Aqbeż għall-kontentut

Louis Grech

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Louis Grech
Ministru tal-Affarijiet Barranin

13 Marzu 2013 - 5 Ġunju 2017 - Helena Dalli
Deputat Prim Ministru ta' Malta

13 Marzu 2013 - 5 Ġunju 2017
Tonio Borg - Chris Fearne
Membru tal-Parlament Ewropew

14 Lulju 2009 - 12 Marzu 2013
District: Malta
Election: Elezzjonijiet Ewropej 2009
Membru tal-Parlament Ewropew

20 Lulju 2004 - 13 Lulju 2009
District: Malta
Election: Elezzjoni għall-Parlament Ewropew 2004
Ħajja
Twelid Ħamrun, 22 Marzu 1947 (77 sena)
Nazzjonalità Malta
Edukazzjoni
Alma mater Balliol College (en) Translate
Lingwi Malti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
Post tax-xogħol Strasburgu
Brussell
Premjijiet
List

Louis Grech huwa Konsulent tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Huwa kien Deputat Priministru u Ministru għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea fil-Gvern Laburista li tela' fl-Elezzjonijiet Ġenerali 2013. Huwa kien ukoll d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista sal-2017. Sa Marzu 2013 huwa kien wieħed mill-erba' membri tal-Parlament Ewropew li rrappreżentaw lil Malta f'isem il-Partit Laburista, bħala parti mis-Soċjalisti Ewropej, u kien l-iktar wieħed li ġab voti. Hu kien ukoll iċ-Chairman tal-Air Malta.

Louis Grech twieled il-Ħamrun fit-22 ta’ Marzu 1947.

Studji u Sport

[immodifika | immodifika s-sors]

Studja l-Liċeo u ggradwa mill-Università ta’ Malta f’B.A. (Econ). Hu kien magħżul għal Rhodes Scholar u kien aċċettat fil-Kulleġġ ta’ Balliol, Oxford, fejn kiseb B.A. u M.A.

Huwa rrappreżenta lil Malta fil-qasam tal-atletika fil-Mediterranean Games tal-1967. Iktar tard serva wkoll bħala President Onorarju tal-Malta Athletics Association.

Fl-1973, Grech kien wieħed mill-pijunieri li waqqfu l-Air Malta u kien wieħed mill-istrateġisti ewlenin f’din il-kumpanija. Sa minn meta twaqqfet l-Air Malta fl-1973, Grech kien parti mit-tim ta’ tmexxija u inħatar CEO fl-1985 u Chairman Eżekuttiv fl-1997.

Taħt it-tmexxija tiegħu l-linja tal-ajru iddiversifikat fi Grupp ta’ Kumpaniji formidabbli. F’dak iż-żmien, l-Air Malta kienet il-pedament tal-industrija tat-turiżmu u kienet tagħti kontribuzzjoni sinifikanti lill-GDP. Grech mexxa lill-Grupp fi żminijiet diffiċli għall-istorja tal-avjazzjoni fosthom minħabba l-konsegwenza tal-11 ta’ Settembru. Grech kien ukoll dak li ħa ħsieb iħajjar lill-Lufthansa Technik topera f’Malta, biex b’hekk saret il-bażi tal-industrija tal-aircraft maintenance.

Grech serva wkoll bħala Direttur ta’ diversi kumpaniji, fosthom tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, tal-Bank of Valletta, tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u tal-Middle Sea Insurance.Grech rebaħ il-premju “Tourism Personality of the Year” fl-2002.

Grech kien elett ghall-ewwel darba fil-Parlament Ewropew f'isem il-Partit Laburista fl-2004 u kien ri-elett fl-2009. Jagħmel parti mill-Eżekuttiv Nazzjonali tal-PL u hu wkoll membru tal-Grupp Parlamentari Laburista. Fil-Parlament Ewropew (2004-2009), hu serva bħala Viċi chairman fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monitarji; membru tal-Kumitat dwar il-Baġits; membru tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali; membru tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja u membru tal-Assemblea Parlamentari magħmula mill-ACP-EU. Fl-2006, Grech kien appuntat rapporteur fuq il-Kumitat tal-Baġits u kien responsabbli mit-tfassil tal-Baġit tal-EU tal-2007.

Peress li mill-2009 huwa l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew, jagħmel parti mill-Extended Bureau tal-S & D Group u jservi bħala Viċi chairman fil-Kumitat għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur. Grech huwa wkoll membru ta’ diversi kumitati u delegazzjonijiet, inklużi l-Kumitat dwar il-Baġits; l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja u parti mid-delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Albanija, tas-Serbja, il-Montenegro, il-Kosovo u l-Bosnia Herzegovina. Fl-2009, kien appuntat rapporteur fil-Kumitat għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u kien responsabbli mit-tfassil tar-rapport importanti dwar Suq Wieħed.

Grech kien mogħti l-premju “Best Maltese MEP” fl-2006.

Deputat Mexxej tal-Partit u Deputat Priministru

[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar il-21 ta' Diċembru 2012, Louis Grech tefa' n-nomina għall-kariga ta’ deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista, wara r-riżenja sorpriża ta' Anġlu Farrugia. Hu kien l-uniku wieħed li ġie nnominat.

Nhar it-13 ta' Marzu 2013 huwa nħatar Deputat Priministru u Ministru għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea fil-Gvern Laburista li tela' fl-Elezzjonijiet Ġenerali 2013 li saru ħamest ijiem qabel.

Fl-Elezzjoni Ġeneral tal-2013, Grech kien elett fuq żewġ distretti u inħatar Deputat Prim Ministru kif ukoll Leader of the House. Taħt il-ġestjoni tiegħu twettaq iżjed minn 90% talManifest Elettorali. Grech mexxa wkoll il-ko-ordinazzjoni tal-ewwel Presidenza Maltija talKunsill Ewropew. Matul il-leġislatura, kien involut ħafna fil-preparazzjoni tal-baġits annwali, strateġiji tal-Gvern u inizjattivi oħra marbuta mas-setturi ekonomiċi u finanzjarji kif ukoll biex jiġu indirizzati linġustizzji soċjali . Uħud mill-kisbiet ewlenin tiegħu kienu t-twaqqif tan-National Development and Social Fund u x-xogħol preparatorju biex jitwaqqaf in-National Development Bank minbarra t-tisħiħ tal-Awtonomija Parlamentari u l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Huwa ma kkontestax l-Elezzjonijiet Ġenerali 2017 għal raġunijiet personali imma l-Prim Ministru għażlu bħala Konsulent tiegħu.

Huwa sar Kumpann fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu tar-Repubblika ta' Malta nhar it-13 ta' Diċembru 2017.

Ħajja Privata

[immodifika | immodifika s-sors]

Grech għandu 3 ulied: Xandru, Francesca u Louisa miż-żwieġ tiegħu mal-poetessa Maria Grech Ganado.

Predeċessur
Tonio Borg
Deputat Prim Ministru ta' Malta
2013-

Suċċessur
Chris Fearne

Predeċessur
Anġlu Farrugia
Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Parlament
2013-

Suċċessur
Chris Fearne