fl-Isptar tal-Blue Sisters

• 1980 - Oliver Friggieri ħareġ il-poeżiji kollha bil-Malti ta’ DK f’edizzjoni kritika

• 2007 - Oliver Friggieri ħareġ il-poeżiji kollha bit-Taljan li sab ta’ DK

Poeżiji[immodifika | immodifika s-sors]

Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Poeżiji ta' Dun Karm Psaila.

Dawn huma wħud mill-poeżiji l-aktar magħrufa ta' Dun Karm Psaila:

Poeżiji oħra:

Sema ieħor ma tafx għajr il-wiċċ t'ommha
Dejjem safi bla nikta ta' ħajbura.
Anqas xemx oħra ħlief tbissimet fommha
Li tieħu ta' kull dawl il-lewn u s-sura.
Kwiekeb tnejn biss, u hemm ħarsitha żżommha;
Meta f'ħoġorha tqigħedha l-omm għajjura;
U waqt li l-għonq taqbdilha jew il-komma,
Tiġbed minn sider bnin l-ogħna matmura.
Tar-regħba tal-bnedmin m'għandha ebda ħabar,
Anqas taf kif id-dmugħ minnhom jinxtara,
'L ommha biss taf, hemm l-univers jinġabar.
U minn dak l-univers ta' tjieba u dija
Li jiddi ħelu fuq il-wiċċ ta' mara
Alla jixref u jidħak lit-tarbija.

Ara wkoll[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ (EN) Dun Karm Psaila, Test meħud minn: "In 1957 [...] "When I met Dun Karm he had recently entered upon his eighty-seventh year. I found him, a frail old man, but still in full possession of his great mental faculties. Wearing the soutane of the priesthood, with the crucifix on his breast, he made a powerful impression of true Christian humility... He offered me a glass of wine and we conversed amiably for over an hour... It seemed to me then... that this was a poet of more than local importance, his art and his message must reach the world, to which they truly belonged... I became increasingly convinced of his greatness"."