Eddie Fenech Adami
Edward Fenech Adami (Birkirkara, 7 ta' Frar 1934) kien l-President tar-Repubblika ta' Malta bejn l-2004, u l-2009 wara Guido de Marco. Qabel inħatar President, kien serva wkoll ta' Prim Ministru bejn l-1987 u l-1996 u mill-1998 sal-2004.
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Bin Luigi, uffiċjal tad-dwana, u Josephine imwielda Pace.[1] Huwa kien miżżewweġ lil Mary née Sciberras u kellhom ħamest itfal John, Beppe, Michael, Maria u Luigi.
Fenech Adami ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ tal-Ġiżwiti f'Birkirkara. Kompla l-istudji tiegħu fl-Università ta' Malta fejn għall-bidu studja l-ekonomija u l-letteratura klassika u aktar tard il-liġi.
Politika
[immodifika | immodifika s-sors]Fenech Adami ingħaqad mal-Partit Nazzjonalista fil-bidu tal-1960. Huwa daħal għall-ewwel darba fil-Parlament fl-1969. Fl-1977, wara li kien serva f'bosta karigi fil-partit, li jinkludu President tal-Amministrazzjoni u Kunsilli Ġenerali, Fenech Adami ġie elett kap tal-Partit, u ħa post Ġorġ Borg Olivier.
Mill-1969, Fenech Adami ġie elett f'kull elezzjoni ġenerali u bħala Kap tal-Partit huwa rebaħ erba' elezzjonijiet 1987, 1992, 1998 u 2003. Fl-1981, għalkemm il-Partit Nazzjonalista ġabu l-maġġoranza tal-voti, ma rnexxilux iġib il-maġġoranza ta' siġġijiet fil-Parlament u għalhekk baqa' fl-Oppożizzjoni. Tibdil fil-kostituzzjoni ta garanzija li l-partit li jirbaħ b'maġġoranza assoluta ta' voti jkollu maġġoranza ta' unijiet. Fil-fatt hekk ġara fl-1987.
Priministru
[immodifika | immodifika s-sors]Bejn l-1987 u l-1996, Fenech Adami bħala Prim Ministru ta' Malta ikkommetta ruħu għal bidla kbira f'Malta. L-infrastruttura tal-pajjiż, l-istrutturi tal-qasam tax-xogħol u dawk legali ġew leġislati mill-ġdid. Il-settur tal-kummerċ ukoll ingħata bidu ġdid u ġie meħlus mis-settur pubbliku. Il-fergħa tal-komunikazzjoni, tal-bank u servizzi tal-finanzi ġew liberalizzati u privatizzati. Malta bdiet ukoll żmien ta' integrazzjoni mal-Unjoni Ewropea. Malta applikat għall-Unjoni Ewropea fis-16 ta' Lulju 1990.
Bejn l-1996 u l-1998 Fenech Adami reġa' serva bħala Kap tal-Oppożizzjoni sakemm il-partit tiegħu rritorna fil-gvern f'Settembru 1998. Fenech Adami serva ħames snin oħra bħala Prim Ministru u kap tal-partit tiegħu.
Id-Dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
[immodifika | immodifika s-sors]L-applikazzjoni ta' Malta għall-Unjoni Ewropea ġiet attivata mill-ġdid minħabba l-Gvern Laburista ta' qablu waqfu l-applikazzjoni. In-negozjati mal-Unjoni Ewropea ġew konklużi f'Diċembru 2002. F'April 2003 wara rebħa kemm fir-Referendum dwar is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Elezzjoni Ġenerali, huwa ġie kkonfermat bħala Prim Ministru mill-ġdid.
Ftit jiem wara, fis-16 ta' April 2003, Fenech Adami iffirma s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, flimkien ma' kapijiet oħra li kienu se jissieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004. Bħala Prim Ministru Fenech Adami attenda bosta summits tal-Unjoni Ewropea u irrapreżenta lil Malta f'bosta laqgħat tal-Commonwealth. Bħala kap tal-partit huwa attenda diversi laqgħat tal-Partit Popolari Ewropew.
F'Diċembru 2003 Fenech Adami irċieva l-premju tal-Ewropew tas-Sena 2003. Il-Premju kien mingħand il-gazzetta famuża European Voice għall-isforz li għamel sabiex idaħħal lil Malta fl-Unjoni Ewropea.
President tar-Repubblika
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-7 ta' Frar 2004, mal-għeluq tas-sebgħin sena tiegħu, Fenech Adami irriżenja minn kap tal-Partit Nazzjonalista. Fit-23 ta' Marzu 2004, huwa irriżenja minn Prim Ministru kif ukoll ċeda s-siġġu parlamentari tiegħu.
Inqas minn ġimgħatejn wara, Fenech Adami nħatar President ta' Malta fejn ħa post Guido de Marco bħala s-seba' President tar-Repubblika Maltija.
F'intervista li huwa ta fl-2014, qal hekk: “Ma kontx qed nistennieha, u ma ridthiex. U l-mara ma ridithiex aktar minni. Is-sentiment tagħha kien li konna għamilna biżżejjed għall-pajjiż u ma kienx hemm għalfejn naċċettaw din il-kariga wkoll. Niftakar li kien ċempilli l-Prim Ministru Lawrence Gonzi u qalli li kien wasal iż-żmien li ntih risposta – iva jew le. Sejjaħt lill-mara u għedtilha li ried risposta, u hi baqgħet tinsisti li ma kellix naċċetta. Fl-aħħar qalet iva, basta ma mmorrux noqogħdu fil-Palazz ta' Sant' Anton (u dan meta jien kont insistejt ħafna li l-President ta' Malta għandu jgħix f'dan il-palazz). Min-naħa tagħhom, it-tfal la kellhom reazzjoni pożittiva u lanqas negattiva għall-aħbar li kont se nsir President. Kif jgħidu bl-Ingliż, 'they took it in their stride'.”
Fenech Adami u l-mara tiegħu qatt ma ġarrew għall-Palazz ta' Sant' Anton. Kienu jgħixu hemmhekk fi tmiem il-ġimgħa biss, u fis-sajf kienu jmorru fil-Palazz Verdala, li Mary Fenech Adami kienet tippreferih ħafna mill-Palazz ta' Sant' Anton.
“Il-ħajja bħala Prim Ministru kienet impenjattiva ħafna. Il-ħajja bħala President kienet relattivament kalma u trankwilla. Kelli ħafna aktar ħin liberu, għalkemm kont ikun preżenti fejn ikun hemm bżonn. Min-natura tiegħi, jien bniedem riservat u nsibha diffiċli biex nikkomunika iżda kont nifhem x'tirrikjedi l-ogħla kariga tal-pajjiż. U minkejja li ma ridtx insir President, il-fatt li okkupajt l-ogħla kariga fil-pajjiż kien sodisfaċenti u l-kulminu ta' karriera politika li kienet ilha għaddejja mill-1962, anke jekk il-Presidenza fissret li ma nkunx involut aktar fil-politika partiġġjana.”
Fenech Adami ma jaħsibx li r-rwol tal-President ta' Malta għandu jġorr miegħu aktar poteri. “Ir-rwol tal-President hu stabbilit bħala l-ogħla kariga, 'il fuq mill-politika partiġjana, u naħseb li l-Presidenti kollha tawh statura bħala kariga rispettata minn kulħadd għax iġorr miegħu element ta' għaqda. Dejjem kont tal-fehma li r-rwol tal-President għandu jibqa' mhux eżekuttiv. Minkejja li l-poteri tiegħu jistgħu jidhru limitati, fir-realtà dawn il-poteri jistgħu jkunu ta' importanza mhux żgħira f'każ ta' kriżi politika. Jista' jkun hemm mumenti ta' kriżi fejn dawn il-poteri jkunu importanti ħafna, pereżempju biex xi ħadd jingħata l-inkarigu li jifforma gvern. Din neħduha for granted, imma jista' jkun hemm każijiet ta' qasma f'partit jew elezzjoni mhux konklużiva – każijiet fejn huwa l-President li għandu l-poter li jiddeċiedi.
Fenech Adami ma jaqbilx lanqas mal-proposta li min ikun serva bħala Prim Ministru ma jistax iservi bħala President. “President għandu jintgħażel biss abbażi tal-idoneità tiegħu, irrispettivament minn jekk xi darba serviex bħala Prim Ministru jew jekk qattx kien involut fil-politika.”
L-Aħħar Snin
[immodifika | immodifika s-sors]Wara li fl-2009 spiċċa minn President, huwa reġa' beda jagħti sehmu fil-Partit Nazzjonalista. Fl-aħħar mass meeting tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Fosos tal-Floriana lejlet l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013 Eddie Fenech Adami, huwa indirizza lill-folla fuq stedina tal-Prim Ministru ta' dak iż-żmien Lawrence Gonzi.
Huwa iżżewweġ lil Mary mwielda Sciberras fl-1965, li mietet fl-2011. Huma kellhom ħames ulied, lil John, Beppe, Michael, Maria u Luigi. Beppe u Michael komplew fil-ħajja politika. Beppe Fenech Adami huwa l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalisti u Michael kien Sindku ta' B'Kara.
Fi Frar 2014, ħarġet l-awto-bijografija tiegħu, Eddie: My Journey, mill-intervisti ta' Steve Mallia ma' Fenech Adami.
Fl-2015, Eddie Fenech Adami iddaħħal l-isptar b'uġigħ f'sidru. Snin qabel kien għamel interventi f'qalbu.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Archive copy". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-04-21. Miġbur 2009-01-13.Manutenzjoni CS1: kopja arkivjata bħala titlu (link)
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]- Profil fuq president.gov.mt
Predeċessur Ġorġ Borg Olivier |
Kap tal-Partit Nazzjonalista 1977-2004 |
Suċċessur |
Predeċessur Karmenu Mifsud Bonnici |
Prim Ministru ta' Malta 1987–1996 |
Suċċessur |
Predeċessur Alfred Sant |
Prim Ministru ta' Malta 1998–2004 |
Suċċessur |
Predeċessur Guido de Marco |
President ta' Malta 2004–2009 |
Suċċessur |