Innijiet ta' Dun Karm Psaila

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search

Innu Ewkaristiku (T’Adoriam Ostia Divina)[immodifika | immodifika s-sors]

Fost il-bosta innijiet reliġjużi li kiteb Dun Karm, wieħed li sar popolari anke barra minn Malta kien: “T’Adoriam Ostia Divina” jew “Nadurawk ja Ħobż tas-Sema”. Is-Surmast Ġużeppi Caruana kien talbu jikteb innu għall-okkażjoni tal-Kungress Ewkaristiku li sar f’Malta fl-1913. L-innu tant intgħoġob mill-isqfijiet preżenti għall-Kungress li ħaduh magħhom u xerrduh mad-dinja kollha, tant li llum dan l-innu huwa maqlub f’diversi lingwi, pereżempju bl-Ingliż għandu t-titlu "Host Divine, we bow in worship ". Inqaleb għall-Malti mill-istess poeta fl-1924.

T'adoriam, Ostia divina,
t'adoriam, Ostia d'amor.
Tu dell'angelo il sospiro,
tu dell'uomo sei l'onor.

T'adoriam, Ostia divina,
t'adoriam, Ostia d'amor.

T'adoriam, Ostia divina,
t'adoriam, Ostia d'amor.
Tu dei forti la dolcezza,
tu dei deboli il vigor.

T'adoriam, Ostia divina,
t'adoriam, Ostia d'amor.

(l-ewwel żewġ strofi bit-Taljan)


Nadurawk, ja Ħobż tas-sema,
Frott l-imħabba l-iżjed bnin;
Jalla d-dinja tagħraf tħobbok,
Fik il-qlub huma henjin.

Nadurawk, ja Ħobż tas-sema,
Frott l-imħabba l-iżjed bnin.

Nadurawk, ja Ħobż tas-sema,
Frott l-imħabba l-iżjed bnin,
Insellmulek, Alla moħbi,
Inti biss taħkem is-snin.

Nadurawk, ja Ħobż tas-sema,
Frott l-imħabba l-iżjed bnin.

(l-aħħar żewġ strofi maqlubin għall-Malti)

L-Innu ta' Filgħodu u l-Innu ta' Filgħaxija[immodifika | immodifika s-sors]

L-Innu ta' Filgħodu[immodifika | immodifika s-sors]

Reġa’ sebaħ, ja Mulejja,
Agħti tiegħek dan il-Jum:
Lejk nittajjar bil-ħsieb tiegħi
Kull filgħodu malli nqum.
Fix-xemx jiddi l-ġmiel ta’ wiċċek,
Inti ssebbaħ il-ħolqien;
Isellmulek l-art u s-sema
Kull filgħodu bl-ogħla lsien.

Rit:
Ja Mulejja niżżikħajr,
Għaliex int tal-ħajja s-Sid:
Fik is-setgħa, fik il-ħniena,
Int fawwara ta’ kull ġid.

F’dan il-lejl li għadda fuqi
Int ħaristni, Alla ħanin;
Int wennistni minn kull biżgħa,
Warrabt minni l-ħolm ħażin.
Bħal missier f’telfa ta’ mħabba
It-taħbit ta’ qalbi smajt;
Xħitt is-saħħa ġewwa sidri
Ma’ kull nifs li jiena tajt.

Rit:

F’dan il-jum tħallix, Mulejja,
Li jitnissel f’qalbi d-dnub;
Inti taf li l-għadu tagħna
Għandu x-xbiek dejjem minsub.
Tini l-Omm tal-Iben tiegħek
Biex tħarisni mit-tiġrib,
U tgħallimni b’imħabbitha
Kif inħaddan is-salib.

Rit:

L-Innu ta' Filgħaxija[immodifika | immodifika s-sors]

Riesaq il-lejl, Mulejja,
Bil-wegħda tal-mistrieħ;
Ġa beda s-sema jħammar
Fi nżul ix-xemx sabiħ:

Dalwaqt jixirfu l-kwiekeb,
Fil-għoli tas-smewwiet;
Dalwaqt il-ħajja torqod,
Kull ħoss imut fis-skiet.

Rit:
Inti, li dejjem tgħammar,
Fis-sebħ ta’ jum bla tmiem,
Fid-dlam tal-lejl ħarisna,
Xerred ġo qlubna s-sliem.

Temmejna l-jum, Mulejja,
Imqassam ħidma u serħ,
Xi waqt miksur bin-niket;
Mogħni xi waqt bil-ferħ.

Kollox mit-tieba tiegħek,
Għax int Missier ħanin,
Li trid il-ħlejjaq kollha
Bi mħabbtek biss henjin.

Rit:

Ieqaf, Mulej, mal-fqajjar,
’Tih l-għata, ’tih l-għajxien,
Sabbar lil min hu mibki,
Serraħ lil min għajjien.

Iġbed bil-ħlewwa l-midneb,
Li regħxek mingħajr jedd,
Tħalli lil ħadd fil-biża’,
Tal-ħaqq imur jimtedd.

Rit:

Innu lill-Madonna (Fil-Ħlewwa ta' Mejju)[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-ħlewwa ta’ Mejju, Omm tagħna Marija
O kemm idoqq ħlejju dak ismek sabiħ
Kemm toħroġ qawwija dil-kelma minn qalbna
Bit-tama li talbna jagħtik l-akbar ġieħ.


Rit: Int l-għaxqa tas-sema
Ix-xemx tal-ħolqien
Int l-omm ta’ min ħalqek
Bik mimli kull żmien.


Jekk tiftaħ fil-ġonna il-warda Maltija
Tfakkarna o Madonna fil-lewn ta’ ħaddejk
Jekk tidħak id-dija tal-kwiekeb irżina
Tfakkarna o ħanina fid-dawl ta’ għajnejk. Rit:


Minn dejjem bint Alla, nadifa mill-ħtija
Infrixt bħal qawsalla fuq ras il-bnedmin
Int ftaħt o Marija l-għejun ta’ kull ħniena
Fuq l-aħwa ħosbiena, fuq l-aħwa ħatjin. Rit:


Għalhekk ja sultana tal-ħlewwa Marija
Int biss tama tagħna, int qawwa tar-ruħ
Bil-grazzja mimlija kull waqt insellmulek
Bil-ħrara ngħajtulek fis-siegħa tad-dmugħ. Rit:

Innu lill-Qalb ta' Ġesù (Tina l-Ħlewwa)[immodifika | immodifika s-sors]

Tina l-ħlewwa tal-ilsna tas-sema
Biex il-ġieħ li jixraqlek nagħtuk,
Qalb ħanina li taħfer li tagħder,
Kif ħabbejtna nixtiequ nħobbuk.

Rit:
Qalb imqaddsa ta' Ġesù
Li berikt lit-tfal ċkejknin
Kebbes fina n-nar ta' mħabbtek
Żommna miegħek imħaddnin.

Biex tifdina mill-jasar ewlieni,
ta' missierek l-għamara ħallejt
Int li tgħaxxaq is-sema bi ġmielek,
ta' suritna fil-faqar inħbejt.

Rit:

L-aħħar qatra ta' demmek tajthielna,
Meta b'daqqa ta' lanza nifduk,
Int għallimtna tan-niket il-hena,
Int għallimtna fil-hemm inberkuk.

Rit:

Innu tal-Papa (Għalxejn l-għedewwa jridu...)[immodifika | immodifika s-sors]

Oh Kbir Sultan tas-Slaten
Mill-għoli tas-Smewwiet
San Pietru jmexxi d-dgħajsa
Fil-koroh dlamijiet.

U fuq it-tron ta' Pietru
Isaltan Re Divin
Le qatt ma niċħdu lilu
Dan huwa r-re Divin.

Għalxejn l-għedewwa jridu
Iġarrfu il-ħitan
Tal-Belt tiegħek imqaddsa
Il-belt tal-Vatikan.