Aqbeż għall-kontentut

Charles Arrigo

Dan l-artiklu ġie ppubblikat l-ewwel fil-Wikipedija bil-Malti
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Charles Arrigo
Ħajja
Twelid Valletta, 6 April 1929
Nazzjonalità Kolonja ta' Malta
Stat ta' Malta
Malta
Mewt 13 Frar 2006
Post tad-dfin Ċimiterju tal-Addolorata
Edukazzjoni
Lingwi Malti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni attur
xandar

Charles Arrigo (Valletta, 6 ta’ April 1929 - 13 ta' Frar 2006) kien attur u xandar Malti. Kien l-ikbar fost seba’ aħwa; żewġ subien u ħamest ibniet.

Il-Bidu tal-karriera

[immodifika | immodifika s-sors]

Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinija, meta Arrigo kien għadu l-Liċeo, kienu jippubblikaw gazzetta jisimha ‘Young Malta’ u hu kiteb poeżija jisimha ‘The Flag’ u ppubblikawhielu fiha. Ftit wara intalab imur jaqra din il-poeżija fuq ir-Rediffusion. Sadattant deher avviż li kien jgħid li riedu announcer mar-Rediffusion. Minn dawk kollha li applikaw, intagħżel hu u minn hemm bdiet il-karriera tiegħu li kellha ddum sittin sena.

Fit-2 ta’ Marzu 1947 huwa għamel l-ewwel xandira tiegħu fuq ir-Rediffusion. Effie Ciantar kien inkarigat mill-programmi. Il-vuċi distinta ta’ Charles ma damitx ma ġiet rikonoxxuta u meta Ciantar xtaq iżid prog­ramm ieħor bil-Malti, staqsieh kienx lest li jibda jagħmel programm ġdid bil-qari tar-rumanzi. Aċċetta u l-ewwel rumanz li qara kien ‘Raġel bil-Għaqal’ ta’ Ġużè Galea. Wara dan, qara mijiet ta’ rumanzi u baqa' jagħmel dan sal-aħħar nifs ta’ ħajtu.

Fl-1950, inħatar produttur tad-drama u tad-dokumentarji għar-Rediffusion. Fl-istess żmien huwa kien involut ukoll bħala attur mal-British Institute Players u mal-Atturi Theatre Group u għalhekk ma damx ma beda jieħu sehem fid-drammi li kien jipproduċi huwa stess u anki oħrajn.

Aktar tard, meta fetaħ it-televiżjoni Malti, huwa ħa sehem ukoll f’diversi teleserials, fosthom: fil-parti tal-kappillan f’‘Il-Gaġġa’, bħala qassis f’’Leli ta’ Ħaż-Żgħir’, bħala isqof f’‘Wirt’, bħala tabib f’‘Il-Madonna taċ-Ċoqqa’, u bħala Edward Sammut il-Kurunell f’‘Villa Sunset’. Kien ħa sehem fil-film klassiku ‘The Malta Story’.

Studja fil-Liċeo u fl-Università ta' Perugia.

Fl-1959, ir-Rediffusion iddeċidiet li tibgħat lill-produtturi Maltin l-Ingilterra sabiex dawn jitħarrġu b’mod aktar professjonali mal-BBC, fosthom Arrigo. Hemmhekk tħarreġ f’bosta oqsma fosthom dwar kif isir l-editing, kif jiġu prodotti r-radjudrammi u kif jużaw leħinhom aħjar.

Fl-1962, numru ta’ ħaddiema oħra, inkluż Arrigo, reġgħu ntbagħtu għand il-BBC, din id-darba sabiex jitħarrġu fis-sengħa relatata mat-televiżjoni minħabba li f’Malta kienu qed isiru l-preparamenti biex jinfetaħ l-istazzjon Malti – Malta Television Service. U eventwalment kien Charles stess li fetaħ l-istazzjon.

"Dan huwa l-Malta Television Service. Jiena Charles Arrigo qiegħed insellmilkom."

[immodifika | immodifika s-sors]

Fid-29 ta’ Settembru 1962, hu kien il-persuna magħżula biex tiftaħ għall-ewwel darba l-istazzjon televiżiv Malti:

“Dan huwa l-Malta Television Service. Jiena Charles Arrigo qiegħed insellmilkom f’isem il-kollegi kollha tiegħi tal-Malta Television Service, waqt li nawguralkom divertiment bil-programmi tal-lejla. Illum inħoss li qed niltaqa’ magħkom wiċċ imb’wiċċ u nix­tieq li kienet ħaġa possibbli li nieħu b’id kull wieħed u waħda minnkom. Mill-lum ’il quddiem se tibdew tarawni ta’ spiss nippreżentalkom il-programmi u nwasslilkom l-aħbarijiet fi djarkom.”

Dan il-kliem tiegħu, flimkien mal-filmat ta’ dan l-avveniment saru sinonimi mal-qasam tax-xandir.

Karigi fix-Xandir

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1971 Charles sar l-assistent kap tal-programmi tar-radju u tliet snin wara, hu laħaq bħala kap tad-drama u d-dokumentarji. Fl-1987 huwa ngħata r-responsabbiltà bħala deputat kap ta’ Xandir Malta u fl-1991 sar id-direttur eżekuttiv tal-board tal-Public Broadcasting Services u maniġer ta’ Television Malta.

Fost il-programmi li baqa’ magħruf għalihom Arrigo hemm il-programm ‘Staqsini 20’ li hu kien introduċa f’Malta wara li n-nies kienet drat tisimgħu jixxandar bl-Ingliż minn fuq il-General Overseas Service tal-BBC. L-ewwel programm kien ix-xandar għall-ħabta tal-1957 meta l-istudios kienu f’121 Triq Brittanja, l-Belt. F’Jannar 1958 imxew għall-istudios ta' Gwardamangia. Il-popolarità ta’ dan il-programm tant kibret li ġieli tellgħuh fit-Teatru Manoel. Il-programm ‘Staqsini 20’ kien ibbażat fuq għażla ta’ kliem partikolari li kienu jibagħtu n-nies mid-djar, u panel ta’ individwi kien jipprova jaqta’ dan il-kliem permezz ta’ mistoqsijiet li kienu jagħmlu. Meta l-kliem ma kienx jinqata’ mill-panel, dawk li jkunu ssuġġerewhom, kienu jirbħu lapes tal-fidda.

Kummentarji ta' avvenimenti nazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

L-aktar aspett li Arrigo baqa’ magħruf għalih kien dak ta’ kummentatur f’bosta okkażjonijiet statali u kif ukoll reliġjużi. Infatti hu kien wieħed minn tal-ewwel li ħareġ bl-outside broadcasting. Fost id-diversi kummentarji tiegħu huwa għamel dak ta’ meta Malta saret Repubblika, iż-żjarat tal-Papa Ġwanni Pawlu II, u tar-Reġina Eliżabetta II f’Malta.

L-aħħar kummentarju li għa­mel kien tliet ġimgħat qabel miet u dan kien il-Pontifikal Solenni tal-Konsagrazzjoni Epis­kopali ta' Mons. Mario Grech, Isqof t’Għawdex.

Fl-1995, Charles Arrigo ngħata l-Midalja għall-Qadi Tar-Repubblika.

Miet għall-għarrieda, waqt li kien qiegħed ix-xogħol – jaqra silta ta’ rumanz maqlub għall-Malti mill-kollega tiegħu Charles Abela Mizzi "Qalb ta' Omm" u jevalwa l-programmi li kellhom isiru. Il-Partit Nazzjonalista qal li mewtu ħalliet "vojt kbir fil-qasam tax-xandir" billi Arrigo kien segwit minn eluf ta' nies. Il-Mexxej Laburista u awtur Alfred Sant, li Arrigo kien qara wkoll ir-rumanzi tiegħu, esprima dieqa fit-telfa ta' "talent kbir" u pijunier fil-qasam tax-xandir.

Il-funeral tiegħu sar fil-15 ta' Frar, fil-Knisja Parrokjali tan-Naxxar fejn hu kien Ministru Straordinarju tat-Tqarbin. Attendew mijiet ta' nies fosthom il-President u l-Prim Ministru.

Arrigo serva wkoll ta' President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani.