Pietru Pawl Saydon

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Pietru Pawl Saydon, bil-korteżija tal-Akkademja tal-Malti
Pietru Pawl Saydon
Ħajja
Twelid 1897
Mewt 1971
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Malta
Lingwi Malti
Ingliż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kittieb
akkademiku
saċerdot
traduttur

Il-Professur Pietru Pawl Saydon (24 ta' Lulju 1895 - 22 ta' Marzu, 1971), kien saċerdot Kattoliku u studjuż kbir tal-ilsien Malti, tal-ilsna semitiċi u tal-Bibbja. Għamel żmien President tal-Għaqda tal-Malti fl-Università ta' Malta. Jibqa' magħruf l-iktar għall-kontribut kbir li ta lill-ilsien Malti meta qaleb waħdu l-Bibbja mill-Ebrajk għall-Malti.

Bidu[immodifika | immodifika s-sors]

Imwieled iż-Żurrieq fl-24 ta' Lulju, 1895, Pietru Pawl Saydon ħa l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja tar-raħal, u minn hemm għadda għas-Seminarju. Fl-1912 beda l-kors preparatorju tal-Letteratura fl-Università u ta' għoxrin sena kiseb il-B.Litt. Fl-1919 iggradwa fil-Liġi Kanonika u d-Dottorat fit-Teoloġija. Billi ġie l-ewwel wieħed fl-eżamijiet u għadda lill-istudenti tal-fakultajiet kollha, ingħata borża ta' studju mill-Gvern biex seta' jissokta l-istudji tiegħu barra minn Malta. Fl-istess sena ġie ordnat saċerdot u s-sena ta' wara telaq lejn Ruma l-Istituto Biblico minn fejn fl-1923 kiseb il-Liċenzjat fl-Iskrittura Mqaddsa.

It-Traduzzjoni tal-Bibbja[immodifika | immodifika s-sors]

 Kotra kbira ta' ħuti l-Maltin ma jafux jaqraw ħlief bi lsienhom, u qatt u qatt ma ħassew f'qalbhom il-ħlewwa li jisimgħu fi lsienhom il-kelma t'Alla hekk kif ħarġet minn fommu mijiet u eluf ta' snin ilu. Għalihom l-ewwel ma ħsibt fix-xogħol tiegħi. Iżda barra minn dawn, jien ħaddant fil-ħsieb tiegħi il-Maltin kollha, li jħobbu u jgħożżu lsienhom. 

Hekk kiteb Saydon fil-Kelmtejn Qabel għall-Ktieb tal-Ġenesi, l-ewwel ktieb tal-Bibbja li qaleb għall-Malti fl-1929. Il-Professur Pietru Pawl Saydon għamel "miraklu" meta rnexxielu jittraduċi l-Iskrittura sħiħa waħdu mill-oriġinal, xogħol li kull meta sar, dejjem sar f'tim magħmul minn diversi studjużi. Din it-traduzzjoni swiet lil Saydon tletin sena sħaħ ta' ħidma u dedikazzjoni, bejn l-1929 u l-1959, traduzzjoni li warajha Saydon tilef għaqlu u li għaliha huwa ddedika r-riżorsi tiegħu kollha, kemm intellettwali kif ukoll finanzjarji, billi ħareġ minn butu l-ispejjeż kollha tal-pubblikazzjoni.

Bħala Professur tal-Iskrittura fl-Università ta' Malta, Saydon ħa sehem attiv f'diversi kungressi internazzjonali, li laqqgħuh ma' studjużi Bibliċi ta' fama mondjali, Kattoliċiżmu, Protestantiżmu u Lhud. Bejn l-1932 u l-1962 attenda mhux inqas minn sbatax-il kungress Bibliku fl-aqwa universitajiet: Ruma (1932); Brussell (1938); Pariġi (1948); Ruma u Norfolk (1952); Kopenħagen (1953); Cambridge u Louvain (1954); Birmingham (1955); Strasburgu (1956); Munich (1957); Brussell (1958); Louvain u Oxford (1959); Dublin (1961). Kien il-fundatur tal-"Għaqda Biblika Maltija", membru tal-International Association for the Study of the Old Testament u membru tas-Society of Biblical Literature tal-Istati Uniti tal-Amerika, fost l-oħrajn. Saydon ikkumenta sitt kotba tat-Testment il-Qadim f'kummentarju ċelebri taħt l-awspiċi tal-Knisja Kattolika Ingliża. Dan il-Catholic Commentary on Holy Scripture ġie ppubblikat f'Londra u Edinburgu fl-1953.

Diżappunti[immodifika | immodifika s-sors]

Minkejja li Saydon kien l-uniku wieħed kwalifikat għall-kattedra tal-Iskrittura Mqaddsa fl-Università, fl-1924 inħatar ħaddieħor minfloku. Ir-Rettur tal-Università għażel lill-Patri Ugo Callus, studjuż għaref tal-filosofija iżda mhux tal-Bibbja. Għal Saydon kienet "l-akbar weġgħa li minnha ma kelli nistejqer qatt". Iżda x-xewqa ġusta ta' Saydon inqatgħet seba' snin wara, meta fl-1931 Callus telaq lejn Oxford. Il-kattedra żvojtat u Saydon inħatar minfloku. Hekk fl-1931, meta Saydon kien għad kellu biss 36 sena, inħatar Professur tal-Iskrittura Mqaddsa, tal-Lhudi u l-Grieg Bibliku fl-Università ta' Malta, u baqa’ f’din il-kariga għal 33 sena sakemm irtira bl-età fl-1964.Ma kinitx l-unika okkażjoni fejn Saydon inqabeż minn min kien jaf inqas minnu. Meta kkonkorra għal-Lettorat tal-Kapitlu tal-Kattidral, l-għażla kienet diġà saret minn qabel għal Dun Nerik Dandria li qatt ma studja l-Iskrittura iżda li kellu forza politika timbuttah.

L-awtoritajiet ekkleżjastiċi Maltin damu ħafna biex għarfu l-merti ta' Saydon minkejja li fl-1946 ingħata t-titlu ta' monsinjur u ġie offrut kanonikat il-Katidral. Saydon ma aċċettax dan il-kanonikat għax fi kliemu "xogħli hu l-istudju u mhux id-dmirijiet marbutin ma' xi postijiet għolja fil-Knisja". Il-Professur Saydon qatt ma ġera wara unuri iżda bħal kulħadd fil-qalba ta' qalbu dejjem stenna r-rikonoxximent xieraq għall-ħidma tiegħu. Hekk kiteb f'"Il-Malti" tal-1953:

 L-unuri qatt ma fittixthom, u għalhekk jekk id-dinja żżommni bi dħuli jew żorr xejn ma jolqotni. Ħaġa wahda tolqotni fil-laħam il-ħaj, il-kelma tiegħi fuq ħwejjeg ta' tagħlim qatt ma kienet mismugħa... U dan għalija kien u għadu telf kbir. Jirbaħ mhux min għandu raġun, imma min għandu l-aħjar armi, u l-armi li bihom tiġġieled id-dinja mhumiex f'idejja. 

Dawk il-Maltin li għexu s-snin sittin jassoċjaw bla ma jridu lil Saydon mal-Kwistjoni Politiko-Reliġjuza bejn il-Knisja u l-Partit Laburista. Għal ħafna il-Professur Saydon huwa iktar figura kontroversjali milli studjuż kbir u traduttur tal-Bibbja. Nhar is-26 ta' Marzu 1966, fl-ewwel jum tal-votazzjoni tal-Elezzjoni Ġenerali tal-1966, Saydon f'intervista ma' L-Orizzont, kien qal li "fil-Pastorali dwar l-elezzjonijiet mhemm l-ebda dnub imsemmi u għalhekk min jivvota Labour ma jagħmilx dnub. Kulħadd għandu jivvota skond kif tgħidlu l-kuxjenza."

Fl-istess jum, l-Arċisqof Mikiel Gonzi issospenda lil Saydon mid-dmirijiet saċerdotali. F'dan iż-żmien Saydon ġie mgħajjar miġnun, skumnikat u xiżmatiku, u sofra ħafna anke minn nies li ħlief ġid ma kienx għamel magħhom. Ġieli tbiegħed minn Malta biex jeħles mill-azzjonijiet ħżiena li spiss kienu jsirulu minn xi wħud. Iżda Saydon ma kienx bniedem tal-politika. Dawn kienu biss inċidenti marġinali fil-ħajja tiegħu, minkejja li sfortunatament xi nies għadhom jiftakruh biss għalhekk.

Ħidma b'risq l-Ilsien Malti[immodifika | immodifika s-sors]

It-33 sena li għamel fil-kariga ta' Professur kienu snin ta' ħidma sfiqa u bla waqfien b'riżq it-tagħlim u r-riċerka. Mal-istudenti kien imur tajjeb. Professur żagħżugħ, xejn imkabbar, ma setax ma jisraqx il-qalb tal-istudenti żgħażagħ, li dlonk inġibdu lejh u ħabbewh.

 Ħabbejt it-tagħlim u ħabbejt l-istudenti. L-istudju għalija qatt ma kien tarġa biex nogħla aktar u anqas xogħol ta' qligħ ta' flus, imma l-missjoni ta' ħajti. 

Il-ħbiberija sinċiera bejn Saydon u l-istudenti ma kinitx biss fil-klassijiet tal-Università. Kemm-il darba stedinhom biex iqattgħu ġurnata għandu fid-dar ta' villeġġatura li kellu f'Bengħajsa.

L-interess ta' Saydon fil-Malti beda meta ntlaqat mix-xebh bejn il-Malti u l-Lhudi. Kien konvint li:

 mingħajr id-dawl tal-ilsna semin (semitiċi) qatt ma jista' jkun li naslu biex nagħrfu xi ħajja dwar il-Malti, fuq in-nisel tiegħu, fuq il-ħajja tiegħu, fuq il-bixra tiegħu li tagħżlu minn kull ilsien ieħor. 

Fiż-żmien tad-diżappunt li kellu wara li wasal mill-istudji tiegħu f'Ruma ma ntgħażilx professur tal-Iskrittura fl-Università ta' Malta, sab żvog fil-kontribut kbir li ta lill-Għaqda tal-Malti (Università), li kienet għadha kif twaqqfet miż-żewġ tobba-poeti Rużar Briffa u Ġużè Bonnici. Meta Briffa rriżenja minħabba l-istudji tiegħu barra l-pajjiż, Saydon intgħażel President tal-Għaqda. Kien żmien il-Kwistjoni tal-Lingwa. Fl-1932, il-Gvern ipprova jerġa' jdaħħal it-Taljan u ordna li l-Malti kellu jinkiteb u jkun mgħallem b'mod li seta' jkun ta' għajnuna għat-Taljan. Saydon, f'isem l-Għaqda tal-Malti (Università) bagħat ittra ta' protesta lill-ministru tal-edukazzjoni Nerik Mizzi. L-Għaqda ma tħallietx aktar tagħmel il-laqgħat tagħha fl-Università bl-iskuża li kienet motivata politikament iżda sena wara ngħatat raġun u fil-21 ta' Novembru 1933 reġgħet bdiet tiltaqa' fil-bini tal-Università.

Kitbiet oħra[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1936, Saydon flimkien mal-Prof Ġużè Aquilina (1911-1997) ippubblika "Ward ta' Qari Malti", antoloġija tal-aqwa xogħlijiet ta' proża u poeżija fil-Malti.

Bħala kittieb letterarju, Saydon għandu wkoll l-importanza tiegħu. Huwa kiteb numru ta' novelli mill-aqwa fosthom Ġmajru u l-Karozzi, L-Istedina tas-Sinjura Betta, Bejn l-Erba' Ħitan tad-Dar, u esejs bħal Fuq il-Monti, Tieġ f'Raħal u Fil-Ħemda tal-Lejl.

 In-novelli tiegħu jixhdu stil narrattiv mill-aqwa, b'dik il-kelma magħzula u minġura bis-sengħa, u jħabbtuha ma' dawk ta' Temi Zammit, mibnijin kif inhuma fuq sfond karatteristiku rurali Malti. 

Il-Prof Karm Sant jistqarr li "dak li għamel Dun Karm (Psaila) fil-qasam tal-poeżija, għamlu Saydon fil-qasam tal-proża".

Saydon kien devot kbir tal-qaddisa patruna taż-Żurrieq Santa Katerina u kiteb id-dramm reliġjuż fi tliet atti "Santa Katarina".

Fit-12 ta’ Novembru 1966, l-Università Rjali ta’ Malta tatu d-Dottorat tal-Letteratura Honoris Causa bħala għarfien tax-xogħlijiet kbar tiegħu.

Saċerdot[immodifika | immodifika s-sors]

Il-ħidma pastorali ta' Saydon ma kinitx tagħti fil-għajn izda kienet ta' fejda għan-nies ta' Bengħisa, ħafna minnhom bdiewa. Kien iqaddsilhom fl-4.30 a.m., iqarar u spiss iżur il-morda fi djarhom. Saydon dejjem ħabb il-ħajja sempliċi u l-kumpanija ta' rjus kbar u mkabbrin b'għerfhom dejjem stmerrha. Laqgħat soċjali kien jaħrabhom, iżda l-hena tiegħu kienet meta kien isib ruhu mdawwar mill-istudenti tiegħu, jifraħ u jiċċajta magħhom, jew mat-tfal u l-membri tal-MUSEUM. Ta' sikwit kien imur jgħallem it-tfal tal-MUSEUM taż-Żurrieq u kemm il-darba għen lill-Museum finanzjarjament. Saydon kellu ammirazzjoni kbira għall-fundatur ta' din is-Soċjetà. F'dan is-saċerdot twajjeb u qaddis, li kien l-uniku wiehed li għenu biex ibigħ it-traduzzjoni tiegħu tal-Bibbja, Saydon kien jara ċerta sempliċità, l-aktar fi kliemu.

 Ma kienx iħabbat rasu bix-xejxi tal-kliem; l-aqwa li l-poplu jifhem, u għalhekk lanqas ma kien jintilef fil-għoli tal-għerf tat-teoloġija fejn il-poplu ma jistax jasal... Il-prietki ta' Dun Ġorġ ma kinux priedki tal-kotba, imma priedki ħerġin mill-qalb, frott tal-persważjoni qawwija ta' dak li jkun qiegħed igħid... 

Fl-1946 il-Papa Piju XII għamlu Cameriere Secreto bit-titlu ta’ Monsinjur.

Saydon ħalla d-drittijiet kollha tal-istampa tat-traduzzjoni tiegħu tal-Iskrittura lis-Soċjetà tal-MUSEUM li fl-1977 ħarġet l-ewwel volum tat-Testment il-Qadim tal-Bibbja Saydon. It-tieni u t-tielet volum ħarġu fl-1982 u fl-1990. Fl-1995 reġgħet ippubblikat it-tieni edizzjoni tal-Iskrittura kif maqluba minn Saydon bin-noti riveduti ta' Dun Karm Sant.

Mewt[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1965 Saydon tah attakk ta' puplesija. Fl-aħħar snin ta' ħajtu kien darbtejn rikoverat fl-Isptar ta' Ħ'Attard. Il-Prof. Pietru Pawl Saydon miet fid-dar tiegħu ż-Żurrieq, raħal twelidu, nhar it-22 ta' Marzu 1971 fl-għomor ta' 75 sena. Huwa twieled, għex u miet fir-raħal taż-Żurrieq.

Wara mewtu ġie mfakkar billi ssemmew skola sekondarja u triq għalih f'raħal twelidu. Inkixef ukoll monument f'ġieħu fl-okkażjoni taċ-ċentinarju mit-twelid tiegħu fit-12 ta' Novembru, 1995 quddiem l-iskola sekondarja taż-Żurrieq. Hemm monument ieħor tiegħu fil-Junior College tal-Imsida. Wieħed mit-teatri ewlenin tal-Università huwa wkoll msemmi għalih.

Ara wkoll[immodifika | immodifika s-sors]

  • Bezzina, Caramel (2006). "Saydon. il biblista u Studju tal-Malti", Publikazzjoni Preca, Malta

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]